LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

 

 

Home

Librerija

Forum

Arkivju

Links

Ikkuntatjana

 

 

     

Iċ-Ċelebrazzjoni f’Malta 2012    

  Malta u l-Benedittini Ir-Regola ta' San Benedittu Regola għall-Oblati

Min kien San Benedittu ?

San Benedittu twieled f’Norcia, l-Italja, fis-sena 480, minn familja sinjura ħafna, u aktarx li kien tewmi ma’ oħtu, Santa Skolastika.

Huwa mar jistudja f’Ruma, iżda meta ra l-ħajja ħażina ma’ dwaru ħalla kollox u mar jgħix waħdu fuq l-għoljiet ta’ Sabina, xi 65 km bogħod minn Ruma. Hawn iltaqa’ ma’ Romano, patri, li kien jgħix f’għar f’Subiaco, f’ħajja ta’ ġabra u talb. Biż-żmien xi rġiel u żgħażagħ bdew imorru jingħaqdu miegħu, u n-numru tagħhom baqa’ jikber kontinwament tant li sas-sena 525 kien ġa waqqaf tnax-il monasteru f’dawk l-inħawi.

Fis-sena 529 mar fuq Monte Cassino, bejn Napli u Ruma. Hawhekk ukoll ħafna marru jingħaqdu miegħu. Fis-sena 530 waqqaf il-magħruf monasteru ta’ Monte Cassino.

Miet fl-eta’ ta’ 67 sena f’Monte Cassino u difnuh fil-qabar ma’ oħtu Santa Skolastika li kienet mietet xi 40 jum qabel.

Ir-regola li kiteb għal dawk imsieħba miegħu kienet mibnija fuq talb, studju u xogħol, swiet ta’ ġid enormi mhux biss għall-monaċi iżda għall Ewropa kollha. Il-monastiċiżmu ta’ San Benedittu ta’ monaċi li għenu bis-sħiħ biex inbniet Ewropa ċċivilizzata u nisranija, billi bnew uħud mill-isbaħ knejjes fl-Ewropa, fetħu ħafna skejjel, għallmu lill-bdiewa jħaddmu l-art, għallmu s-snajja’, ippreservaw ħafna mill-kitbiet klassiċi Griegi u Rumani, ġabu progress kbir fix-xjenza, fl-arti u fl-agrikultura. Fuq kollox l-Ordni tiegħu ta lill-Knisja 24 Papa, 4,600 isqof, u aktar minn 5,000 qaddis.

Meta l-Papa preżenti, fil-bidu tal-pontifikat tiegħu ħa l-isem ta’ Benedittu XVI, huwa kien qal, “Niftakar f’San Benedittu ta’ Nursia, patrun tal-Ewropa li fil-ħajja qaddisa tiegħu seddaq il-fondazzjonijiet tal-Kristjaneżmu fl-Ewropa. Nitolbu biex jgħinna biex inżommu ma’ Kristu fil-ħajja tagħna u biex dejjem nagħtuh l-ewwel post fil-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna.”


Minn Siti Oħra

The Order of St Benedict, Oblates: An Introduction ...>

Oblates, News and Resources ...>

World Community for Christian Meditaion ...>

International Benedictine Oblates ...>

Terra Sancti Benedicti ...>

 

IL-FJAKKOLA BENEDITTINA GĦALL-PAĊI SE TKUN MALTA

Il-Ħadd, 4 ta’ Marzu 2012, fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann, Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona OP se jixgħel il-Fjakkola Benedittina għal-Paċi biex wara din tmur fil-Vatikan fejn fl-14 ta’ Marzu titbierek mill-Papa Benedittu XVI.  Wara il-fjakkola titieħed f’Montecassino fejn fl-20 ta’ Marzu titqiegħed fuq il-qabar ta’ San Benedittu. Preżenti għaċ-ċelebrazzjoni li ser issir f’San Ġwann, se jkun hemm ukoll l-Abbati tal-Monasteru ta’ Montecassino Pietro Vittorelli, l-Abbati tal-Abazija ta’ Subiaco Mauro Meacci u l-Arċisqof ta’ Spoleto – Norcia Monsinjur Renato Boccardo.

Fil-15 ta’ Frar 1944, il-Monasteru ta’ Montecassino, li oriġinalment kien imwaqqaf minn San Benedittu nnifsu fis-sitt seklu, inqered kompletament f’bumbardament mill-ajru tal-Forzi Allejati. Fl-attakk tilfu ħajjithom madwar erba’ mitt persuna mill-inħawi li kienu fittxew kenn f’dan il-post dedikat għall-paċi.  Meta l-monaċi benedettini marru lura lejn il-monasteru, kull ma sabu kien biss ħerba.

Matul is-snin  ta’ bejn l-1950 u l-1954, b’ħafna kuraġġ u fiduċja f’Alla, huma reġgħu irrestawraw il-monasteru għal dik il-glorja u ġmiel li kellu qabel biex illum il-monasteru huwa xhieda ħajja ta’ San Benedittu u tal-wirt li dan il-qaddis ħalla lill-Kristjaneżmu.  Fl-1964, meta l-Papa Pawlu VI ipproklama lil San Benedittu bħala l-Qaddis Patrun tal-Ewropa, beda jsir pelegrinaġġ annwali simbolizzat fil-Fjakkola Benedittina. 

Is-sena li għaddiet il-pellegrinaġġ mar fil-belt kapitali Ingliża, Londra. Fl-201 kien f’Cologne fil-Ġermanja u qabel dan il-Fjakkola ta’ San Benedittu wasslet il-messaġġ tal-paċi fil-belt ta’ New York, fl-Istati Uniti, il-post fejn kien seħħ l-attakk terroristiku tal-11 ta’ Settembru 2001.

Din is-sena il-Fjakkola Benedittina se tinxtgħel Malta.

Ara l-Omelija ta' Mons Arcisqof Pawlu Cremona fiċ-ċelebrazzjoni li saret fil-Kon Katidral ta’San Ġwann ... >

Ara l-verżjoni tal-Omelija bit-Taljan ...>

Ara ritratti ...>


Il-Benedittini f'Malta. Kitba ta' Joseph Flask

Għalkemm wieħed ma jistax  jitkellem fuq “tradizzjoni” Benedittina, Malta wkoll kellha forom ta’ Monakiżmu rudimentali marbut essenzjalment mal-bidu tal-preżenza nisranija fil-gżira. Siti arkejoloġiċi: Abbazija tad-Dejr, il-Knisja ta’ San Ċir, il-fdalijiet Paleo-Kristjani f’Tas-Silġ u oħrajn jixhdu dan. ... >


Ir-Regola ta' San Benedittu

Miktuba aktar minn elf u erba' mitt sena ilu, ir-Regola ta’ San Benedittu għadha titqies bħala waħda ta’ interess għall-insara kollha.  Fiha diversi prinċipji li jistgħu jitħaddmu mhux biss fil-monasteru imma wkoll mill-insara kollha, kemm jekk individwi jew familji, kemm jekk fl-għaqdiet jew fil-parroċċi.

Ibbażata fuq l-umiltà, is-silenzju u t-talb, ir-Regola Benedittina għaddiet mill-isfida taż-żmien u llum għadha tkun ta’ għajnuna kbira għall-ħafna persuni li jkunu jridu jfittxu lil Alla.

Ara, "Ir-Regola ta' San Benedittu" ...>

Ara wkoll, "Ir-Regola ta’ S. Benedittu kif applikata għal-lajċi", kitba ta' Maria Theresa Portelli ...>


L-Oblati ta' San Benedittu

L-Oblati ta’ San Benedittu huma individwi jew familji nsara li jassoċjaw ruħhom ma’ xi komunità benedittina ħalli filwaqt li jomplu jgħixu l-ħajja tagħhom fis-soċjetà, jkunu jistgħu jimxu ‘l quddiem fl-ispiritwalità nisranija kif murija mill-prinċipji tar-regola ta’ San Benedittu.

Wara żmien ta’ tħejjia, huma jagħmlu l-oblazzjoni (offerta jew wegħda) u hekk isiru Oblati ta’ San Benedittu.  Huma jwegħdu li jgħixu ħajjithom mat-tagħlim tal-Evanġelju kif rifless mir-Regola ta’ San Benedittu.  B’hekk huma jħaddmu it-tagħlim tar-regola fil-ħajja tagħhom fid-dinja, fil-familja, fuq il-post tax-xogħol u fil-ħajja ċivili u soċjali tagħhom. 

Imxenqin għal ħajja ta’ talb u umiltà huma jixxenqu kemm jistgħu għas-silenzju u jippruvaw li ħajjithom tkun mibnja fuq il-Kelma ta’ Alla u l-Liturġija.  Għalhekk huwa importanti ħafna li l-Oblat jippratika il-Lectio Divina, jieħu sehem regolari fl-Ewkaristija u jitlob (anke jekk waħdu jew fil-familja) fil-Liturġija tas-Sigħat li ssieħbu b’mod aktar sħiħ fit-talba universali tal-Knisja.

Il-Mixja tal-Fjakkola Benedittina

1980 Belt tal-Vatikan

1984 Belt tal-Vatikan

1988 Strasburgu (Franza)

1989 Berlin (Ġermanja)

1990 Praga (RepubbliKa Ċeka)

1991 Budapest (Ungerija)

1992 Varsavja (Polonja)

1993 Montecassino (Italja)

1994 Londra (Ingilterra)

1995 Madrid (Spanja)

1996 Brusell (Belġju)

1997 Lisbona (Portugall)

1998 Vjenna (Awstrija)

1999 Skopje (Maċedonja)

2000 Belt tal-Vatikan

2001 Foġġja – (Italja)

2002 New York - (Stati Unit)

2003 New Norcia (Awstralja)

2004 Ġerusalemm (Art Imqaddsa)

2005 Brussell– Mosca (Russja)

2006 Leno – Tblisi (Georgia)

2007 Subiaco – Bukarest (Rumanija)

2008 Grottaferrata (Italja)

2009 Strasburgu – Belt tal-Vatikan

2010 Cologne – Stati Unit tal-Amerka)

2011 Londra (Ingilterra)

2012 Valletta (Malta)


Kor tal-Monasteru San Pietru.

minn Peter Paul Ciantar

Il-mara u jien, flimkien ma’ grupp żgħir ta’ koppji oħra, niltaqgħu flimkien kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija, biex  nagħmlu siegħa ta’ talb permezz tal-kant, kant l-aktar Gregorjan, fis-skiet tal-Monasteru San Pietru tas-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura fl-Imdina’. ...>

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                      http://www.laikos.org