LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

 

 

Home

Librerija

Forum

Arkivju

Links

Ikkuntatjana

 

 

     

Fjakkola Benedittina Ir-Regola ta' San Benedittu Regola għall-Oblati    

MALTA U L-BENEDITTINI

Ħjiel fil-qosor ħafna minn Joseph Flask

 

Daħla

Għalkemm wieħed ma jistax  jitkellem fuq “tradizzjoni” Benedittina, Malta wkoll kellha forom ta’ Monakiżmu rudimentali marbut essenzjalment mal-bidu tal-preżenza nisranija fil-gżira. Siti arkejoloġiċi: Abbazija tad-Dejr, il-Knisja ta’ San Ċir, il-fdalijiet Paleo-Kristjani f’Tas-Silġ u oħrajn jixhdu dan. Mons. Ġużeppi Lupi (Il rito Greco  a Malta, f’Italia Sacra, 1973) jsostni li fis-seklu IV meta l-Imperu Ruman inqasam fi tnejn, Malta, saret parti mill-Imperu Biżantin, iż-żmien meta fi Sqallija il-Monasteri Bażiljani kienu numerużi. Mons.Lupi ma jeskludix li uħud minn dawn il-Monaċi, minħabba fid-distanza qasira setgħu faċilment qasmu l-baħar u stabbilixxew ruħhom f’Malta. Skont  il-Profs. Mario Buhagiar (Christian Catacombs, Cult Centres and Churches in Malta to 1530, 1993 - Teżi għal Ph.D. mill-Università ta’ Londra): “...Monaċi Bażiljani tar-Rit Grieg, kienu jieħdu ħsieb l-interessi spiritwali tal-bdiewa Maltin li kienu jaħdmu u jgħixu fl-għelieqi tagħhom”.

F’nofs is-snin ’60, f’isem il-Missjoni Arkejoloġika Taljana f’Malta, M.Cagiano de Azevedo(Campagna di scavi-1966, 1967) għamel sejba importanti f’Tas-Silġ, limiti ta’ Marsaxlokk, u kixef il-fdalijiet ta’ Bażilka Paleokristjana bi tliet navati flimkien mal-Battisteru. Waqt Simpożju Internazzjonali f’Malta fl-1994,  il-Profs. Mons.Vincent Borg (Christian Heritage and Malta Stone, f’Cathedral and Diocesan Museums, 1995) sejjaħ dak li kien instab f’Tas-Silġ:  “sejba monumentali għax huwa l-uniku post għall-kult Paleokristjan li qatt inbena fil-beraħ f’Malta”.

Iktar importanti, imma, huwa żied jgħid li wara studju attent, l-istess post,  joffri evidenza ċara li sa mill-bidu tas-seklu VI, kien hemm  forma ta’ ħajja monastika fjorenti, li ma teskludix forom oħrajn monastiċi qabilha.

 Interessanti li Cagiano de Azevedo, waqt il-kampanja tal-iskavi(1965,1966,1967) immexxija minnu, kien diġà aċċenna għall-“żvilupp ta’ kumpless Monastiku fl-inħawi sa mis-seklu V” (M.Cagiano de Azevedo, l-istess).

Ħassejt li din id-daħla kienet iktar milli importanti għaliex sas-seklu V, imkien u, tant anqas f’Malta, ma kienu jeżistu Monaċi Benedettini: kien hemm biss, Monaċi. Sas-seklu msemmi lanqas kienu jeżistu distinzjonijiet ċari bejn Monaċi tal-Punent jew tal-Lvant, u kien biss wara San Girgor il-Kbir, Papa u Duttur tal-Knisja, li bdiet issir differenza bejn Rit Latin jew Grieg.

Biex dak li jkun jifhem aħjar dak li se nikbu dwaru, ħa niftah qaws u nagħti ħjiel fuq fuq, dwar ħajjet San Benedittu u l-bidu tal-Ordni Benedittin.

 

San Benedittu

Huwa mpropju meta jingħad li San Benedittu waqqaf l-Ordni Benedittin, għaliex huwa kien wieħed mill-Monaċi li, bħal oħrajn qablu nieda Regola ta’ ħajja għalih u għal dawk li għażlu li jingħaqdu “fl-Iskola tas-servizz divin” mibdija minnu u filwaqt li jfittxu lil Alla, jimxu għalenija fuq it-triq li twassal għall-perfezzjoni. Bid-differenza minn ta’ qablu, San Benedittu għażel l-aqwa, fost l-erba’ tipi ta’ Monaċi, iċ-Ċenobiti li jagħżlu li jgħixu f’Monasteru, jaċċettaw li josservaw ir-Regola b’mod sħiħ u jkunu kompletament taħt it-tmexxija ta’ l-Abbati (hekk jissejjaħ is-Superjur ta’ Monasteru fl-Ordnijiet Monastiċi).

San Benedittu twieled f’Norcia, fir-Reġjun ta’ Umbria, fl-Italja tan-Nofs, fi-sena 480. Kien għadu adoloxxenti meta telaq lill-familtu u għax kien “...ta’ nisel nobbli, intbagħat Ruma biex jitħarreġ fil-għerf”. Ta’ 18–il sena, iżda, għalkemm “Ħieles li jgawdi dak li tagħti l-ħajja, ċaħad il-ġibdiet u l-frugħa kollha tad-dinja” iddeċieda li jmur jgħix għalih waħdu fil-kampanja fl-idwar ta’ Subiaco: “Ħalla dar missieru u ġidu kollu biex jogħġob biss lil Alla u fittex l-egħbusija tal-ħajja monastika”. San Benedittu “Minn ċkunitu kien misjur spiritwalment ... ma ħalliex jirbħuħ il-ħajriet tad-dinja” kien tassew “Bniedem ta’ ħajja qaddisa ... imbierek bil-grazzja u f’ismu” (is-siltiet ittieħdu mill-Antifoni tal-Għasar tas-Solennità ta’ San BenedittuRit Monastiku).

Wara ftit żmien jgħix ħajja ta’ eremita ġo għar, imnebbaħ minn Alla, wieġeb għas-sejħa ta’ xi Monaċi u ta’ xi żgħażagħ li talbuh biex jingħaqdu miegħu u jgħixu flimkien, taħt it-tmexxija ħajja ta’ talb u xogħol. Dan kien il-bidu tal-ewwel komunità monastika Benedittina li, f’qasir żmien tkattru bil-bosta. Minn Subiaco, San Benedittu, mar Montecassino fejn fis-sena 529 bena l-Arċiabbazija li sallum għadha meqjusa bħala s-simbolu tal-Monakiżmu tal-Punent (Penco, G., 1961, Storia del Monachesimo in Italia, v.I). Kien hawn li fil-bidu tas-seklu VI, fassal  ir-Regola Qaddisa li fuqha kellhom jimxu l-Monaċi li kienu għażlu li jimxu fuq il-passi tiegħu.

Ir-Regola minnufih bdiet tqabbad għeruqha, speċjalment fl-Italja. Fis-seklu VIII, b’saħħet l-Imperatur Karlu Manju, mhux biss infirxet fl-Ewropa, u kienet saret magħrufa mal-Punent Nisrani kollu, iżda sebqet kull Regola oħra qabilha. Għalhekk San Benedittu huwa meqjus minn kulħadd  “il-Missier Fundatur tal-Monaċi Benedittini” li minn dak iż-żmien sar magħruf  bħala l-Ordni Benedittin. Huwa wkoll l-esponent ewlieni tal-Monakiżmu tal-Punent u għalhekk fl-24 ta’ Ottubru 1964, is-Serv t’Alla Papa Pawlu VI iddikjarah Patrun Ewlieni tal-Ewropa. San Benedittu, sena ’l hawn sena ’l hemm, miet fis-sena 547, xahar eżatt wara l-mewt ta’ oħtu t-tewmija, Santa Skolastika, li bl-għajnuna ta’ ħuha nediet il-fergħa femminili, is-Sorijiet Benedittini, tal-Ordni Benedittin.

San Benedittu , minkejja li għex fl-hekk imsejjħa “żminijiet tad-dlam”, żminijiet mill-aktar imqanqla fl-istorja, ħalla sinjal qawwi dinji. L-ex Primat Kattoliku tar-Renju Unit u l-Arċisqof  ta’ Westminster il-Kardinal Basil Hume OSB (1923-1999), li kien ukoll Monaku u Abbati fl-Abbazija Benedittina ta’ Ampleforth f’kumment fuq il-kariżma Benedittin kiteb hekk: “San Benedittu, żgur qatt ma seta’ jimmaġina jew ibassar l-impatt tar-Regola Benedittina mhux biss fuq il-Knisja imma wkoll fuq id-dinja politika, soċjali u ekonomiku anki ta’ żmienna” (Hume, B., 1981, In Praise of St.Benedict). Wara l-mewt ta’ San Benedittu, il-Monaċi Benedittini komplew jibnu Monasteri fl-Italja u marru wkoll iwittu artijiet abbandunati,  jgħallmu s-snajja u jevanġeliżżaw lill-popli mal-Ewropa kollha, lejali lejn il-motto tagħhom  Ora Labor, Lectio et Lege. (Talb, Xogħol, Qari)

Min jixtieq isir jaf iktar fuq San Benedittu, is-Sorijiet Benedittini tal-Klawsura tal-Monasteru San Pietru-Mdina ippubblikaw il-ktieb: San Girgor il-Kbir, il-Ħajja u l-Għemil ta’ San Benedittu minn Norcia – it-Tieni Ktieb tad-Djalogi, maqlub għall-Malti ta’ Sergio Portelli – Illustrazzjonijiet oriġinali ta’ Susan Flask, Pubblikazzjonijiet Benedittini, 2010.

 

San Girgor il-Kbir, Papa

Madwar 50 sena wara l-mewt ta’ San Benedittu, l-ewwel Monaċi Benedittini ġew Malta fis-sena 599. Xhieda ta’ dan, tinsab fl-Epistolarju ta’ San Girgor il-Kbir Papa, għax tlieta mill-mijiet ta’ ittri li huwa kiteb, bagħathom lid-Djoċesi ta’ Malta (Gregorii S.Magni, papae, Opera Registrum Epistularum, Lib.II, 36; Lib.IX, 25; Lib.X, I). Fl-Ewwel waħda (Lulju 592 w.K.) iwissi serjament lill-Isqof ta’ Malta Luċillu. Fit-Tieni (Ottubru 598 w.K.)  jitlob ir-riżenja l-ewwel u wara jordna it-tneħħija ta’ l-istess Isqof li, apparti li kien ħati ta’ imġieba ħażina u taħwid fl-amministrazzjoni tal-ġid tal-Knisja Maltija, baqa’ jirrifjuta li jobdi u jimxi skont l-istruzzjonijiet mogħtija lilu minn Ruma. Fit-Tielet (Ottubru 599 w.K.), l-iktar waħda importanti għalina u strettament konnessa ma’ dak li qed niktbu dwaru, il-Papa, jgħarraf lil Romano – Defensor Siciliae, li persunalment huwa kien għadu kif  ħatar lill-Abbati Trajanu  bħala l-Isqof il-ġdid ta’ Malta minflok Luċillu. Trajanu  skont ma kiteb l-istess Papa, wasal Malta f’qasir żmien f’dik l-istess sena. Trajanu mill-Provinċja Valeria fir-Reġjun tal-Abruzzi – Italja, minħabba l-invażjonijiet tal-Barbari kellu jaħrab u bħal ħafna Monaċi oħrajn sab kenn fin-Nofs in-Nhar tal-Italja. Huwa flimkien ma’ wħud  mill-Monaċi tiegħu spiċċa fi Sqallija, fejn kien inħatar Abbati tal-Monasteru ewlieni Santa Luċija ta’ Sirakuża (dan kien inbena mill-istess Papa San Girgor il-Kbir). Meta sar jaf  bil-ħatra tiegħu, Trajanu, baxxa rasu u aċċetta, iżda, għalkemm bl-umiltà kollha, talab u ingħata mill-Papa San Girgor il-Kbir, li jieħu miegħu “...pro ejus solatio...” (mit-Tielet Ittra) erba’ jew ħames Monaċi biex filwaqt li jgħixu miegħu ‘ħajja flimkien’  jgħinuh fil-missjoni Pastorali tiegħu  f’Malta. Kif  tixhed l-awtentiċità ta’ din l-Ittra, ifisser ċar li, l-Monaċi baqgħu f’Malta għal xi żmien. Il-miġja tal-Isqof  Trajanu  kienet tassew ġrajja importanti għal Malta mhux biss mil-lat ta’ storja, għaliex, għalkemm Malta hija gżira żgħira, xorta waħda, San Girgor il-Kbir ried li, anki Malta, tkun parti sħiħa mir-riformi kbar imwettqa minnu dwar tiġdid fil-ħajja reliġjuża u nisranija fi ħdan il-Knisja Universali ta’ żmienu.

Għaddew 1400 sena, iżda f’pajjiżna, fl-1999 ma sar xejn biex jitfakkar, imqarr b’ċelebrazzjoni reliġjuża qasira, dan l-anniversarju li, fir-Renju Unit, tliet snin qabel tfakkar b’ċelebrazzjonijiet fuq skala nazzjonali. Prattikament, wara li l-ewwel Monaċi Benedittini imexxija minn S.Wistin ta’ Canterbury, fis-sena 596 intbgħatu minn San Girgor il-Kbir jevanġelizzaw lill-Ingilterra, fis-sena 599 ġew Malta l-Isqof Trajanu u l-Monaċi li ġab miegħu.

Mistoqsija li s’issa għadha bla tweġiba hija:  Sakemm damu fostna? Fejn kienu jgħixu u x’kienu jagħmlu? Telqu lura? Il-kwistjoni kienet u għadha miftuha berah. Bħal ħafna ġrajjiet oħra anki l-istorja ta’ din il-ġrajja għadha trid tinkiteb.

Fil-fatt, għalkemm huwa magħruf  li, wara Trajanu, kien hemm Monaċi Benedittini oħrajn li nħatru  Isqfijiet ta’ Malta , s‘issa, għad m’hemmx ħjiel eżatt fuq “il-preżenza Benedittina” f’Malta minn wara Trajanu sas-seklu XIII. Ta’ min isemmi wkoll li anki fl-Istorja ta’ Malta, in ġenerali, kien hemm żmien li inħoloq vojt u jeżisti nuqqas ta’ tagħrif dwar il-ġrajjiet kollha li seħħew fi gżiritna, speċjalment fi żmien il-ħakma Għarbija.  Madankollu, kien hemm xi storiċi, insemmi biss tnejn: Abela G.F., 1647, Della Descrittione di Malta; u l-Manuskritt ta’ P.Pelagio, Kapp. , 1775, Notizie di Monasteri e Case Religiose tanto di uomini come di femmine di diversi Ordini introdotti in Malta e Gozo, li f’kitbithom ma jeskludux il-preżenza ta’ Monaċi Benedittini f’pajjiżna. Abela jasal biex isostni li f’Malta kien hawn anki Monasteru Benedittin (L-istess, II, not.V, 388-391) u jikkwota lil Dom Arnaldo Wionn, Monaku Ċisterċensi Belġjan O.Cist. (Annotationibus Summorum Pontifium Ordinis Cistercensis, I, Cp.XLIII, f.56) . Isemmi  wkoll xi ittri tal-Abbati Costantino Gaetano, li kien żar Malta fl-1634, fejn jingħad li “il-ħajja monastika f’Malta bagħet fis-seħħ sa 40 sena wara t-tkeċċija tas-Saraċini minn Malta fl-1130”. Mingħajr ma nidħol f’dettalji, u bir-rispett kollu lejn dawn iż-żewġ storiċi, kbar u importanti, dan it-tagħrif mhux neċessarjament huwa eżatt u f’xi punti huwa wkoll konfutabbli storikament.

 

Il-Benedittini ta’ San Niccolò l’Arena – Catania

Dokumentazzjoni preċiża li toffri ħjiel ġdid fuq l-eventwali preżenza Benedittina f’Malta tmur lura għall-1362, meta n-Nobbli Isolda C(L)andolina armla ta’ Lanza  Carobene li kienet tgħix Malta,  ħalliet Legat (12 ta’ Lulju 1362) lill-Monaċi tal-Abbazija San Niccolò l’Arena ta’ Catania. It-Testatriċi, xtaqet tħalli lill-Monaċi ta’ Catania, artijiet u irziezet li hija kellha fis-Siġġiewi u l-idwar, kif ukoll xi djar fl-Imdina, bil-patt u l-kundizzjoni li huma jibnu Monasteru  f’Malta u ħames jew sitt Monaċi Benedittini jiġu Malta jgħixu fl-imsemmi Monasteru, jirreċtaw il-Liturġija tas-Sigħat u jsir quddies u talb ieħor għar-ruħha u għar-ruħ żewġha (Vito Amico,1733, Reliquiae abbatiarum in Siciliae quae in Pirro desiderantur notitiae, II, not.IV, appendice in Rocco Pirri, Sicilia Sacra). Effettivament il-Legat kien aċċettat mill-Monaċi Benedittini, iżda ssoddisfaw biss parti minnu, għax ix-xewqa tan-Nobbli Isolda li jinbena Monasteru f’Malta ma seħħet qatt.

Li kieku wieħed kellu jikkunsidra is-sitwazzjoni politika imqanqla fi Sqallija fejn kienet għadha kif saret ħerba mill-Monasteri, fosthom ta’ San Niccolò l’Arena, u mid-Djar tar-Reliġjużi, il- Monaċi, forsi, setgħu jaħtfu l-opportunità u jiġu Malta u jiffurmaw Komunità monastika. Il-proposta kienet skartata mill-ewwel jew “kellhom jabbandunawha” għal diversi raġunijiet, xejn ċari - jista’ jkun minn naħa tagħhom, imma wkoll sabu oġġezzjonijiet “minħabba raġunijiet ragjunevoli” -  ob rationabiles causas,  mill-Isqof  ta’ Malta ta’ dak iż-żmien, Ilarju, minkejja li aktarx kien Benedittin  huwa wkoll. L-Isqof għamilha ċara li huma setgħu jissoddisfaw “il-parti spiritwali” tal-Legat fil-Knisja tal-Monasteru tagħhom f’Catania (Vito Amico, l-istess). Madankollu, aktarx li xi Monaċi, xorta waħda, laħqu ġew Malta u baqgħu hawn, għaliex għalkemm ma bnewx il-Monasteru, żgur li huma ħadu pussess tal-ġid kollu imħolli lilhom min-Nobbli Isolda, u li kienu jamministraw persunalment. Huwa dokumentat li tul is-snin huma kabbru ġidhom b’neguzjar, xiri u b’akkwist ta’ proprjetà u artijiet permezz ta’ Legati u Donazzjonijiet (Archivio di Stato – Catania, Cabrum Bonorum et iurium pheudi de Lanzalotto, M/s, vol.153 anni 1320-1680; vol.154 anni 1362-1723; vol.155 anni 1362-1710; vol.156 anni 1364-1710; vol.158 anni 1813-1830, 1833; vol.159 anni 1364-1708; vol. 573 anni 1763-1769). Mhux eskluż li kien jgħixu u jaqdu d-dmirijiet spiritali tagħhom u tal-abitanti tal-idwar fi Knisja ċkejkna fil-limiti tas-Siġġiewi, li aktarx kienu bnew huma stess(Archivio Segreto Vaticano - Congregazione Vescovi e Regolari, Malta: Visita Apostolica no. 51 Mons. Petrus Dusina, 1575, f’Aquilina G. – Fiorini S.,2000, Documentary Sources in Maltese History, Part IV Documents at the Vatican). F’din il-Knisja, dedikata lil San Nikola, li kienet inbniet mill-ġdid fis-seklu XVI, sa ftit snin ilu kienet għadha ssir quddiesa filgħodu kmieni għar-ragħajja u għall-kaċċaturi.

Fil-bidu tas-seklu XV, il-Monaċi Benedittini li kienu Malta bdew jilmintaw mas-Superjuri tagħhom li l-qagħda politika f’Malta ma baqgħetx li kienet u spiss kellhom  jiffaċċjaw xi diffikultajiet, apparti li bdew ukoll jibżgħu għas-siġurtà persunali tagħhom. Forsi, seta’ kellhom xi ftit tar-raġun, imma żgur hu li huma kienu jafu li is-sitwazzjoni politika u soċjali fi Sqallija kienet tjiebet ħafna u għalkemm l-Abbazija  San Niccolò l’Arena kellha xi obbligi u interessio xi tħares, huwa fatt li l-istess Abbazija kienet għaddejja, bħal kull Monasteru Benedittin ieħor, minn riformi kbar speċjalment fil-qasam spiritwali. Hekk kif urew ix-xewqa li jmorru lura, is-Superjuri laqgħu it-talba tagħhom u ħabta u sabta, inkiss inkiss kif kienu ġew, fl-1427 (Arkivju Monasteru San Pietru-Mdina, Giuliana A/1), marru lura lejn l-Abbazija tagħhom f’Catania. F’qasir żmien, fil-bidu tas-seklu XVI, saru wkoll l-arranġamenti kollha meħtieġa, anki mal-awtoritajiet ekkleżjastiċi Maltin, biex dak kollu li seta’ jinġarr ikun trasferit lejn San Niccolò l’Arena. Il-Monaċi telqu wara li ħatru Amministratur Malti li kellu regolarment jagħmel u jibgħat rapporti bil-miktub fuq dak li kien  jagħmel, iżda xorta waħda, żewġ Monaċi baqgħu jiġu minn żmien għall-ieħor biex iġeddu l-kuntratti, jagħmlu oħrajn ġodda, jiddettaw kundizzjonijiet, kollox permezz ta’ Atti Nutarili. Anki meta ma baqgħux iktar preżenti f’Malta, xorta waħda xogħolhom kien isir bi preċiżjoni kbira, speċjalment fil-qasam tal-Biedja, u bla dubju maż-żmien sawwru edukazzjoni li f’xi nħawi, l-aktar fl-idwar tas-Siġġiewi, għadha tidher u forsi wkoll segwita, sallum.

Il-kapitlu tal-Monaċi ta’ Catania f’Malta kien magħluq fil-bidu tas-seklu XIX, meta, bi ftehim formali permezz ta’ Att  Nutarili, sar bdil ta’ propjetà bejn il-Knisja Maltija u l-Abbazija ta’ Catania. Fl-1832, bis-saħħa ta’ dan il-ftehim, id-Djoċesi ta’ Malta ħadet pussess ta’ dak li kien għad fadal mil-Legat tan-Nobbli Isolda Carobene fi gżiritna, filwaqt li ċediet lill-Abbazija San Niccolò l’Arena ta’ Catania xi artijiet li d-Djoċesi ta’ Malta kellha fil-belt ta’ Lentini fi Sqallija.

 

Il-Monasteru San Pietru - Mdina 

Wara t-tluq minn Malta tal-Monaċi Benedittini ta’ Catania, in-Nobbli tal-Imdina, raw kif għamlu biex ikomplu fiż-żmien il-kariżma Benedittin fi gżiritna. B’ħafna diffikultajiet, irnexxielhom jixtru u jakkwistaw proprjetà li l-Monaċi ta’ San Niccolò l’Arena kellhom fl-Imdina fosthom bini li kien imħolli lill-istess Monaċi min-Nobbli Margerita d’Aragona (Azopardo A., Atti, 14 ta’ Ġunju 1418), armla ta’ Giacomo Pellegrino jew de Geregrino (Fiorini S., 1989, Santo Spirito Hospital at Rabat Malta). In-Nobbli, wara li irranġaw il-binja u tawha sura ta’ dar, tawha lill-grupp ta’ xebbiet ta’ nisel Nobbli li xtaqu jiddedikaw ruħhom lil Alla. Huma aċċettaw li jgħixu ħajja ta’ Klawsura u jgħixu skont ir-Regola ta’ San Benedittu. Dan kien il-bidu tal-ewwel Komunità Monastika Benedittina f’Malta, l-eqdem Monasteru tal-Klawsura u l-eqdem Istituzzjoni Reliġjuża Femminili f’pajjiżna. Il-Monasteru għalkemm uffiċjalment iġib l-isem ta’ Abbazija San Benedittu u San Pietru, malajr sar magħruf bħala Monasteru San Pietru u, hekk għadu sallum.

Ta’ min jgħid li wara riċerka li għamlu fl-Arkivju Sigriet tal-Vatikan, l-istoriċi P.Ġorġ Aquilina OFM u l-Profs Stanley Fiorini, jsostnu li sabu dokument li jagħti l-1455 bħala d-data eżatta tal-Fundazzjoni tal-Monasteru (Aquilina Ġ. – Fiorini S., 1995, The Origin of Franciscanism in late Medieval Malta). Minn riċerki oħrajn, iżda, f’parti oħra tad-dokument imsemmi hemm data oħra fir-rigward tal-istesss Monasteru, 1447, li jfisser ċar li l-Monasteru kien diġà jeżisti. Mingħajr ma nnaqas xejn mir-riċerka serja u mill-merti ta-żewġ storiċi ewlenin, nistqarr li id-data mogħtija minn Aquilina/Fiorini tirreferi għall-Fundazzjoni Kanonika tal-Monasteru, l-aktar meta wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni mwergħa u mqanqla tal-Knisja fis-seklu XV u d-degrad u kriżi kbira fi ħdan l-Ordni Benedittin kif ukoll id-dewmien fis-sistemi tal-komunikazzjoni.

Għalkemm ħadd iktar ma kkonfuta l-1418, bħala d-data tal-Fundazzjoni tal-Monasteru San Pietru - hekk għadna nsibu fid-dokumenti tal-Knisja f’Malta, tal-istess Monasteru u dokumenti oħrajn, xorta waħda wieħed jista’ jagħmel raġunament ċkejken. Jekk, skont kif hemm fl-Arkivju tal-Monasteru San Pietru, il-Monaċi ta’ Catania telqu minn Malta fl-1427, ma jistax ikun li l-imessmi Monasteru kien jeżisti. Eventwalment, sena ’l hawn u sena ’l hemm l-1430 tista’ tkun l-iktar sena probabbli. Jekk dan ikun  aċċertat, huwa pass ulterjuri lejn il-konferma li l-1455 hija deċiżament id-data tal-Fundazzjoni Kanonika, minħabba li ż-żmien bejn l-eventwali data tal-bidu u d-Digriet Papali huwa pjuttost raġunevoli.

Fil-Knisja tal-Monasteru San Pietru hemm miqjuma il-fdal tal-Beata Marija Adeodata Pisani OSB(1806-1855) li għal 27 sena sħaħ għexet ħajja eżemplari ta’ ubbidjenza u sagrifiċċju u kienet ta’ għajnuna kbira għal kull min kien iħabbat il-bieb tal-Moansteru. Kienet dikjarata Beata nhar id-9 ta’ Mejju 2001 mill-Beatu Papa Ġwann Pawlu II waqt ċerimonja fuq il-Fosos tal-Furjana.

 

Il-Monasteru Santa Skolastika – il-Birgu

Ta’ min jippreċiża li anki d-data tal-bidu tal-Monasteru Santa Skolastika hija inċerta. Kien l-Isqof ta’ Malta Jaime Valguarnera li ried li, fl-Imdina, ikun hemm Monasteru Benedittin tas-Sorijiet tal-Klawsura ieħor.  Kien fl-1495 jew 1496 li l-ewwel grupp ta’ xebbiet daħlu fil-Monasteru l-ġdid li kien dedikat lil Santa Skolastika. L-Isqof, forsi wkoll b’abbuż ta’ poter, ordna lil waħda mis-Sorijiet tal-Monasteru San Pietru, biex tħalli l-Monasteru tagħha u tmur fil-Monasteru Santa Skolastika u tieħu ħsieb tal-ħtiġiet spiritwali u edukattivi tax-xebbiet li kienu għadhom kemm daħlu fih. Fi żmien sena ħadu l-libsa ta’ Soru Bendittina, għamlu n-Novizzjat u għamlu l-Professjoni Monastika (Cachia V.,1780,  Notizie del Moanstero di Santa Skolastika della Vittoriosa, M/s ).

Minħabba problemi ta’ amministrazzjoni, fl-1562, l-isqof ta’ Malta Cubellas ordna li l-Komunità ta’ Santa Skolastika tingħaqad ma’ dik tal-Monasteru San Pietru, iżda fl-1578, l-Isqof ta’ Malta Mons. Tommaso Gargallo reġa’ fired iż-żewġ Komunitajiet u b’hekk rega’ nfetaħ il-Monasteru Santa Skolastika. Madankollu kien l-istess Isqof Gargallo, minkejja il-protesti tan-Nobbli, tal-Ġurati u tal-popolazzjoni tal-Imdina u tal-istess Sorijiet, li fil-25 ta’ April 1604, is-Sorijiet ta’ Santa Skolastika kienu  trasferiti lejn il-Birgu u sabu kenn f’dak li kien il-Monasteru tas-Sorijiet ta’ Sant’ Ursula, li wara li l-Belt Valletta kienet saret il-Belt Kapitali ta’ Malta kien telqu mill-Birgu. Minħabba problemi strutturali, sanitarji u anki ta’ spazju, is-Sorijiet, fl-1640 talbu li jitħallew jixtru dak li kien l-isptar tal-Ordni, dejjem fil-Birgu, imma tliet snin wara saru jafu li kien ingħatalhom b’xejn. Fl-1650 ngħataw il-permess mis-Santa Sede biex jibdew ir-ristrutturazzjoni neċessarja u sentejn wara matul il-lejl tat-30 ta’ Ottubru 1652 daħlu fil-Monasteru l-ġdid fejn għadhom sallum.

 

Il-Monasteru Santa Marija tan-Nigret – iż-Żurrieq

Lejn tmiem is-seklu XIX, fl-inħawi tan-Nigret, limiti taż-Zurrieq,  il-Kongregazzjoni Benedittina Sublaċensi fethet l-ewwel u l-uniku Monasteru Benedittin (1881-1883) li qatt kien hawn f’Malta. Kienet ġrajja importanti fl-Istorja Reliġjuża ta’ Malta iżda wkoll għall-Ordni Benedittin. Kif, għaliex u min kien ta bidu lil dan il-Monasteru tal-Monaċi Benedittini?

Għar-raġunijiet reliġjużi, politiċi u soċjali, bejn tmiem is-seklu XVIII u l-ewwel nofs tas-seklu XIX, il-qagħda tal-Monasteri Benedittini fl-Italja, ma kienet tajba xejn u, il-ħajja spiritwali u monastika kienet waqgħet lura ħafna. Fosthom il-Kongregazzjoni Benedittina Cassinese li kienet qed tiffaċċja problemi serji ta’ identità.  Fl-1843, monaku minn din l-istess Kongregazzjoni, l-Abbati Pier Francesco Casaretto OSB (1810-1878), xewqan li jgħix ħajja monastika kif suppost, ta bidu għall-Kongregazzjoni Benedittina Cassinese di Primitiva Osservanza. Miegħu ingħaqdu mhux biss Monaċi individwali iżda wkoll Monasteri Cassinesi tant li wasal biex ifassal regoli ġodda dwar il-ħajja monastika ibbażati fuq l-osservanza sħiħa tar-Regola u tal-ħajja komuni li kienu appruvati fl-1846. Ħames snin wara, fid-dawl tas-suċċess li  kisbet anki barra mill-Italja, ingħatat għarfien uffiċjali mill-Beatu Papa Piju IX. Fl-1872, b’Digriet Pontifiċju il-Kongregazzjoni tal-Abbati Casaretto infirdet mill-Kongregazzjoni Cassinese u ngħata bidu formali għall-Fergħa Monastika oħra fi ħdan l-Ordni Benedittin, magħrufa bħala Kongregazzjoni Benedittina Sublaċensi. Dan il-qaws kien meħtieġ biex dak li jkun jifhem aħjar ir-rabta bejn il-Kongregazzjoni imsemmija u l-Fundazzjoni Benedittina f’Malta. (Caracciolo M.G., 1981, Lineamenti Storici del Monachesimo)

Il-Kongregazzjoni Sublaċensi, minkejja l-isforzi tal-Abbati Casaretto, bħal kull Istituzzjoni Reliġjuża oħra, speċjalment fir-Reġjun ta’ Liguria, kienet imxekkla mis-sitwazzjoni politika anti-klerikali fl-Italja, fil-ħidma tagħha biex tkompli tespandi u u toffri tħejjija xierqa liż-żgħażagħ li xtaqu jissieħbu. Meta waqgħet il-proposta biex titnieda Dar tan-Novizzjat fil-Monasteru San Lawrenz ta’ Eża, qrib Nizza-Franza, it-tmexxija tal-Kongregazzjoni fil-Kapitlu Ġenerali tal-1880 iddeċidiet li tiftaħ Monasteru f’Malta flimkien mà Dar tan-Novizzjat li jkollha xeħta internazzjonali. Delegazzjoni ta’ żewġ Monaċi, il-Pro Viżitatur Dom Marino Frattin OSB u  Dom Ambrose Agius OSB, li kien għadu Djaknu, intbgħatet Malta f’Mejju tal-1881. Wara ħafna tfittix u offerti sabu addattata ħafna il-Knisja ta’ Marija SS.ma Immakulata tan-Nigret, limiti taż-Żurrieq u l-bini ta’ maġenbha magħruf bħala Palazzo Togores – Il-Palazz tan-Nigret, li ngħatawlhom b’kera.(I Monasteri Italiani della Congregazione Sublacense, 1843 – 1972)

L-ewwel grupp ta’ Monaċi waslu fiż-Żurrieq f’Novembru tal-istess sena u fil-Milied 1881 ingħata bidu għall-ħajja komuni u għall-osservanza tal-Kor. Fiz-19 ta’Jannar 1882 twaqqaf formalment il-Monasteru li għall-ewwel isemma’ Monasteru  Marija SS.ma Immakulata. Il-quddiem sar magħruf sempliċiment Santa Marija tan-Nigret (bit-Taljan “Santa Maria del Nigrett”). Infetaħ ukoll in-Novizzjat u l-ewwel Novizz kien il-Malti Dom Attilano Debono OSB mill-Belt. In-nies tal-inħawi laqgħu b’ferħ mhux biss lill-Monaċi Taljani iżda wkoll lill-Monaċi barranin li għaddew xi żmien fiż-Żurrieq. Fil-11 ta’ April 1883, il-Monasteru taż-Żurrieq ngħata l-għarfien kanoniku u sar Prijurat. L-ewwel u l-uniku Pirjol kien Dom Ildebrando dell’Oro OSB. Bil-ħatra tal-Pirjol, il-Komunità ħadet ir-ruħ u kollox kien jidher li l-ħajja kienet għaddejja ġmielha, iżda, mingħajr ma wieħed jidħol f’dettalji partikulari, bħalma jiġri f’kull ‘familja kbira b’idejat u mentalità differenti’, minħabba ċirkustanzi improvviżi, fi ħdan il-Komunità tqanqlu diversi problemi li naffru il-ħajja ta’ hena li kienet tirrenja sovrana tant li l-istess Komunità inħakmet minn sitwazzjoni ta’ dwejjaq u kriżi ta’ stabbiltà.

Mhux eskluż, iżda li, il-maġġuranza tal-Monaċi, kienu konxji  mit-titjib fis-sitwazzjoni politika fl-Italja, u għalhekk kienu qed jaħsbu li kien wasal iż-żmien li setgħu jerġgħu jmorru lura lejn l-Italja. Effettivament dan kien il-ħsieb fi ħdan il-Kongregazzjoni u ironikament kien l-istess Pirjol, Dom dell’Oro li, inċidentalment qatt ma kien favur il-Fundazzjoni Maltija, fil-Kapitlu Provinċjali li sar bejn l-14 u l-24 ta’ Ottubru 1883, ippropona biex il-Komunità Monastika ta’ Santa Marija tan-Nigret tkun trasferita  “immedjatament” lejn l-Abbazija San Giovanni d’Albaro-Genova. Il-proposta għaddiet u s-Superjuri nedew id-Digriet tat-Trasferiment. Fit-13 ta’ Diċembru 1883, il-Komunità f’Malta saret taf uffiċjalment bid-deċiżjoni li kienet tfisser it-tmiem tal-esperjenza f’Malta tal-Kongregazzjoni Benedittina Sublaċensi.

Għalkemm  xi Monaċi  ħaduha bi kbira, ħadd mill-Komunità m’għamel xejn biex jopponi it-trasferiment. Ilkoll iżda, kienu fehma waħda kontra l-fatt li kellhom jitilqu daqshekk malajr, l-aktar minħabba li kienet ix-xitwa. Madankollu il-Pirjol kien deċiż u organizza kollox personalment. It-trasferiment sar f’erba’ vjaġġi suċċesssivi bejn l-14 ta’ Diċembru 1883 u l-10 ta’ Jannar 1884. (Mornacchi N., 1972, I Monasteri di Genova, f’Monasteri Italiani.....; Zammit L., 1953, Togores Palace).

Il-Monaċi Sublaċensi ħadu magħhom kulma kellhom, speċjalment it-tifkira sabiħa tal-affett kbir li urew magħhom iż-Żrieraq, l-aktar dawk tal-inħawi tan-Nigret. Fl-aħħar nett il-Kongregazzjoni Sublaċensi għandha għalfejn  tkun kburija għaliex minkejja iż-żmien qasir, f’Malta ħadet il-ħajja mill-ġdid u ssaħħet. Fin-Novizzjat tan-Nigret ixxettlu vokazzjonijiet ġodda biex seta’ jitkompla fiż-żmien il-Kariżma tal-ordni Benedittin.

Tul it-tliet snin neqsin għamlu parti mill-Komunità Sublaċensi f’Malta, iktar minn għoxrin Monaku mhux biss Taljani iżda wkoll Ingliżi, Franċiżi u Ġermaniż. Uħud minnhomn nagħtaw ħatriet importanti fi ħdan il-Kongregazzjoni u ta’ prestiġju fil-Knisja Universali bħal: Dom Domenico Serafini sar Kardinal; ħuħ, Dom Mauro, li kien ordnat Saċerdot f’Malta sar Segretarju tal-Kongregazzjoni tar-Reliġjużi; Dom Edmund Luck sar Isqof ta’ Aukland fi New Zealand; Dom Ambrose Agius sar Arċisqof u Delegat Appostoliku fil-Filippini; Dom Paolo Ferretti sar Prokuratur Ġenerali u l-ewwel Preżident tal-Istitut Pontifiċju tal-Mużika Sagra; Dom Onofrio Pigato espert magħruf fil-qasam tal-Biedja u fit-tkabbir tal-ħxejjex aromatiċi.

Fundazzjoni li ma seħħitx

Minn wara l-esperjenza monastika Benedittina fiż-Żurrieq, prattikament, ma saret ebda fundazzjoni oħra, anzi, ħadd ma tħajjar. Kien biss fis-snin ’70 li sar tentattiv mill-Abbati Dom Angelo Mifsud OSB, Cass., tentattiv li tista’ tgħid sfaxxa qabel ma beda. L-Abbati Mifsud, l-uniku Abbati Malti, fl-1969 kien inħatar Abbati ta’ l-Abbazija San Martino delle Scale –Palermo. Minħabba l-ħiliet u l-kwalitajiet tiegħu, fl-1973 ingħata l-ogħla ġieħ fi ħdan il-Kongregazzjoni tiegħu u nħatar Abbati Preżident tal-Kongregaz zjoni Benedittina Cassinese. Għar-raġunijiet ta’ saħħa, iżda, kellu jirrinżenja minn din il-ħatra diffiċli anki jekk prestiġjuża.

Kien wara din ir-riżenja, li meta ħass li kien irpilja xi ftit, talab u nagħta mis-Superjuri tiegħu biex flimkien ma’ tliet Monaċi ożra jiġi Malta bil-għan li jiftah Monasteru. Huma ngħataw kenn fil-Mużew Wignacourt, ir-Rabat, fejn ħafna għadhom jiftakru il-ħajja eżemplari u l-ħidma pastorali tal-Abbati u tal-Monaċi. Minkejja l-isforzi kollha tagħhom deher mill-ewwel li l-pjan ta’ Fundazzjoni f’Malta kien destinat li jfalli. Lanqas ma sewa li l-Arċisqof  Mons.Mikiel Gonzi kien offra lill-Abbati Mifsud biex jieħu ħsieb is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħlas – limiti ta’ Ħal Qormi, għax minkejja li dejjem wera li kien lest jgħin u jservi, bhalma jixhdu in-nies li kienu jafuh, sab ostakli li għelbu u ġabu fix-xejn riedietu u ħidmietu. Elementi fil-Knisja, fil-Politika u anki fil-qasam soċjali mhux dejjem  fehmu l-ispirtu ġenwin ta’ għemilu, anzi, ġieli interpretaw ħażin l-enerġija u l-entużjażmu qaddis tiegħu. Konsegwentement, saħħtu iddgħajfet mill-ġdid u ddispjaċut bil-kbir għan-nuqqas ta’ appoġġ u koperazzjoni f’art twelidu, li tant kien iħobb,  reġa lura l-Abbazija tiegħu ta’ San Martino delle Scale, fejn imdawwar b’oħtu Sr.M.Paola OP u mill-Komunità  Monastika mar lura f’Dar il-Missier  fit-22 ta’ April 1996.

 

Għeluq

Issa li wasalna fi tmiem din il-kitba, fil-qosor ħafna, fuq l-esperjenza Benedittina f’Malta, xieraq li jissemmew, wieħed wieħed, il-Maltin kollha (jew ta’ nisel Malti) li tul is-snin, bis-sehem tagħhom f’diversi oqsma, għinu biex ikomplu jkabbru u jagħtu ġieħ lill-Ordni Benedittin. Il-lista, f’ordni alfabetiku, tibda billi jissemmew il-Monaċi li saru Prelati, mbagħad  - skont il-Kongregazzjoni tagħhom - il-Monaċi ħajjin, u tkompli bil-mejtin. Fl-aħħar jissemmew  oħrajn li għal diversi raġunijiet ma komplewx fil-ħajja monastika tagħhom u ġew inkardinati bħala Saċerdoti f’Malta jew f’Għawdex.

 

Prelati

Mons.Ambrose Agius OSB Subl. (1856-1911)

Kongregazzjoni Bendittina Sublaċensi

Arċisqof  Tit. ta’ Palmyra – Delegat Appostoliku fil-Filippini

 

Mons.Mawru Caruana OSB (1867-1943)

Kongregazzjoni Benedittina Ingliża

Isqof ta’ Malta u Arċisqof ta’ Rodi

 

Rev.mu Dom Angelo Mifsud OSB Cass. (1914-1996)

Kongregazzjoni Benedittina Cassinese

Abbati Abbazija San Martino delle Scale, Palermo

Abbati Preżident tal-Kongregazzjoni Benedittina Cassinese

 

Monaċi Professi (ħajjin)

 

Kongregazzjoni Benedittina Cassinese

Dom Alferio Caruana OSB Cass.  (1941 -  )

Dom Luigi Farrugia OSB Cass. (1935 -  ) *mhux Saċerdot

 

Kongregazzjoni Benedittina Ingliża

Dom Christopher Calascione OSB (1934  -  )*Proneputi ta’ Mons. A.Agius (ara fuq)

 

Monaċi Professi (mejtin)

 

Kongregazzjoni Benedittina Cassinese

Dom Raffaele Azzopardi OSB Cass. (1881-1972)

Dom Paolo Cauchi OSB Cass. (1882-1963)

Dom Mawru Inguanez OSB Cass. (1887-1955) *Kien Biblijotekarju Ewlieni f’Malta

 

Kongregazzjoni Benedittina Ingliża

Dom Ambrose Agius OSB (1890-1978)*Neputi ta’ Mons.A.Agius (ara fuq)

Dom Denis Agius OSB (1913-1936) *Proneputi ta’ Mons. A.Agius (ara fuq)

Dom Martin Salmon OSB (1920-1926)

 

Kongregazzjoni Benedittina Sublaċensi

Dom Antonio Debono OSB Subl. (1843-1907)

Dom Attilano Debono OSB Subl. (1861-1943)

Dom Silvestro Azzopardi OSB Subl. (1856 -1921) *mhux Saċerdot – Għawdxi

 

Ex Monaċi Professi

Dom Pier Damiano (Dun Manwel) Aquilina OSB Subl. (1866-1942) – mejjet

Saċerdot Djoċesan f’Għawdex - Għawdxi

 

Dom Bertario (Dun Karm) Azzopardi OSB Cass. (1902-1961) – mejjet

Saċerdot Djoċesan – Kappillan ta’ Ħad-Dingli

 

 

U.I.O.G.D.  ("Ut In Omnibus Glorificetur Dei: Sabiex f’kollox ikun glorifikat Alla."

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org