Laudate Deum

EN    IT

 

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

LAUDATE DEUM

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

LILL-PERSUNI KOLLHA TA’ RIEDA TAJBA

DWAR IL-KRIŻI FIL-KLIMA

 

1. “Faħħru lil Alla għall-ħlejjaq kollha tiegħu”. Din kienet l-istedina li San Franġisk ta’ Assisi għamel b’ħajtu, bl-għanjiet tiegħu, bil-ġesti tiegħu. Hekk hu reġa’ qabad il-proposta tas-Salmi tal-Bibbja u ppreżenta mill-ġdid is-sensibbiltà ta’ Ġesù lejn il-ħlejjaq ta’ Missieru: “Ħarsu lejn il-ġilji tal-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom” (Mt 6:28-29). “Ħames għasafar tal-bejt mhux żewġ soldi jinbiegħu? U anqas wieħed minnhom ma hu minsi quddiem Alla” (Lq 12:6). Kif nistgħu ma nammirawx din il-ħlewwa ta’ Ġesù għal dawk kollha li jissieħbu fil-mixja tagħna?

 

2. Għaddew issa tmien snin mill-pubblikazzjoni tal-Ittra enċiklika Laudato si’, fejn xtaqt naqsam magħkom kollha, ħuti tal-pjaneta tagħna li qed tbati, it-tħassib qawwi tiegħi għall-għożża tad-dar komuni tagħna. Imma, mal-medda taż-żmien, qed nintebaħ li ma aħniex qed nirreaġixxu biżżejjed, ladarba d-dinja li tilqagħna fiha qed titfarrak u forsi miexja lejn il-punt li fih titkisser. Lil hemm minn din il-possibbiltà, m’hemmx dubju li l-impatt tat-tibdil fil-klima dejjem se jkun qed jagħmel ħsara ikbar lill-ħajja ta’ ħafna persuni u familji. Se nħossu l-effetti tiegħu f’termini ta’ saħħa, xogħol, aċċess għar-riżorsi, postijiet fejn ngħixu, migrazzjonijiet ta’ bilfors, u f’oqsma oħra.

 

3. Din hi problema soċjali globali li hi marbuta qatigħ mad-dinjità tal-ħajja umana. L-isqfijiet tal-Istati Uniti esprimew tajjeb ħafna s-sens soċjali tat-tħassib tagħna għat-tibdil fil-klima, li jmur lil hemm minn xi viżjoni sempliċiment ekoloġika, għax “l-għożża tagħna għall-persuna l-oħra u l-għożża tagħna għall-art huma marbuta qatigħ flimkien. It-tibdil fil-klima hu waħda mill-isfidi ewlenin li s-soċjetà u l-komunità globali jridu jaffrontaw. L-effetti tat-tibdil fil-klima jġarrbuhom l-aktar persuni vulnerabbli, kemm f’pajjiżhom u kemm fid-dinja”.[1] Dan qaluh ukoll fi ftit kliem l-isqfijiet preżenti għas-Sinodu tal-Amażonja: “L-attakki fuq in-natura għandhom konsegwenzi fuq il-ħajja tal-popli”.[2] U biex jesprimu b’qawwa li din m’għadhiex kwistjoni sekondarja jew ideoloġika, imma traġedja li qed tagħmlilna l-ħsara lkoll kemm aħna, l-isqfijiet Afrikani ddikjaraw li t-tibdil fil-klima hu “eżempju xokkanti ta’ dnub strutturali”.[3]

 

4. Bir-riflessjoni u t-tagħrif li nistgħu nisiltu minn dawn l-aħħar tmien snin nistgħu nispeċifikaw u nikkompletaw dak li affermajna xi żmien ilu. Għal din ir-raġuni, u għax is-sitwazzjoni qed issir dejjem iżjed urġenti, xtaqt naqsam magħkom dawn il-paġni.

 

1. Il-kriżi globali fil-klima

 

5. Nippruvaw kemm nippruvaw niċħduhom, naħbuhom, ngħattuhom jew nirrelativizzawhom, is-sinjali tat-tibdil fil-klima qegħdin hemm, huma dejjem iżjed evidenti. Ħadd ma jista’ jinjora li fl-aħħar snin rajna fenomeni estremi, perjodi frekwenti ta’ sħana anomala, nixfa u krib ieħor tal-art li huma biss xi espressjonijiet tanġibbli ta’ marda siekta li qed tolqotna lkoll. Huwa minnu li mhux kull katastrofi nistgħu nattribwuha lit-tibdil globali fil-klima. Madankollu, nistgħu nivverifikaw kif xi tibdiliet klimatiċi li wassal għalihom il-bniedem iżidu b’mod sinifikattiv il-probabbiltà ta’ ġrajjiet estremi iżjed frekwenti u iżjed intensi. Allura nafu li kull darba li t-temperatura globali togħla b’0.5°C, jogħlew ukoll l-intensità u l-frekwenza ta’ xita u għargħar qawwija f’xi reġjuni, ta’ nixfa gravi f’oħrajn, ta’ sħana estrema f’xi reġjuni u ta’ maltempati qawwija tas-silġ f’oħrajn.[4] Jekk sa issa seta’ kellna mewġiet ta’ sħana xi drabi fis-sena, x’jiġri b’żieda tat-temperatura globali ta’ 1.5°C, li m’aħniex imbegħdin wisq minnha? Dawn il-mewġiet ta’ sħana se jkunu iżjed frekwenti u iżjed intensi. Jekk jaqbżu t-2°, il-meded tas-silġ ta’ Greenland u ta’ parti kbira mill-Antartika jinħallu għalkollox,[5] b’konsegwenzi enormi u gravi ħafna għal kulħadd.

 

Reżistenza u konfużjoni

6. Fl-aħħar snin ma naqsux il-persuni li ppruvaw jimminimizzaw din l-osservazzjoni. Jikkwotaw tagħrif preżumibbilment xjentifiku, bħall-fatt li l-pjaneta dejjem kellha u dejjem se jkollha perjodi ta’ tiksiħ u tisħin. Imma ma jsemmux fatt ieħor rilevanti: dik li qed nassistu għaliha bħalissa hi żieda mhux tas-soltu fis-sħana, b’ħeffa hekk kbira li biżżejjed ġenerazzjoni waħda – mhux sekli jew millennji – biex tintebaħ biha. Il-fatt li qed jogħla l-livell tal-ilma baħar u qed jinħallu l-glaċieri jista’ faċilment jarah iseħħ quddiemu bniedem tul il-medda ta’ ħajtu, u aktarx fi ftit tas-snin oħra ħafna popli jkollhom jiċċaqilqu minn djarhom minħabba dawn il-ġrajjiet.

 

7. Biex jirredikola lil min jitkellem fuq tisħin globali, hemm min qed jirrikorri għall-fatt li spiss jinħolqu sitwazzjonijiet estremi ta’ kesħa. Jinsew li dan u sintomi oħra straordinarji huma biss espressjonijiet alternattivi tal-istess kawża: l-iżbilanċ globali kkawżat mit-tisħin tal-pjaneta. Nixfa u għargħar, ixxuttar tal-għadajjar u popli sħaħ miknusa minn maremoti jew għargħar fl-aħħar mill-aħħar għandhom l-istess oriġni. Min-naħa l-oħra, jekk nitkellmu fuq fenomenu globali, ma nistgħux inħawduh ma’ ġrajjiet transitorji jew li jinbidlu, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma spjegati minn fatturi lokali.

 

8. In-nuqqas ta’ tagħrif qed iwassalna biex nidentifikaw il-projezzjonijiet klimatiċi kbar li jolqtu perjodi twal – tal-inqas għexieren ta’ snin – mal-previżjonijiet metereoloġiċi li jistgħu jkopru l-iktar l-iktar xi ġimgħa. Meta nitkellmu fuq tibdil fil-klima qed nirriferu għal realtà globali – b’varjazzjonijiet lokali kostanti – li tippersisti għal bosta għexieren ta’ snin.

 

9. Fit-tentattiv tagħna li nissimplifikaw ir-realtà, ma jonqsux dawk li t-tort jitfgħuh fuq il-foqra għax qed iġibu ħafna wlied fid-dinja, u jipprovaw isolvu l-problema bil-mutilazzjoni tan-nisa fil-pajjiżi inqas żviluppati. Bħas-soltu, il-ħtija tidher li hi tal-foqra. Imma r-realtà hi li perċentwal żgħir u l-iżjed sinjur tal-popolazzjoni dinjija qed iniġġes iżjed meta mqabbel mal-50% ta’ dak iżjed fqir, u li l-emissjonijiet pro capite tal-pajjiżi l-iżjed sinjuri huma ħafna ogħla minn dawk tal-pajjiżi l-iżjed fqar.[6] Kif nistgħu ninsew li l-Afrika, fejn jgħixu iżjed minn nofs il-persuni l-aktar foqra tad-dinja, hi responsabbli biss għal parti żgħira mill-emissjonijiet matul iż-żmien?

 

10. Spiss jingħad ukoll li l-isforzi biex jitrażżan it-tibdil fil-klima billi nnaqqsu l-użu tal-karburanti fossili u niżviluppaw forom ta’ enerġija iżjed nadifa se jwasslu għal tnaqqis fil-postijiet tax-xogħol. Dak li qed jiġri hu li miljuni ta’ persuni qed jitilfu x-xogħol minħabba d-diversi konsegwenzi tat-tibdil fil-klima: il-livell tal-baħar li qed jogħla, in-nixfa u ħafna fenomeni oħra li qed jolqtu l-pjaneta ħallew ħafna nies jaqdfu għal rashom. Mill-banda l-oħra, it-transizzjoni lejn forom ta’ enerġija rinnovabbli, ikkontrollata tajjeb, kif ukoll l-isforzi kollha biex nadattaw ruħna għall-ħsarat tat-tibdil fil-klima, jistgħu joħolqu għadd bla tarf ta’ postijiet tax-xogħol f’diversi setturi. Għalhekk hu meħtieġ li l-politiċi u l-imprendituri jieħdu ħsieb minnufih ta’ din il-ħaġa.

 

Il-kawżi umani

11. L-oriġni uman – “antropiku” – tat-tibdil fil-klima ma nistgħux nibqgħu nindubjawh. Ħa naraw għaliex. Il-konċentrazzjoni tal-gassijiet serra fl-atmosfera, li jikkawża t-tisħin globali, baqgħet stabbli sa mis-seklu 19, taħt it-300 parti għal kull miljun f’dak li hu volum. Imma f’nofs dak is-seklu, fl-istess żmien tal-iżvilupp industrijali, l-emissjonijiet bdew jiżdiedu. Fl-aħħar 50 sena ż-żieda kibret mhux ftit, kif iċċertifikat mill-osservatorju ta’ Mauna Loa, li fl-1958 ħa kejl ta’ kuljum tad-dijossidu tal-karbonju. Jiena u nikteb il-Laudato si’ dan laħaq l-ogħla punt fl-istorja – 400 parti għal kull miljun – u f’Ġunju 2023 wasal għal 423 parti għal kull miljun.[7] Iktar minn 42% tal-emissjonijiet totali netti sa mill-1805 seħħu wara l-1990.[8]

 

12. Fl-istess waqt, ninnotaw li fl-aħħar 50 sena t-temperatura telgħet b’ħeffa li qatt ma rajna qabel, bla preċedenti fl-aħħar elfejn sena. F’dan il-perjodu, it-tendenza kienet ta’ tisħin ta’ 0.15oC kull għaxar snin, id-doppju meta mqabbel mal-aħħar 150 sena. Mill-1850 sal-lum it-temperatura globali għoliet b’1.1oC, fenomenu li hu amplifikat iżjed fir-reġjuni polari. B’dan ir-ritmu, huwa possibbli li fi żmien għaxar snin nilħqu l-limitu massimu globali rrakkomandat ta’ 1.5oC.[9] Din iż-żieda ma dehritx biss fuq wiċċ l-art, imma anki diversi kilometri ’l barra mill-atmosfera, fuq wiċċ l-oċeani u saħansitra mijiet ta’ metri fil-fond. Dan żied ukoll fl-aċidifikazzjoni tal-ibħra u naqqas il-livelli ta’ ossiġnu tagħhom. Il-glaċieri qed jgħibu, il-kisja tas-silġ qed tonqos, u l-livell tal-baħar kontinwament jogħla.[10]

 

13. Il-mod kif dawn il-fenomeni klimatiċi qed jaħbtu maż-żieda aċċellerata tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, fuq kollox sa minn nofs is-seklu 20, ma nistgħux naħbuh. Il-parti l-kbira tal-istudjużi tal-klima jappoġġjaw din il-korrelazzjoni u perċentwal żgħir ħafna biss jipprovaw jiċħdu din l-evidenza. B’xorti ħażina, il-kriżi fil-klima mhijiex proprjament kwistjoni li qed tinteressa lill-potenzi ekonomiċi l-kbar, li ħsiebhom kif ħa jiksbu l-ogħla profitt bl-inqas spejjeż u fl-inqas żmien possibbli.

 

14. Ikolli nagħmel dawn il-preċiżazzjonijiet, li jistgħu jidhru ovvji, minħabba ċerti opinjonijiet irraġonevoli li jipprovaw jiskreditaw ir-realtà, li niltaqa’ magħhom anki fi ħdan il-Knisja Kattolika. Imma ma nistgħux niddubitaw aktar li r-raġuni tal-ħeffa mhux tas-soltu ta’ tibdiliet hekk perikolużi hija fatt li ħadd ma jista’ jiċħdu: l-iżviluppi enormi marbuta mal-intervent sfrenat tal-bniedem fuq in-natura matul l-aħħar żewġ sekli. L-elementi naturali li tipikament jikkawżaw it-tisħin, bħall-iżbroffi vulkaniċi u oħrajn, mhumiex biżżejjed biex jispjegaw ir-rata u l-ħeffa tat-tibdiliet fl-aħħar għexieren ta’ snin.[11] L-evoluzzjoni tat-temperaturi medji tal-wiċċ ma tistax tiġi spjegata mingħajr l-effett taż-żieda fil-gassijiet serra.

 

Ħsarat u riskji

15. Xi manifestazzjonijiet ta’ din il-kriżi fil-klima huma diġà irriversibbli għal tal-inqas mijiet ta’ snin, bħaż-żieda fit-temperatura globali tal-oċeani, l-aċidifikazzjoni u t-tnaqqis fl-ossiġnu. L-ilmijiet oċeaniċi għandhom inerzja termika u t-temperatura u s-salinità tagħhom iridu sekli sħaħ biex jinnormalizzaw ruħhom, b’konsegwenzi fuq l-għajxien ta’ ħafna speċi. Dan hu sinjal fost ħafna tal-fatt li l-ħlejjaq l-oħra ta’ din id-dinja ma baqgħux sieħba fil-vjaġġ tagħna imma saru vittmi tagħna.

 

16. L-istess jingħad għall-proċess li jwassal għall-għajbien tal-ġlaċieri kontinentali. Il-proċess li bih qed jinħall is-silġ fir-reġjuni polari jrid mijiet ta’ snin biex jitreġġa’ lura. F’dak li għandu x’jaqsam mal-klima, hemm fatturi li jħallu effetti fit-tul, indipendentement minn x’wassal għalihom. Għal din ir-raġuni, ma nistgħux inwaqqfu iżjed il-ħsarat enormi li kkawżajna. Bilkemm għadna fil-ħin biex nevitaw ħsarat iktar drammatiċi.

 

17. Ċerti dijanjosijiet apokalittiċi spiss jidhru bla raġuni jew bla fundament biżżejjed. Dan ma għandux iwassalna biex ninjoraw il-fatt li l-possibbiltà li nilħqu punt ta’ żvolta hi waħda reali. Bidliet żgħar jistgħu jwasslu għal bidliet importanti, imprevisti u forsi diġà irriversibbli, minħabba fatturi ta’ inerzja. Dan jispiċċa biex jattiva kaskata ta’ ġrajjiet waħda wara l-oħra. F’dan il-każ, dejjem naslu tard wisq, għax l-ebda intervent ma jista’ jwaqqaf il-proċess li jkun beda. Minn hemm ma nistgħux nerġgħu lura. Ma nistgħux ngħidu b’ċertezza li dan se jiġri fil-kundizzjonijiet ta’ bħalissa. Imma ċertament hu possibbiltà jekk inżommu f’moħħna l-fenomeni li diġà qed iseħħu li “jissensibilizzaw” il-klima, bħal ngħidu aħna t-tnaqqis fil-kisjiet polari tas-silġ, il-bidliet fil-flussi oċeaniċi, id-deforestazzjoni tal-foresti tropikali, u l-fatt li qed jinħall il-permafrost fir-Russja.[12]

 

18. Għalhekk hemm bżonn urġenti ta’ viżjoni usa’, li permezz tagħha mhux biss nistgħu nistagħġbu quddiem l-għeġubijiet tal-progress, imma nkunu wkoll attenti għal effetti oħra li aktarx seklu ilu lanqas biss kienu joħolmuhom. Mhu qed jintalab xejn iżjed minna ħlief ċerta responsabbiltà għall-wirt li se nħallu warajna wara li ngħaddu minn din id-dinja.

 

19. Fl-aħħar nett, nistgħu nżidu li l-pandemija tal-Covid-19 ikkonfermat ir-relazzjoni kbira tal-ħajja umana ma’ dik ta’ ħlejjaq oħra ħajjin u mal-ambjent. Imma b’mod partikulari kkonfermat li dak li jseħħ f’kull parti tad-dinja għandu riperkussjonijiet fuq il-pjaneta kollha. Għalhekk nista’ ntenni żewġ konvinzjonijiet li fuqhom ninsisti sal-punt li ninstema’ tedjanti: “kollox hu marbut ma’ xulxin” u “ħadd ma jista’ jsalva waħdu”.

 

2. Il-paradigma teknokratika dejjem tikber

 

20. Fil-Laudato si’ offrejt spjegazzjoni qasira tal-paradigma teknokratika li tinsab fil-bażi tal-proċess attwali tat-taħsir ambjentali. Hawn għandna “mod żbaljat ta’ kif nifhmu l-ħajja u l-azzjoni tal-bniedem, li jeħodha kontra r-realtà sa ma jirvinaha”.[13] Fis-sustanza, ifisser li naħsbu “bħallikieku r-realtà, ir-riżq, it-tajjeb u s-sewwa se jwarrdu spontanjament mill-poter innifsu tat-teknoloġija u tal-ekonomija”.[14] Bħala konsegwenza loġika, “minn hawn ma rridux wisq biex ngħaddu għall-idea ta’ tkabbir li m’għandux tmiem jew limiti, ħaġa li entużjażmat wisq lill-ekonomisti, l-esperti finanzjarji u teknoloġiċi”.[15]

 

21. Fl-aħħar snin stajna nikkonfermaw din id-dijanjosi, u fl-istess waqt rajna avvanz ġdid ta’ din il-paradigma. L-intelliġenza artifiċjali u l-aħħar żviluppi teknoloġiċi jibbażaw ruħhom fuq l-idea ta’ bniedem bla limiti, li l-ħiliet u l-possibbiltajiet tiegħu, grazzi għat-teknoloġija, jistgħu jitwessgħu għall-infinit. Hekk, il-paradigma teknokratika tmantni mostrożament lilha nfisha.

 

22. Ir-riżorsi naturali meħtieġa għat-teknoloġija, bħal-litju, is-silikon u tant oħrajn, żgur li mhumiex bla limiti, imma l-problema ikbar hija l-ideoloġija li ġġorr magħha ossessjoni: li tkabbar lil hemm minn kull immaġinazzjoni l-poter tal-bniedem, li għalih ir-realtà mhux umana hi sempliċiment riżorsa għall-qadi tiegħu. Dak kollu li jeżisti ma jibqax don li għandu jiġi apprezzat, ivvalorizzat u mgħożż, imma jsir ilsir, u vittma ta’ kull kapriċċ tal-moħħ tal-bniedem u tal-ħiliet tiegħu.

 

23. Tħoss dehxa ma’ ġismek kollu meta tintebaħ li l-ħiliet estiżi tat-teknoloġija, “lil dawk li għandhom f’idejhom dan l-għarfien u fuq kollox il-poter ekonomiku biex jisfruttawh, jagħtuhom setgħa tal-għaġeb fuq il-bnedmin kollha u fuq id-dinja sħiħa. Qatt il-bniedem ma kellu daqshekk saħħa fuqu nnifsu u m’hemm xejn li jiżgurana li sa jużaha għall-ġid, fuq kollox jekk naraw kif qed jinqeda biha llum. […] F’idejn min qiegħed u f’idejn min jista’ jasal daqshekk poter? Hemm riskju terribbli li jispiċċa f’idejn parti żgħira mill-umanità”.[16]

 

Nerġgħu naħsbu ftit kif għandna nużaw il-poter

24. Mhux kull tkabbir fil-poter hu progress għall-umanità. Biżżejjed naħsbu fit-teknoloġiji “tal-għaġeb” li ntużaw biex jikinsu popli sħaħ, jixħtu bombi atomiċi, u jeqirdu gruppi etniċi. Kien hemm mumenti fl-istorja fejn l-ammirazzjoni għall-progress ma ħallitniex naraw l-orrur tal-effetti tiegħu. Imma dan ir-riskju hu dejjem preżenti, għax “it-tkabbir immens tat-teknoloġija ma kienx imsieħeb minn żvilupp tal-bniedem fejn jidħlu r-responsabbiltà, il-valuri u l-kuxjenza. […] Hu għarwien u espost quddiem l-istess poter tiegħu li jkompli jikber, mingħajr ebda għodda biex tikkontrollah. Jista’ jinqeda b’mekkaniżmi superfiċjali, imma nistgħu naffermaw li jibqa’ sajjem minn etika biżżejjed b’saħħitha, kultura u spiritwalità li tabilħaqq jagħtuh limitu u jżommuh fil-ħakma ċara tiegħu nnifsu”.[17] Mhix ħaġa stramba li poter hekk kbir f’idejn bħal dawn ikun kapaċi jeqred il-ħajja, waqt li l-għerq tal-ħsieb tal-paradigma teknoratika jagħmina u ma jħalliniex naraw din il-problema hekk gravi tal-umanità tal-lum.

 

25. Bil-maqlub ta’ din il-paradigma teknokratika ngħidu li d-dinja ta’ madwarna mhijiex oġġett ta’ sfruttament, ta’ użu sfrenat, ta’ ambizzjoni bla limiti. Lanqas nistgħu ngħidu li n-natura hija sempliċiment “inkwatru” li fih niżviluppaw ħajjitna u l-proġetti tagħna, għax “aħna mdaħħlin fiha, aħna parti minnha u jkollna x’naqsmu magħha l-ħin kollu”,[18] hekk li wieħed “id-dinja ma jikkontemplahiex minn barra imma minn ġewwa”.[19]

 

26. Dan jeskludi l-idea li l-bniedem hu barrani, fattur estern li kapaċi biss jagħmel ħsara lill-ambjent. Għandu jitqies bħala parti min-natura. Il-ħajja, l-intelliġenza u l-libertà tal-bniedem huma mdaħħla fin-natura li tagħni l-pjaneta tagħna u jagħmlu parti mill-forzi interni tagħha u mill-bilanċ li jeżisti fiha.

 

27. Għalhekk, ambjent san huwa wkoll il-prodott tal-interazzjoni tal-bniedem mal-ambjent, kif jiġri fil-kulturi indiġeni u kif ġara għal sekli sħaħ fid-diversi reġjuni tad-dinja. Il-gruppi umani spiss “ħolqu” ambjent,[20] tawh sura ġdida b’xi mod mingħajr ma qerduh jew ipperikolawh. Il-problema l-kbira tal-lum hija li l-paradigma teknokratika qerdet din ir-relazzjoni sana u armonjuża. Madankollu, jekk irridu negħlbu, kif hu indispensabbli nagħmlu, din il-paradigma li qed iġġib tant ħsara u qerda, dan mhux se nagħmluh billi niċħdu lill-bniedem, imma billi nifhmu l-interazzjoni ta’ sistemi naturali “mas-sistemi soċjali”.[21]

 

28. Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nirrevedu l-kwistjoni tal-poter uman, it-tifsira tiegħu u l-limiti tiegħu. Fil-fatt, il-poter tagħna kiber b’mod frenetiku fi ftit għexieren ta’ snin. Għamilna progressi teknoloġiċi impressjonanti u sorprendenti, u m’aħniex nintebħu li fl-istess waqt sirna tassew perikolużi, kapaċi npoġġu f’riskju l-ħajja ta’ ħafna ħlejjaq u l-istess għajxien tagħna. Nistgħu llum ntennu mal-ironija ta’ Solov’ëv: “Seklu hekk avvanzat li saħansitra messitu x-xorti li jkun l-aħħar wieħed”.[22] Irridu ħsieb ċar u onest biex nagħrfu fil-waqt li l-poter tagħna u l-progress li qed nagħmlu qed iduru kontrina stess.[23]

 

In-niggieża etika

29. Id-dekadenza etika tal-poter reali tilbes il-maskra tal-marketing u tal-informazzjoni qarrieqa, mekkaniżmi utli f’idejn min għandu l-iktar riżorsi biex permezz tagħhom jinfluwenza l-opinjoni pubblika. Bl-għajnuna ta’ dawn il-mekkaniżmi, meta jsir il-ħsieb li jinbeda proġett b’impatt ambjentali u effetti għolja ta’ tinġis, in-nies li jgħixu fl-inħawi jiġu mogħmija billi jsir diskors fuq il-progress lokali li jista’ jinħoloq jew fuq l-opportunitajiet ekonomiċi, ta’ mpjiegi u ta’ promozzjoni umana li dan jista’ jġib lil uliedhom. Imma fir-realtà jkun nieqes mill-interess veru fil-futur ta’ dawn il-persuni, għax ma jingħadilhomx ċar u tond li proġett bħal dak se jħalli warajh art meqruda, kundizzjonijiet ħafna inqas favorevoli biex wieħed jgħix u jikber fihom, reġjun mitluq, inqas abitabbli, bla ħajja u mingħajr il-ferħ tal-konvivenza u tat-tama; barra l-ħsara globali li tispiċċa biex tagħmel dannu lil ħafna oħrajn.

 

30. Biżżejjed naħsbu fl-eċċitament tal-mument għall-flus li wieħed ikun qala’ għad-depożitu ta’ skart nukleari f’sit partikulari. Id-dar akkwistata b’dawk il-flus inbidlet f’qabar minħabba l-mard li mbagħad tfaċċa. U m’iniex nitkellem b’xi immaġinazzjoni esaġerata, imma din hi ħaġa li għexnieha. Tista’ tgħid li dan hu eżempju estrem, imma ma nistgħux nitkellmu fuq ħsarat “iżgħar”, għax hi proprju l-ġabra flimkien ta’ ħafna ħsarat meqjusa tollerabbli li tispiċċa biex ġġibna fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa.

 

31. Din is-sitwazzjoni m’għandhiex x’taqsam biss mal-fiżika jew il-bijoloġija, imma anki mal-ekonomija u l-mod ta’ kif naħsbu dwarha. Il-loġika tal-ogħla profitt bl-inqas spejjeż, liebsa l-maskra tar-razzjonalità, il-progress u wegħdiet battala, tagħmel impossibbli kull tħassib sinċier għad-dar komuni tagħna u kull attenzjoni għall-promozzjoni ta’ dawk li huma mwarrbin mis-soċjetà. Fl-aħħar snin nistgħu ninnutaw li, mifxula u msaħħra quddiem il-wegħdiet ta’ tant profeti foloz, il-foqra nfushom xi drabi jaqgħu fl-ingann ta’ dinja li mhix qed tinbena għalihom.

 

32. Qed joktru ideat żbaljati fuq l-hekk imsejħa “meritokrazija”, li saret poter uman “meritat” li kollox irid ikun suġġett għalih, ħakma ta’ dawk li twieldu b’kundizzjonijiet aħjar ta’ żvilupp. Hi ħaġa tajba l-perspettiva sana tal-valur li hemm fl-impenn, fil-maturazzjoni tal-ħiliet ta’ dak li jkun u fi spirtu ta’ inizjattiva li hu ta’ min ifaħħru, imma jekk ma nfittxux ugwaljanza vera ta’ opportunitajiet, il-meritokrazija faċilment issir paraventu li jikkonsolida iktar il-privileġġi tal-ftit bl-iktar poter. F’din il-loġika perversa, x’jimpurtahom dawn mill-ħsarat għad-dar komuni, jekk huma jħossuhom fiż-żgur taħt it-taparsi armatura tar-riżorsi ekonomiċi li kisbu bil-ħiliet tagħhom u l-isforzi tagħhom?

 

33. Fil-kuxjenza tagħna, u quddiem l-ulied li għad iħallsu għall-ħsarat tal-azzjonijiet tagħhom, hemm mistoqsija li tagħmel sens: x’tifsira għandha ħajti, liema hu s-sens tal-passaġġ tiegħi fuq din l-art, liema hu fl-aħħar mill-aħħar is-sens tax-xogħol u tal-impenn tiegħi?

 

3. Id-dgħufija tal-politika internazzjonali

 

34. Waqt li “l-istorja qed turi sinjali li rġajna qbadna t-triq lura […] kull ġenerazzjoni trid tagħmel tagħha t-taqbid u l-kisbiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilha u tmexxihom lejn għanijiet aktar għolja. Hija l-mixja. Il-ġid, kif ukoll l-imħabba, il-ġustizzja u s-solidarjetà, mhumiex ħaġa li tintlaħaq darba għal dejjem; iridu jibqgħu jinkisbu kuljum”.[24] Biex niksbu progress sod u fit-tul, ippermettuli nisħaq fuq il-fatt li “hemm fuq quddiem il-ftehim multilaterali bejn l-Istati”.[25]

 

35. Ma rridux nikkonfondu l-multilateraliżmu ma’ awtorità dinjija kkonċentrata f’persuna waħda jew f’élite b’ħafna poter iktar milli suppost: “Meta nitkellmu fuq il-possibbiltà ta’ xi għamla ta’ awtorità dinjija rregolata mil-liġi, mhux bilfors irridu naħsbu f’awtorità personali”.[26] Qed nitkellmu fuq kollox dwar “organizzazzjonijiet dinjija iżjed effikaċi, mogħnija bl-awtorità li tiżgura l-ġid komuni dinji, it-tneħħija tal-ġuħ u tal-miżerja, u l-ħarsien żgur tad-drittijiet fundamentali umani”.[27] Il-punt hu li għandu jkollhom awtorità vera biex “jiżguraw” it-twettiq ta’ xi objettivi li ma nistgħux nerġgħu lura minnhom. Hekk jingħata l-ħajja multilateraliżmu li ma jiddipendix minn ċirkustanzi politiċi li jinbidlu maż-żmien jew mill-interessi tal-ftit, u li jkollu effikaċja stabbli.

 

36. Hi ħaġa deplorevoli li l-kriżijiet globali jispiċċaw okkażjonijiet moħlija, meta messhom ikunu l-opportunità biex jitwettqu bidliet li jagħmlu l-ġid.[28] Dan hu li seħħ fil-kriżi finanzjara tal-2007-2008 u li ġie ripetut fil-kriżi tal-Covid-19. Fil-fatt, “donnu l-istrateġiji effettivi li ġew żviluppati wara fid-dinja kienu orjentati lejn individwaliżmu ikbar, inqas integrazzjoni, iktar libertà għal dawk li tassew għandhom il-poter f’idejhom, li dejjem isibu l-mod kif joħorġu bla tebgħa jew girfa”.[29]

 

Insawru multilateraliżmu ġdid

37. Iktar milli nsalvaw il-multilateraliżmu l-qadim, jidher li llum l-isfida hi dik li nsawruh mill-ġdid u nerġgħu noħolquh fid-dawl tal-qagħda globali ġdida. Nistedinkom tagħrfu li “tant għaqdiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jgħinu biex jagħmlu tajjeb għad-dgħufijiet tal-Komunità internazzjonali, għan-nuqqas ta’ kordinament tagħha f’sitwazzjonijiet kumplessi, għan-nuqqas ta’ attenzjoni tagħha għad-drittijiet fundamentali umani”.[30] Hawnhekk, il-proċess ta’ Ottawa kontra l-użu, il-produzzjoni u l-fabbrikazzjoni tal-mini użati kontra l-bniedem huwa eżempju li juri kif is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tagħha kapaċi joħolqu dinamiċi effiċjenti li l-Ġnus Magħquda ma tasalx għalihom. B’dan il-mod, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà jiġi applikat ukoll għar-relazzjoni globali-lokali.

 

38. F’terminu medju, il-globalizzazzjoni tiffavorixxi l-iskambji kulturali spontanji, għarfien reċiproku akbar u modalitajiet ta’ integrazzjoni tal-popli li jwasslu għal multilateraliżmu “minn isfel” u mhux sempliċiment deċiż mill-élite tal-poter. Il-każijiet li jinħolqu mill-qiegħ fid-dinja kollha, fejn persuni impenjati minn pajjiżi l-iżjed differenti jgħinu u jsieħbu lil xulxin, jaf jirnexxilhom jagħmlu pressjoni fuq il-fatturi tal-poter. Nawguraw li dan iseħħ fejn tidħol il-kriżi fil-klima. Għalhekk intenni li “jekk iċ-ċittadini ma jikkontrollawx huma l-poter politiku – nazzjonali, reġjunali u muniċipali – ħadd mhu ħa jsemma’ leħnu fuq il-ħsarat ambjentali”.[31]

 

39. Il-kultura postmoderna ġabet sensibbiltà ġdida fil-konfront ta’ min hu l-iżjed dgħajjef u għandu inqas poter. Dan jorbot mal-insistenza tiegħi, fl-Ittra enċiklika Fratelli tutti, fuq il-primat tal-persuna umana u fuq il-ħarsien tad-dinjità tagħha lil hemm minn kull ċirkustanza. Huwa mod ieħor kif nistiednu għall-multilateraliżmu biex insolvu l-problemi veri tal-umanità, billi fuq kollox infittxu r-rispett tad-dinjità tal-persuni b’mod li l-etika tirbaħ fuq l-interessi lokali jew kontiġenti.

 

40. M’aħniex qed ngħidu li għandna nwarrbu l-politika, għax mill-banda l-oħra l-potenzi l-ġodda qed isiru dejjem iżjed rilevanti u huma fil-fatt kapaċi jiksbu riżultati importanti biex jissolvew problemi konkreti, kif uħud minnhom urew tul il-pandemija. Proprju l-fatt li t-tweġibiet għall-problemi jistgħu jiġu minn kull pajjiż, hu kemm hu żgħir, iwassalna biex nagħrfu li l-multilateraliżmu hu triq inevitabbli.

 

41. Id-diplomazija l-qadima, anki din fi kriżi, tkompli turi l-importanza u l-ħtieġa tagħha. Għadu ma rnexxilhiex tiġġenera mudell ta’ diplomazija multilaterali li jwieġeb għall-mod ġdid ta’ kif hi msawra d-dinja, imma, jekk tkun kapaċi tifformula ruħha mill-ġdid, għandha tkun parti mis-soluzzjoni, għax lanqas l-esperjenza ta’ sekli ma tista’ titwarrab għall-ġenb.

 

42. Id-dinja qed issir hekk multipolari u fl-istess waqt hekk kumplessa li hemm bżonn ta’ qafas differenti għal koperazzjoni effikaċi. Mhux biżżejjed naħsbu fil-bilanċi tal-poter, imma hemm bżonn naħsbu wkoll fil-bżonn li nwieġbu għall-isfidi ġodda u li nirreaġixxu b’mekkaniżmi globali għal dawk ambjentali, sanitarji, kulturali u soċjali, fuq kollox biex nikkonsolidaw ir-rispett tad-drittijiet umani l-iżjed elementari, tad-drittijiet soċjali u tal-għożża għad-dar komuni. Hemm bżonn nistabbilixxu regoli universali u effiċjenti biex niggarantixxu din il-protezzjoni dinjija.

 

43. Dan kollu jippresupponi li tkun implimentata proċedura ġdida għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u għal-leġittimizzazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, ladarba dik stabbilita għexieren ta’ snin ilu mhix biżżejjed u ma jidhirx li qed tkun effikaċi. F’dan il-kuntest, huma meħtieġa spazji ta’ konverżazzjoni, konsultazzjoni, arbitraġġ, soluzzjoni għall-kunflitti, superviżjoni u, f’kelma waħda, għamla ta’ “demokratizzazzjoni” ikbar fl-isfera globali, biex jesprimu u jinkludu d-diversi sitwazzjonijiet. Ma jibqax jagħmel sens li nżommu istituzzjonijiet li jippreservaw id-drittijiet ta’ min hu l-aktar b’saħħtu mingħajr ma jieħdu ħsieb tad-drittijiet ta’ kulħadd.

 

4. Il-Konferenzi fuq il-klima: progressi u falliment

 

44. Għal għexieren ta’ snin, ir-rappreżentanti ta’ aktar minn 190 pajjiż ilhom jiltaqgħu perjodikament biex jaffrontaw il-kwistjoni tal-klima. Il-Konferenza ta’ Rio de Janeiro tal-1992 wasslet biex ġiet addottata l-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Ġnus Magħquda fuq it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), trattat li daħal fis-seħħ meta ntlaħqu r-ratifiki meħtieġa min-naħa tal-pajjiżi firmatarji fl-1994. Dawn l-Istati jiltaqgħu kull sena fil-Konferenza tal-Partijiet (COP), l-ogħla korp deċiżjonali. Xi wħud kienu falliment, bħal dik ta’ Copenhagen (2009), waqt li oħrajn ippermettew li jseħħu passi importanti, bħall-COP3 ta’ Kyoto (1997). Il-Protokoll prezzjuż tagħha hu dak li ffissa bħala objettiv it-tnaqqis tal-emissjonijiet kumplessivi ta’ gassijiet serra bil-5% f’paragun mal-1990. L-iskadenza kienet l-2012, imma evidentement ma ġietx irrispettata.

 

45. Il-partijiet kollha impenjaw ruħhom ukoll li jwettqu programmi ta’ adattament biex jirriduċu l-effetti tat-tibdil fil-klima li diġà għaddej. Kienet prevista wkoll għajnuna biex tkopri l-ispejjeż ta’ dawn il-miżuri fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Il-Protokoll daħal fis-seħħ fl-2005.

 

46. Wara dan, ġie propost mekkaniżmu marbut mat-telf u mal-ħsarat ikkawżati mit-tibdil fil-klima, li jagħraf il-pajjiżi l-iżjed sinjuri bħala r-responsabbli prinċipali u jfittex li jtaffi l-effetti qerrieda li jinħassu fil-pajjiżi l-iżjed vulnerabbli. M’għadhiex kwistjoni li jkun iffinanzjat “l-adattament” ta’ dawn il-pajjiżi, imma li jkunu kkumpensati għall-ħsarat li diġà ġarrbu. Din il-kwistjoni kienet l-oġġett ta’ diskussjonijiet importanti f’diversi COP.

 

47. Il-COP21 ta’ Pariġi (2015) kienet mument ieħor sinifikanti, għax ipproduċiet ftehim li involva lil kulħadd. Dan jista’ jidher bħala bidu ġdid, ladarba l-objettivi ffissati fil-fażi ta’ qabel ma ġewx milħuqa. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016. Filwaqt li jorbtu, mhux ir-rekwiżiti kollha huma obbligi fis-sens strett tal-kelma u xi wħud minnhom jagħtu lok għal ċerta libertà ta’ azzjoni. Mill-bqija, anki fejn jidħlu l-obbligi mhux irrispettati, ma jipprovdix sanzjonijiet reali u ma hemmx strumenti effikaċi li jiggarantixxu l-konformità. Barra minn hekk, jipprevedi forom ta’ flessibbiltà għall-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw.

 

48. Il-Ftehim ta’ Pariġi jippreżenta objettiv importanti fit-tul: li jżomm iż-żieda tat-temperaturi medji globali taħt it-2o meta mqabbel mal-livelli preindustrijali, imma li jipponta li jinżel għal taħt il-1.5o. Għadha qed issir ħidma biex jiġu kkonsolidati proċeduri konkreti ta’ monitoraġġ u jiġu fornuti kriterji ġenerali biex jikkonfrontaw l-objettivi tad-diversi pajjiżi. Dan jagħmel diffiċli valutazzjoni iżjed oġġettiva (kwantitattiva) tar-riżultati effettivi.

 

49. Wara xi Konferenzi b’riżultati skarsi u d-delużjoni tal-COP25 ta’ Madrid (2019), kien hemm tama li din l-inerzja tinqaleb fil-COP26 ta’ Glasgow (2021). Sostanzjalment, ir-riżultat kien dak li jerġa’ jitnieda l-Ftehim ta’ Pariġi, li kien tpoġġa f’diskussjoni minħabba r-rabtiet u l-effetti tal-pandemija. Iktar minn dan, kien hemm kotra ta’ “eżortazzjonijiet”, li minnhom kien diffiċli tistenna impatt reali. Il-proposti magħmula biex jiggarantixxu transizzjoni mgħaġġla u effikaċi lejn forom ta’ enerġija alternattiva u li tniġġes inqas ma rnexxilhomx jagħmlu progress.

 

50. Il-COP27 ta’ Sharm el-Sheikh (2022) kienet mhedda sa mill-bidu mis-sitwazzjoni li nħolqot bl-invażjoni tal-Ukrajna, li kkawżat kriżi gravi fl-ekonomija u fl-enerġija. L-użu tal-karbonju żdied u kulħadd ried jiżgura ruħu li għandu biżżejjed ħażna tiegħu. Il-pajjiżi li għadhom jiżviluppaw qiesu l-aċċess għall-enerġija u l-opportunitajiet ta’ żvilupp bħala prijorità urġenti. Kien rikonoxxut b’mod ċar li fir-realtà l-karburanti fossili għadhom ifornu t-80% tal-enerġija dinjija u li l-użu tagħhom għadu qed jiżdied.

 

51. Il-Konferenza Eġizzjana kienet eżempju ieħor tad-diffikultà tan-negozjati. Wieħed jista’ jgħid li tal-inqas ipproduċiet progress fit-tisħiħ tas-sistema ta’ finanzjament għat-“telf u l-ħsara” fil-pajjiżi l-iżjed milquta mid-diżastri klimatiċi. Dan deher li se jagħti vuċi ġdida u iktar parteċipazzjoni lill-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Imma anki fuq din il-kwistjoni ħafna punti baqgħu impreċiżi, fuq kollox ir-responsabbiltà konkreta tal-pajjiżi li għandhom jikkontribwixxu.

 

52. Illum għadna nistgħu naffermaw li “l-ftehim li ntlaħaq kellu livell baxx ta’ attwazzjoni għax ma ġewx miftiehma mekkaniżmi tajba ta’ kontroll, ta’ verifika perjodika u ta’ sanzjonijiet f’każ li dak il-ftehim ma jkunx irrispettat. Il-prinċipji li ħarġu minn hemm għadhom ifittxu toroq effikaċi u flessibbli ta’ twettiq prattiku”.[32] Barra minn hekk, “in-negozjati internazzjonali ma jistgħux javvanzaw b’mod qawwi minħabba fil-pożizzjonijiet tal-pajjiżi li jipprivileġġjaw l-interessi nazzjonali tagħhom fuq il-ġid komuni globali. Dawk li għad ibatu l-konsegwenzi li aħna qed nippruvaw naħbu, għad jiftakru f’dan in-nuqqas ta’ kuxjenza u ta’ responsabbiltà”.[33]

 

5. X’nistennew mill-COP28 ta’ Dubai?

 

53. L-Emirati Għarab Magħquda se jospitaw il-Konferenza tal-Partijiet li jmiss (COP28). Hu pajjiż tal-Golf Persjan li jispikka bħala esportatur kbir ta’ enerġija fossili, anki jekk investa ħafna fl-enerġiji rinnovabbli. Fl-istess waqt, il-kumpaniji tal-pitrolju u tal-gass hemmhekk għandhom ambizzjonijiet għal proġetti ġodda biex jespandu iktar il-produzzjoni tagħhom. Jekk ngħidu li ma hemm xejn x’nistennew inkunu nagħmlu ħsara lilna nfusna, għax ikun ifisser li qed nesponu lill-umanità kollha, speċjalment dawk l-iżjed foqra, għal impatti agħar tat-tibdil fil-klima.

 

54. Jekk għandna fiduċja fil-ħila tal-bniedem li jmur lil hemm mill-interessi żgħar tiegħu u li jwessa’ l-ħsieb tiegħu, ma nistgħux ma noħolmux li l-COP28 twassal għal żieda determinata fit-transizzjoni enerġetika, b’impenji effikaċi li jistgħu jiġu kkontrollati b’mod permanenti. Din il-Konferenza tista’ tkun punt ta’ żvolta, tikkonferma li dak kollu li sar sa mill-1992 kien serju u f’loku, inkella tkun delużjoni kbira u tpoġġi f’riskju l-ġid kollu li stajna naslu għalih sal-lum.

 

55. Minkejja l-għadd kbir ta’ negozjati u ftehim, l-emissjonijiet globali komplew jiżdiedu. Huwa minnu li nistgħu ngħidu li mingħajr dawn il-ftehim kienu jiżdiedu iżjed. Imma fuq kwistjonijiet ambjentali oħra, fejn kien hemm ir-rieda, intlaħqu riżultati sinifikattivi ferm, bħal fil-każ tal-protezzjoni tas-saff tal-ożonu. Imma t-transizzjoni meħtieġa lejn enerġija nadifa, bħal dik mir-riħ u dik mix-xemx, fejn allura jitwarrbu l-karburanti fossili, mhix għaddejja b’ritmu ħafif biżżejjed. Konsegwentement, dak li qed isir qed jirriskja li jiġi interpretat biss bħala logħba ta’ distrazzjoni.

 

56. Jeħtieġ negħlbu l-loġika li minn naħa nidhru sensibbli għall-problema u fl-istess waqt ma nsibux il-kuraġġ li nwettqu bidliet sostanzjali. Nafu li, b’dan il-pass, fi ftit snin se nissuperaw l-ogħla limitu rrakkomandat ta’ 1.5oC u fi żmien qasir nistgħu naslu għal 3o, b’riskju għoli li nilħqu punt kritiku. Imqar jekk ma naslux għal dan il-punt irriversibbli, l-effetti jkunu diżastrużi u jkun hemm bżonn nieħdu miżuri llum qabel għada, bi spejjeż enormi u b’konsegwenzi ekonomiċi u soċjali estremament gravi u intollerabbli. Jekk il-miżuri li nistgħu naddottaw issa għandhom prezz, aktar ma nistennew aktar u aktar ikunu tqal.

 

57. Nemmen li hu essenzjali nisħqu fuq il-fatt li “li nfittxu biss rimedju teknoloġiku għal kull problema ambjentali li titfaċċa quddiemna, ifisser li niżolaw l-affarijiet li fil-verità huma marbuta ma’ xulxin, u nkunu naħbu l-problemi veri u l-aktar profondi tas-sistema dinjija”.[34] Huwa minnu li, fl-immedjat, l-isforzi ta’ adattament huma meħtieġa quddiem il-ħsarat irriversibbli; anki ċerti interventi u progressi teknoloġiċi biex jassorbu jew jaqbdu l-gassijiet tal-emissjoni huma pożittivi; imma qed nirriskjaw li nibqgħu imblokkati fil-loġika li naraw kif nirranġaw għalissa, insewwu ftit, norbtu b’ħajta, meta baxx baxx jibqa’ għaddej proċess ta’ taħsir li qed inkomplu nrewħulu. Li nassumu li kull problema tal-futur tista’ tissolva b’interventi tekniċi ġodda hu pragmatiżmu fatali, iddestinat li jikkawża effett ta’ valanga.

 

58. Ejjew intemmu darba għal dejjem dan l-iżżuffjettar irresponsabbli li qed jippreżenta l-kwistjoni bħala waħda ambjentali biss, “ħadra”, romantika, spiss irredikolata minħabba interessi ekonomiċi. Ejjew sa fl-aħħar nammettu li din hi problema umana u soċjali fis-sens wiesa’ u fuq diversi livelli. Għal dan hemm bżonn is-sehem ta’ kulħadd. Spiss jiġbdu l-attenzjoni, f’okkażjoni tal-Konferenzi fuq il-klima, l-azzjonijiet tal-gruppi msejħa “radikalizzati”. Fil-verità, dawn qed jimlew il-vojt ta’ soċjetà sħiħa, li messha teżerċita pressjoni b’saħħitha, għax kull familja għandha taħseb li l-futur ta’ wliedha qiegħed f’riskju.

 

59. Jekk hemm interess sinċier biex nagħmlu mezz li l-COP28 tkun waħda storika, li tagħmlilna unur u tixhed tassew għall-kobor uman, allura nistgħu biss nistennew minnha forom ta’ transizzjoni enerġetika li jorbtu u li jkollhom dawn it-tliet karatteristiċi: li jkunu effiċjenti, li jkunu jorbtu u li faċilment ikunu kkontrollati. Dan sabiex jinbeda proċess ġdid li jkun drastiku, intens u jista’ jserraħ fuq l-impenn ta’ kulħadd. Dan, fil-mixja tagħna sal-lum, għadu ma seħħx, imma bi proċess bħal dan biss nistgħu nġeddu l-kredibbiltà tal-politika internazzjonali, għax hu biss b’dan il-mod konkret li jkun possibbli nnaqqsu b’mod notevoli l-livelli tad-dijossidu tal-karbonju u maż-żmien nevitaw ħsarat agħar.

 

60. Nittamaw li dawk li se jintervienu jkunu nies ta’ strateġija li kapaċi jaħsbu fil-ġid komuni u fil-futur ta’ wliedhom, pjuttost milli fl-interessi ċirkustanzjali ta’ xi pajjiż jew azjenda. Hekk ikunu jistgħu juru l-kobor tal-politika u mhux kemm hi tal-mistħija. Lis-setgħanin nissogra ntennilhom din il-mistoqsija: “Għaliex illum il-ġurnata għad hemm min irid jibqa’ mkaħħal ma’ poter li sa jibqa’ mfakkar għal kemm ma kienx kapaċi jindaħal meta kien tant urġenti u meħtieġ li jagħmel dan?”.[35]

 

6. Il-motivazzjoni spiritwali

 

61. Lill-fidili Kattoliċi ma rridx nonqos milli nfakkarhom fil-motivazzjonijiet li ħerġin mill-istess fidi tagħhom. Inħeġġeġ lil ħutna ta’ reliġjonijiet oħra biex jagħmlu l-istess, għax nafu li l-fidi awtentika mhux biss tqawwi lill-qalb tal-bniedem, imma tibdel il-ħajja kollha, tittrasfigura l-objettivi personali, iddawwal ir-relazzjoni mal-oħrajn u r-rabtiet mal-ħolqien kollu.

 

Għad-dawl tal-fidi

62. Il-Bibbja tirrakkonta li “ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen 1:31). Tiegħu hi “l-art u kulma fiha” (Dewt 10:14). Għalhekk hu jgħidilna: “L-art ma għandhiex tinbiegħ għal dejjem, għax l-art hi tiegħi, u intom qiskom frustieri jew qegħdin miegħi” (Lev 25:23). Għaldaqstant, “din ir-responsabbiltà quddiem dinja li hi ta’ Alla, timplika li l-bniedem, mogħni bl-intelliġenza, jirrispetta l-liġijiet tan-natura u l-bilanċi delikati bejn il-ħlejjaq ta’ din id-dinja”.[36]

 

63. Mill-banda l-oħra, “l-univers kollu kemm hu, bl-għadd kbir fuq li kbir ta’ relazzjonijiet tiegħu, jikxef bl-isbaħ mod l-għana bla qies ta’ Alla”; għalhekk, biex ikollna l-għerf, “għandna bżonn nilqgħu l-varjetà tal-ħwejjeġ ta’ madwarna fl-għadd ta’ relazzjonijiet ta’ bejniethom”.[37] F’din il-mixja ta’ għerf, mhux irrilevanti għalina li bosta speċi qed jgħibu u li l-kriżi tal-klima qed tipperikola l-ħajja ta’ tant ħlejjaq.

 

64. Ġesù “seta’ jistieden oħrajn biex ikunu attenti għall-ġmiel li hawn fid-dinja, għax hu nnifsu kien f’kuntatt bla waqfien man-natura u kien juriha attenzjoni sħiħa ta’ mħabba u stagħġib. Meta kien jiġri minn rokna għall-oħra ta’ art twelidu, kien jieqaf jikkontempla l-ġmiel miżrugħ minn Missieru, u jistieden lid-dixxipli biex fil-ħwejjeġ ta’ madwarhom jilmħu l-messaġġ divin”.[38]

 

65. Fl-istess waqt, “il-ħlejjaq ta’ din id-dinja ma jidhrux iżjed bħala realtà sempliċement naturali, għax l-Irxoxt iħaddanhom misterjożament fih u jorjentahom lejn destin ta’ milja sħiħa. L-istess ward tal-għelieqi u l-għasafar li hu waqaf jikkontempla u jammira bl-għajnejn tiegħu ta’ bniedem, issa huma mfawra bil-preżenza tiegħu kollha dija”.[39] Jekk “l-univers jikber f’Alla, li jimlieh kollu kemm hu, mela hemm misteru x’nikkontemplaw f’werqa, f’passaġġ qalb il-muntanji, fin-nida, fil-wiċċ ta’ bniedem fqir”.[40] Id-dinja tgħanni Mħabba bla tmiem. Kif nistgħu ma niħdux ħsiebha?

 

Nimxu f’komunjoni u b’responsabbiltà

66. Alla rabatna mal-ħlejjaq kollha tiegħu. Madankollu, il-paradigma teknokratika tista’ tiżolana minn dak li hawn madwarna u tqarraq bina għax tnessina li d-dinja kollha hi “żona ta’ kuntatt”.[41]

 

67. Il-viżjoni Ġudajka-Kristjana tad-dinja tisħaq fuq il-valur partikulari u ċentrali tal-bniedem qalb il-kunċert meraviljuż tal-ħlejjaq kollha, imma llum irridu nagħrfu li nistgħu nsostnu biss “antropoċentriżmu pożizzjonat”. Jiġifieri, nagħrfu li l-ħajja umana ma tistax tinftiehem u lanqas hi sostenibbli mingħajr il-ħlejjaq l-oħra. Fil-fatt, “aħna lkoll ħlejjaq tal-univers, aħna magħqudin flimkien b’rabtiet li ma jidhrux u nsawru għamla ta’ familja universali, komunjoni għolja li tmexxina lejn rispett qaddis, maħbub u umli”.[42]

 

68. Dan mhuwiex prodott tar-rieda tagħna, għandu oriġni oħra li tinsab fl-għeruq ta’ dak li aħna, għax “Alla tant għaqqadna ħaġa waħda mad-dinja ta’ madwarna, li d-deżertifikazzjoni tal-ħamrija hi bħal marda għal kull wieħed u waħda minna, u nistgħu nibku l-estinzjoni ta’ xi speċi bħallikieku kienet qed titbiċċrilna parti minn ġisimna stess”.[43] Hekk inwarrbu għalkollox l-idea ta’ ħlejqa umana awtonoma, omnipotenti u bla limiti, u nagħtu ħarsa ġdida lejna nfusna biex nifhmu lilna nfusna b’mod iżjed umli u iżjed għani.

 

69. Nistedinkom ilkoll issieħbu din il-mixja ta’ rikonċiljazzjoni mad-dinja li tilqagħna fiha u tagħnuha bis-sehem tagħkom, għax l-impenn tagħna għandu x’jaqsam mad-dinjità personali u mal-valuri l-kbar. Madankollu, ma nistax niċħad li hemm bżonn inkunu sinċieri u nagħrfu li s-soluzzjonijiet l-aktar effikaċi ma jistgħux jiġu biss mill-isforzi individwali, imma fuq kollox mid-deċiżjonijiet il-kbar tal-politika nazzjonali u internazzjonali.

 

70. Minkejja dan, kollox jingħaqad, u jekk nevitaw li jiżdied imqar wieħed minn għaxra ta’ grad tat-temperatura globali, diġà jista’ jkun biżżejjed biex nevitaw lil ħafna persuni milli jbatu. Imma dak li jiswa hu xi ħaġa inqas kwantitattiva: niftakru li ma jistax ikun hemm bidliet li jħallu effetti fit-tul mingħajr bidliet kulturali, mingħajr maturazzjoni fil-mod kif ngħixu u fil-konvinzjonijiet soċjali, u ma hemmx bidliet kulturali mingħajr bidliet fil-persuni.

 

71. L-isforzi tal-familji biex iħammġu inqas, inaqqsu l-ħela, jikkunsmaw b’mod prudenti, qed joħolqu kultura ġdida. Is-sempliċi fatt li nibdlu d-drawwiet personali, fil-familji u fil-komunitajiet, jgħin biex ikun hemm aktar tħassib dwar ir-responsabbiltajiet li mhumiex iġorru s-setturi politiċi u iktar stmerrija għan-nuqqas ta’ interess min-naħa tas-setgħanin. Allura rridu ninnutaw li, anki jekk dan ma jipproduċix effett sinifikanti ħafna immedjatament mil-lat kwantitattiv, ikun qed jikkontribwixxi biex jitwettqu proċessi kbar ta’ trasformazzjoni li joperaw mill-qalba tas-soċjetà.             

 

72. Meta nqisu li l-emissjonijiet pro capite fl-Istati Uniti huma kważi d-doppju ta’ xi ħadd li jgħix fiċ-Ċina u xi seba’ darbiet iktar meta mqabbla mal-medja tal-pajjiżi l-iżjed foqra,[44] nistgħu nistqarru li bidla mifruxa fl-istil ta’ ħajja irresponsabbli marbut mal-mudell tal-Punent jista’ jkollha impatt sinifikanti fit-tul. Hekk, bid-deċiżjonijiet politiċi indispensabbli, inkunu qbadna t-triq tal-għożża reċiproka.

 

73. “Faħħru lil Alla” huwa l-isem ta’ din l-ittra. Għax bniedem li jippretendi li jista’ jieħu post Alla jsir l-agħar periklu għalih innifsu.

 

Mogħtija Ruma, f’San Ġwann Lateran, l-4 ta’ Ottubru, Festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, tas-sena 2023, il-ħdax-il wieħed tal-Pontifikat tiegħi.

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

ħajr lill-Prof Paul Pace tal-għajnuna tiegħu

 


[1] Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Istati Uniti, Global Climate Change Background, 2019.

[2] Assemblea Speċjali tas-Sinodu tal-Isqfijiet għar-Reġjun Pan-Amażoniku, Dokument finali, Ottubru 2019, 10: AAS 111 (2019), 1744.

[3] Simposju tal-Konferenzi Episkopali tal-Afrika u l-Madagascar (Sceam), African Climate Dialogues Communiqué, Nairobi, 17 ta’ Ottubru 2022.

[4] Ara Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC), Climate Change 2021, The Physical Science Basis, Cambridge and New York 2021, B.2.2.

[5] Ara Id., Climate Change 2023, Synthesis Report, Summary for Policymakers, B.3.2. Għar-Rapport 2023 irriferi għal https://www.ipcc.ch/report/ar6/syr/downloads/report/IPCC_AR6_SYR_SPM.pdf.

[6] Ara United Nations Environment Program, The Emissions Gap Report 2022: https://www.unep.org/resources/emissions-gap-report-2022.

[7] Ara National Oceanic and Atmospheric Administration, Earth System Research Laboratories, Global Monitoring Laboratory,  Trends in Atmospheric Carbon Dioxide: https://www.gml.noaa.gov/ccgg/trends/.

[8] Ara IPCC, Climate Change 2023, Synthesis Report, Summary for Policymakers, A.1.3.

[9] Ara ibid., B.5.3.

[10] Dan it-tagħrif tal-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) hu msejjes fuq madwar 34,000 studju: ara IPCC, Synthesis Report of the Sixth Assessment Report (20/03/2023): AR6 Synthesis Report: Climate Change 2023 (ipcc.ch)

[11] Ara IPCC, Climate Change 2023, Synthesis Report, Summary for Policymakers, A.1.2.

[12] Ara ibid.

[13] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 101: AAS 107 (2015), 887.

[14] Ibid., 105: AAS 107 (2015), 889.

[15] Ibid., 106: AAS 107 (2015), 890.

[16] Ibid., 104: AAS 107 (2015), 888-889.

[17] Ibid., 105: AAS 107 (2015), 889.

[18] Ibid., 139: AAS 107 (2015), 903.

[19] Ibid., 220: AAS 107 (2015), 934.

[20] Ara S. Sörlin – P. Warde, Making the Environment Historical. An Introduction, f’Idem, Nature’s End: History and the Environment, Basingstoke – New York 2009, 1-23.

[21] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 139: AAS 107 (2015), 903.

[22] V. Solov’ëv, I tre dialoghi e il racconto dell’Anticristo, Bologna 2021, 256.

[23] Ara San Pawlu VI, Diskors lill-FAO fil-25 anniversarju tagħha (16 ta’ Novembru 1970), 4: AAS 62 (1970), 833.

[24] Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 11: AAS 112 (2020), 972.

[25] Ibid., 174: AAS 112 (2020), 1030.

[26] Ibid., 172: AAS 112 (2020), 1029.

[27] Ibid.

[28] Ara ibid., 170: AAS 112 (2020), 1029.

[29] Ibid.

[30] Ibid., 175: AAS 112 (2020), 1031.

[31] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 179: AAS 107 (2015), 918.

[32] Ibid., 167: AAS 107 (2015), 914.

[33] Ibid., 169: AAS 107 (2015), 915.

[34] Ibid., 111: AAS 107 (2015), 982.

[35] Ibid., 57: AAS 107 (2015), 870.

[36] Ibid., 68: AAS 107 (2015), 874.

[37] Ibid., 86: AAS 107 (2015), 881.

[38] Ibid., 97: AAS 107 (2015), 886.

[39] Ibid., 100: AAS 107 (2015), 887.

[40] Ibid., 233: AAS 107 (2015), 938.

[41] Ara D.J. Haraway, When Species Meet, Minneapolis 2008, 205-249.

[42] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 89: AAS 107 (2015), 883.

[43] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium (24 ta’ Novembru 2013), 215: AAS 105 (2013), 1109.

[44] Ara United Nations Environment Program, The Emissions Gap Report 2022: https://www.unep.org/resources/emissions-gap-report-2022.

xx
xx
xx
xx
xx
xx