Laikos

Ara Laudate Deum ...


KWOTAZZJONIJIET MILL-EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

LAUDATE DEUM

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

LILL-PERSUNI KOLLHA TA’ RIEDA TAJBA

DWAR IL-KRIŻI FIL-KLIMA

 

Minn paragrafu 2 ...

IMPATT FUQ IL-PERSUNI U L-FAMILJI

M’hemmx dubju li l-impatt tat-tibdil fil-klima dejjem se jkun qed jagħmel ħsara ikbar lill-ħajja ta’ ħafna persuni u familji. Se nħossu l-effetti tiegħu f’termini ta’ saħħa, xogħol, aċċess għar-riżorsi, postijiet fejn ngħixu, migrazzjonijiet ta’ bilfors, u f’oqsma oħra.

 


Minn paragrafu 3 ...

DIN PROBLEMA SOĊJALI

Din hi problema soċjali globali li hi marbuta qatigħ mad-dinjità tal-ħajja umana. L-attakki fuq in-natura għandhom konsegwenzi fuq il-ħajja tal-popli. Din m’għadhiex kwistjoni sekondarja jew ideoloġika, imma traġedja li qed tagħmlilna l-ħsara lkoll kemm aħna.

 


Minn paragrafu 9 ... 

IT-TORT MHUX TAL-FOQRA

Fit-tentattiv tagħna li nissimplifikaw ir-realtà, ma jonqsux dawk li t-tort jitfgħuh fuq il-foqra għax qed iġibu ħafna wlied fid-dinja, u jipprovaw isolvu l-problema bil-mutilazzjoni tan-nisa fil-pajjiżi inqas żviluppati. Bħas-soltu, il-ħtija tidher li hi tal-foqra. Imma r-realtà hi li perċentwal żgħir u l-iżjed sinjur tal-popolazzjoni dinjija qed iniġġes iżjed meta mqabbel mal-50% ta’ dak iżjed fqir, u li l-emissjonijiet pro capite tal-pajjiżi l-iżjed sinjuri huma ħafna ogħla minn dawk tal-pajjiżi l-iżjed fqar.Kif nistgħu ninsew li l-Afrika, fejn jgħixu iżjed minn nofs il-persuni l-aktar foqra tad-dinja, hi responsabbli biss għal parti żgħira mill-emissjonijiet matul iż-żmien?

 


Minn paragrafu 11 ... 

ORIĠINI UMAN

L-oriġni uman tat-tibdil fil-klima ma nistgħux nibqgħu nindubjawh.

 


Minn paragrafu 15 ... 

ĦLEJJAQ OĦRA MINFLOK SIEĦBA TAGĦNA SARU VITTMI

Xi manifestazzjonijiet tal-kriżi fil-klima huma diġà irriversibbli għal tal-inqas mijiet ta’ snin, bħaż-żieda fit-temperatura globali tal-oċeani, l-aċidifikazzjoni u t-tnaqqis fl-ossiġnu. L-ilmijiet oċeaniċi għandhom inerzja termika u t-temperatura u s-salinità tagħhom iridu sekli sħaħ biex jinnormalizzaw ruħhom, b’konsegwenzi fuq l-għajxien ta’ ħafna speċi. Dan hu sinjal fost ħafna tal-fatt li l-ħlejjaq l-oħra ta’ din id-dinja ma baqgħux sieħba fil-vjaġġ tagħna imma saru vittmi tagħna.

 


Minn paragrafu 24 ... 

XEBĦ MAL-UŻU TA' BOMBI ATOMIĊI

Mhux kull tkabbir fil-poter hu progress għall-umanità. Biżżejjed naħsbu fit-teknoloġiji “tal-għaġeb” li ntużaw biex jikinsu popli sħaħ, jixħtu bombi atomiċi, u jeqirdu gruppi etniċi. Kien hemm mumenti fl-istorja fejn l-ammirazzjoni għall-progress ma ħallitniex naraw l-orrur tal-effetti tiegħu. Imma dan ir-riskju hu dejjem preżenti, għax “it-tkabbir immens tat-teknoloġija ma kienx imsieħeb minn żvilupp tal-bniedem fejn jidħlu r-responsabbiltà.

 


Minn paragrafu 25 ... 

ID-DINJA MHIJIEX OĠĠETT TA' SFURTAMMENT

Id-dinja ta’ madwarna mhijiex oġġett ta’ sfruttament, ta’ użu sfrenat, ta’ ambizzjoni bla limiti. Lanqas nistgħu ngħidu li n-natura hija sempliċiment “inkwatru” li fih niżviluppaw ħajjitna u l-proġetti tagħna, għax aħna mdaħħlin fiha, aħna parti minnha u jkollna x’naqsmu magħha l-ħin kollu, hekk li wieħed id-dinja ma jikkontemplahiex minn barra imma minn ġewwa.

 


Minn paragrafu 58 ... 

MA NKOMPLUX NIŻŻUFJETTAW

Ejjew intemmu darba għal dejjem dan l-iżżuffjettar irresponsabbli li qed jippreżenta l-kwistjoni bħala waħda ambjentali biss, “ħadra”, romantika, spiss irredikolata minħabba interessi ekonomiċi. Ejjew sa fl-aħħar nammettu li din hi problema umana u soċjali fis-sens wiesa’ u fuq diversi livelli.

 


Minn paragrafu 60 ... 

MISTOQSIJA LIS-SETGĦANIN

Lis-setgħanin nissogra ntennilhom din il-mistoqsija: “Għaliex illum il-ġurnata għad hemm min irid jibqa’ mkaħħal ma’ poter li sa jibqa’ mfakkar għal kemm ma kienx kapaċi jindaħal meta kien tant urġenti u meħtieġ li jagħmel dan?”.


Minn paragrafu 62 ... 

DINJA LI HI TA' ALLA

Il-Bibbja tirrakkonta li ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna. Tiegħu hi l-art u kulma fiha u għaldaqstant, din ir-responsabbiltà quddiem dinja li hi ta’ Alla, timplika li l-bniedem, mogħni bl-intelliġenza, jirrispetta l-liġijiet tan-natura u l-bilanċi delikati bejn il-ħlejjaq ta’ din id-dinja.

 


Minn paragrafu 71 ... 

INNAQSU L-ĦELA U NĦAMMĠU ANQAS

L-isforzi tal-familji biex iħammġu inqas, inaqqsu l-ħela, jikkunsmaw b’mod prudenti, qed joħolqu kultura ġdida. Is-sempliċi fatt li nibdlu d-drawwiet personali, fil-familji u fil-komunitajiet, jgħin biex ikun hemm aktar tħassib dwar ir-responsabbiltajiet li mhumiex iġorru s-setturi politiċi u iktar stmerrija għan-nuqqas ta’ interess min-naħa tas-setgħanin. Allura rridu ninnutaw li, anki jekk dan ma jipproduċix effett sinifikanti ħafna immedjatament mil-lat kwantitattiv, ikun qed jikkontribwixxi biex jitwettqu proċessi kbar ta’ trasformazzjoni li joperaw mill-qalba tas-soċjetà.   

 


Minn paragrafu 73 ... 

GĦALIEX "FAĦĦRU LIL ALLA"?

Għaliex bniedem li jippretendi li jista’ jieħu post Alla jsir l-agħar periklu għalih innifsu.

 


DWAR IL-COP 28 TA' DUBAI. 30 Nov - 12 Diċ 2023

Din il-Konferenza tista’ tkun punt ta’ żvolta, tikkonferma li dak kollu li sar sa mill-1992 kien serju u f’loku, inkella tkun delużjoni kbira u tpoġġi f’riskju l-ġid kollu li stajna naslu għalih sal-lum. par 54

Biex nagħmlu mezz li l-COP28 tkun waħda storika, li tagħmlilna unur u tixhed tassew għall-kobor uman, allura nistgħu biss nistennew minnha forom ta’ transizzjoni enerġetika li jorbtu u li jkollhom dawn it-tliet karatteristiċi: li jkunu effiċjenti, li jkunu jorbtu u li faċilment ikunu kkontrollati. par 59