Laikos

Ara Laudate Deum ...

POSTERS BI KWOTAZZJONIJIET MILL-ITTRA APPOSTOLIKA

TAL-PAPA FRANĠISKU

"LAUDATE DEUM"

DWAR IL-KRIŻI FIL-KLIMA

4 ta' Ottubru 2023

 

Paragrafu 2. M'aħniex qed nirreaġixxu biżżejjed

Mal-medda taż-żmien, qed nintebaħ li ma aħniex qed nirreaġixxu biżżejjed, ladarba d-dinja li tilqagħna fiha qed titfarrak u forsi miexja lejn il-punt li fih titkisser. Lil hemm minn din il-possibbiltà, m’hemmx dubju li l-impatt tat-tibdil fil-klima dejjem se jkun qed jagħmel ħsara ikbar lill-ħajja ta’ ħafna persuni u familji. Se nħossu l-effetti tiegħu f’termini ta’ saħħa, xogħol, aċċess għar-riżorsi, postijiet fejn ngħixu, migrazzjonijiet ta’ bilfors, u f’oqsma oħra.  ara l-poster


Paragrafu 3. Problema soċjali globali

Din hi problema soċjali globali li hi marbuta qatigħ mad-dinjità tal-ħajja umana. L-isqfijiet tal-Istati Uniti esprimew tajjeb ħafna s-sens soċjali tat-tħassib tagħna għat-tibdil fil-klima, li jmur lil hemm minn xi viżjoni sempliċiment ekoloġika, għax l-għożża tagħna għall-persuna l-oħra u l-għożża tagħna għall-art huma marbuta qatigħ flimkien. It-tibdil fil-klima hu waħda mill-isfidi ewlenin li s-soċjetà u l-komunità globali jridu jaffrontaw. L-effetti tat-tibdil fil-klima jġarrbuhom l-aktar persuni vulnerabbli, kemm f’pajjiżhom u kemm fid-dinja. ara l-poster


Paragrafu 3. Attakki fuq in-natura

L-attakki fuq in-natura għandhom konsegwenzi fuq il-ħajja tal-popli. U biex jesprimu b’qawwa li din m’għadhiex kwistjoni sekondarja jew ideoloġika, imma traġedja li qed tagħmlilna l-ħsara lkoll kemm aħna, l-isqfijiet Afrikani ddikjaraw li t-tibdil fil-klima hu eżempju xokkanti ta’ dnub strutturali. ara l-poster


Paragrafu 13. Ħsiebhom fl-ogħla profitt

B’xorti ħażina, il-kriżi fil-klima mhijiex proprjament kwistjoni li qed tinteressa lill-potenzi ekonomiċi l-kbar, li ħsiebhom kif ħa jiksbu l-ogħla profitt bl-inqas spejjeż u fl-inqas żmien possibbli. ara l-poster


Paragrafu 15. Il-vittmi tagħna

Il-ħlejjaq l-oħra ta’ din id-dinja ma baqgħux sieħba fil-vjaġġ tagħna imma saru vittmi tagħna. ara l-poster


Paragrafu 16. Ma nistgħux inwaqqfu iżjed il-ħsarat enormi

Ma nistgħux inwaqqfu iżjed il-ħsarat enormi li kkawżajna. Bilkemm għadna fil-ħin biex nevitaw ħsarat iktar drammatiċi. ara l-poster


Paragrafu 17. Bidliet żgħar importanti

Bidliet żgħar jistgħu jwasslu għal bidliet importanti, imprevisti u forsi diġà irriversibbli, minħabba fatturi ta’ inerzja. ara l-poster


Paragrafu 18. Responsabiltà

Mhu qed jintalab xejn iżjed minna ħlief ċerta responsabbiltà għall-wirt li se nħallu warajna wara li ngħaddu minn din id-dinja. ara l-poster


Paragrafu 19. Il-Covid-19

Il-pandemija tal-Covid-19 ikkonfermat ir-relazzjoni kbira tal-ħajja umana ma’ dik ta’ ħlejjaq oħra ħajjin u mal-ambjent. Imma b’mod partikulari kkonfermat li dak li jseħħ f’kull parti tad-dinja għandu riperkussjonijiet fuq il-pjaneta kollha. Għalhekk nista’ ntenni żewġ konvinzjonijiet li fuqhom ninsisti sal-punt li ninstema’ tedjanti: kollox hu marbut ma’ xulxin u ħadd ma jista’ jsalva waħdu. ara l-poster


Paragrafu 22. Ideoloġija li ġġorr ossessjoni

Il-problema ikbar hija l-ideoloġija li ġġorr magħha ossessjoni: li tkabbar lil hemm minn kull immaġinazzjoni l-poter tal-bniedem, li għalih ir-realtà mhux umana hi sempliċiment riżorsa għall-qadi tiegħu. Dak kollu li jeżisti ma jibqax don li għandu jiġi apprezzat, ivvalorizzat u mgħożż. ara l-poster


Paragrafu 25. Ambizzjoni bla limiti

Id-dinja ta’ madwarna mhijiex oġġett ta’ sfruttament, ta’ użu sfrenat, ta’ ambizzjoni bla limiti. ara l-poster


Paragrafu 27. Ambjen san

Ambjent san huwa wkoll il-prodott tal-interazzjoni tal-bniedem mal-ambjent. ara l-poster


Paragrafu 28. Jeħtieġ nirrevedu l-kwestjoni

Jeħtieġ li lkoll kemm aħna nirrevedu l-kwistjoni tal-poter uman, it-tifsira tiegħu u l-limiti tiegħu. ara l-poster


Paragrafu 28. Ħsieb ċar

Irridu ħsieb ċar u onest biex nagħrfu fil-waqt li l-poter tagħna u l-progress li qed nagħmlu qed iduru kontrina stess. ara l-poster


Paragrafu 30. Ġabra flimkien ta’ ħafna ħsarat meqjusa tollerabbli

Ma nistgħux nitkellmu fuq ħsarat iżgħar, għax hi proprju l-ġabra flimkien ta’ ħafna ħsarat meqjusa tollerabbli li tispiċċa biex ġġibna fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha bħalissa. ara l-poster


Paragrafu 31. Loġika tal-ogħla profitt

Il-loġika tal-ogħla profitt bl-inqas spejjeż, liebsa l-maskra tar-razzjonalità, il-progress u wegħdiet battala, tagħmel impossibbli kull tħassib sinċier għad-dar komuni tagħna u kull attenzjoni għall-promozzjoni ta’ dawk li huma mwarrbin mis-soċjetà. ara l-poster


Paragrafu 34. It-taqbid u l-kisbiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna huwa tagħna

Kull ġenerazzjoni trid tagħmel tagħha t-taqbid u l-kisbiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilha u tmexxihom lejn għanijiet aktar għolja. Hija l-mixja. Il-ġid, kif ukoll l-imħabba, il-ġustizzja u s-solidarjetà, mhumiex ħaġa li tintlaħaq darba għal dejjem; iridu jibqgħu jinkisbu kuljum. ara l-poster


Paragrafu 36. Il-kriżi finanzjara tal-2007-2008

Dan hu li seħħ fil-kriżi finanzjara tal-2007-2008 u li ġie ripetut fil-kriżi tal-Covid-19. Fil-fatt, donnu l-istrateġiji effettivi li ġew żviluppati wara fid-dinja kienu orjentati lejn individwaliżmu ikbar, inqas integrazzjoni, iktar libertà għal dawk li tassew għandhom il-poter f’idejhom, li dejjem isibu l-mod kif joħorġu bla tebgħa jew girfa. ara l-poster


Paragrafu 38. Iċ-ċittadini u l-poter politiku

Il-każijiet li jinħolqu mill-qiegħ fid-dinja kollha, fejn persuni impenjati minn pajjiżi l-iżjed differenti jgħinu u jsieħbu lil xulxin, jaf jirnexxilhom jagħmlu pressjoni fuq il-fatturi tal-poter. Nawguraw li dan iseħħ fejn tidħol il-kriżi fil-klima. Għalhekk intenni li “jekk iċ-ċittadini ma jikkontrollawx huma l-poter politiku – nazzjonali, reġjunali u muniċipali – ħadd mhu ħa jsemma’ leħnu fuq il-ħsarat ambjentali. ara l-poster


Paragrafu 39.  F'kultura postmoderna

Il-kultura postmoderna ġabet sensibbiltà ġdida fil-konfront ta’ min hu l-iżjed dgħajjef u għandu inqas poter. Dan jorbot mal-insistenza tiegħi, fl-Ittra enċiklika Fratelli tutti, fuq il-primat tal-persuna umana u fuq il-ħarsien tad-dinjità tagħha lil hemm minn kull ċirkustanza. Huwa mod ieħor kif nistiednu għall-multilateraliżmu biex insolvu l-problemi veri tal-umanità, billi fuq kollox infittxu r-rispett tad-dinjità tal-persuni b’mod li l-etika tirbaħ fuq l-interessi lokali jew kontiġenti. ara l-poster


Paragrafu 52.  Kuxjenza ta' responsabiltà

Dawk li għad ibatu l-konsegwenzi li aħna qed nippruvaw naħbu, għad jiftakru f’dan in-nuqqas ta’ kuxjenza u ta’ responsabbiltà. ara l-poster


Paragrafu 54.  Fiduċja fil-ħila tal-bniedem

Jekk għandna fiduċja fil-ħila tal-bniedem li jmur lil hemm mill-interessi żgħar tiegħu u li jwessa’ l-ħsieb tiegħu, ma nistgħux ma noħolmux li l-COP28 twassal għal żieda determinata fit-transizzjoni enerġetika, b’impenji effikaċi li jistgħu jiġu kkontrollati b’mod permanenti. ara l-poster


Paragrafu 56.  Sensibbli imma bla kuraġġ?

Jeħtieġ negħlbu l-loġika li minn naħa nidhru sensibbli għall-problema u fl-istess waqt ma nsibux il-kuraġġ li nwettqu bidliet sostanzjali. ara l-poster


Paragrafu 58.  Intemmu l-iżżuffjettar

Ejjew intemmu darba għal dejjem dan l-iżżuffjettar irresponsabbli li qed jippreżenta l-kwistjoni bħala waħda ambjentali biss, ħadra, romantika, spiss irredikolata minħabba interessi ekonomiċi. Ejjew sa fl-aħħar nammettu li din hi problema umana u soċjali fis-sens wiesa’ u fuq diversi livelli. Għal dan hemm bżonn is-sehem ta’ kulħadd. ara l-poster


Paragrafu 58.  Konferenzi fuq il-klima

Spiss jiġbdu l-attenzjoni, f’okkażjoni tal-Konferenzi fuq il-klima, l-azzjonijiet tal-gruppi msejħa radikalizzati. Fil-verità, dawn qed jimlew il-vojt ta’ soċjetà sħiħa, li messha teżerċita pressjoni b’saħħitha, għax kull familja għandha taħseb li l-futur ta’ wliedha qiegħed f’riskju. ara l-poster


Paragrafu 60.  Meħtieġa nies ta' strateġija

Nittamaw li dawk li se jintervienu jkunu nies ta’ strateġija li kapaċi jaħsbu fil-ġid komuni u fil-futur ta’ wliedhom, pjuttost milli fl-interessi ċirkustanzjali ta’ xi pajjiż jew azjenda. ara l-poster


Paragrafu 60.  Domanda lis-setgħanin

Lis-setgħanin nissogra ntennilhom din il-mistoqsija: “Għaliex illum il-ġurnata għad hemm min irid jibqa’ mkaħħal ma’ poter li sa jibqa’ mfakkar għal kemm ma kienx kapaċi jindaħal meta kien tant urġenti u meħtieġ li jagħmel dan?” ara l-poster


Paragrafu 61.  Tfakkaira lill-kattoliċi

Lill-fidili Kattoliċi ma rridx nonqos milli nfakkarhom fil-motivazzjonijiet li ħerġin mill-istess fidi tagħhom. Inħeġġeġ lil ħutna ta’ reliġjonijiet oħra biex jagħmlu l-istess, għax nafu li l-fidi awtentika mhux biss tqawwi lill-qalb tal-bniedem, imma tibdel il-ħajja kollha, tittrasfigura l-objettivi personali, iddawwal ir-relazzjoni mal-oħrajn u r-rabtiet mal-ħolqien kollu. ara l-poster


Paragrafu 62.  L-art hi ta' Alla

Alla jgħidilna: “L-art ma għandhiex tinbiegħ għal dejjem, għax l-art hi tiegħi, u intom qiskom frustieri jew qegħdin miegħi” (Lev 25:23). Għaldaqstant, “din ir-responsabbiltà quddiem dinja li hi ta’ Alla, timplika li l-bniedem, mogħni bl-intelliġenza, jirrispetta l-liġijiet tan-natura u l-bilanċi delikati bejn il-ħlejjaq ta’ din id-dinja”. ara l-poster


Paragrafu 65.  L-univers misteru x'nikkontemplaw

Jekk l-univers jikber f’Alla, li jimlieh kollu kemm hu, mela hemm misteru x’nikkontemplaw f’werqa, f’passaġġ qalb il-muntanji, fin-nida, fil-wiċċ ta’ bniedem fqir. Id-dinja tgħanni Mħabba bla tmiem. Kif nistgħu ma niħdux ħsiebha? ara l-poster


Paragrafu 66.  Rabta mal-ħlejjaq

Alla rabatna mal-ħlejjaq kollha tiegħu. Madankollu, il-paradigma teknokratika tista’ tiżolana minn dak li hawn madwarna u tqarraq bina għax tnessina li d-dinja kollha hi żona ta’ kuntatt. ara l-poster


Paragrafu 67.  Il-viżjoni Ġudajka-Kristjana tad-dinja

Il-viżjoni Ġudajka-Kristjana tad-dinja tisħaq fuq il-valur partikulari u ċentrali tal-bniedem qalb il-kunċert meraviljuż tal-ħlejjaq kollha, imma llum irridu nagħrfu li nistgħu nsostnu biss antropoċentriżmu pożizzjonat. Jiġifieri, nagħrfu li l-ħajja umana ma tistax tinftiehem u lanqas hi sostenibbli mingħajr il-ħlejjaq l-oħra. Fil-fatt, aħna lkoll ħlejjaq tal-univers, aħna magħqudin flimkien b’rabtiet li ma jidhrux u nsawru għamla ta’ familja universali, komunjoni għolja li tmexxina lejn rispett qaddis, maħbub u umli. ara l-poster


Paragrafu 69.  Stedina

Nistedinkom ilkoll issieħbu din il-mixja ta’ rikonċiljazzjoni mad-dinja li tilqagħna fiha u tagħnuha bis-sehem tagħkom, għax l-impenn tagħna għandu x’jaqsam mad-dinjità personali u mal-valuri l-kbar. ara l-poster


Paragrafu 70.  Bidliet kulturali u maturazzjoni

Ma jistax ikun hemm bidliet li jħallu effetti fit-tul mingħajr bidliet kulturali, mingħajr maturazzjoni fil-mod kif ngħixu u fil-konvinzjonijiet soċjali, u ma hemmx bidliet kulturali mingħajr bidliet fil-persuni. ara l-poster


Paragrafu 71.  Is-sehem tal-familji

L-isforzi tal-familji biex iħammġu inqas, inaqqsu l-ħela, jikkunsmaw b’mod prudenti, qed joħolqu kultura ġdida. ara l-poster


Paragrafu 73.  Bniedem li jippretendi li jieħu post Alla

Il-bniedem li jippretendi li jista’ jieħu post Alla jsir l-agħar periklu għalih innifsu. ara l-poster


Ħajr lid-Djoċesi ta' Għawdex għal dawn il-posters