|
Għażel id-diskors li tixtieq taqra mil-lista ta' hawn fuq
...
Diskors ta’ l-Onor. Marie Louise Coleiro Preca,
waqt
Seminar organizzat
mill-ProġettImpenn bit-tema
“IL-FUTUR
: FIL-FAMILJA”
Il-Ġimgħa, 15 ta’ Mejju 2009
Sala Robert Samut, Floriana
6.30 p.m.
Meta aċċettajt l-istedina biex nitkellem magħkom dwar
il-futur tal-familja, mid-direzzjoni ta’ Proġett Impenn,
nistqarr li ħassejtni, ma nafx minn fejn se nibda. għaliex
għalija, meta nitkellem fuq il-familja, inħossni li rrid
nitkellem fuq kollox. Mill-esperjenza tiegħi, fil-politika,
u ngħix l-esperjenzi u r-realtajiet man-nies u l-familji,
kollox jolqot u jeffettwa mill-qrib il-familja.
Se nibda billi a priori, nistqarr magħkom twemmini biex
kulħadd ikun jaf x’inhuma l-preġudizzji tiegħi:
q
NEMMEN LI L-FAMILJA HIJA S-SISIEN TAS-SOĊJETÀ.
q
NEMMEN LI L-ĠID TAS-SOĊJETÀ TAGĦNA, JINKISEB B’FAMILJI
IMSAĦĦIN GĦAX JGĦOŻŻU L-VALURI TA’ L-IMĦABBA, IR-RISPETT,
IT-TOLLERANZA U S-SOLIDARJETA’.
q
NEMMEN LI L-ISTITUZZJONI TAL-FAMILJA TKUN B’SAĦĦITHA BIŻ-ŻWIEĠ
BEJN MARA U RAĠEL.
q
NEMMEN FI ŻWIEĠ DEJJIEMI.
Hija fuq din l-istqarrija ta’ twemmini, li jiena, bħala
persuna fil-politika, bnejt il-kontribut tiegħi f’din id-diskussjoni
ta’ l-lejla magħkom.
Il-bidliet soċjo-ekonomiċi li Malta, flimkien mal-kumplament
ta’ l-Ewropa u tad-dinja ġarrbu u qed iġarrbu, ma naqsux
milli jħallu l-impatt tagħhom fuq il-familja. L-iktar
bidliet sinifikanti fil-fehma tiegħi, kienu u huma l-globaliżazzjoni,
il-mixja lejn is-soċjetà ta’ l-informazzjoni, l-ekonomija ta’
l-għarfien u ta’ l-innovazzjoni, il-moviment lejn ekonomija
bbażata fuq is-servizzi, u l-introduzzjoni ta’ teknoloġija
ġdida fuq il-postijiet tax-xogħol kif ukoll fid-djar; qed
iwasslu, dejjem b’pass iktar mgħaġġel, għal modi ġodda ta’
ħajja u ta’ xogħol, modi, li qed ibiddlu l-istil tal-ħajja u
ta’ l-għamla tal-familja Maltija u għawdxija.
l-impatt ta’ dawn il-bidliet huma wiesgħa u varji, minn
pożittivi għal negattivi. Min-naħa ma nistgħux ninjoraw
l-potenzjal enormi li dawn l-iżviluppi għandhom għas-soċjetà
Maltija, bħal, fil-forom ta’ opportunitajiet ta’ xogħol
ġdid. Lanqas ma nistgħu ninjoraw jew narmu l-fatt, li dawn
il-proċessi u teknoloġija, qed jgħinu biex isaħħu l-pedament
ekonomiku ta’ pajjiżna. Min-naħa l-oħra ma nistgħux
ninjoraw t-theddida, illi dawn il-bidliet qed ipoġġu fuq
l-istil ta’ ħajja, li għexna għal għexieren ta’ snin bih,
f’pajjiżna.
Dawn il-bidliet fl-ordni ekonomika dinija, u sussegwentement
f’pajjiżna, ħolqu u qed joħolqu esiġenzi ġodda fuq
is-soċjetà Maltija li qed jaffettwaw b’mod dirett
lill-familja. L-aspirazzjonijiet u l-aspettattivi tagħna
bħala soċjetà, dejjem qed jiżdiedu. għaldaqstant pajjiżna
jrid mhux biss ilaħħaq mal-bidliet ekonomiċi li qed iseħħu
madwarna, iżda, irid bilfors jaġġorna ruħu, biex ikun
f’qagħda, li jlaħħaq ma’ l-aspirazzjonijeit u ma’
l-aspettiattivi tal-membri tas-soċjetà li qed jgħixu fiha.
F’dan il-kuntest illum, qed naraw per eżempju l-esiġenza li
aktar nisa joħorġu jaħdmu bi qliegħ barra l-familja. Dan
il-bżonn mhux biss huwa xprunat mill-ħtieġa ekonomika,
għat-tkabbir tal-ġid nazzjonali, iżda huwa xprunat, u
meħtieġ ukoll, biex il-familja jkollha d-dħul finanzjarju
adegwat, biex tlaħħaq ma’ l-aspirazzjonijeit u
l-aspettattivi ta’ l-istil ta’ ħajja, li llum, kull persuna
tippretendi li għandha dritt għalih.
għaldaqstant insibu kif it-trobbija ta’ ħafna ulied, qed
titħalla minn kmieni f’idejn ħaddieħor, u mhux aktar f’idejn
l-ommijiet. Il-valuri u l-użanzi, li fl-imgħoddi kienu
jgħaddu għand l-ulied, minn ċkunithom, permezz ta’ l-omm,
illum huma fdati f’idejn dawk li qed jieħdu ħsieb
istituzzjonijiet għall-kura u l-edukazzjoni tat-tfal.
Qed naraw ukoll li l-esiġenzi li qed jinħolqu minħabba
l-bidliet ekonomiċi, prattikament qed jeqirdu bil-mod,
il-mod, il-familja estiża.
Il-globaliżazzjoni qegħda wkoll tesponi lill-Maltin u
lill-għawdxin, għall-użani ġodda, użanzi barranin, li ħafna
drabi jkunu ħafna iktar konvenjenti u komdi minn dawk
il-valuri li dejjem trabbejna fihom. Użanzi li jappellaw
aktar għall-individwalita’ milli għall-kollettivita’.
Użanzi li żviluppaw u qed ikomplu jiżviluppaw, mentalita’ u
kultura kbira ta’ konsumeriżmu, li jappella sew
għall-egoiżmu ta’ l-individwu, u li fil-proċess, ħafna
drabi, jnessi b’mod komplet, is-sens ta’ l-obbligu li
-individwu għandu jkollu lejn il-familja u s-soċjetà.
Dan it-taħlit ta’ idejat u drawwiet barranin u ġodda,
kontinwament imbuttati, mit-televiżjoni u mill-internet, qed
iħallu impatt kbir fuq is-soċjetà Maltija u għawdxija, u fuq
l-idejat tagħna fil-familja. Iż-żmien fejn il-parametri u
l-miri tal-ħajja, li persuna tista’ taspira għalihom kienu
stabbiliti u rikonoxxuti minn kulħadd, u trasmesi minn
ġenerazzjoni għall-oħra mill-familja, mill-iskejjel,
mill-Knisja u mid-duttrina, qiegħed iħallina b’pass
mgħaġġel. Illum l-aspirazzjonijiet tal-ħajja twessgħu, u
l-parametri tal-medoti li huma permessi sabiex wieħed jew
waħda jilħqu l-miri tagħhom infetħu, u ċ-ċittadini Maltin,
iktar u iktar, qed jagħżlu dak l-istil ta’ ħajja li qeigħed
kontinwament jiġi promoss, u popolariżżat, mit-televiżjoni u
mill-internet.
Dawn l-użanzi li f’ħafna każi qed jieħdu post il-valuri
magħrufa u sostnuti għal għexieren ta’ snin mill-familja,
qed joħolqu fostna problemi, diffikultajiet u sfidi ġodda.
Fejn qabel il-familja kienet is-sur ta’ l-istabbilita’,
entita’ permanenti li toffri mistrieħ u ħarsien għall-membri
tagħha, speċjalment għal dawk l-aktar dgħajfa u vulnerabbli,
illum, dawn l-obbligazzjonijiet u responsabbilitajiet saru
ferm iktar laxki, bil-konsegwneza, li ħafna drabi, l-iktar
dgħajfa u vulnerabbli fostna, jiġifieri t-tfal, l-anzjani u
l-persuni b’diżabilita’, mhux dejjem qed isbu l-familja li
toffrilhom kenn u wens, u qed insibu li wħud qed jispiċċaw
mitluqa, emarġinati u / jew dipendenti fuq s-sosteniment u
l-ħarsien ta’ l-istat.
Dawn il-bidliet li mhux qed ikunu sostnuti fil-ħin,
b’policies li jgħarrfu u jsaħħu l-valuri tal-ħajja għat-tul,
qed jirnexxielhom joħolqu gruppi ta’ individwi, li huma
l-iktar vulnerabbli u li għandhom l-ikbar ċans li jispiċċaw
emarġinati, mhux produttivi u dipendneti fuq l-istat
fil-futur, prattikament il-fqar ta’ llum u ta’ għada. Dawn
l-individwi qed ikunu t-tfal, partikolarment tfal li ġejjin
minn familji instabbli, tfal li ġejjin minn familji li
jinsabu f’diffikultajiet finanrjzarji, u tfal li jsibu
diffikutlajiet iktar minn oħrajn fl-iżvilupp personali
tagħhom. Individwi oħra effettwati u li faċilment jispiċċaw
emarġinati huma l-anzjani, in-nisa, l-ommijiet u
l-missirijiet li qed imexxu familja waħedhom, żgħażagħ
illitterati jew mingħajr ħiliet u snajja żviluppati, u
persuni b’diżabilita’.
L-impatt negattiv tal-bidliet jinħtieġ indirizz aktar
immedjat, b’saħħtu u viġilanti, b’sens sħiħ ta’ impenn u
b’rieda qawwija politika, biex aħna l-politiċi flimkien,
nassiġuraw li ndaħħlu dawk il-policies meħtieġa mingħajr
aktar telf ta’ żmien u li jqisu l-ewwel u qabel kollox,
il-ġid kommuni tas-soċjetà kollha kemm hi.
Nistqarr, magħkom, li ħafna drabi nistkanta, kif aħna
l-politiċi fil-Parlament, m’aħniex lesti biżżejjed li
nisfidaw it-territorju partiġġjan, u naħdmu fuq politika
nazzjonali li tkun tassew ħollistika favur it-tisħiħ
tal-familja, minkejja, li ż-żewġ partiti li aħna
fil-parlament, nesprimu rwieħna għexieren ta’ drabi,
bl-istess mod, li l-familja nqisuha bħala l-fus
tas-soċjetà. Ir-rieda individwali tal-politiċi nemmen li
qegħda hemm. Ninħtieġu biss il-kuraġġ, biex nersqu
flimkien, u nwettqu dak li individwalment tant ħafna minna
nemmnu fih.
F’dan il-waqt, jien u nħejji għal dan il-kontribut għal din
il-laqgħa tagħna, il-lejla, ġiet moħħi stqarrija li saret
miċ-Child Poverty Aciton Group ta’ l-Ingilterra, f’rapport
li għadu kemm ippublika madwar xahar ilu, il-wellbeing
tat-tfal u l-faqar fost it-tfal. Żewġ aspetti li
jirriflettu tassew fuq il-qagħda tal-familja. F’dan
ir-rapport l-Ingilterra ġiet min ta’ l-aħħar fl-aspetti li
ġew imkejla, minkejja l-għadd ta’ policies li għandhom.
F’dan ir-rapport intqal: “Most importantly, politicians
from across the political spectrum have signed up to the
goal of a society free of child poverty. Even so, progress
has been slow, and has in places stalled. ..... medicine
has been broadly rigħt the does has been inadequate, and
must be continued over the long term.”
Din l-istqarrija li tinsab f’dan ir-rapport li hemm
indikaturi wkoll fuq Malta, li mhuma xejn sbieħ, għalija
titfa’ dawl kbir dwar il-ħtieġa ta’ impenn viġilanti u rieda
żonqrija min-naħa tagħna l-politiċi, biex nindirizzaw
l-effetti negattivi tal-bidliet soċjo-ekonomiċi fuq
il-familji Maltin u għawdxin.
Illum qed naraw bidla sħiħa fis-sett ta’ valuri li saru
jiggvernaw il-ħajja tal-poplu Malti u għawdxi.
Is-sekulariżmu jew aħjar, il-bidla fil-valuri minn dawk
reliġjużi għal dawk materjali u sekulari, li jiddominaw
f’soċjetà u jiddeterminaw is-soċjeta, ukoll qed tħalli
impatt sinifikanti fuq l-istil ta’ ħajja u l-forma
tal-familja. għal sekli sħaħ il-familja kienet
l-istituzzjoni li serviet bħala għalqa fejn il-valuri nsara
fil-ħajja, fil-kuntest domestiku, ġew imħawla u indukrati.
Il-bidla f’dawn il-valuri, li hi primarjament ikkawżata
mill-bidliet ekonomiċi tal-pajjiż, miż-żieda fil-kuntatti
mal-barranin, u mill-iżvilupp tat-teknoloġija
tal-komunikazzjoni u ta’ l-informatika, qed iġġib magħha
kemm effetti pożitivi kif ukoll negattivi għas-soċjetà
Maltija. Min-naħa waħda, is-sekulariżmu qed isaħħaħ
il-kuntatt ma’ idejat ġodda u użanzi barranin, qed isaħħaħ
il-kultura tat-tagħlim u ta’ l-akkwist u tat-tkabbir ta’
l-għerf, tat-tolleranza u tal-pluraliżmu f’ħafna oqsma.
Is-sekulariżmu affettwa partikolarment anke l-istess tifsira
ta’ familja. Fejn qabel ir-reliġjon kienet tobbliga
lill-miżżewwġin jiddedikaw ħajjithom biex jipprokrea, għal
għadd ta’ koppji illum il-prijorita’ m’għadiex daqshekk
l-ulied iżda saret iktar il-konsiderazzjoni ta’ xi kwalita’
ta’ ħajja qed u jridu jgħixu, konsiderazzjoni li tittieħed
fil-kuntest tal-qagħda finanzjarja u soċjali tagħhom.
Dawn il-fatturi qed iwasslu għal ħafna koppji li ma
jkollhomx iktar minn żewġt itfal, kif ukoll, hemm numru li
dejjem qed jiżdied ta’ koppji li jagħżlu li ma jkolhomx
tfal. Dawn il-fatturi huma riflessi propju mill-aħħar
statistika ta’ l-NSO li ġiet ippublikata propju ‘lbieraħ
fl-okkażjoni ta’ llum, il-Jum Internazzjonali għal Familji.
Min-naħa l-oħra, irrid nistqar li fil-fehma tiegħi,
is-sekulariżmu qed joħloq vojt fil-valuri tal-bniedem, vojt
illi sfortunatament, mhux dejjem qed jimtela’ b’valuri
ġenwini, u li jistgħu jkunu ta’ kontribut siewi għas-soċjetà
Maltija. għalhekk nemmen bis-sħiħ, li l-futur tal-familja
Maltija u għawdxija irid ikun msejjes fuq politika
nazzjonali, maħduma u maqbula minn kulħadd, u li jkollha
l-għan, fost oħrajn, li tippromwovi, tħeġġeġ u tinkoraġġixi
billi fatti, il-familja bħala l-enti ewlieni, li tagħti
l-istil ta’ ħajja ideali għal kulħadd.
Jinħtieġ li jkollna politika nazzjonali favur il-familja li
b’mod fattibbli tassigura li dawk li jridu jwaqqfu familja,
ma jkunux magħfusin bla rażan b’esiġenzi, bħal per eżempju,
dawk finanzjarji, li jiddettawlhom saħansitra l-istil
tal-ħajja tagħhom, u ta’ l-ulied eventwali, fil-familja.
Illum, sfortunatament, li koppja takkwista fejn toqgħod,
saret fost l-akbar uġiegħ ta’ ras, mhux biss sakemm
takkwista l-post li tixtieq, iżda għal tul ħajjithom
kollha. Il-home loans faqqru u għejjew lil ħafna familji.
L-għafsa finanzjarja għal kisba ta’ housing unit biex kopja
tibda familja qed titqies minn għadd ta’ professjonisti
fil-qasam soċjali, bħala fattur fuq id-deċiżjonijiet
tal-koppja fir-rigward tal-kobor tla-familja, għall-istil
ta’ ħajja li qed ikollhom jgħixu, u wkoll kaġun ta’ ħafna
tifrik ta’ familji. L-istress ta’ tant u tant koppji qed
ikun kawża ta’ ċerti trends li qed naraw iseħħu fis-soċjetà
tagħna, partikoalrment f’effetti fuq it-tfal u fil-mod kif
ħafna żgħażagħ qed jibżgħu mill-impenn li jinħtieġ
iż-żwieġ.
Inutli niskantaw u niskandaliżżaw irwieħna, għaliex
il-koabitazzjoni f’pajjiżna qed tiżdied. Jinħtieġ li mhux
nibqgħu fil-periferija tal-problema u nħalluha
tissenzazjonaliżża ruħha, jew inkella noffru
s-soluzzjonijiet li jwasslu biss, biex naraw sal-ponta ta’
imnieħirna. Jinħtieġ li l-problemi naqbduhom mill-għeruq
tagħhom u noffru soluzzjonijiet li jiġġartixxu ħafna aktar
assigurazzjoni dejjiema.
Ftit ilu laqatni diskors li għamel is-Shadow Minister għal
Familja Ingliż, Michael Gove fejn qal: “Turning our backs
on marriage will deprive children of stability and teach
them to be selfish.”
L-effett ta’ l-instabbilita’ f’għadd ta’ familji Maltin diġa
qed narawha tagħti riżultati fi problemi soċjali mill-aktar
kumplessi.
Huwa għalhekk li nemmen ħafna fuq policies ta’ prevenzjoni u
f’waqithom, fuq policies li joħolqu l-ambjent xieraq
għat-tisħiħ effettiv tal-familja, u l-ħarsien sħiħ ta’
l-ulied, fuq policies li jħejju liż-żgħażagħ tagħna minn
ċkunithom għas-sens ta’ impenn li jinvolvi ż-żwieġ u ż-żamma
tal-wegħda li tagħmel lil xi ħadd b’sens qawwi ta’ rġulija.
Huwa għalhekk li nemmen tassew fiż-żwieġ dejjiemi u mhux
għal ftit snin jew illum sfortunatament anke għal ftit xhur.
Ir-rata ta’ familji mfarrka f’pajjiżna, sfortunatament qed
tikber. Ħafna jistqarru li dan ġej mill-fatt li, il-familja
llum ftit li xejn għad ikollha ċans biex tqatta’ ħin
flimkien, għaliex biex tlaħħaq mal-esiġenzi finanzjarji
ħafna qed jaħdmu minn dlam sa dlam, bil-konseġwenza li
l-kommunikazzjoni bejn l-adulti u l-ulied qed tonqos kuljum,
u għal għadd sostanzjali, qed tirriżulta wkoll f’konsegwenzi
irreparabbli għaż-żwieġ tagħhom.
Dan il-fattur joħroġ ċar mir-rapport xjentifiku li sar
miċ-Child Poverty Action Group ta’ l-Ingilterra li ġie
ppublikat f’Marzu 2009, fejn Malta ġiet ikklassifikata
fit-21 post mid-29 pajjiż, li jinkludu s-27 stat membru ta’
l-Unjoni Ewropea, flimkien man-Norveġja u l-Iżlanda. Din
il-klassifika li għandha x’taqsam mal-relazzjonijiet li
għandhom it-tfal Maltin u għawdxin, fejn l-indikaturi kienu
dwar kemm hija faċli għat-tfal biex jikkommunikaw
mal-ġenituri tagħhom u dwar ir-relazzjoni li għandhom
mat-tfal sħabhom fl-iskola. Din hija indikazzjoni ċara, ta’
effetti negattivi u li definittivament għandhom impatti
mill-agħar fuq is-soċjetà tagħna u l-futur tal-familja
Maltija u għawdxija.
Ir-rata ta’ tfal b’diffikultajiet u problemi ta’ natura
kkaġunati minn instabbilita’ fid-dar qed tikber ukoll. Ma
nistgħux biex nagħmluha tal-moderni u ta’ l-aġġornati, illum
nibqgħu nħallu l-forzi tas-suq jaħdmu u jikkompetu u aħna
l-politiċi ninsew il-missjoni soċjali tagħna lejn tant
membri tas-soċjetà tagħna.
Ħawnhekk nixtieq nikkwota wkoll x’qal ir-rapport taċ-Child
Poverty Action Group fl-Ingilterra, għaliex jagħti
indikazzjoni oħra għalina dwar x’jinħtieġ biex insaħħu l-familja
għal futur.
Ir-rapport jgħid: “In some areas Child Poverty Action Group
believes that policy has actively worked against the
interests of good child wellbeing. It is vitally important
that parents are provided with the support necessary to move
into paid work where this can be balanced with caring
reponsabilities”.
Mhix responsabbilita’ u serjeta’ min-naħa tagħna l-politiċi,
li nafu ben tajjeb x’qed jiġri, ma nkunux pronto u imbagħad,
inqisu biss dawn il-problemi, wara li jinħolqu jew
saħansitra jikkankraw, u biex intaffu l-kuxjenza tagħna
nipprovdu għal programme ta’ kura. Nafu x’inhuma l-kawżi
tal-problemi, qed naraw ukoll l-effetti tagħhom, jinħtieġ
b’mod immedjat, nindirizzawhom iżda wkoll għat-tul nieħu
miżuri qawwi għal prevenzjoni.
Il-brix soċjali li qiegħed jinħoloq kuljum, jekk mhux se
jkun indirizzat fil-pront, se jkompli jgħerreq mhux biss lil
dawk li huma direttament milquta, iżda lis-soċjetà tagħna
kollha kemm hi.
għalhekk nemmen b’qawwa, li b’mod urġenti ninħtieġu politika
nazzjonali favur il-familja li tiċċentra b’mod effettiv fuq
id-drittijiet u l-ħarsien tat-tfal u ta’ dawk l-aktar
vulnerabbli f’pajjiżna, fuq bażi immedjata u għat-tul.
Nemmen tassew, li l-futur tal-familja, irid ikun imsejjes
fuq politika nazzjonali favur il- familja li ma tissawwarx
f’iżolament. Jinħtieġ l-għaqda u l-koordinament sħiħ biex
nassiguraw li niżviluppaw u nsostnu politika ħollistika
nazzjonali għall-familja. Jinħtieġ qabża fil-mentalita’ u
maturita’ politika, biex ngħelbu l-isfortuna dominanti
fostna, ta’ kultura territorjali u partiġġjana. It-tisħiħ
ta’ l-istituzzjoni tal-familja Maltija u għawxija, jista’
jirnexxi biss, jekk naħsbu u naħdmu flimkien, b’mod ippjanat
u kkordinat, għaliex nemmen li politika nazzjonali għal
familja trid tkun tirrifletti l-aspirazjzonijiet u l-aspettattivi
li jġib miegħu l-pluraliżmu ta’ kulturi u twemmin differenti
li llum qed isawru s-soċjetà Maltija u għawdxija.
Nemmen li l-futur tal-familja Maltija u għawdxija jista’
jkun garantit jekk ikollna politika nazzjonali favur
il-familja, li jkollha viżjoni u jkun marbut magħha kulħadd.
Nemmen li din il-politika, trid tibqa’ taħt l-iskrutinju,
ta’ proċess kontinwu ta’ moniteraġġ u evalwazzjoni, biex
nassiguraw li l-istituzzjoni tal-familja, li tinħtieġ terġa’
tkun is-sisien tas-soċjetà tagħna, filwaqt li tibqa’
issaħħaħ il-valuri fundamentali ta’ l-imħabba, ir-rispett,
it-tolleranza u s-solidarjeta’, tibqa wkoll tevolvi,
regolarment maż-żminijiet, biex tibqa’ rilevanti u
effettivia f’kull żmien.
Se nagħlaq bi kwotazzjoni ta’ Membru Parlamentari Laburista
Ingliż, Frank Field, li qal f’Novembru li għadda: “the
fallout, society faces from family breakdown is just as
dramatic as the present financial crisis.”
Bħal Frank Field jien, nemmen li jekk nsaħħu effettivament
bil-valuri u l-prinċipji u s-sostenn materjali biex nilqgħu
għall-isfidi ta’ llum u għada, inkunu tassew qed
niggarantixxu l-futur tal-familja. għaliex bit-tisħiħ
tal-familja biss nistgħu niggarantixxu t-tisħiħ tas-soċjetà
tagħna u ta’ pajjiżna.
Sadanitant, nemmen tassew li min-naħa tagħna, l-politiċi,
hemm biżżejjed minnha li nħaddnu dawn il-prinċipji u valuri,
u għandna wkoll rieda li kapaċi inwettqu l-biċċa tagħna.
Ejjew l-aħwa nagħmlu kuraġġ. Pajjiżna għatxan għal dan, u
ma jiflaħx jistenna aktar.
|