Home          |          Email          |                                                                                                               Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

 

 

DISKORSI OĦRA TA'...

L-ISQOF MARIO GRECH

L-ONOR ML COLEIRO PRECA

IL-PRESIDENT G. ABELA

Għażel id-diskors li tixtieq taqra mil-lista ta' hawn fuq ...

 

 

Diskors ta’ l-Onor. Carmelo Mifsud Bonnici,

Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern

waqt Seminar organizzat

mill-ProġettImpenn bit-tema

 

“IL-FUTUR : FIL-FAMILJA

 

Il-Ġimgħa, 15 ta’ Mejju 2009

Sala Robert Samut, Floriana

6.30 p.m.

 

Eċċellenza,

Onor. Marie Louise Coleiro Preca

Sinjuri distinti.

 

L-ewwelnett, ninsab grat li ġejt mistieden għal din l-attività u għalhekk irrid nirringrazzja lil ProġettImpenn ta’ dak kollu li għamlet sabiex dan is-Seminar isir.

 

Ma hemmx dubju li dan huwa suġġett interessanti u kumpless.  Għandna soċjetà li qegħda tikber u taġixxi f’fatturi u ambjent kompletament differenti li, terġa’, ma’ kull sena qed ikompli jibdel il-karatteristiċi tiegħu.  Pajjiżna llum huwa ferm iktar popolat minn qabel, miftuħ għall-irjieħat tal-ideat u li għandu quddiemu opportunitajiet li qabel ma kienx hemm.

 

Żgur mhux forsi, għall-ewwel darba għandek sitwazzjoni fejn id-differenza bejn ir-realtà u l-perċezzjoni tagħha qegħda tikber ferm.  Il-mezzi verament abbundanti ta’ stazzjonijiet tat-televiżjoni, tar-radju u tal-gazzetti tagħna fuq din il-gżira jagħtu huma wkoll is-sehem attiv tagħhom fuq naħa jew oħra tal-munita: verità u apparenza.  Illum, każ solitarju jew sitwazzjoni eċċezzjonali jistgħu jiġu mkabbra u mogħtija l-viżjoni li huma r-regola.

 

Sfortunatament, ix-xenarju tal-familja, tal-għaqda bejn ir-raġel u l-mara, huma wkoll miftuħa għal dan l-impatt.  Numru ta’ drabi, min irid janalizza jrid ifittex il-ħin kollu li jimposta l-argumenti tiegħu fuq il-fatti, fuq dik li hija r-realtà u mhux il-perċezzjoni tagħha.  X’qiegħed jirriżulta?  Kemm hemm żwiġijiet ċelebrati f’kull sena, kemm hemm każijiet ta’ persuni li mhux biss jibdew il-proċess ta’ separazzjoni, iżda li jispiċċawh?  Fuq dawn wieħed jista’ jiċċaqlaq sabiex jipprepara l-linja ta’ ħidma li l-Istat Malti għandu d-dmir li jieħu.

 

Il-pajjiż tagħna baqa’ jżomm il-valur tal-familja, ta’ l-għaqda bejn mara u raġel f’ċerimonja ta’ żwieġ, bħala wieħed għoli.  Dan huwa fattur ta’ stabilità naturali fil-bniedem li għandu jibqa’ jiġi sostnut b’intelliġenza u b’għarfien għar-realtajiet li l-ħin kollu jiżviluppaw, daqqa naħa u daqqa oħra.  Hemm illum numru ikbar ta’ familji li daħlu fl-għatba tal-Qorti, dan m’hemmx dubju dwaru, però hija żbaljata l-perċezzjoni li din iż-żieda hija sinjal ta’ tkissir irrevokabbli taż-żwieġ bħala fattur kontinwu u karatteristika tas-soċjetà tagħna.  Il-figuri li għandna għad-disposizzjoni tagħna jindikaw li għalkemm hemm numru ta’ talbiet għas-separazzjoni, dawn il-figuri ma splodewx.  Il-fatti jindikaw b’mod ċar li ż-żwieġ għadu b’saħħtu fil-komunità Maltija, però hemm bżonn ta’ iktar impenn, ta’ iktar programmi diretti sabiex tfiehem x’inhuwa ż-żwieġ qabel u li tassisti aħjar wara għal dawk li jsibu d-diffikultajiet temporanji jew permanenti.

 

L-inkwiet fis-soċjetà mexxa sabiex ġew preparati numru ta’ rapporti marbuta ma’ kunċetti kompletament differenti ta’ kif wieħed jimpenja ruħu fil-Qrati tagħna.

 

Għal dawn ir-rapporti twieldet, fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-Qorti tal-Familja – magħġuna fuq linji differenti.  Minn dik il-ġurnata sa llum, għandna issa esperjenza ta’ ħames snin li wieħed jista’ janalizza, jifhem, jitgħallem minnha u jipprepara ruħu għall-quddiem. Mhux biss, imma din il-linja ta’ ħsieb kompliet issudat bil-liġi li tindirizza l-vjolenza domestika fil-ħitan tal-familja.

 

Il-kunċetti li mexxew din il-bidla kienu bażikament tlieta: l-ewwel, it-twaqqif ta’ Sezzjoni speċjalizzata li neħħiet terz tax-xogħol fil-Qorti għal fuq żewġ Imħallfin dedikati biss għall-materji ċivili marbuta mal-familja; it-tieni, li ddaħħal il-mekkaniżmu tal-medjazzjoni bħala parti mill-proċess legali għad-disposizzjoni tal-partijiet mingħajr ma nbidel il-kunċett li qabel tiġi ppreżentata kawża għas-separazzjoni jrid ikun hemm l-awtorizzazzjoni ta’ l-istess Qorti; u t-tielet, li ġiet ukoll fis-seħħ Sezzjoni speċjali li tindirizza l-każijiet ta’ natura kriminali marbuta mal-familja.

 

Il-fatti, l-istatistika li għandna għad-disposizzjoni tagħna juru li t-talbiet sabiex jinbdew il-proċeduri ta’ separazzjoni baqgħu statiċi u konsistenti.  Fil-fatt, mis-sena 2004 sas-sena 2008 jidher li l-ammont ta’ każijiet li marru sabiex jibdew il-proċedura ta’ medjazzjoni żammew l-istess livelli mingħajr ma kien hemm xi tkabbir qawwi.

 

It-tieni, il-proċess tal-medjazzjoni għen sabiex tinbidel il-kultura tal-poplu li ġaladarba tasal il-Qorti, ma hemmx triq oħra salv dik tas-separazzjoni.  Fil-fatt, il-figuri juru li ġew reġistrati s-segwenti: i)  fil-ħames snin imsemmija żdied, sena wara sena, in-numru ta’ persuni li għamlu użu mill-proċess tal-medjazzjoni; ii)  li l-medjazzjoni pproduċiet għarfien aħjar tar-responsabbiltajiet tal-partijiet u għalhekk kien hemm rata kontinwa ta’ koppji li rrikonċiljaw jew abbandunaw il-proċeduri tas-separazzjoni.  Mhux biss, imma kien hemm numru dejjem akbar ta’ persuni li użaw il-medjazzjoni biex jagħmlu kuntratt ta’ separazzjoni “bonarja”; u iii)  li l-kawżi ta’ separazzjoni li jispiċċaw preżentati fil-Qorti baqgħu f’rata li nieżla ʹl isfel u mhux tielgħa ʹl fuq.

 

It-tielet, li s-Sezzjoni Kriminali tal-Qorti tal-Familja rat numru ta’ każijiet li fihom, meta l-partijiet jibdew ma jżommux ma’ l-obbligi tagħhom, speċjalment dawk marbuta mal-manteniment u aċċess għall-ulied, allura hemm Ġudikant wieħed li jieħu ħsieb.  Fil-fatt, l-istatistika turi li hemm kwantità ta’ każijiet li ġew deċiżi.

 

Fil-fatt l-istatistika li qegħda hawn tidher, turi li kull sena jidħlu bejn wieħed u ieħor 682 każijiet ta’ separazzjoni. L-istatistika turi wkoll li madwar 420 każ jiġu konklużi bejn kuntratti ta’ separazzjoni approvati għax jiġu preparati f’kuntratt min-nutar, jew direttament, inkella għax ikunu ġew quddiem il-medjaturi u dawk li jiġu deċiżi kull sena. Anzi jidher li l-medjazzjoni qegħda tikber iktar f’din il-linja għax minn 390 kuntratt li ġew konklużi fil-2004 tlajna għall-533 fl-2008.

 

Hemm ukoll iktar interessati li kull sena qed jonqsu dawk il-persuni li jistgħu jippreżentaw kawża għax hekk awtorizzati, pero` ma jippreżentawhomx. Għalhekk f’ħames snin minn 1,264 każ li ġew awtorizzati jippreżentaw kawża, kienu 719 li effettivament ipproċedew.  Dan jimmerita wkoll attenzjoni meta wieħed jikkonsidra li 446 koppja kkanċellaw jew abbandunaw il-proċeduri f’ħames snin permezz tal-medjazzjoni.

 

Għalhekk effettivament, mit-3,413-il talba għal separazzjoni f’ħames snin ġew konklużi 1,780 separazzjoni, jiġifieri 52%.  Mhux biss.  Għalkemm l-istatistika ma tistax titqabbel bil-preċiż, wieħed irid iqabbel dan, l-ewwel mal-figuri li għandna għad-disposizzjoni fuq żewġ livelli.  L-ewwel, jekk titqabbel ma’ li f’ħames snin kien hemm 12,238 żwiġijiet ċelebrati f’Malta, is-separazzjonijiet jiġu għal 14.5%.  Fit-tieni, jekk titqabbel ma kemm hawn żwiġijiet f’Malta, jiġifieri madwar 96,000, din tinżel għal 2%.  Dan żgur li jitlob dejjem riflessjoni u attenzjoni.

 

Però jidher ċar li din l-istatistika turi li l-Qorti tal-Familja qegħda tgħin direttament sabiex tassisti persuni li jispiccaw f’separazzjoni.  Għalkemm dan żgur ma jfissirx li s-sistema hija perfetta imma li hemm bżonn aktar miżuri sabiex tgħin lill-koppji f’diffikultà.  Hemm il-bżonn li jkun hemm spjegazzjoni aktar dettaljata ta’ x’jimplika l-proċess sħiħ tal-medjazzjoni qabel ma din tibda sabiex ikun hemm parteċipazzjoni tajba.  Mhux biss, imma hemm ukoll il-bżonn li wieħed jara jekk il-kawża għandhiex tkompli ssir fil-pubbliku għax hawn min qiegħed iħoss li m’huwiex jingħata l-attenzjoni li għandu bżonn.

 

Apparti dan hemm l-attenzjoni li l-Istat iddedika direttament liġi sabiex jibni aħjar it-tweġiba tiegħu għall-każijiet ta’ vjolenza domestika, u t-tieni, li s-Sezzjoni tal-Qorti tal-Familja ddedikat ruħha għall-kawżi ta’ natura kriminali.

Illum, il-Qrati Kriminali u Ċivili huma ferm iktar armati milli kienu qabel sabiex iwieġbu għal każijiet ta’ vjolenza domestika.  L-ordnijiet ta’ protezzjoni, dawk ta’ trattament, flimkien ma’ żieda ta’ persuni li huma protetti u ż-żieda ta’ reati u pieni ġodda biddlu x-xenarju.  Fil-vjolenza domestika l-Istat, sabiex jipproteġi tajjeb liċ-ċittadin tiegħu, ħa ħsieb li jifrex il-kategoriji u ma jħallihomx biss fuq rapport ta’ żwieġ.  Persuni li kellhom il-kunfidenza, li kellhom aċċess faċli għad-dar tal-vittma, sija jekk kienu namrati jew kienu jgħixu flimkien jew jabitaw bħala parti minn rapport estiż, illum qed isibu l-liġijiet u l-pieni tal-pajjiż ferm iktar preparati minn qabel.

 

Ovvjament, mhux kull liġi, mhux kull struttura tingħata l-istess importanza.  Għax irid jingħad li hemm esperjenza oħra li qed tinbena ġewwa l-Qorti tal-Familja fuq dan.  Fil-fatt, f’dawn l-aħħar ħames snin dehru 4,814-il każ u ġew deċiżi 4,684 każ li huma wkoll xhieda ta’ kemm saru passi tajba fid-direzzjoni li permezz tagħha s-soċjetà twieġeb għar-realtà li qed tiżviluppa.

 

Dawn il-figuri huma parti mill-esperjenza li qegħda tinbena ġewwa l-Qorti tal-Familja.  Hemm bżonn iktar analiżi u iktar attenzjoni sabiex nindirizzaw sewwa dak li qiegħed iseħħ u fl-istess ħin wieħed iħares ʹil quddiem lejn proposti li jkomplu jgħinu lill-koppja tagħraf x’inhuwa l-valur taż-żwieġ, x’inhuwa s-sehem tagħhom u kif l-Istat jista’ jgħin effettivament biex jissoda u ma jkissirx.

 

Hemm iktar x’wieħed jgħid fuq dan is-suġġett.  Hemm, per eżempju, l-annullamenti li f’erba’ snin kellna 736 sentenza tiddikjara żwiġijiet nulli, b’770 każ ġdid.  Però dan għandna nutilizzawh f’dibattitu iktar wiesgħa.  Għal dan il-għan, nipproponi li fix-xhur li ġejjin tiġi organizzata sessjoni iktar fit-tul fejn nidħlu f’dibattitu f’iktar attenzjoni u dettall.  Fl-aħħar tal-ġurnata, l-għan tagħna huwa li nagħmlu l-ġid lill-poplu sabiex is-soċjetà tikber fil-valuri u mhux tmur lura minnhom.

Tabella 1 - QORTI TAL-FAMILJA - Każijiet ta’ Separazzjoni

 

2004

2005

2006

2007

2008

Każijiet Introdotti - Ittri

673

632

688

664

756

Kemm ġew approvati kuntratti preparti min-nutara permezz ta’ nota

387

420

330

336

307

Kemm irrikonċiljaw; Ċedew

37

111

100

85

113

Kemm għamlu ftehim bonarju permezz tal-medjazzjoni

390

590

505

539

533

Kemm kienu awtorizzati jmexxu b’kawża

198

274

294

269

229

Kemm ippreżentaw kawża ta’ separazzjoni

142

149

120

177

131

Numru ta’ kawżi (ċitazzjonijiet) li ġew deċiżi

77

64

67

63

47

Tabella 2 - QORTI TAL-FAMILJA (MALTA) - KAMP KRIMINALI

 

Kawżi Ġodda

Kawżi Deċiżi

Pendenti

2004

216

100

116

2005

770

771

115

2006

1129

1097

147

2007

1303

1289

161

2008

1396

1427

130