Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

QUDDIESA GĦALL-PELLEGRINI TA’ PIACENZA

OMELIJI TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II 

It-Tnejn, 2 ta’ Lulju 1979

 

Għeżież.

1. Il-laqgħa tagħna ta’ filgħodu f’dan il-post hekk suġġestiv li jeħodna b’moħħna u b’qalbna fil-Grotta ta’ Lourdes, post għażiż u mbierek, fejn Marija Santissma dehret liċ-ċkejkna Bernardette, għandha sinifikat tassew preċiż: hija laqgħa familjari qrib l-altar tal-Mulej u taħt il-ħarsa tal-Verġni Marija, mas-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal il-ġdid Agostino Casaroli, l-ewwel kollaboratur tiegħi, mal-Isqof u ma’ rappreżentanza tas-saċerdoti tad-dijoċesi ta’ twelidu, Piacenza u ma’ qrabatu u ħbiebu.

Dan huwa għalija waqt ta’ ferħ speċjali, li joffrili l-okkażjoni li nuri s-sentimenti tiegħi ta’ għożża u ta’ apprezzament ħaj lejh, li wara snin twal ta’ dedikazzjoni ġeneruża mgħoddija għas-servizz totali u dirett tas-Santa Sede u tal-Papa, issa huwa mill-ġdid imlibbes bir-responsabiltà mportanti u gravi ta’ Segretarju tal-Istat.

Inħoss id-dmir li niżżi ħajr b’mod ħaj lill-Kardinal Casaroli għall-prontezza u għall-għaqal li bihom jaħdem għall-ġid tal-Knisja u talli aċċetta dan l-Ufficcju hekk għoli u hekk importanti; u nistieden lil kulħadd biex jakkumpanjah bit-talb kostanti u ferventi, sabiex il-Mulej ikun għalih dejjem dawl, għajnuna u konfort.

Nieħu gost ukoll mad-dijoċesi kollha ta’ Piacenza, li, bil-formazzoni serja u amoruża mogħtija mis-Seminarji, għarfet tagħti tant Saċerdoti u Personalitajiet eminenti għas-servizz tal-Knisja. Ma nistax għajr nawgura mill-qalb dejjem iktar vokazzjonijiet saċerdotali numerużi u qaddisa fid-dijoċesijiet tagħkom, għall-bżonnijiet tagħkom u tal-Knisja universali.

Tislima paerikolarment kordjali niddedika lill-familjari tal-Kardinal Casaroli, waqt li nassikurahom li nipparteċipa b’mod ħaj fil-ferħ sinċier tagħhom ta’ dawn il-jiem, hekk sinifikattivi u mportanti.

2. Waqt li nieħdu l-ispunt mill-Kelma ta’ Alla, li nqrat fil-liturġija tallum, ejjew infittxu li niksbu xi direttivi tajbin għal ħajjitna.

Tinsab, qabel kollox, quddiem għajnejna x-xena, deskritta b’mod plastiċiżzzat mill-evanġelista Ġwanni: ninsabu fuq il-muntanja tal-Kalvarju, hemm salib, miegħu msallab Ġesù; u hemm, maġembu, omm Ġesù, imdawra minn xi nisa; hemm ukoll id-dixxiplu maħbub, appuntu Ġwanni. L-Agonizzant jitkellem, bin-nifs qawwi tal-agonija: “Mara, hawn hu ibnek!” U mbagħad, idur lejn id-dixxiplu: “Hawn hi ommok!” L-intenzjoni hija evidenti: Ġesù jrid jafda lil ommu f’idejn id-dixxiplu maħbub.

Dan biss? L-antiki Santi Padri tal-Knisja lemħu wara dan l-episodju, li apparentement jidher hekk sempliċi, sinifikat tejoloġiku iktar profond. Diġa Oriġine jidentifika l-Appostlu Ġwanni ma’ kull nisrani u, warajh, issir iktar frekwenti s-sejħa għal dan it-test, biex tkun iġġustifikata l-maternità universali ta’ Marija.

Din hija konvinzjoni li għandha pedament preċiż fil-partikular rivelat: Infatti kif jistà wieħed ma jaħsibx meta jaqra din is-silta, fil-kliem misterjuż ta’ Ġesù waqt it-tieġ ta’ Kana (cf. Ġw 2,4) meta, għat-talba ta’ Marija, huma jwieġeb billi jsejħilha “mara” – kif jagħmel issa – u waqt li jipposponi l-bidu tal-kollaborazzjoni tiegħu magħha favur il-bnedmin fil-waqt tal-Passjoni, is-“siegħa” appuntu tiegħu, kif huwa soltu jindikaha? (cf. Ġw 7,30; 8,20; 12,27; 13,1; Mk 14,35.41; Mt 26,45; Lq 22,53).

Marija taf għal kollox dwar il-missjoni, li ġiet afdatha lilha: aħna nsibuha fil-bidu tal-ħajja tal-Knisja, flimkien mad-dixxipli li kienu qegħdin iħejju ruħhom għall-ġrajja imminenti tal-Pentekoste, kif fakkarna l-ewwel qari tal-Quddiesa. Fit-tali rakkont ta’ Luqa isimha joħroġ fost dawk tan-nisa l-oħra: il-komunità primittiva, miġbura “fis-sular ta’ fuq”, tinġabar fit-talb madwarha, li hija “l-omm ta’ Ġesù”, kważi biex tfittex il-protezzjoni u l-konfort quddiem l-inċertezzi ta’ futur mimli dellijiet minaċċużi.

3. L-eżempju tal-komunità nisranija tal-bidu huwa eżemplari: aħna wkoll, fil-ġrajjiet għalkemm differenti ta’ żmienna, ma nistgħu nagħmlu xejn aħjar milli ninġabru madwar Marija, waqt li nagħrfu fiha l-Omm ta’ Kristu totali, jiġifieri ta’ Ġesu u tal-Knisja, Ommna. U minnha nitgħallmu. Xiex?

Qabel kollox li nemmnu. Marija ssejħet “beata”, għaliex għarfet temmen (cf. Lq 1,45). Il-fidi tagħha kienet l-ikbar li l-esseri uman qatt kellu; ikbar mill-istess fidi ta’ Abraham. Il-“Qaddis” infatti, li twieled minnha, “waqt li kiber tbiegħed minnha, telà iktar ‘il fuq minnha u, meħud mingħandha, għex f’distanza infinita: billi kienet nisslitu u temgħatu u ratu fl-abbandun tiegħu, biex ma tħallix ruħha vilment tintilef quddiem il- majjesta tiegħu, imma wkoll  biex fl-imħabba tagħha ma tonqosx meta l-protezzjoni materna tagħha ma ssibx ruħha superata, u b’dan it-twemmin kollu li hekk kien ġust u li kienet twettaq ir-rieda ta’ Alla; hija ma tgħejja qatt, ma tixba qatt, anzi żżomm sħiħ biex tagħmel flimkien, pass pass, bil-qawwa tal-fidi, il-mixja li l-persuna tal-Iben segwit fil-karattru misterjuż tagħha: hawn huwa l-kobor tagħha” (R. Guardini, Il Signore, Milano 1964, pp. 28-29).

U hawn hi l-ewwel lezzjoni li hija toffrilna. 

Hemm imbagħad il-lezzjoni tat-talb; talb “attent u regolari” (cf. At 1,14). Spiss fil-komunitajiet tagħna ninġabru biex niddiskutu, biex nesploraw sitwazzjonijiet, biex nagħmlu programmi. Jistà jkun ukoll ħin spiss mgħoddi tajjeb. Dan huwa meħtieġ biss intenni li ż-żmien l-iktar utli, dak li jagħti sens u effiċjenza lid-diskussjonijiet u lill-proġetti, huwa ż-żmien iddedikat lit-talb. Fih, infatti, ir-ruħ tiddisponi ruħha biex tilqà lill-“Konsolatur”, li Kristu wiegħed li jibgħat (cf. Ġw 15,26) u lil dak li huwa fada d-dmir li “jiggwidana lejn il-verità kollha kemm hi” (cf. Ġw 16,13).

Marija tgħallimna wkoll ħaġa oħra bl-eżempju tagħha: hija tgħidilna li huwa meħtieġ li nibqgħu f’komunjoni mal-komunità strutturata b’mod ġerarkiku. Fost il-persuni miġbura diċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalem San Luqa  jsemmi fl-ewwel post ll-ħdax-il Appostlu, li tagħhom jindika isem kull wieħed,  għalkemm ikun diġa ġab il-lista fil-paġni tal-Vanġelu tiegħu (cf.Lq 6,14ss.). Hemm f’dan kollu “intenzjoni” evidenti. Jekk qabel l-Għid tal-qawmien mill-imwiet l-Appostli kienu jiffurmaw is-segwitu speċjali ta’ Ġesù, issa huma jidhru bħala bnedmin li lihom l-Irxoxt afda il-poteri ewlenin u missjoni:  huma mela huma, ir-responsabbli tal-opra tal-fidwa li l-Knisja trid twettaq fid-dinja.

Marija hija magħhom: Taħt certu aspett hi, anzi għalihom suġġetta. Il-Komunità nisranija tibni ruħha “fuq is-sisien tal-Appostli”. Din hija r-rieda ta’ Kristu. Marija, l-Omm, din aċċettatha bil-ferħ. Ukoll taħt dan l-aspett hija saret għalina mudell eżemplari. 

Issa nkomplu ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Terġà tingħex b’mod mistiku, f’din l-assemblea liturġika tagħna, l-esperjenza taċ-ċenaklu. Marija hija magħna. Aħna nsejħulha, lilha nafdaw ruħna. Hija tgħinna bl-għajnuna tagħha bl-intenzjoni, li hawn inġeddu, li rridu nimitawha b'mod ġeneruż.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb