Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

KONĊELEBRAZZJONI MAL-KARDINALI L-ĠODDA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 1 ta’ Lulju 1979

 

Għeżież Ħuti!

1. Nixtieq illum, flimkien magħkom, nikkontempla il-Knisja għal kollox “sottomessa għal Kristu” (cf. Ef 5,24) bħala Għarusa fidila. L-aħħar jiem li għexna flimkien waqt li mmeditajna s-sagrifiċċju tal-Qaddisin Appostli Pietru u Pawlu, impenjajna ruħna nfittxu l-manifestazzjoni tal-misteru mwettaq fil-vokazzjoni tagħhom, permezz tax-xhieda ta’ fidi u ta’ mħabba, mwettqa sal-mewt. Manifestazzjoni li nsibu tul l-istorja kollha tal-Knisja, tul is-sekli u l-ġenerazzjonijiet ta’ wliedha fidili, tal-qaddejja u r-rgħajja, waqt li jmorru lura b’dan il-mod għal dik l-imħabba sublimi, li biha l-Feddej u l-Mulej tagħna “ħabb lill-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha, biex jirrendiha qaddisa, waqt li ppurifikaha permezz tal-ħasil tal-ilma… bl-iskop li jressaqha quddiemu, din il-Knisja, sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb imma qaddisa u immakulata” (Ef 5,25-27).

Ma’ dik l-imħabba, ma’ dik il-qalb minfuda fuq is-Salib u miftuħa għall-Knisja, l-Għarusa tiegħu, nixtieq illum, flimkien magħkom, immur f’pellegrinaġġ spiritwali, li minnu aħna nfusna għandna niġu lura “ppurifikati”, imħeġġa u mqaddsa” skont il-qies ta’ dawn il-jiem.

Hawn hi l-Knisja! Frott tal-imħabba bla qies ta’ Alla fil-Qalb ta’ Ibnu!

Hawn hi l-Knisja! Li ġġorr il-frott kollu tal-imħabba tal-qaddisin Appostli, tal-Martri, tal-Konfessuri u tal-Verġni! Tal-imħabba ta’ ġenerazzjonijiet sħaħ!

Hawn hi l-Knisja; Ommna u Għarusa fl-istess ħin! Skop tal-imħabba tagħna, tax-xhieda tagħna u tas-sagrifiċċju tagħna. Skop tas-servizz tagħna u tax-xogħol instankabbli tagħna. Knisja, li għaliha ngħixu sabiex ningħaqdu ma’ Kristu f’imħabba unika. Knisja, li għaliha intom, Meqjumin u Għeżież Ħuti, maħturin Kardinali fil-Konċistorju tal-bieraħ, għandkom minn issa ‘l hemm tgħixu b’mod iktar intens, waqt li tingħaqdu ma’ Kristu fi mħabba unika lejha.

2. Il-Knisja hija fid-dinja. Intom ilkoll tikkostitwixxu x-xhieda ħajja fid-dinja, waqt li taslu hawn minn tant pajjiżi mbegħda fl-ispazju, imma fl-istess ħin, qrib b’mod spiritwali.

Il-Knisja hija fid-dinja bħala sinjal tar-rieda feddejja ta’ Alla nnifsu. Mhijiex jewwilla hi il-Ġisem ta’ Dak li l-Missier ikkonsagra bid-dlik u bagħatu fid-dinja? “Bagħtni biex inġib l-aħbar ferrieħa lill-foqra, biex ninfaxxa l-ġrieħi tal-qlub maqsuma, biex inxandar il-ħelsien tal-iskjavi, il-ħelsin mill-kalzri lill-priġunieri… biex nikkonsla lill-batuti kollha… biex nagħtihom kuruna minflok l-irmied… kant ta’ ferħ minflok qalb imdejqa” ( 61,1-3).

Jewwilla l-Knisja m’għandhiex tkun dan kollu? Jewwilla ma tridtx tgħix b’dan kollu, la darba trid twieġeb għall-missjoni feddejja ta’ Dak, li huwa Għarus u Kap?

Intom tafu sewwa, Meqjumin u  Għeżież Ħuti, - u wkoll il-knejjes kollha li minnhom intom ġejjin dan jafuh – b’liema lingwaġġ ta’ fatti, esperjenzi, aspirazzjonijiet, dwejjaq, tbatijiet, persekuzzjonijiet u tamiet, jeħtieġ li nittraduċu dak it-test profetiku antik ta’ Iżaija, sabiex jesprimi, fil-lingwaġġ ta’ żmienna, kif il-Knisja għandha għeruqha fid-dinja, sinjal ħaj tar-rieda feddejja tal-Missier Etern fir-rigward ta’ kull bniedem u tal-umanità kollha! U l-Knisja tal-epoka diffiċli tagħna – mit-tieni millenju li riesaq lejn tmiemu – topera f’tensjonijiet u theddid estremi jew ta’ biżghat u stenniji kbar!

3. F’kull żmien din il-Knisja hija sempliċi bl-istess sempliċità li jispiraha il-Mulej u Mgħallem tagħna bil-kelma tal-Vanġelu. Kemm ftit jinħtieġ sabiex il-Knisja tibda teżisti” fost il-bnedmin! “Fejn hemm tnejn jrw tlieta miġburin f’ismi, jien ninsab f’nofshom” (Mt 18,20); u “jekk tnejn minnkom fuq l-art jaqblu li jitolbu kwalunkwè ħaġa, Missieri li jinsab fis-smewwiet jagħtihielhom” (Mt 18,19).

Kemm ftit jinħtieġ sabiex din il-Knisja teżisti, tummultiplika u tinfirex! Dwar dan jiddeċiedu dawk it-tnejn jew tlieta miġburin f’isem Kristu u permezz tiegħu magħqudin, fit-talb, mal-Missier. Kemm ftit huwa meħtieġ sabiex din il-Knisja teżisti kullimkien, saħansitra hemm fejn, skont il-“liġijiet” umani, la hemm u linqas jistà jkun hemm u fejn tiġi kkundannata għall-mewt! Kemm ftit huwa meħtieġ sabiex teżisti u twettaq is-sustanza l-iktar profonda tagħha!

U sabiex tgħix iż-żgħożija perpetwa tagħha! L-istess, li għexu l-ewwel insara, li “kienu regolari fis-smigħ tat-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda fraterna, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb… Kienu jaqsmu l-ħobż fid-dar waqt li jieħdu l-ikliet bil-ferħ u bis-sempliċità tal-qalb, waqt li jfaħħru lil Alla u waqt li jgawdu l-istima tal-poplu kollu” (At 2,42), kif naqraw illum fit-tieni qari tal-Atti tal-Appostli, qari li minnu jitqanqlu mhux biss it-tifkiriet, imma x-xewqat ta’ sempliċità tal-Għarusa, li għadha kemm sperimentat is-sagrifiċċju tal-imħabba tal-Għarus imsallab tagħha u tifraħ bil-fertilità ġenitriċi tagħha fl-Ispirtu Santu, meta – kif naqraw – “il-Mulej kuljum kien jgħaqqad mal-komunità lil dawk li kienu mifdija” (At 2,48).

Din il-Knisja hija sempliċi bis-sempliċità li hija tagħha.

U hija qawwija b’dik il-qawwa unika, li rċeviet mingħand il-Mulej: b’dik unika! Bl-ebda waħda oħra! “Dak kollu li torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema u dak kollu li tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema” (Mt 18,18).

Hawn hi l-kwalità ta’ din il-qawwa tal-Knisja. Qawwa simili ma jafha la l- bniedem u linqas l-umanità, fl-ebda dimensjoni oħra tal-eżistenza tiegħu individwali jew soċjali. Hija ma tikseb din il-qawwa mill-ebda kamp tat-temporanjetà tagħha u mill ebda riserva tan-natura… Tali qawwa tiġi biss minn Alla. Direttament minn Alla. Tali qawwa hija mifdija mid-Demm tal-Feddej u Għarus tagħha. Din hija qawwa tal-Ispirtu Santu.

U din tidħol f’allejanza ma dak li fil-bniedem hemm f’iktar profond: permezz tal-fidi, it-tama u l-karità tfittex – tfittex b’mod li ma jaqtà qatt – is-soluzzjonijiet fis-sema ta’ dak li qatt ma jistà jkun għal kollox solvut fuq l-art.

4. Meqjumin u Għeżież Ħuti! Kemm nifirħu bil-fatt li intom, Kardinali ġodda, illum tiżżewġu din il-Knisja fuq l-eżempju ta’ Kristu! Sinjal ta’ dan iż-żwieġ huwa ċ-ċurkett, li minn hawn u ftit ieħor inlibbiskom f’subgħajkom.

Kemm nifirħu b’dawn iż-żwiġijiet tagħkom, li jqegħdukom fil-ħajja tal-Poplu ta’ Alla, fuq l-art kollha, influss ġdid ta’ mħabba u sikurezza ġdida ta’ mħabba! Effikaċja ġdida – nittamaw – ta’ mħabba. Minn dik l-imħabba li biha ġejna maħbubin u li biha għandna nħobbu lil xulxin. Imħabba li tiġi minn l-Għarus u hija għall-Għarus.

Imħabba, li permezz tagħha l-Knisja għandha tkun maħbuba b’fervur imġedded minn kull wieħed minnkom.

Imħabba, li permezz tagħha hija għandha terġà tesprimi ruħha fis-sempliċità u l-qawwa kollha tagħha, li rċeviet mingħand il-Mulej.

Imħabba, li permezz tagħha l-Knisja għandha mill-ġdid issir Għarusa “sine ruga et macula” għall-Għaqrus.

Din l-imħabba nawguralkom flimkien mal-Poplu ta’ Alla kollu, li jinsab f’Ruma u fid-dinja. Inqiegħed dan l-awgurju tiegħi f’idejn Omm il-Knisja, Għarusa tal-Iospirtu Santu.

Amen!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb