MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU

FRANĠISKU

FIĊ-ĊELEBRAZZJONI TAL-LIV JUM DINJI TAL-PAĊI

1 TA’ JANNAR 2021

 

IL-KULTURA TAL-KURA BĦALA MIXJA LI TWASSAL GĦALL-PAĊI

 

1. Issa li ninsabu fuq l-għatba tas-sena l-ġdida, nixtieq insellem b’rispett lill-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvernijiet, lir-responsabbli tal-Organizzazzjonijiet internazzjonali, lill-mexxejja spiritwali u lill-fidili ta’ kull reliġjon, kif ukoll lill-irġiel u n-nisa ta’ rieda tajba. Lilkom ilkoll nagħti l-isbaħ xewqat, sabiex din is-sena tkun tista’ tmexxi ’l quddiem l-umanità fit-triq tal-fraternità, tal-ġustizzja u tal-paċi fost il-bnedmin, il-komunitajiet, il-popli u l-Istati.

 

L-2020 baqgħet immarkata bil-ġerħa tal-kriżi sanitarja kbira tal-Covid-19, li saret fenomenu multisettorjali u globali, u ċerti kriżijiet, li bejniethom ftit kellhom x’jaqsmu, għamluha iktar gravi, bħalma huma l-kriżi klimatika, dik alimentari, dik ekonomika u dik migratorja, u kkawżat weġgħat u sofferenzi kbar. Naħseb, qabel kollox, f’dawk li tilfu lil xi membru tal-familja jew lil xi persuna li jħobbu, imma wkoll f’dawk li sfaw bla xogħol.  Ħsieb speċjali jmur għat-tobba, l-infermiera, l-ispiżjara, ir-riċerkaturi, il-voluntiera, il-kappillani u l-ħaddiema fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa, li kienu u għadhom jagħmlu l-almu tagħhom, b’taħbit u sagrifiċċji kbar, tant li wħud minnhom mietu huma u jippruvaw ikunu qrib tal-morda u jtaffulhom is-sofferenzi jew isalvawlhom ħajjithom.  Meta nsellem bi stima lil dawn il-persuni, intenni l-appell lir-responsabbli politiċi u fis-settur privat sabiex jadottaw il-miżuri meħtieġa biex lil dawk li huma l-ifqar u l-iktar fraġli, jiżgurawlhom l-aċċess għall-vaċċin kontra l-Covid-19 u għat-teknoloġiji essenzjali bżonnjużi biex jiġu assistiti l-morda.[1]

 

Titnikket meta tara li, għalkemm jeżistu ħafna xhieda ta’ karità u solidarjetà, fl-istess ħin qed jerġgħu jissaħħu forom differenti ta’ nazzjonaliżmu, razziżmu, ksenofobija, kif ukoll gwerer u kunflitti li jiżirgħu l-mewt u l-qerda.

 

Dawn u ġrajjiet oħrajn, li ħallew il-marka tagħhom fuq il-mixja tal-umanità fis-sena li għaddiet, jgħallmuna kemm hu importanti li nieħdu ħsieb wieħed lill-ieħor u tal-ħolqien, biex nibnu soċjetà li s-sisien tagħha jkunu relazzjonijiet ta’ fratellanza. Għalhekk bħala suġġett għal dan il-messaġġ għażilt: Il-kultura tal-kura bħala mixja li twassal għall-paċi. Kultura tal-kura biex teqred il-kultura tal-indifferenza, tal-iskart u tal-kunflitt, li llum hi spiss predominanti.

 

2. Alla Ħallieq, li minnu ġejja l-vokazzjoni umana tal-kura

F’ħafna tradizzjonijiet reliġjużi nsibu narrazzjonijiet li jirrakkuntaw l-oriġni tal-bniedem, ir-relazzjoni tiegħu mal-Ħallieq, man-natura u ma’ dawk ta’ madwaru. Fil-Bibbja, il-Ktieb tal-Ġenesi juri, sa mill-bidu, kemm huma importanti l-kura u l-ħarsien tal-proġett ta’ Alla għall-umanità, u jixħet dawl fuq ir-relazzjoni bejn il-bniedem (’adam) u l-art (’adamah) u l-aħwa. Fl-istorja biblika tal-ħolqien, Alla fada l-ġnien “imħawwel fl-Għeden” (ara Ġen 2:8) f’idejn Adam u tah ir-responsabbiltà li “jaħdmu u jħarsu” (ara Ġen 2:15). Dan ifisser, minn naħa, li ngħinu lill-art tkun produttiva, u mill-oħra, li nħarsuha u naraw li tibqa’ tajba biex tagħti u ssostni l-ħajja.[2] Il-verbi “jaħdmu” u “jħarsu” jiddeskrivu r-relazzjoni ta’ Adam mad-dar-ġnien tiegħu u jixhdu wkoll il-fiduċja li Alla wera fih, meta għamlu ħakem u għassies tal-ħolqien kollu.

 

It-twelid ta’ Kajjin u Abel iwasslilna storja ta’ aħwa, li r-relazzjoni bejniethom kellha tkun mifhuma – b’mod negattiv – minn Kajjin bħala ħarsien jew għassa. Wara li qatel lil ħuh Abel, Kajjin wieġeb hekk għall-mistoqsija ta’ Alla: “Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4:9).[3] Iva, ċertament! Kajjin huwa l-“għassies” ta’ ħuh. “F’dawn ir-rakkonti hekk qodma, imżewqa b’simboliżmu qawwi, diġà kien hemm il-konvinzjoni li qed inħossu llum: li kollox hu marbut ma’ xulxin, u li l-ħarsien awtentiku tal-istess ħajjitna u tar-relazzjonijiet tagħna man-natura ma nistgħux nifirduh mill-imħabba tal-aħwa, mill-ġustizzja u mill-fedeltà fil-konfront tal-oħrajn”.[4]

 

3. Alla ħallieq, mudell ta’ kura

L-Iskrittura Mqaddsa tippreżentalna lil Alla, barra bħala Ħallieq, bħala dak li jieħu ħsieb lil dawk li ħalaq, b’mod partikulari Adam, Eva u wliedhom. L-istess Kajjin, għalkemm fuqu taqa’ s-saħta minħabba d-delitt li wettaq, jirċievi mingħand il-Ħallieq sinjal biex jipproteġih, sabiex ħajtu tkun imħarsa (ara Ġen 4:15). Dan il-fatt, filwaqt li jikkonferma d-dinjità sagrosanta tal-persuna, maħluqa fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla, juri wkoll il-pjan divin biex tinżamm l-armonija tal-ħolqien, għaliex “il-paċi u l-vjolenza ma jistgħux jgħammru fl-istess dar”.[5]

 

Hija proprju l-kura tal-ħolqien li fuqha jsib is-sisien tiegħu t-twaqqif ta’ Jum is-Sibt, Shabbat, li barra li jirregola l-kult divin, kellu l-iskop li jafferma mill-ġdid l-ordni soċjali u l-attenzjoni lejn il-foqra (Ġen 1:1-3; Lev 25:4). Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew, li kien jaħbat kull seba’ sena sabbatika, tikkonċedi mistrieħ lill-art, lill-iskjavi u lil min għandu dejn. F’din is-sena ta’ grazzja kienu jieħdu ħsieb ta’ min hu l-iktar dgħajjef, u lil dawn joffrulhom perspettiva ta’ ħajja ġdida, sabiex b’hekk fil-poplu ma kien jibqa’ ebda bżonn (ara Dewt 15:4).

 

Ta’ min isemmi wkoll it-tradizzjoni profetika, fejn il-qofol tal-għarfien bibliku tal-ġustizzja jidher fil-mod li bih komunità ġġib ruħha mal-iktar dgħajfa fi ħdanha. Huwa għalhekk li Għamos (2:6-8; 8) u Iżaija (58), b’mod partikulari, jgħollu spiss leħinhom biex jiddefendu l-ġustizzja mal-foqra, li, minħabba li huma vulnerabbli u bla setgħa, huma mismugħa biss minn Alla, li jieħu ħsiebhom (ara Salmi 34:7; 113:7-8).

 

4. Il-kura fil-ministeru ta’ Ġesù

Il-ħajja u l-ministeru ta’ Ġesù jinkarnaw il-qofol tar-rivelazzjoni tal-imħabba tal-Missier lejn l-umanità (Ġw 3:16). Fis-sinagoga ta’ Nazaret, Ġesù wera lilu nnifsu bħala dak li l-Mulej ikkonsagra u “bagħatu jwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, iħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja; irodd il-ħelsien lill-maħqurin” (Lq 4:18). Dawn il-ġesti messjaniċi, tipiċi tal-ġublew, huma x-xhieda l-iktar ċara ta’ x’inhi l-missjoni li fdalu l-Missier. Permezz tal-kompassjoni tiegħu, Kristu jersaq lejn il-morda fil-ġisem u fl-ispirtu u jfejjaqhom; jaħfer lill-midinbin u joffrilhom ħajja ġdida. Ġesù huwa r-Ragħaj it-Tajjeb li jieħu ħsieb in-nagħaġ (ara Ġw 10:11-18; Eż 34:1-31); huwa s-Samaritan it-Tajjeb li jmil lejn ir-raġel midrub, idewwilu l-ġrieħi u jieħu ħsiebu (ara Lq 10:30-37).

 

Fil-qofol tal-missjoni tiegħu, il-kura ta’ Ġesù lejna tilħaq il-milja tagħha meta joffri lilu nnifsu fuq is-salib u hekk jeħlisna mill-jasar tad-dnub u tal-mewt. Hekk, bid-don ta’ ħajtu u bis-sagrifiċċju tiegħu, hu fetħilna t-triq tal-imħabba u jgħidilna lkoll: “Mur. Agħmel hekk int ukoll” (ara Lq 10:37).

 

5. Il-kultura tal-kura fil-ħajja tad-dixxipli ta’ Ġesù

L-opri tal-ħniena li jmissu r-ruħ u li jmissu l-ġisem huma l-qofol tas-servizz tal-karità tal-Knisja tal-bidu. L-Insara tal-ewwel ġenerazzjoni kienu jaqsmu kollox flimkien biex b’hekk ħadd fosthom ma kien jispiċċa fil-bżonn (ara Atti 4:34-35) u kienu jagħmlu minn kollox biex jagħmlu mill-komunità dar li tilqa’, miftuħa għal kull sitwazzjoni tal-bniedem, lesta li tieħu ħsieb tal-iktar dgħajfa. Hekk saret ħaġa komuni li b’mod volontarju jingħataw offerti biex il-foqra ma jbatux il-ġuħ, jindifnu l-mejtin u jkollhom x’jieklu l-orfni, l-anzjani, u l-vittmi ta’ xi diżastru, bħan-nawfraġji. U meta, fiż-żminijiet ta’ wara, il-ġenerożità tal-Insara tilfet ftit mill-ħrara tagħha, uħud mill-Missirijiet tal-Knisja kienu jinsistu fuq il-fatt li l-proprjetà kienet maħsuba minn Alla bħala ġid komuni. San Ambroġ qal li “n-natura ħalliet kollox lill-bnedmin bħala ġid komuni []. Ghalhekk, in-natura tat dritt komuni lil kulħadd, iżda r-regħba għamlitu dritt ta’ ftit”.[6] Meta l-persekuzzjonijiet tal-ewwel sekli waqfu, il-Knisja użat il-libertà li kisbet biex tispira s-soċjetà u l-kultura tagħha. “Il-miżerja ta’ dak iż-żmien tat saħħa ġdida li marret għas-servizz tal-charitas christiana. L-istorja tfakkar f’ħafna opri ta’ solidarjetà. […] Inħolqu ħafna istituti biex jgħinu lill-umanità li qed tbati: sptarijiet, postijiet li joffru kenn lill-foqra, orfanatrofji, brefotrofji, ospizji, eċċ”.[7]

 

6. Il-prinċipji tad-duttrina soċjali tal-Knisja bħala pedament għall-kultura tal-kura

Id-diakonia tal-bidu, mogħnija mir-riflessjonijiet tal-Padri u mħaddma, tul is-sekli, permezz tal-karità bieżla ta’ ħafna xhieda mdawlin mid-dawl tal-fidi, saret il-qalb tħabbat tad-duttrina soċjali tal-Knisja, u ngħatat lill-persuni kollha ta’ rieda tajba bħala wirt prezzjuż ta’ prinċipji, kriterji u indikazzjonijiet, li minnha nsibu l-“grammatika” tal-kura: ir-rieda li tinġieb ’il quddiem id-dinjità ta’ kull persuna umana, is-solidarjetà lejn il-foqra u dawk li m’għandhomx min jaqbeż għalihom, l-interess lejn il-ġid komuni, il-ħarsien tal-ħolqien.

 

* Il-kura bħala rieda li jinġiebu ’l quddiem id-dinjità u d-drittijiet tal-persuna.

“Il-kunċett ta’ persuna, li twieled u mmatura fil-Kristjaneżmu, jgħin biex ma jiqafx l-iżvilupp li hu għalkollox uman. Għaliex fejn hemm persuna, dejjem hemm relazzjoni, mhux individwalità, tiġi affermata l-inklużjoni u mhux l-esklużjoni, id-dinjità unika u invjolabbli u mhux l-isfruttament”.[8] Kull persuna umana hija skop fiha nfisha, qatt sempliċement strument li tapprezzah biss skont kemm hu utli, u hija maħluqa biex tgħix flimkien fil-familja, fil-komunità, fis-soċjetà, fejn kull membru għandu l-istess dinjità. Hu fuq din id-dinjità li jissejsu d-drittijiet umani, kif ukoll id-dmirijiet, li jsejħu ngħidu aħna għar-responsabbiltà li nilqgħu u ngħinu lill-foqra, il-morda, l-emerġinati, kull “proxxmu” tagħna, “viċin jew ’il bogħod fiż-żmien u fl-ispazju”.[9]

 

* Il-kura lejn il-ġid komuni.

Kull qasam tal-ħajja soċjali, politika u ekonomika jsib il-milja tiegħu meta jkun ta’ servizz lill-ġid komuni, jiġifieri l-“ġabra ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li jippermettu kemm lill-għaqdiet kemm lill-membri wieħed wieħed li jiksbu l-perfezzjoni tagħhom aktar sħiħa u aktar malajr”.[10] Għaldaqstant, fil-pjanijiet u l-isforzi tagħna dejjem għandna nżommu quddiem għajnejna l-effett li se jkollhom fuq il-familja umana kollha, u nirriflettu dwar il-konsegwenzi għall-mument tal-preżent u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Turina kemm dan hu minnu u attwali l-pandemija tal-Covid-19, li quddiemha “ntbaħna li ninsabu fuq l-istess dgħajsa, ilkoll dgħajfa u mifxula, imma fl-istess waqt importanti u meħtieġa, ilkoll imsejħin nibqgħu flimkien”,[11] għaliex “ħadd ma jista’ jsalva waħdu”[12] u l-ebda stat nazzjonali waħdu ma jista’ jiżgura l-ġid komuni tal-popolazzjoni tiegħu.[13]

 

* Il-kura permezz tas-solidarjetà.

Is-solidarjetà turi b’mod konkret l-imħabba lejn il-proxxmu, mhux bħala sentiment vag, iżda bħala “determinazzjoni soda u perseveranti biex wieħed jimpenja ruħu għall-ġid komuni: jiġifieri għall-ġid ta’ kulħadd u ta’ kull persuna għaliex aħna verament kollha responsabbli minn kulħadd”.[14] Is-solidarjetà tgħenna naraw lill-ieħor – kemm bħala persuna, kemm, b’mod ġenerali, bħala poplu jew nazzjon – mhux bħala figura statistika, jew xi ħaġa li tisfrutta mbagħad teħles minnha meta ma tibqax utli, imma bħala proxxmu, sieħeb fil-vjaġġ, imsejjaħ jieħu sehem, daqsna, fil-festa tal-ħajja li għaliha lkoll mistednin minn Alla bl-istess mod.

 

* Il-kura u l-ħarsien tal-ħolqien.

L-Enċiklika Laudato si’ titkellem bis-sħiħ dwar kif ir-realtajiet kollha fil-ħolqien huma marbutin bejniethom u turi l-importanza ta’ kemm hemm bżonn nisimgħu il-karba ta’ min hu fil-bżonn u fl-istess ħin dik tal-ħolqien. Minn dan is-smigħ attent u ma jaqtax tista’ titwieled kura tal-art li tkun effettiva, art li hi dar komuni tagħna, u tal-foqra. Dwar dan, nixtieq intenni li “ma jistax ikun awtentiku sentiment ta’ għaqda intima mal-ħlejjaq l-oħra tan-natura, jekk fl-istess ħin fil-qalb tagħna m’hemmx ħlewwa, kompassjoni u tħassib għall-bnedmin”.[15] “Paċi, ġustizzja u ħarsien tal-ħolqien huma tliet kwistjonijiet marbuta għalkollox ma’ xulxin, li ma tistax tifridhom b’mod li tittrattahom singularment, mingħajr ma tirriskja li terġa’ taqa’ fir-riduzzjoniżmu”.[16]

 

7. Il-boxxla għal rotta komuni

Fi żmien iddominat mill-kultura tal-iskart, quddiem id-diżugwaljanzi dejjem jiħraxu fin-nazzjonijiet u bejniethom,[17] nixtieq għalhekk nistieden lir-responsabbli tal-Organizzazzjonijiet internazzjonali u tal-Gvernijiet, tad-dinja ekonomika u dik xjentifika, tal-komunikazzjoni soċjali u tal-istituzzjonijiet edukattivi, biex jaqbdu f’idejhom din il-“boxxla” tal-prinċipji msemmija hawn fuq, biex jaqbdu rotta komuni fil-proċess tal-globalizzazzjoni, “rotta tassew umana”.[18] Din, fil-fatt, tħallina napprezzaw il-valur u d-dinjità ta’ kull persuna, naħdmu flimkien u b’solidarjetà għall-ġid komuni, billi nwieżnu lil min qed ibati minħabba l-faqar, il-mard, l-iskjavitù, id-diskriminazzjoni u l-kunflitti. Permezz ta’ din il-boxxla, irrid nixpruna lil kulħadd isir profeta u xhud tal-kultura tal-kura, biex jittaffew ħafna mis-sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza soċjali. U dan ikun possibbli biss jekk in-nisa jkollhom rwol ċentrali b’saħħtu u mifrux, fil-familja u f’kull qasam soċjali, politiku u istituzzjonali.

 

Il-boxxla tal-prinipji soċjali, bżonnjuża biex tingħata spinta lill-kultura tal-kura, hi bżonnjuża wkoll fir-relazzjonijiet bejn in-nazzjonijiet, li għandhom ikunu ispirati mill-fratellanza, mir-rispett reċiproku, mis-solidarjetà u mill-ħarsien tad-drittijiet internazzjonali. Għaldaqstant, għandna nisħqu fuq il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma inaljenabbli, universali u indiviżibbli.[19]

 

Hemm bżonn infakkru wkoll fir-rispett lejn id-dritt umanitarju, speċjalment f’din il-fażi li fiha kunflitti u gwerer qed iseħħu waħda wara l-oħra. B’xorti ħażina, ħafna reġjuni u komunitajiet m’għadhomx jiftakru żmien li fih kienu jgħixu fil-paċi u fis-sigurtà. Ħafna bliet donnhom saru fulkru tan-nuqqas ta’ sigurtà: ir-residenti jissieltu biex iżommu r-ritmi normali tagħhom, għaliex jisfaw attakkati u bbumbardjati b’mod indiskriminat minn splussivi, artillerija u armi ħfief. It-tfal ma jistgħux jistudjaw. Irġiel u nisa ma jistgħux jaħdmu biex jgħajxu l-familji. Il-ġuħ jinfirex fejn qabel ma kienx jeżisti. Il-persuni mġiegħla jaħarbu, u jħallu warajhom mhux biss djarhom, imma wkoll l-istorja tal-familja u l-għeruq kulturali.

 

Ir-raġunijiet għaliex iseħħ kunflitt huma ħafna, imma r-riżultat huwa dejjem l-istess wieħed: qerda u kriżi umanitarja. Hemm bżonn nieqfu u nistaqsu lilna nfusna: x’kien dak li wassal biex il-kunflitt fid-dinja sar xi ħaġa normali? U, fuq kollox, kif nistgħu nikkonvertu lil qlubna u nibdlu l-mentalità tagħna biex infittxu verament il-paċi permezz tas-solidarjetà u l-fraternità?

 

Kemm hemm ħela ta’ riżorsi għall-armi, speċjalment dawk nukleari,[20] riżorsi li jistgħu jintużaw għal prijoritajiet iktar importanti biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-persuni, bħalma hi l-ħidma favur il-paċi u l-iżvilupp uman b’mod sħiħ, il-ġlieda kontra l-faqar, iċ-ċertezza li jiġu ggarantiti l-bżonnijiet fil-qasam tas-saħħa. Dan ukoll, wara kollox, jidher ċar fil-problemi globali bħalma hi l-pandemija attwali tal-Covid-19 u fil-bdil tal-klima. Kemm tkun deċiżjoni kuraġġjuża dik li “l-flus li qed jintużaw fl-armi u fil-gwerer jintużaw biex jibnu ‘Fond dinji’ biex jinqered il-ġuħ darba għal dejjem, u biex jgħin fl-iżvilupp tal-pajjiżi l-iktar fqar”![21]

 

8. Sabiex nedukaw għal kultura tal-kura

Sabiex tinġieb ’il quddiem il-kultura tal-kura, hemm bżonn proċess edukattiv, u l-boxxla tal-prinċipji soċjali għal dan il-għan hi mezz ta’ min joqgħod fuqu, għal ħafna kuntesti marbutin flimkien. Dwar dan nixtieq nagħti xi eżempji:

 

- L-edukazzjoni għall-kura titwieled fil-familja, fulkru naturali u fundamentali tas-soċjetà, fejn nitgħallmu ngħixu f’relazzjoni u f’rispett bejnietna. Madankollu, il-familja trid tingħata l-opportunità twettaq dan ix-xogħol tant importanti u indispensabbli.

 

- F’ħidma kontinwa mal-familja, setturi oħra li għandhom responsabbiltà fejn tidħol l-edukazzjoni huma l-oqsma tal-iskejjel u l-universitajiet, u bl-istess mod, sa ċertu punt, il-qasam tal-komunikazzjoni soċjali.[22] Dawn huma msejħa jgħaddu sistema ta’ valuri msejsa fuq l-għarfien tad-dinjità li għandhom kull persuna, komunità lingwistika, etnika u reliġjuża, kull poplu u tad-drittijiet fundamentali li jiġu minn din id-dinjità. L-edukazzjoni hi wieħed mill-pilastri f’soċjetajiet iktar ġusti u solidali.

 

- Ir-reliġjonijiet b’mod ġenerali, u l-mexxejja reliġjużi b’mod partikulari, jista’ jkollhom rwol insostitwibbli f’li jgħaddu lill-fidili u lis-soċjetà l-valuri tas-solidarjetà, ir-rispett tad-differenzi, l-akkoljenza u l-kura tal-aħwa l-iktar dgħajfa. Infakkar, f’dan ir-rigward, il-kliem li l-Papa Pawlu VI qal lill-Parlament Ugandiż fl-1969: “Tibżgħux mill-Knisja; din tonorakom, tedukakom f’ċittadini onesti u leali, ma ssaħħaħx ir-rivalità u d-diviżjoni, tipprova ssaħħaħ il-libertà onesta, il-ġustizzja soċjali, il-paċi; jekk għandha xi preferenza, din tmur għall-foqra, għall-edukazzjoni taż-żgħar u tal-poplu, għall-kura ta’ min qed ibati u min hu abbandunat”.[23]

 

- Lil kull min hu impenjat għas-servizz tal-popli, fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, governattivi u mhux governattivi, lil min għandu missjoni edukattiva, u lil kull min, f’pożizzjonijiet differenti, jaħdem fil-qasam tal-edukazzjoni u r-riċerka, intenni l-inkuraġġiment tiegħi, sabiex nilħqu l-iskop ta’ edukazzjoni “iktar miftuħa u inklużiva, kapaċi għas-smigħ bis-sabar, għad-djalogu kostruttiv u għall-komprensjoni reċiproka”.[24] Nittama li din l-istedina, mogħtija fl-ambitu tal-Patt edukattiv globali, tiġi milqugħa b’mod wiesa’ u varjat.

 

9. M’hemmx paċi mingħajr kultura tal-kura

Il-kultura tal-kura, bħala impenn komuni, solidali u parteċipattiv biex jiġu protetti u promossi d-dinjità u l-ġid ta’ kulħadd, permezz tar-rieda biex nuru interess, nagħtu attenzjoni, ikollna l-kompassjoni, nagħmlu ħbieb mill-ġdid u nfiqu, nirrispettaw lil xulxin u nilqgħu lill-oħrajn, hija triq ewlenija biex nibnu l-paċi. “F’ħafna partijiet tad-dinja jinħolqu mogħdijiet ta’ paċi li jwasslu biex jingħalqu l-feriti, hemm bżonn ta’ nies li għandhom is-sengħa tal-paċi, li lesti jibdew proċessi ta’ fejqan u ta’ laqgħa mill-ġdid permezz tal-għerf u l-kuraġġ”.[25]

 

F’dan iż-żmien, li fih id-dgħajsa tal-umanità, milquta mill-maltempata tal-kriżi, miexja b’diffikultà hi u tfittex xefaq iktar kalm u trakwill, it-tmun tad-dinjità tal-persuna umana u l-“boxxla” tal-prinċipji soċjali fundamentali jistgħu jgħinuna nivvjaġġaw f’rotta żgura u komuni. Bħala Nsara, indawru ħarsitna lejn il-Verġni Marija, Kewkba tal-baħar u Omm it-tama. Ilkoll flimkien naħdmu biex nimxu lejn xefaq ġdid ta’ mħabba u paċi, ta’ fraternità u solidarjetà, ta’ sostenn wieħed lejn l-ieħor u ta’ akkoljenza bejn kulħadd. Ma naqgħux fit-tentazzjoni li ma nagħtux kas iktar tal-oħrajn, speċjalment tal-iktar dgħajfa, ma nidrawx inħarsu band’oħra,[26] imma nagħmlu ħilitna kuljum, b’mod konkret, biex “niffurmaw komunità magħmula minn aħwa li jilqgħu lil xulxin, li jieħdu ħsieb wieħed lill-ieħor”.[27]

 

Mill-Vatikan, 8 ta’ Diċembru 2020

 

Franġisku

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona

 

 

[2] Ara Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 67.

[4] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 70.

[5] Kunsill Pontifiċju tal-Ġustizzja u l-Paċi, Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, 488.

[6] De officiis, 1, 28, 132: PL 16, 67.

[7] K. Bihlmeyer–H. Tüchle, Storia della Chiesa, vol. I L’antichità cristiana, Morcelliana, Brescia 1994, 447.448.

[9] Messaġġ fit-22 sessjoni tal-Konferenza tal-Istati li jagħmlu parti mill-Konvenzjoni Qafas tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima (COP22), 10 ta’ Novembru 2020. Ara Mejda Tonda interdikasterjali tas-Santa Sede dwar l-ekoloġija integrali, Fmixja lejn l-għożża tad-dar komuni. Ħames snin wara l-Laudato si, LEV, 31 ta Mejju 2020.

[10] Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni pastorali Gaudium et spes, 26.

[13] Ara Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 8; 153.

[14] San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 38.

[15] Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 91.

[16] Konferenza Episkopali tar-Repubblika Domenikana, Ittra pastorali Sobre la relación del hombre con la naturaleza (21 ta’ Jannar 1987); ara Ittra enċiklika Laudato si’ (24 ta’ Mejju 2015), 92.

[17] Ara Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 125.

[18] Ibid., 29.

[24] Messaġġ għat-tnedija tal-Patt Edukattiv, 12 ta’ Settembru 2019: L’Osservatore Romano, 13 ta’ Settembru 2019, p. 8.

[25] Ittra enċiklika Fratelli tutti (3 ta’ Ottubru 2020), 225.

[26] Ara ibid., 64.