MESSAĠĠ VIDEO TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU

FL-OKKAZJONI TAL-75 SESSJONI

TAL-ASSEMBLEA ĠENERALI TAN-NAZZJONIJIET UNITI

25 ta’ Settembru 2020
 

 

Sur President,

Il-paċi magħkom!

Insellem bil-qalb lilek, sur president, u lid-delegazzjonijiet kollha li qed jieħdu sehem f’din l-Assemblea Ġenerali Importanti, il-ħamsa u sebgħin waħda tan-Nazzjonijiet Uniti. B’mod partikulari, insellem lis-segretarju ġenerali, is-Sur António Guterres, lill-kapijiet tal-Istat u tal-Gvern li qed jieħdu sehem, u lil dawk kollha li qed isegwu dan id-dibattitu ġenerali.

Il-ħamsa u sebgħin anniversarju tan-Nazzjonijiet Uniti huwa okkażjoni biex wieħed jisħaq dwar ix-xewqa tas-Santa Sede li din l-organizzazzjoni tkun tabilħaqq sinjal u strument ta’ għaqda bejn l-istati u tkun għas-servizz tal-familja kollha tal-bnedmin. [1].

Id-dinja tagħna bħalissa hija milquta mill-pandemija tal-Covid-19, li ġabet magħha ħafna telf ta’ ħajjiet. Din il-kriżi qiegħda tibdel l-istil ta’ kif ngħixu, qiegħda tpoġġi f’dubju s-sistemi ekonomiċi tagħna, kif ukoll is-sistemi tas-saħħa u dawk soċjali, u qed turina l-dgħufija tagħna bħala ħlejjaq.

Fil-fatt, il-pendemija qed issejħilna «biex naħtfu dan iż-żmien ta’ prova, bħala żmien ta’ għażla. [...]: żmien biex nagħżlu bejn dak li jiswa u bejn dak li jgħaddi, biex nifirdu dak li hu meħtieġ minn dak li mhuwiex»[2]. Din taf tkun okkażjoni vera għall-konverżjoni, għall-bidla, biex naħsbu mill-ġdid dwar l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu u s-sistemi ekonomiċi u soċjali tagħna, sistemi li qed iwessgħu d-distakk bejn min hu fqir u min hu sinjur, u dan minħabba t-tqassim inġust tal-ġid. Min-naħa l-oħra l-pandemija taf tkun okkażjoni biex “nirtiraw b’mod difensiv” lejn l-individwaliżmu u lejn l-elitiżmu.

Għalhekk aħna ninsabu quddiem żewġ toroq li nistgħu nagħżlu: waħda li tieħu għal  tisħiħ ta’ ħidma flimkien bejn pajjiżi differenti, li ssaħħaħ il-korresponsabbiltà fid-dinja, u li żżid is-solidarjetà minbija fuq il-ġustizzja u fuq il-paċi u l-għaqda bejn il-familja tal-bnedmin, li huwa l-proġett ta’ Alla fuq id-dinja.  It-triq l-oħra hija triq tal-awto-suffiċjenza, jiġifieri tan-nazzjonaliżmu, tal-individwaliżmu, tal-iżolament. Din hija triq li twarrab lill-fqar, lill-vulnerabbli, u lil dawk li jinsabu fil-periferija. Din it-triq tagħmel ħsara lill-komunità kollha, għax iġġib feriti fuq kulħadd. U din m’għandhiex tkun.

Il-pandemija enfasizzat il-ħtieġa urġenti li nsaħħu s-saħħa pubblika, u li niżguraw li kull persuna jkollha aċċess għall-mediċina bażika. [3]. Għalhekk inġedded l-appell tiegħi lill-mexxejja politiċi kif ukoll lis-settur privat biex jodattaw miżuri adegwati biex jiggarantixxu l-aċċess għall-vaċċin kontra l- Covid-19 u dak kollu li hu meħtieġ biex jgħinu lill-morda.  U jekk jagħmlu preferenza ma’ xi ħadd, jalla dan ikun l-iktar wieħed fqir, l-iktar wieħed vulnerabbli, li ssoltu jkunu diskriminati għax ma jkollhomx minn fejn iħallsu!

Din il-kriżi wrietna wkoll li s-solidarjetà ma tistax tkun kelma jew wegħda vojta.  Barra minn hekk, urietna wkoll l-importanza li nevitaw it-tentazzjoni li nippruvaw immorru lil hinn mil-limiti naturali tagħna. «Aħna għandna l-libertà li nillimitaw u li nagħtu direzzjoni lit-teknoloġija, nistgħu npoġġuha għas-servizz ta’ xi tip ieħor ta’ progress li jkun iktar san, iktar uman, iktar soċjali u iktar integrali» [4].  Dan irridu nżommuh sewwa quddiem għajnejna meta niġu biex niddiskutu s-suġġett kumplikat dwar l-intelliġenza artifiċjali (AI).

B’dan kollu f’moħħi, qed naħseb ukoll fuq l-effett li hemm fuq id-dinja tax-xogħol, settur li ħa daqqa fl-isabilità tiegħu minħabba l-inċertezza li hemm fis-suq tax-xogħol, kif ukoll minħabba li kulma jmur il-magni qed jiedħu post in-nies. Hu meħtieġ ħafna li nsibu forom ġodda ta’ xogħol li jistgħu jissodisfaw il-potenzjal tal-bniedem, kif ukoll li jħarsu d-dinjità tal-bniedem. Biex nassiguraw li jkun hemm xogħol ta’ dinjità, hemm bżonn nibdlu l-mod kif inħarsu lejn l-ekonomija li tfittex biss li tkabbar il-qligħ tal-kumaniji. Il-mira ta’ kull negozjant għandha tkun li jsib xogħol għal kemm jista’ jkun nies, u dan huwa wieħed mill-kriterji tas-suċċess ta’ kull attività produttiva. Il-progress fit-teknoloġija huwa meħtieġ, u dan biex ix-xogħol tan-nies ikun iktar dinjituż, ikollu sigurtà aħjar, ikollu inqas periklu u inqas stress.

U dan kollu jitlob minna li nibdlu r-rotta li qbadna, u għal dan diġà għandna r-riżorsi, kif ukoll mezzi kulturali u teknoloġiċi, u għandna wkoll kuxjenza soċjali. Biex nibdlu r-rotta għandna bżonn qafas etiku iktar b’saħħtu, li kapaċi jegħleb «”il-kultura tal-iskart”, li bla ma nafu hija tant mifruxa u li kulma tmur qed tikber»[5].

Fil-bażi ta’ din il-kultura tal-iskart hemm nuqqas kbir ta’ rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, u dan permezz ta’ promozzjoni ta’ fehmiet li għandhom idea baxxa tal-bniedem, ċaħda tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem, u xewqa għall-poter u għal kontroll assolut ta’ min qed jaħkem fuq is-soċjetà moderna tal-lum. Ejjew dan insejħulu b’ismu: dan huwa attakk kontra l-umanità.

Fil-fatt, hija ta’ dieqa meta tara kemm drittijiet fundamentali jiġu mkasbra qisu ma ġara xejn. Il-lista ta’ dawn il-ksur ta’ drittijiet hija twila ħafna, u f’dan naraw ix-xbieha ta’ umanità miksura, midruba, imċaħħda mid-dinjità, mil-libertà u minn kull possibiltà ta’ żvilupp. F’din ix-xena kollha, anke dawk in-nies jħaddnu xi reliġjon, jibqgħu jsofru kull tip ta’ persekuzzjoni, inkluż il-ġenoċidju minħabba t-twemmin tagħhom. Fost dawn hemm aħna l-insara – aħna wkoll vittmi: kemm insara jbatu fid-dinja kollha, u kultant ikunu mġiegħlin jaħarbu minn pajjiżhom, ‘il bogħod mill-istorja u mill-kultura tagħhom.

Madanakollu rridu nammettu li l-kriżijiet umanitarji saru l- status quo, fejn id-dritt għall-ħajja, għal-libertà, u għas-sigurtà personali mhumiex garantiti. Fil-fatt, il-gwerer madwar id-dinja juru li l-użu tal-bombi, l-iktar f’żoni fejn jgħixu n-nies, iħalli impatt umanitarju drammatiku u fit-tul. F’dan is-sens, l-armi konvenzjonali qed isiru dejjem inqas «konvenzjonali» u qed isiru dejjem iżjed «armi tal-qerda tal-massa», u qed jagħmlu ħerba mill-ibliet, skejjel, sptarijiet, postijiet reliġjużi, mill-infrastruttura u mis-servizzi bażiċi meħtieġa għall-popolazzjoni.

Barra minn hekk, numru kbir ta’ nies qed ikunu mġiegħla jabbandunaw darhom. Ir-rifuġjati, il-migranti u dawk li jkollhom jaħarbu minn darhom – kemm fil-pajjiż minn fejn ġejjin, kemm fil-pajjiżi li jkunu għaddejjin minnhom, kif ukoll fil-pajjiż ta’ destinazzjoni – ta’ spiss isibu ruħhom abbandunati bla ebda tama li jtejbu l-qagħda ta’ ħajjithom jew ta’ familthom. Agħar minn hekk, eluf qed ikunu interċettati fuq il-baħar u jġiegħluhom imorru lura bil-fors minn fejn ikunu ġew, f’kampijiet fejn isofru torturi u abbużi. Ħafna minn dawn isiru vittmi ta’ traffikar tal-bnedmin, ta’ jasar sesswali jew ta’ xogħol furzat, ikunu sfruttati billi jagħmlu xogħol degradanti mingħajr ħlas xieraq. Ma nistgħux nittolleraw dan kollu, imma llum din hija rejaltà li ħafna qed jagħlqu għajnejhom għaliha intenzjonalment!

Il-ħafna sforzi kbar u internazzjonali li jsiru biex iwieġbu għal dawn il-kriżijiet, ħafna drabi jibdew b’xi wegħda kbira, foshom iż-żewġ Pattijiet Dinjija dwar ir-rifuġjati u dwar il-migrazzjoni, imma ħafna drabi dawn ma jkollhomx l-appoġġ politiku meħtieġ biex ikollhom suċċess. Oħrajn ifallu minħabba li pajjiżi individwali jaħarbu mir-responsabbiltajiet u mid-dmirijiet tagħhom. Madanakollu, il-kriżi tal-lum hija opportunità: hija opportunità għan-NU, hija opportunità biex toħloq soċjetà iktar magħquda u li taf taħseb fl-oħrajn.  

Dan jitlob minna li nikkunsidraw mill-ġdid x’għandu jkun ir-rwol ta’ l-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, bħalma hi dik ta’ Bretton-Woods, li għandhom iwieġbu għad-distakk dejjem jikber bejn dawk li huma sinjuri ħafna u dawk li huma dejjem fqar. Mudell ekonomiku li jinkoraġġixxi s-sussidjarjetà, u li jsostni l-iżvilupp ekonomiku fuq livell lokali u li jinvesti fl-edukazzjoni u fl-infrastruttura għall-ġid tal-komunità lokali, se jpoġġi l-pedament mhux biss għas-suċċess ekonomiku iżda wkoll għat-tiġdid tal-komunità u n-nazzjon kollu kemm hu. U hawn inġedded l-appell tiegħi sabiex «fid-dawl taċ-ċirkustanzi li qed ngħixu [...] in-nazzjonijiet għandhom iqiegħdu ruħhom disponibbli biex jgħinu fil-ħtiġijiet kbar tal-mument, u jnaqqsu, jekk mhux ukoll iħassru, id-dejn li jtaqqal il-miżien ta’ dawk l-iżjed foqra»[6].

Il-komunità internazzjonali għandha tagħmel ħilitha biex iġġib fix-xejn darba għal dejjem l-inġjustizzji ekonomiċi. «Meta organizzazzjonijiet ta' kreditu multilaterali jipprovdu pariri lil diversi nazzjonijiet, huwa importanti li wieħed iżomm f'moħħu l-kunċetti għoljin ta' ġustizzja fiskali, il-baġits pubbliċi responsabbli għad-dejn tagħhom u, fuq kollox, promozzjoni effettiva ta' l-iiktar nies fqar, li tagħmilhom protagonisti fin-nisġa tas-soċjetà»[7]. Għandna r-responsabbiltà li ngħinu  lil pajjiżi fqar biex jiżviluppaw, u li jitnaqqas id-dejn ta’ dawk il-pajjiżi li għandhom ħafna dejn [8].

«Etika ġdida tippresupponi li nkunu konxji tal-bżonn li lkoll nimpenjaw ruħna biex naħdmu flimkien  biex jintemmu t-tax shelters, biex jiġu evitati evażjonijiet ta’ taxxa u l-ħasil tal-flus li jisirqu lis-soċjetà, kif ukoll li nitkellmu man-nazzjonijiet dwar il-ħtieġa li niddefendu l-ġustizzja u l-ġid komuni iktar milli niddefendu l-interessi ta’ l-iktar kumpaniji kbar u multinazzjonali» [9]. Dan huwa ż-żmien adattat biex tiġġedded it-tifsila finanzjarja internazzjonali [10].

Sur President,

Niftakar fl-okkażjoni li kelli ħames snin ilu meta ndirizzajt l-Assemblea Ġenerali fis-sebgħin anniversarju tagħha. Iż-żjara tiegħi seħħet fi żmien meta diversi pajjiżi kienu jikkaboraw flimkien, kien mument promittenti u ta’ tama kbira, eżatt qabel ma ġiet adottata l-Aġenda 2030. Ftit xhur wara, ġie anke ffirmat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil tal-klima.

Madanakollu jekk irridu nkunu onesti magħna nfusna, jkollna nammettu li, għalkemm sar xi progress, il-komunità internazzjonali uriet li mhix kapaċi tonora l-wegħdiet li saru ħames snin ilu. U dan iġiegħlni nerġa’ ntenni li «jeħtieġ li nevitaw kull tentazzjoni li nikkuntentaw ruħna biss bl-istqarrijiet li jistgħu jserrħu l-kuxjenza tagħna. Jeħtieġ li niżguraw li l-istituzzjonijiet tagħna jkunu tassew effettivi fil-ġlieda kontra dawn il-pjagi kollha» [11].

Niftakar ukoll fil-qagħda mwiegħra tal-Amazonja u tal-popli indiġeni tagħha. Dan ifakkarna li l-kriżi ambjentali hija bla dubju ta’ xejn marbuta ma’ kriżi soċjali, u l-ħarsien tal-ambjent jitlob ħidma integrata biex niġġieldu l-faqar u l-esklużjoni [12].

Ċertament li hija xi ħaġa pożittiva l-fatt li sirna iktar sensibbli għall-ekoloġija integrali, u li kibret ix-xewqa li tittieħed azzjoni. «M’għandniex nitfgħu l-piż fuq il-ġenrazzjonijiet futuri biex jitgħabbew bil-problemi li ħloqnilhom aħna. [...] Jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna bis-serjetà jekk hemmx ir-rieda politika li, b’onestà, b’responsbbiltà u b’kuraġġ, nallokaw iktar riżorsi umani, fianzjarji u teknoloġiċi biex jittaffew l-effetti negattivi tat-tibdil tal-klima, u anke biex jiġu mgħejjuna l-iktar popolazzjonijiet fqar u vulnerabbli li huma milquta l-iktar minħabba dil-ħaġa.»[13].

Il-Vatikan se jkompli jagħti sehmu. Bħala sinjal konkret tal-impenn tagħna li nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna, dan l-aħħar irratifikajt l-Emenda ta’ Kigali għall-Protokoll ta’ Montreal[14].

 

 

Sur President,

Ma nistgħux ma narawx b’għajnejna il-konsegwenzi koroh tal-kriżi Covid-19 fuq it-tfal, fosthom tfal migranti u rifuġjati mhux akkumpanjati. Il-vjolenza fuq it-tfal, bħalma hi l-pjaga kerha tal-abbuż fuq it-tfal u l-pornografija, żdiedet b’mod allarmanti.

Barra minn hekk, miljuni ta’ tfal ma jistgħux imorru lura l-iskola. F’ħafna nħawi tad-dinja din is-sitwazzjoni qed thedded li jkun hemm żjieda fit-tħaddim tat-tfal, l-isfruttament, l-abbuż. u li ma jieklux biżżejjed. Sfortunatament, pajjiżi u istituzzjonijiet internazzjonali qed jippromwovu wkoll l-abort bħala wieħed mill-hekk imsejħa «servizzi meħtieġa» fit-tweġiba umanitarja. Hija ta’ dieqa kbira meta tara kemm, għal xi wħud, sar daqshekk sempliċi u konvenjenti li ċċaħħad mill-eżistenza tal-ħajja bħala soluzzjoni għal problemi li jistgħu u għandhom jissolvew kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija li għadha fil-ġuf.

Nitlob għalhekk lill-awtoritajiet ċivili biex jagħtu attenzjoni partikulari lit-tfal li qed jiġu miċħuda mid-drittijiet fundamentali tagħhom u mid-dinjità tagħhom, l-iżjed id-dritt għall-ħajja u għall-edukazzjoni. Ma nistax ma niftakarx fl-appell taż-żagħżugħa qalbiena Malala Yousafzai, li ħames snin ilu fl-Assemblea Ġenerali fakkritna li «tifel, għalliem, ktieb u pinna jistgħu jbiddlu d-dinja».

L-ewwel għalliema tat-tfal huma l-omm u l-missier, il-familja li skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem hija «in-nukleju naturali u fundamentali tas-soċjetà»[15]. Ħafna drabi il-familja hija vittma ta’ kolonjaliżmi idejoloġiċi li jagħmilha vulerabbli, u tispiċċa biex iġġib fil-membri tal-familja, l-iżjed dawk li ma jistgħux jiddefendu ruħhom – it-tal u l-anzjani – sensazzjoni qisu xi ħadd qalagħhom mill-għeruq u jħossuhom qishom orfni. Meta nżarmaw il-familja nkunu qed inżarmaw lis-soċjetà, u dan iwassal biex ifixkel l-impenn biex naffrontaw għedewwa komuni. Wasal iż-żmien li nerġgħu naraw mill-ġdid dawn l-affarijiet u nimpenjaw ruħna fl-għanijiet tagħna.

Wieħed minn dawn l-għanijiet huwa l-promozzjoni tal-mara. Din is-sena hija l-ħamsa u għoxrin anniversarju mill-Konferenza ta’ Beijing dwar il-Mara. Il-mara għandha rwol importanti fuq il-livelli kollha tas-soċjetà, bis-sehem uniku tagħha, kapaċi tieħu r-riedni f’idejha b’kuraġġ kbir għas-servizz tal-ġid komuni. Madanakollu, ħafna nisa jibqgħu lura: nisa vittmi ta’ skjavitù, ta’ traffikar, ta’ vjolenza u ta’ sfruttament u trattament umiljanti. Lilhom u lil dawk kollha li qegħdin jgħixu ‘l bogħod mill-familji tagħhom, ngħidilhom li nħossni qrib tagħhom, u fl-istess ħin nitlob li jkun hemm determinazzjoni ikbar u impenn sħiħ fil-ġlieda  kontra dawn il-prattiċi moqżieża li jbaxxu mhux biss lin-nisa, imma lill-umanità kollha li hija kompliċi minħabba s-skiet tagħha u minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tagħha.

Sur President,

Jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna jekk dak li qed jhedded bil-kbir il-paċi u s-sigurtà, bħalma huma l-faqar, il-pandemiji u t-terroriżmu fost l-oħrajn, jistgħux jiġu affaċċjati bis-serjetà meta t-tellieqa għall-armi, fosthom l-armi nuklejari, qed tkompli taħli riżorsi prezzjużi li jistgħu jintużaw għall-ġid tal-iżvilupp sħiħ tan-nazzjonijiet u biex u biex nipproteġu l-ambjent naturali.

Huwa meħtieġ li nkissru l-arja ta’ qtigħ il-qalb li teżisti.  Qed naraw b’għajnejna li l-għajnuna bejn il-pajjiżi qed titnaqqar u tmut. U din issir iktar serja fid-dawl ta’ forom ġodda ta’ teknoloġija militari [16], bħalma huma sistemi ta’ armi tal-qerda awtomatiċi ( Laser Weapon System - LaWS), li qed ibiddlu b’mod irreversibbli n-natura tal-gwerra, u jagħmluha dejjem iktar maqtugħa mill-azzjoni tal-bniedem.

Jeħtieġ inwarrbu l-loġika perversa li s-sigurtà personali u soċjali hi marbuta mal-pussess tal-armi.  Din il-loġika sservi biss biex iżżid il-qligħ tan-negozju tal-armi, u jkabbar klima ta’ nuqqas ta’ fiduċja u ta’ biża’ fost in-nies u l-popli.

U partikularment, il-biża’ minn pajjżi li jistgħu jirritaljaw b’armi nuklejari, dan irawwem ispirtu ta’ biża’  mibni fuq theddid ta’ qerda reċiproka. U dan iwassal biex iħassar ir-relazzjonijiet bejn il-popli u jfixkel id-djalogu bejniethom. [17]. Għaldaqstant huwa daqshekk meħtieġ li jiġu appoġġjati l-istrumenti legali internazzjonali ewlenin ta’ diżarm nuklejari, it-twaqqif tat-tixrid tal-armi nuklejari u l-projbizzjoni tagħhom. Il-Vatikan jawgura li l-Konferenza li jmiss bħala reviżjoni tat-Trattat biex jitwaqqaf it-tixrid tal-armi nuklejari (Non-Proliferation Treaty - NPT) jissarraf f’azzjonijiet konkreti skont il-fehma konġunta tagħna «li tintemm, mill-aktar fis possibbli, il-ġirja għall-armi nuklejari u li jittieħdu miżuri effettivi li jwasslu għad-diżarm nukejari»[18].

Barra minn hekk, id-dinja tagħna mifnija bil-gwerer għandha bżonn li n-NU issir laboratorju tal-paċi effettiva. Dan jitlob li l-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà, l-iktar dawk Permanenti, jaħdmu iktar flimkien u b’iktar determinazzjoni. F’dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-waqfien mill-ġlied globali matul din il-kriżi tal-pandemija, kien pass nobbli ħafna, għax dan jitlob rieda tajba ta’ kulħadd  biex jista’ jiġi implimentat b’mod kontinwu. Nerġa’ nisħaq ukoll dwar l-importanza li jitnaqqsu s-sanzjonijiet internazzjonali li jagħmluha diffiċli għal xi pajjiżi biex isostnu b’mod adegwat lill-popolazzjonijiet tagħhom.

Sur President,

Aħna qatt ma noħorġu minn kriżi l-istess kif konna qabel: noħorġu jew aħjar jew agħar. Huwa għalhekk li, f’dan iż-żmien ta’ kriżi, id-dmir tagħna hu li naħsbu mill-ġdid  dwar il-futur ta’ din id-dar komuni tagħna, u tal-proġett komuni tagħna. Din hija biċċa xogħol diffiċli, li titlob minna djalogu sinċier u li ma jaqtax, bl-iskop li ntejbu l-għajnuna u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi. Din il-kriżi urietna ċar kemm waħedna ma naslux u kemm aħna dgħajfin, u qed iġġiegħlna naħsbu dwar  kif irridu noħorġu minnha: jew aħjar jew agħar.

Il-pandemija urietna li ma nistgħjux ngħixu mingħajr xulxin, jew agħar minn hekk, wieħed kontra l-ieħor. In-Nazzjonijiet Uniti twaqqfet biex iġġib in-nazzjonijiet flimkien, biex tkun pont bejn il-popli; ejjew nagħmlu użu tajjeb minn dan biex inbiddlu l-isfida li qed naffrontaw f’opportunità biex nibnu flimkien, għal darb’oħra, il-futur li lkoll kemm aħna nixtiequ.

Alla jberikna lkoll!

Grazzi Sur President.

 


[1] Diskors lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,  25 ta’ Settembru 2015, Benedittu XVI, Diskors lill-Assemblea Ġenerali tan_NU, 18 ta’ April 2008.

[2] Meditazzjoni waqt il-mument straordinarju ta’ talb fi żmien tal-pandemija , 27 ta’ Marzu 2020.

[3] Cfr. Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, artiklu 25.1.

[4] Ittra Enċiklika Laudato si’, n.112.

[5] Diskors lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, 25 ta’ Settembru 2015.

[6] Messaġġ Urbi et Orbi12 ta’ April 2020.

[7] Diskors lill-parteċipanti tal-laqgħa «Forom ġodda ta’ solidarjetà», 5 ta’ Frar 2020.

[8] Cfr. Ibid.

[9] Ibid.

[10] CfrIbid.

[11] Diskors lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, 25 ta’ Settembru 2015.

[12] Cfr. Ittra Enċiklika Laudato si’, n. 139.

[13] Messaġġ lill-parteċipanti tal-25 sessjoni tal-Konferenza tal-Istati dwar it-tibdil tal-klima 1° ta’ Diċembru 2019.

[14] Cfr. Messaġġ lill-31 Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta’ Montreal , 7 ta’ Novembru 2019.

[15] Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, artiklu 16.3.

[16] Cfr. Diskors dwar l-armi nuklejari , Atomic Bomb Hypocenter Park, Nagasaki, 24 ta’ Novembru  2019

[17] Cfr. ibid.

[18] Trattat dwar Non proliferation of nuclear arms, preambolu.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes.