Gaudium et Spes. Kostituzzjoni Pastorali tal-Konċilju Vatikan II

 

Aktar dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II u ta' Konċilji oħra ...

 

 

 

KOSTITUZZJONI PASTORALI DWAR IL-KNISJA  [1]

 FID-DINJA TAL-LUM

''GAUDIUM ET SPES''

7 ta' Diċembru 1965

 

 

WERREJ

Daħla

1 Għaqda intima tal-Knisja mal-familja kollha tal-bnedmin

2 Ma' min jitkellem il-Konċilju

3 Għall-qadi tal-bniedem

 

Espożizzjoni Introduttiva:

IL-KONDIZZJONI TAL-BNIEDEM FID-DINJA TAL-LUM

4 Tama u ansjetà

5 Tibdiliet profondi

6 Tibdiliet soċjali

7 Tibdiliet psikoloġoċi, morali u reliġjużi

8 Nuqqas ta' ekwilibriju fid-dinja tal-lum

9 Ix-xewqat l-aktar universali tal-bnedmin

10 Il-mistoqsijiet l-aktar profondi tal-bniedem

 

L-ewwel Taqsima

IL-KNISJA U S-SEJĦA TAL-BNIEDEM

11 Inwieġbu għat-tqanqil tal-Ispirtu

 

Kap I

ID-DINJITÀ TAL-PERSUNA TAL-BNIEDEM

12 Il-bniedem xbieha ta' Alla

13 Id-dnub

14 Dak li jagħmel bniedem lill-bniedem

15 Id-dinjità ta' l-intelliġenza, il-verità u l-għerf

16 Dinjità tal-kuxjenza morali

17 Sbuħija tal-libertà

18 Il-misteru tal-mewt

19 Forom u egħruq ta' l-ateiżmu

20 L-ateiżmu sistematiku

21 Xi tgħid il-knisja fuq l-ateiżmu

22 Kristu, Il-Bniedem ġdid

 

Kap II

IL-KOMUNITÀ TAL-BNEDMIN

23 X'jifhem il-Konċilju

24 In-natura komunitarja tas-sejħa tal-bniedem fil-pjan ta' Alla.

25 Il-persuna u s-soċjetà tal-bnedmin jiddependu minn xulxin.

26 Biex jinġieb 'il quddiem il-ġid komuni

27 Rispett lejn il-persuna umana

28 Ir-rispett u l-imħabba lejn l-avversarji tagħna

29 L-ugwaljanza essenzjali fost il-bnedmin u l-ġustizzja soċjali

30 Jeħtieġ iżjed minn etika individwalistika

31 Responsabbiltà u parteċipazzjoni

32 Il-Verb magħmul Bniedem u s-solidarjetà tal-bnedmin

 

 

Kap III

IL-ĦIDMA TAL-BNEDMIN FL-UNIVERS

33 Il-problema

34 X'tiswa l-ħidma tal-bniedem

35 L-ordni fil-ħidma tal-bnedmin

36 L-awtonomjia leġittima tar-realtajiet tal-art.

37 Il-ħidma tal-bniedem imħassra mid-dnub

38 Il-ħidma tal-bnedmin mgħollija u ipperfezzjonata fil-misteru tal-Għid

39 Art ġdida u sema ġdid

 

 Kap IV

IL-MISSJONI TAL-KNISJA FID-DINJA TAL-LUM

40 Relazzjonijiet reċiproċi bejn il-Knisja u d-dinja.

41 L-għajnuna li l-Knisja tfittex li tagħti li kull bniedem

42 L-għajnuna li l-Knisja tfittex tagħti lis-soċjetà tal-bnedmin.

43 L-għajnuna li l-Knisja tfittex li tagħti lill-ħidma tal-bnedmin permezz ta' l-insara.

44 Għajnuna li l-Knisja tirċievi mid-dinja tal-lum

45 Kristu, l-Alfa u l-Omega

 

 

It-tieni Taqsima

FUQ XI PROBLEMI L-AKTAR URĠENTI

46 Daħla

 

Kap I

PROMOZZJONI TAD-DINJITÀ TAŻ-ŻWIEĠ U TAL-FAMILJA

47 Fuq iż-żwieġ u l-familja fid-dinja tal-lum

48 Fuq il-qdusija taż-żwieġ u tal-familja

49 L-imħabba tal-miżżewġin

50 Il-frott taż-żwieġ

51 L-imħabba bejn il-miżżewġin u r-rispett tal-ħajja umana

52 Kulħadd għandu jħabrek għall-promozzjoni taż-żwieġ u tal-familja.

 

Kap II

L-IŻVILUPP XIERAQ TAL-KULTURA

53 Daħla

 

 Taqsima 1

IL-QAGĦDA TAL-KULTURA FID-DINJA TAL-LUM

54 Stili ġodda ta' ħajja

55 Il-bniedem jagħmel il-kultura

56 Diffikultajiet u dmirijiet

 

 Taqsima 2

XI PRINĊIPJI GĦALL-PROMOZZJONI XIERQA TAL-KULTURA

57 Il-fidi u l-kultura

58 Ir-rabtiet ta' bosta xorta bejn il-Bxara t-tajba ta' Kristu u l-kultura tal-bniedem

59 Armonizzazzjoni ta' aspetti diversi tal-kultura

 

Taqsima 3

XI DMIRIJIET AKTAR URĠENTI TA' L-INSARA DWAR  IL-KULTURA

60 Il-jedd għall-kultura għandu jkun magħruf lil kulħadd u għandu jitħares.

61 L-edukazzjoni tal-bniedem għal kultura sħiħa

62   Armonija bejn il-kultrua umana u t-tagħlim nisrani

 

Kap III

IL-ĦAJJA EKONOMIKA U SOĊJALI

63 Xi aspetti tal-ħajja ekonomika tal-lum

 

Taqsima 1

IL-PROGRESS EKONOMIKU

64 Il-progress ekonomiku għas-servizz tal-bniedem

65 Il-progress ekonomiku taħt il-kontroll tal-bniedem

66 Differenzi ekonomiċi u soċjali kbar li għandhom jitneħħew

 

Taqsima 2

XI PRINĊIPJI LI JIRREGOLAW IL-ĦAJJA EKONOMIKA U SOĊJALI

67 Ix-xogħol u l-kondizzjonijiet tiegħu u ħin liberu

68 Parteċipazzjoni fl-impriża u fl-organizzazzjoni kollha ekonomika, u tilwim fix-xogħol

69 Il-ġid ta' l-art destinat għall-bnedmin kollha.

70 Investimenti u flus

71 Proprjetà privata u latifondi

72 L-attivita ekonomika-soċjali u s-Saltna ta' Kristu.

 

Kap IV

IL-ĦAJJA TAL-KOMUNITÀ POLITIKA

73 Il-ħajja pubblika llum

74 In-natura u l-għan tal-komunità politika

75 Il-kollaborazzjoni ta' kulħadd fil-ħajja pubblika

76 Il-komunità politika u l-Knisja

 

 

Kap V

ĦIDMA GĦALL-PAĊI U L-BINI TAL-KOMUNITÀ TAL-ĠNUS

77 Daħla

78 In-natura tal-paċi

 

Taqsima 1

IL-ĦTIEĠA LI TKUN EVITATA L-GWERRA

79 Ħtieġa li titnaqqas il-ħruxija tal-gwerra.

80 Il-gwerra totali

81 Il-ġirja għall-armamenti

82 Il-kundanna assoluta tal-gwerra u l-ħidma internazzjonali biex il-gwerra tkun evitata.

 

Taqsima 2

BINI TA' KOMUNITÀ INTERNAZZJONALI

83 Kawżi ta' ġlied u rimedji tagħhom

84 Il-Komunità tan-nazzjonijiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali

85 Il-ħidma internazzjonali fil-qasam ekonomiku

86 Xi regoli f'waqthom

87 Il-Kooperazzjoni internazzjonali dwar it-tkattir tal-popolazzjoni.

88 Id-dmir ta' l-insara fl-għoti tal-għajnuna

89 Preżenza effikaċi tal-Knisja fil-komunità internazzjonali

90 Is-sehem ta' l-insara fl-istituzzjonijiet internazzjonali

 

EGĦLUQ

91 Dmirijiet ta' l-insara wieħed wieħed u tal-knejjes partikolari

92 Djalogu bejn il-bnedmin kollha

93 Dinja li għandha tinbena u titmexxa għall-iskop tagħha

 


 

Daħla

 

Għaqda intima tal-Knisja mal-familja kollha tal-bnedmin

1. L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bnedmin tal-lum fuq kollox tal-foqra u ta' dawk kollha li jbatu, huma wkoll il-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta' Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f'qalbhom. Għaliex il-komunità tagħhom hija magħmula minn bnedmin li, magħqudin flimkien fi Kristu, huma mmexxija mill-Ispirtu s-Santu fil-pellegrinaġġ tagħhom lejn is-Saltna tal-Missier u rċevew messaġġ ta' salvazzjoni biex iwassluh lil kulħadd. Għalhekk din il-komunità tħoss ruħha magħquda tassew b'manjiera intima mal-ġens tal-bniedem u mal-istorja tiegħu.

 

Ma' min jitkellem il-Konċilju

2. Għalhekk il-Konċilju Vatikan II, wara li daħal iżjed fil-fond fil-misteru tal-Knisja, jgħaddi issa bla tlaqliq biex iwassal il-kelma tiegħu mhux biss lill- ulied il-Knisja, lanqas biss lil dawk li jsejħu isem Kristu, imma lill-bnedmin kollha, mingħajr għażla, fil-waqt li jixtieq jurihom kif huwa jifhem il-preżenza u l-ħidma tal-Knisja fid-dinja tal-lum.

 Il-Konċilju għandu għalhekk quddiemu d-dinja tal-bnedmin jew il-familja sħiħa tal-bnedmin fil-kuntest taċ-ċirkustanzi kollha li fihom huma jgħixu. Din id-dinja hija l-post tal-istorja tal-bnedmin u ġġib is-sinjali ta' l-isforzi tagħhom, tat-telfiet tagħhom u tar-rebħiet tagħhom; dinja li l-insara jemmnu li hi maħluqa u miżmuma mill-imħabba ta' Dak li ħalaqha iżda li qiegħda ċertament taħt il-jasar tad-dnub; imma Kristu, li kien imsallab u qam mill-mewt, ħelisha mit-telfien tal-Ħażen ippersonifikat u iddestinaha skond il-ħsieb ta' Alla biex titbiddel u tasal għall-kompiment tagħha.

 


 

Għall-qadi tal-bniedem

3. Fi żminijietna l-ġens uman, għalkemm mimli bil-għaġeb bl-invenzjonijiet tiegħu u bil-qawwa tagħhom, spiss iżda jqanqal kwistjonijiet li jġegħluh jitħasseb dwar l-evoluzzjoni attwali tad-dinja, dwar il-post u l-ħidma tal-bniedem fl-univers, dwar is-sens ta' l-isforzi tal-bnedmin wieħed wieħed u tal-bnedmin ilkoll flimkien, u wkoll dwar l-aħħar skop tal-ħwejjeġ u tal-bnedmin. Għalhekk il-Konċilju, fil-waqt li juri x'inhi l-fidi tal-poplu ta' Alla kollu, magħqud fi Kristu, u jagħti xhieda tagħha, ma jistax jagħti prova akbar tal-għaqda, tal-qima u ta' l-imħabba tiegħu lejn il-familja kollha tal-bnedmin li fiha hu jinsab, ħlief billi jibda magħhom djalogu dwar dawn il-problemi, jagħti d-dawl li ġej mill-Evanġelju u joffri għall-użu tal-bnedmin l-enerġiji ta' salvazzjoni li l-Knisja, immexxija mill-Ispirtu s-Santu, tirċievi mingħand il-Fundatur tagħha. Jeħtieġ tkun salvata l-persuna tal-bniedem u tinbena l-għaqda tal-bnedmin. Għalhekk il-qofol ta' dak kollu li sa ngħidu huwa l-bniedem, imma  l-bniedem sħiħ, ġisem u ruħ flimkien, qalb u kuxjenza, dehen u rieda.

Għalhekk il-Konċilju Mqaddes, fil-waqt li jxandar il-kobor mill-aktar għoli tas-sejħa tal-bniedem u jafferma li nżergħet fih żerriegħa divina, joffri lill-bnedmin il-kooperazzjoni sinċiera tal-Knisja biex titwaqqaf dik l-għaqda ta' aħwa bejn kulħadd li taqbel ma' dik is sejħa.

 Il-Knisja mhix immexxija minn xi ambizzjoni tal-ħwejjeġ ta' l-art iżda tfittex dan biss: li, taħt it-tmexxija ta' l-Ispirtu s-Santu, tkompli l-istess ħidma ta' Kristu li ġie fid-dinja biex jagħti xhieda lill-verita, biex isalva u mhux biex jikkundanna, biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi. [2]

 


 

Espożizzjoni Introduttiva

IL-KONDIZZJONI TAL-BNIEDEM FID-DINJA TAL-LUM

 

Tama u ansjetà

4. Biex tagħmel dan ix-xogħol huwa dmir tal-Knisja li l-ħin kollu teżamina s-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl ta' l-Evanġelju, u hekk, b'manjieri addattati għal kull ġenerazzjoni, tkun tista' twieġeb għal dak li l-bnedmin dejjem jistaqsu dwar is-sens tal-ħajja ta' issa u tal-ħajja li għad trid tiġi, u kif dawn għandhom x'jaqsmu ma' xulxin. Għalhekk jeħtieġ tagħraf u tifhem id-dinja li fiha li ngħixu u wkoll it-tamiet tagħha, ix-xewqat tagħha u x-xejra, spiss drammatika, tagħha. Il-karatteristiċi l-aktar importanti tad-dinja tal-lum jistgħu jkunu delineati kif ġej.

 Il-bnedmin il-lum qegħdin jgħixu żmien ġdid ta' l-istorja tagħhom li fih qegħdin isiru tibdiliet profondi u mgħaġġlin li bil-ftit il-ftit qegħdin jixterdu mad-dinja kollha. Dawn it-tibdiliet ġejjin kollha mill-intelliġenza u mill-ħidma kreattiva tal-bnedem, u għandhom effett fuq id-deċiżjonijiet u x-xewqat tiegħu, kemm individwali kemm kollettivi, u fuq il-manjiera kif jaħseb u kif iġib ruħu mal-ħwejjeġ ta' madwaru u mal-bnedmin. Għalhekk nistgħu ngħidu li għandna tassew tibdila soċjali u kulturali li għandha r-rifless tagħha wkoll fuq il-ħajja reliġjuża.

 Kif jiġri f'kull kriżi ta' żvilupp, din it-tibdila ġġib magħha diffikultjiet mhux ħfief. Hekk, filwaqt li l-bniedem jifrex hekk fil-wisa' l-qawwa tiegħu, mhux dejjem jirnexxilu jġegħelha taqdih. Jisforza biex jidħol sewwa fih innifsu, imma spiss jidher aktar inċert minnu nnifsu. Jagħraf ftit ftit aħjar il-liġijiet tal-ħajja soċjali, imma jibqa' ma jafx kif imexxihom.

 Il-bnedmin qatt ma kellhom f'idejhom daqstant ġid u possibiltajiet ta' qawwa ekonomika, u b'danakollu biċċa kbira mill-bnedmin għadhom itturmentati mill-ġuħ u mill-miżerja, u għadd bla qies għadhom ma jafux jaqraw. Qatt bħal-lum il-bnedmin ma kellhom sens hekk qawwi tal-libertà u b'danakollu jeżistu għamliet ġodda ta' jasar soċjali u psikiku. Fil-waqt li d-dinja tagħraf hekk ċar li hija ħaġa waħda u li wieħed jiddependi mill-ieħor u li għalhekk il-bnedmin għandhom jingħaqdu, hija bil-fors miġbuda f'direzzjonijiet opposti ħtija ta' qawwiet kuntrarji għal xulxin; infatti għad hemm nuqqasijiet kbar ta' ftehim fil-politika, fis-soċjetà, fl-ekonomija, fir-razez u fl-ideat u lanqas ma naqas il-periklu ta' gwerra totali li tista' teqred kollox. Waqt li kibret il-komunikazzjoni tal-ideat, il-kliem li bih l-ideat l-aktar importanti jitfissru fl-ideoloġiji differenti ma jfissrux l-istess ħaġa. Fl-aħħarnett qed isir kull sforz biex jinbena ordni temporali aktar perfett, iżda l-progress spiritwali mhux miexi 'l quddiem bl-istess pass.

 Mfixklin minn sitwazzjoni hekk  komplessa ħafna nies ta' żminijietna ma jistgħux jagħrfu sewwa dawk il-valuri li jibqgħu għal dejjem u jarmonizzawhom kif imiss ma' dawk li qegħdin jingħarfu l-lum; għalhekk, minn naħa mimlija tama u minn naħa oħra mimlijin ansjetà, jinsabu mtaqqlin bl-inkwiet waqt li jsaqsu lilhom infushom dwar l-evoluzzjoni li qed issir fid-dinja. Din il-qagħda tisfida, jew aħjar iġġiegħel, il-bniedem li jagħti tweġiba.

 

Tibdiliet profondi

5. Dan it-tqanqil spiritwali li qed naraw il-lum, u dan it-tibdil fil-kondizzjonijiet tal-ħajja, huma marbutin ma' bidla oħra akbar li twassal biex fil-formazzjoni intellettwali qed ikollhom importanza li tegħleb ix-xjenzi matematiċi u naturali jew dawk li jittrattaw dwar il-bniedem u fil-qasam ta' l-azzjoni qiegħda tegħleb it-teknika li hija bint ix-xjenza. Din il-mentalità xjentifika tfassal il-kultura u l-manjiera tal-ħsieb b'mod differenti minn dak ta' l-imgħoddi. It-teknika, mbagħad, tant imxiet 'il quddiem li biddlet wiċċ l-art u qiegħda tfittex li tirbaħ l-ispazji lilhinn minnha.

 L-intelliġenza tal-bniedem qiegħda f'xi mod tkabbar is-setgħa tagħha saħansitra fuq iż-żmien; fuq l-imgħoddi permezz tat-tiftix storiku, fuq li għad jiġi bil-prospettivi u bi pjanifikazzjoni. Il-progress tax-xjenzi bioloġiċi, psikoloġiċi u soċjali mhux biss jgħin il-bniedem biex jagħraf aħjar lilu nnifsu imma jqiegħdu wkoll f'kondizzjoni li jinfluwixxi direttament fuq il-ħajja tas-soċjetajiet l-użu tal-metodi tekniċi. Hekk ukoll il-bniedem dejjem qed jaħseb aktar li jara minn qabel u jikkontrolla t-tkattir tiegħu fil-għadd tal-popolazzjoni.

 L-istorja nnifisha miexja hekk bil-ħeffa li l-bnedmin, wieħed wieħed, bil-kemm jistgħu jilħqu magħha. Id-destin tal-qagħda tal-bnedmin qed isir wieħed u mhux iżjed imqassam u mxerred bħal fi ġrajjiet differenti. B'hekk il-bnedmin igħaddu minn idea aktarx statika ta' l-ordni tar-realtà għal kumpless kbir ta' problemi ġodda li jitlob analiżi u sintesi ġodda.

 

Tibdiliet soċjali

6. Bl-istess mod, tibdiliet dejjem aktar profondi qegħdin  isiru fil-komunitajiet lokali tradizzjonali – bħall-familji patrijarkali, klann, tribù, rħula – fil-gruppi differenti u fir-relazzjonijiet soċjali.

 Bil-mod il-mod qed tixtered l-għamla ta' soċjetà industrijali li tiffavorixxi ekonomija ta' ġid kotran f'xi nazzjonijiet u tbiddel mill-qiegħ l-ideat u l-kondizzjonijiet tal-ħajja li ġejjin minn żmien ilu. Hekk ukoll tikber il-ġibda u t-tfittxija tal-ħajja fl-ibliet, kemm minħabba ż-żjieda fil-għadd ta' l-ibliet u ta' dawk li jgħixu fihom kemm minħabba t-tixrid fil-kampanja tal-għamliet ta' ħajja li hemm fl-ibliet.

 Mezzi ta' komunikazzjoni soċjali ġodda u aktar ipperfezzjonali jiffavorixxu, b'mod usa' u eħfef, it-tagħrif ta' kull ma jiġri fid-dinja u tixrid ta' l-ideat u tas-sentimenti billi jqanqlu katina ta' reazzjonijiet marbutin ma' xulxin.

 Lanqas ma għandna nissottovalutaw il-fatt li ħafna nies, imġegħlin, minn raġunijiet differenti, biex jemigraw, ibiddlu l-manjieri tal-ħajja tagħhom.

B'dan il-mod u bla waqfien jiżdiedu r-relazzjonijiet tal-bnedmin bejniethom, u din is-"soċjalizzazzjoni", min-naħa tagħha, toħloq relazzjonijiet ġodda mingħajr, min-naħa l-oħra, ma tgħin dejjem biex jimmaturaw in-nies u biex ir-relazzjonijiet ikunu tassew personali ("personalizzazzjoni").

 Evoluzzjoni ta' din ix-xorta tidher aktar fin-nazzjonijiet li għandhom diġà progress ekonomiku u tekniku, imma tqanqal ukoll dawk il-popli li għadhom qegħdin jiżviluppapw u li jixtiequ jiksbu għall-pajjiżi tagħhom il-ġid tal-industrijalizzazzjoni u tal-urbanizzazzjoni. Dawn il-popli, l-aktar jekk marbutin minn tradizzjoniet aktar antiki, ifittxu wkoll li jġeddu b'mod li jkunu jistgħu jużaw il-libertà b'mod iżjed matur u aktar personali.

 

Tibdiliet psikoloġoċi, morali u reliġjużi

7. It-tibdil fil-mentalità u fl-istrutturi spiss iġib miegħu kwistjonijiet dwar il-valuri tradizzjonali l-aktar fost iż-żgħażagħ li, ħafna drabi bla sabar, isiru ribelli għax ma jħossux ruħhom kuntenti u, persważi mill-importanza tagħhom fil-ħajja soċjali, iridu jiksbu mill-aktar fis il-post tagħhom fiha. Minħabba f'daqshekk il-ġenituri u l-edukaturi jsibu ruħhom kuljum f'diffikultajiet akbar fil-qadi ta' dmirijiethom.

 L-istituzzjonijiet, il-liġijiet, il-manjieri ta' ħsieb u ta' sentimenti, li ntirtu mill-imgħoddi, mhux dejjem jaddattaw irwieħhom sewwa għall-qagħda tal-lum; u minn hawn tiġi l-konfużjoni fil-mod li wieħed igħix u fl-istess valuri li fuqhom wieħed ifassal ħajtu.

 Saħansitra l-ħajja reliġjuża qiegħda taħt l-influwenza tal-kondizzjonijiet ġodda. Minn naħa waħda sens akar fin ta' kritika jwarrab mid-dinja kull idea ta' sħarijiet u superstizzjonijiet u jitlob li l-bnedmin jilqgħu l-fidi b'manjiera aktar personali u attiva; għalhekk huma bosta dawk li jaslu għal sens aktar ħaj ta' Alla. Iżda mill-banda l-oħra għadd dejjem jikber ta' nies jinfirdu mir-reliġjon. Il-lum, mhux bħal dari, li tiċħad 'l Alla jew ir-reliġjon, jew li tgħix qisu ma kenux hemm, mhuwiex fatt eċċezzjonali jew ta' x'uħud biss; illum dan l-atteġġjament mhux rarament huwa ppreżentat bħala ħtieġa tal-progress xjentifiku jew ta' xorta ġdida ta' umaniżmu. Dan kollu f'bosta pajjizi ma jidhirx biss fir-raġunamenti tal-filosfi imma jixtered bil-kotra fil-qasam tal-letteratura, tal-arti, tal-interpretazzjoni tax-xjenzi umani u tal-istorja, saħansitra fl-istess liġijiet ċivili, u għalhekk ħafna jitħawdu.

 

Nuqqas ta' ekwilibriju fid-dinja tal-lum

8. Bidla hekk mgħaġġla li spiss saret kif ġie ġie, u l-kuxjenza nnifisha li ħafna ħwejjeġ ma jaqblux bejniethom fid-dinja, iqajmu jew ikabbru kontradizzjonijiet u nuqqasijiet ta' ekwilibriju.

 L-ewwelnett fil-persuna nnifisha jidher spiss nuqqas ta' ekwilibriju bejn intelliġenza prattika moderna u sistema ta' ħsieb teoretiku li ma jirnexxilux jikkontrolla l-qabda tagħrif li għandu u jqegħdu sewwa f'ordni jew f'sintesi. Jinħoloq ukoll nuqqas ta' ekwilibriju bejn il-preokkupazzjni għall-effiċjenza prattika u dak li titlob il-kuxjenza; ħafna drabi wkoll bejn il-kondizzjonijiet tal-ħajja kolletttiva u l-ħtieġa li wieħed għandu li jaħseb b'manjiera personali u l-bżonn tal-kontemplazzjoni. Minn hawn jiġi n-nuqqas ta' ekwilibriju bejn l-ispeċjalizzazzjoni tal-ħidma tal-bniedem u l-viżjoni universali tar-realtà.

 Fil-familja mbagħad iqumu t-tensjonijiet sew mit-toqol tal-kondizzjonijiet soċjali jew ekonomiċi, sew mid-diffikultajiet li jqumu bejn il-ġenerazzjonijiet li jiġu waħda wara l-oħra, sew mill-ħtiġiet soċjali ta' għamla ġdida bejn ir-raġel u l-mara.

 Jinqalgħu wkoll diverġenzi bejn ir-razez u bejn il-gruppi differenti tas-soċjetà; bejn nazzjonijiet għonja u oħrajn neqsin jew foqra; fl-aħħarnett bejn istituzzjonijiet internazzjonali li nibtu mix-xewqa tal-popli għall-paċi, u l-ambizzjoni li wieħed ixerred l-ideoloġija tiegħu u l-egoiżmi kollettivi li jinsabu fl-istati jew f'organizzazzjonijiet oħra.

 Minn hawn jiġu n-nuqqas ta' fiduċja u ta' ħbiberija, ġlied u mrar, li tagħhom il-bniedem huwa fl-istess ħin kawża u vittma.

 

Ix-xewqat l-aktar universali tal-bnedmin

9. Sadattant qed tikber il-persważjoni li l-bnedmin mhux biss jistgħu u għandhom isaħħu aktar setgħethom fuq il-ħolqien imma li hu wkoll xogħolhom li jibnu ordni politiku, soċjali u ekonomiku li jaqdi dejjem aktar u aħjar il-bniedem u jgħin il-bnedmin, wieħed wieħed u miġburin fi gruppi, biex affermaw u jiżviluppaw id-dinjità tagħhom.

 Għalhekk ħafna qegħdin jitolbu bil-ħerqa dak il-ġid li huma, b'kuxjenza ċara, jaħsbu li kienu mċaħħdin minnu b'inġustizzja jew bi tqassim mhux kif imiss. L-istati li għadhom qed jiżviluppaw, bħal dawk li għadhom kemm kisbu l-indipendenza, jixtiequ jkollhom sehem fil-benefiċċji taċ-ċivilta' moderna mhux biss fil-kamp politiku imma wkoll f'dak ekonomiku u li jkunu jistgħu fil-liberta' jagħmlu l-parti tagħhom fid-dinja.  Iżda fl-istess waqt huma qegħdin jibqgħu kuljum iżjed lura u spiss ħafna jsiru iżjed dipendenti, fil-qasam ekonomiku wkoll, min-nazzjonijiet aktar għonja li jkomplu sejrin 'il quddiem b'aktar ħeffa. Il-popli maħkumin mill-ġuħ isejħu lill-popli aktar għonja. In-nisa jitolbu, fejn għad m'għandhomx, l-ugwaljanza mal-irġiel, mhux biss bħala dritt imma bil-fatti. Ħaddiema u bdiewa ma jridux biss jaqilgħu dak li jenħtieġ għall-ħajja imma jridu jiżviluppaw il-personalità tagħhom bix-xogħol u jagħtu wkoll sehemhom fl-organizzazzjoni tal-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-bniedem, il-popli huma l-lum persważi li l-benefiċċji taċ-ċiviltà tassew jistgħu u għandhom jitwasslu lil kulħadd.

 Taħt dawn l-esiġenzi kollha hemm aspirazzjoni aktar profonda u universali. Il-bnedmin, wieħed wieħed, jew fi gruppi organizzati, jixtiequ ħajja sħiħa u ħielsa li tixraq lill-bniedem u li tapplika għall-qadi tiegħu dak kollu li d-dija tista toffri hekk bl-abbundanza. In-nazzjonijieti qegħdin ukoll iħabirku dejjem aktar biex jaslu għal ċerta komunità universali.

 F'dawn iċ-ċirkustanzi d-dinja llum tidher fl-istess ħin qawwija u dgħajfa, kapaċi tagħmel l-aħjar u l-agħar, fil-waqt li quddiemha tinfetaħ it-triq tal-ħelsien jew tal-jasar, tal-progress jew tar-rigress, tal-imħabba tal-aħwa jew tal-mibegħda. Barra minn dan il-bniedem jifhem li jiddependi minnu jekk jużax tajjeb il-forzi misjubin minnu stess u li jistgħu jew ijassruh jew jaqduh. Għalhekk huwa jagħmel lilu nnifsu ċerti mistoqsijiet.

 

Il-mistoqsijiet l-aktar profondi tal-bniedem

10.  Tabilħaqq il-ħafna nuqqas ta' ekwilibriju li jinsab fid-dinja tal-lum huwa magħqud ma' dak in-nuqqas ta' ekwilibiriju iżjed fundamentali li għandu egħruqu fil-qalb tal-bniedem. Ħafna lmenti li ma jaqblux bejniethom jinsabu sewwasew fil-bniedem. Għaliex waqt li minn naħa waħda bħala maħluq iħoss li għandu ħafna limitazzjonijiet, min-naħa l-oħra jħoss li m'għandux limiti fix-xewqat tiegħu u li hu msejjaħ għal ħajja ogħla. Miġbud minn ħafna xewqat, huwa dejjem imġiegħel jagħżel xi waħda minnhom u jiċċaħħad mill-oħrajn. Dak li hu agħar, għaliex dgħajjef u midneb, mhux rarament jagħmel dak li kieku ma jridx u jħalli dak li kieku jixtieq jagħmel [3]. Għalhekk fih innifsu jħoss bħal xi ħaġa li taqsmu, li minnha jqum ukoll ħafna tilwim gravi fis-soċjetà. Ċertament dawk li jgħixu f'materjaliżmu prattiku huma 'l bogħod ħafna milli jifhmu sewwa din il-qagħda drammatika, jew għall-anqas, meta jkunu milqutin mill-miżerja, ma jistgħux jirriflettu sewwa fuqha. Ħafna jaħsbu li jsibu l-mistrieħ f'interpretazzjoni tar-realtà proposta lilhom f'manjieri differenti ħafna. X'uħud imbagħad jistennew il-ħelsien sħiħ tal-bniedem mill-isforzi tiegħu biss u huma persważi li s-saltna tal-bniedem li għad tiġi fuq l-art għad tissoddisfa x-xewqat kollha ta' qalbu. Lanqas jonqsu x'uħud li, qalbhom maqtugħa li jagħtu xi skop lill-ħajja, ifaħħru lil dawk li, għaliex jaħsbu li l-eżistenza tagħhom minnha nnifisha ma tfisser xejn, jażżardaw ifittxu li jagħtuha tifsira sħiħa biss bl-intelliġenza tagħhom. B'danakollu, quddiem din l-evoluzzjoni tad-dinja, qed jikber l-għadd ta' dawk li qed jagħmlu jew qed iħossu b'forza aqwa l-mistoqsijiet ewlenin: x'inhu l-bniedem? Liema tifsir għandhom it-tbatija, il-ħażen, il-mewt li minkejja l-progress kollu għadhom jeżistu? X'jiswew dawn ir-rebħiet li qamu prezz tant għoli? X'inhu jagħti l-bniedem lis-soċjetà u x'jista' jistenna minnha? X'se jiġi wara din il-ħajja?

 Il-Knisja temmen li Kristu, li miet u rxoxta għal kulħadd [4], jagħti lill-bniedem, permezz ta' l-Ispirtu tiegħu, dawl u qawwa biex iwieġeb għall-ogħla sejħa tiegħu; u m'hemmx isem ieħor mogħti lill-bniedem fl-art li bih jista' jsalva [5]. Temmen ukoll lil fil-Mulej u Mgħallem tagħha ssib il-muftieħ, iċ-ċentru u l-iskop tal-bniedem u ta' l-istorja tiegħu. Barra hekk, il-Knisja tgħid li taħt it-tibdiliet kollha li jsiru hemm xi ħaġa li ma titbiddilx u temmen li dawn it-tibdliet għandhom ukoll l-ewwel pedament tagħhom f'Alla li ħalaqhom u fi Kristu li hu dejjem l-istess, il-bieraħ,  il-lum u għal dejjem [6]. Hekk, fid-dawl ta' Kristu, xbieha ta' Alla li ma jidhirx, l-ewwel fost il-ħlejjaq kollha, [7] il-Konċilju jrid ikellem lil kulħadd biex idawwal il-misteri tal-bniedem u jagħti sehem fit-tfittxija ta' tweġiba għall-aqwa problemi ta' żmienna.


 

L-Ewwel Taqsima

IL-KNISJA U S-SEJĦA TAL-BNIEDEM

 

Inwieġbu għat-tqanqil tal-Ispirtu

11.  Il-Poplu ta' Alla, imqanqal mill-fidi li biha jemmen li huwa mmexxi mill-Ispirtu tal-Mulej li jimla l-univers kollu, ifittex li  jilmaħ fil-ġrajjiet, fl-esiġenzi u fix-xewqat li jaqsam mal-bnedmin l-oħra ta' żmienna liema huma tassew is-sinjali tal-preżenza u tal-pjanijiet ta' Alla. Għax il-fidi ddawwal kollox b'dawl ġdid u turi x'għandu f'moħħu Alla dwar is-sejħa sħiħa tal-bniedem, u għalhekk tmexxi l-intelliġenza lejn soluzzjonijiet għal kollox umani.

 F'dan id-dawl, il-Konċilju fi ħsiebu qabel xejn jagħti ġudizzju fuq dawk il-valuri li l-lum huma miżmumin fi stima l-aktar kbira u juri r-rabta li għandhom ma' Alla li hu l-għajn tagħhom. Għax dawn il-valuri, għaliex ġejjin mill-inġenju tal-bniedem mogħti lilu minn Alla, huma wisq tajbin; imma ħtija tat-taħsir ta' qalb il-bniedem, mhux rari li jiġi mbiegħda mill-ordni li jmisshom iżommu u għalhekk ikun jeħtieġ li jissaffew.

 Kif taħsibha l-Knisja dwar il-bniedem? X'jidher li għandu jkun irrikkmandat biex tinbena s-soċjeta' tal-lum? X'inhi t-tifsira aħħarija ta' l-attivita' tal-bniedem fl-univers? Dawn  il-mistoqsijiet jitolbu tweġiba. Minn din it-tweġiba jkun jidher aktar ċar li l-poplu ta' Alla u l-ġens tal-bnedmin, li fih il-poplu ta' Alla qiegħed, jaqdu lil xulxin u hekk tidher in-natura reliġjuża u għalhekk profondament umana tagħħa.

 

 


 

Kap I

ID-DINJITÀ TAL-PERSUNA TAL-BNIEDEM

 

Il-bniedem xbieha ta' Alla

12.  Dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux x'aktarx ilkoll jaqblu illi kulma hawn fuq l-art kollox iħares lejn il-bniedem bħala ċ-ċentru u l-ogħla pont tiegħu.

 Imma x'inhu l-bniedem? Huwa fisser u għadu jfisser ħafna fehmiet fuqu nnifsu, uħud differenti oħrajn ukoll kuntrarji, li bihom bosta drabi jew jogħla tant li jagħmel lilu nnifsu regola assoluta, jew jitniżżel sal-qtigħ il-qalb u hekk jispiċċa fid-dubju u fl-ansjetà. Il-Knisja tħoss profondament dawn id-diffikultajiet u tista' tagħti għalihom tweġiba li teħodha mit-tagħlim tar-rivelazzjoni ta' Alla, tweġiba li turi tassew il-kondizzjoni tal-bniedem, tagħti raġuni għall-miżerji tiegħu, u fl-istess ħin tgħinu jagħraf sewwa d-dinjità u s-sejħa tiegħu.

 L-Iskrittura Mqaddsa, infatti, tgħallem li l-bniedem kien maħluq ''sura u xbieha ta' Alla", kapaċi li jagħraf u jħobb lil Dak li ħalqu u li qiegħdu fuq il-ħlejjaq kollha ta' l-art bħala sid tagħhom [8] biex jaħkem fuqhom u jinqeda bihom għall-glorja ta' Alla. [9] "X'inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem biex taħseb fih? Ftit inqas mill-allat għamiltu, bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu, qegħidtu fuq l-egħmejjel kollha ta' idejk! Kollox taħt riġlejh qegħidtlu." (Salm 8, 5-7).

 Imma Alla ma ħalaqx ir-raġel u ħallieh waħdu: għaliex sa mill-bidu " raġel u mara" ħalaqhom (Ġen.1,27) u l-għaqda tagħhom hija l-ewwel għamla ta' għaqda ta' bnedmin. Għax il-bniedem minnu nnifsu hu esseri soċjali, u mingħajr relazzjonijiet ma' oħrajn la jista' jgħix u lanqas iħaddem id-doti tiegħu.

 Għalhekk Alla, kif mill-ġdid naqraw fl-Iskrittura Mqaddsa, ħares "lejn kull ma għamel, u, ara, li kollox kien sewwa ħafna" (Ġen.1,31).

 

Id-dnub

13.  Imma l-bniedem, għad li minn Alla tqiegħed fi stat ta' qdusija, ittantat mill-Ħażen ippersonifikat sa mill-bidu tal-istorja abbuża mil-libertà tiegħu billi qam kontra Alla u xtaq li jilħaq il-fini tiegħu barra minn Alla. Il-bnedmin, għad li kienu għarfu 'l Alla ma tawhx il-ġieħ li kien jistħoqqlu bħala Alla, il-qalb belha tagħom bħal iddallmet u għażlu li jaqdu l-ħlejjaq maħluqa iżjed billi lil Dak li ħalaqhom [10]. Dak li nitgħallmu mir-rivelazzjoni ta' Alla jaqbel mal-istess esperjenza. Għax jekk il-bniedem iħares f'qalbu jsib li huwa miġbud ukoll lejn il-ħażen u mdawwar b'tant miżerji li żgur ma jistgħux jiġi minn Dak li ħalqu, li huwa tajjeb. Ħafna drabi l-bniedem ma' riedx jagħraf 'l Alla bħala prinċipju tiegħu, u kiser l-ordni li jwasslu għall-aħħar fini tiegħu u l-armonija kollha tal-imġiba lejh innifsu, lejn il-bnedmin l-oħra u lejn il-ħlejjaq kollha.

 Hekk il-bniedem jinsab maqsum fih innifsu. Għalhekk il-ħajja kollha tal-bnedmin, sew wieħed wieħed sew ilkoll flimkien, turi ruħha bħala ġlied - u waħda drammatika – bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażn, bejn id-dawl u d-dlam. Anzi l-bniedem m'għandhux ħila jegħleb sewwa bil-qawwa tiegħu nnifsu l-assalti tal-ħażen, u hekk kulħadd iħoss ruħu qisu marbut bi ktajjen. Imma l-Mulej stess ġie biex jeħles il-bniedem u jqawwih billi jġeddu minn ġewwa u jkeċċi 'l barra "il-prinċep ta' din id-dinja" (Ġw, 12.31) li kien iżommu lsir tad-dnub. [11] Id-dnub, wara kollox, iċekken lill-bniedem stess għax ma jħallihx jikseb il-milja kollha tiegħu.

 Fid-dawl ta' din ir-rivelazzjoni jsibu t-tifsir aħħari tagħhom sew is-sejħa għolja sew il-miżerja profonda li l-bnedmin iħossu.

 


 

Dak li jagħmel bniedem lill-bniedem

14   Il-bniedem, esseri wieħed iżda magħmul minn ruħ u ġisem, jiġbor fih innifsu, minħabba l-istess kondizzjoni korporali tiegħu, l-elementi tad-dinja materjali u hekk dawn, permezz tiegħu, jaslu fil-quċċata tagħhom u jiksbu leħen biex ifaħħru fil-libertà lil Dak li ħalaqhom. [12] B'hekk ma jistax wieħed jiddisprezza l-ħajja tal-ġisem bil-bniedem, anzi dan hu obbligat iqis lil ġismu bħala ħaġa tajba u li jistħoqqilha ġieħ sewwasew għax maħluq minn Alla u maħsub biex jirxoxta fl-aħħar jum. B'danakollu l-bniedem midrub bid-dnub iħoss fih ir-ribelljoni tal-ġisem. Għalhekk hija d-dinjità stess tal-bniedem li titlob li huwa jagħti glorja lil Alla b'ġismu stess [13], u li ma tħallix li huwa jsir ilsir tal-ġibdiet ħżiena tal-qalb.

 Tabilħaqq il-bniedem ma jiżbaljax meta jagħraf lilu nnifsu aqwa mill-ħwejjeġ materjali u jqis lilu nnifsu xi ħaġa aktar minn xi biċċa biss tan-natura jew element bla isem tal-belt tal-bnedmin. B'dak li jġib ġo fih il-bniedem jisboq il-kotra tal-ħolqien, jerġa' lura f'din l-interjorità profonda tiegħu meta jerġa' jidħol fil-qalb tiegħu fejn ikun jistennieh Alla li jara x'hemm fil-qlub u fejn jieħu d-deċiżjonijiet dwar id-destin personali tiegħu taħt il-ħarsa ta' Alla [14]. Għalhekk meta huwa jagħraf li għandu ġo fih ruħ spiritwali u immortali ma jkunx qed jilludi ruħu b'xi ħlejqa falza li toħroġ biss mill-kondizzjonijiet fisiċi u soċjali iżda, għall-kuntrarju, ikun wasal biex imiss il-fond stess tal-verità tar-realtà maħluqa.

 

Id-dinjità ta' l-intelliġenza, il-verità u l-għerf

15.  Il-bniedem għandu raġun iżomm li hu jisboq il-kotra ta' l-univers minħabba fl-intelliġenza tiegħu li biha għandu sehem mid-dawl ta' l-intelliġenza ta' Alla.  Bit-tħarriġ ħabrieki ta' l-inġenju tiegħu matul is-sekli huwa għamel ċertament progressi fix-xjenzi prattiċi, fit-teknika u fl-arti liberali. Fi żmienna, mbagħad, kiseb suċċessi milll-akbar l-aktar fit-tiftix u l-ħakma tad-dinja materjali. U b'danakollu hu dejjem fittex u kixef verità aktar profonda. Għax l-intelliġenza ma tirrestrinġix ruħha biss għal dak li jidher imma tista' tilħaq ukoll ir-realtà intelliġibbli b'ċertezza vera avolja, ħtija tad-dnub, hija xi ftit imdallma u mdgħajfa.

 Fl-aħħarnett in-natura intellettwali tal-bniedem tilħaq u għandha tilħaq il-perfezzjoni bil-għerf li bil-ħlewwa jiġbed il-menti biex tfittex u tħobb il-verità u t-tajjeb;mimli b'dan il-għerf, il-bniedem jitmexxa permezz tal-ħwejjeġ li jidhru lejn dawk li ma jidhrux.

 Żmienna għandu bżonn ta' dan l-għerf aktar miż-żminijet li għaddew biex is-sejbiet tiegħu kollha jsiru aktar umani. Fil-fatt il-ġejjieni tad-dinja jinsab fil-periklu jekk ma jqumux bnedmin aktar għorrief. Barra minn dan hu ta' min josserva li ħafna nazzjonijiet, li fl-ekonomija huma ifqar minn oħrajn imma aktar għonja fil-għerf, jistgħu joffru għajnuna kbira.

 Mbagħad, bid-don ta' l-Ispirtu s-Santu, il-bniedem jista' jasal bil-fidi biex jikkontempla l-misteru  tal-pjan ta' Alla u jitgħaxxaq bih [15].

 

Dinjità tal-kuxjenza morali

16.  Fil-fond tal-kuxjenza tiegħu l-bniedem jagħraf liġi li ma jagħtihiex hu lilu nnifsu, imma li huwa għandu jobdi, u l-leħen tagħha, li dejjem jgħidlu biex iħobb u jagħmel it-tajjeb u jaħrab il-ħażin, meta jeħtieġ jgħidlu ċar ġo qalbu; agħmel dan, aħrab dak. Il-bniedem għandu tassew liġi miktuba minn Alla f'qalbu. [16] Il-kuxjenza hija ċ-ċentru l-aktar moħbi tal-bniedem u s-santwarju fejn hu jinsab waħdu ma' Alla, u fejn il-leħen ta' Alla jinstama' ġo fina. [17] Permezz tal-kuxjenza nsiru nafu b'majiera tal-għaġeb dik il-liġi li għandha l-milja tagħha fl-imħabba ta' Alla u tal-proxxmu. [18] Meta jkunu fidili lejn il-kuxjenza l-insara jingħaqdu mal-bnedmin l-oħra biex ifittxu l-verità u biex iħollu fil-verita' ħafna problemi morali li jinbtu fil-ħajja ta' kull wieħed u fil-ħajja soċjali. Għalhekk, aktar ma jagħtu widen lill-kuxjenza retta, aktar il-bnedmin u l-gruppi soċjali jitbiegħdu mid-deċiżjoni għamja tar-rieda u jisfurzaw li jimxu fuq in-normi oġġettivi tal-moralità. Iżda xi drabi jiġri li l-kuxjenza tkun żbaljata ħtija ta' xi injuranza li ma tistax tintrebaħ, mingħajr ma titlef b'daqstant id-dinjita tagħha. Imma dan ma nistgħux ngħiduh meta l-bniedem ftit ikun jimpurtah li jfittex il-verita' u t-tajjeb, u meta l-kunxjenza ssir bil-mod il-mod kważi għamja ħtija tad-drawwa tad-dnub.

 

Sbuħija tal-libertà

17.  Imma l-bniedem jista' jimxi lejn dak li hu tajjeb biss fil-libertà, dik il-libertà li l-bnedmin tal-lum tant jistmaw u jfittxu bil-ħerqa; u bir-raġun. Iżda ħafna drabi jikkultivawha b'manjiera ħażina bħallikieku huwa tajjeb tagħmel kollox, imqar il-ħażin, basta jogħġob. Il-vera libertà, għall-kuntrarju, hija fil-bniedem sinjal għoli tax-xbieha ta' Alla. Għax Alla ried iħalli l-bniedem "rajh f'idejh" [19] u hekk hu ifittex minn rajh lil Dak li ħalqu u, bla xkiel, magħqud miegħu, jasal għall-perfezzjoni sħiħa u hienja. Għalhekk id-dinjità tal-bniedem titlob li huwa jaġixxi skond għażliet magħmulin għax jaf x'qed jagħmel u bil-libertà, jiġifieri mġiegħel minn konvinzjonijiet personali u mhux minn xi ġibda ġewwenija għamja jew għax imġiegħel minn barra. Il-bniedem jikseb din id-dinjità meta jeħles minn kull jasar ta' passjoni, jimxi lejn il-fini tiegħu billi jagħżel liberament dak li hu tajjeb, u jikseb bil-ħidma inġejnjuża tiegħu l-mezzi addattati. Il-libertà tal-bniedem, billi kienet midruba mid-dnub, ma tistax tagħmel għalkollox effikaċi din ir-relazzjoni ma' Alla jekk mhux bil-għajnuna tal-grazzja ta' Alla. Kull bniedem imbagħad għandu jagħti kont ta' ħajtu quddiem it-tribunal ta' Alla għal dak kollu li jkun għamel tajjeb jew ħażin [20].

 

Il-misteru tal-mewt

18.  Quddiem il-mewt l-enigma tal-ħajja tal-bniedem tikber ħafna. Il-bniedem isewwed qalbu mhux biss għall-ħsieb li t-tbatija u t-taħsir tal-ġisem resqin, imma wkoll u aktar ħtija tal-biża' li kollox jispiċċa għal dejjem. Imma bl-intuwizzjoni ta' qalbu huwa ġustament jiċħad u jwarrab l-idea ta' rvina totali u tat-tmiem tal-persuna tiegħu għal dejjem. Iż-żerriegħa ta' l-eternità mqiegħda fil-bniedem, li ma tistax  tkun materja biss, tqum kontra l-mewt. L-isforzi kollha tat-teknika għad li huma ta' ġid kbir, mhumiex biżżejjed biex isikktu t-tħassib tal-bniedem; it-titwil bijoloġiku tal-ħajja ma jistax jissodisfa dik ix-xewqa ta' ħajja oħra li qiegħda f'qalbu u ma' jistax jeqridha.

 Jekk quddiem il-mewt kull immaġinazzjoni ma twassalx, il-Knisja, mgħallma mir-rivelazzjoni ta' Alla, tgħallem li l-bniedem inħalaq minn Alla għall-fini ta' hena, lilhinn mit-truf tal-miżerja ta' din l-art. Barra minn dan il-mewt tal-ġisem, li minnha l-bniedem kien ikun meħlus kieku ma dinibx [21] skond il-fidi nisranija għad tintrebaħ meta l-bniedem jingħata mill-ġdid is-saħħa li tilef bi ħtija tiegħu mis-Salvatur li jista' kollox u kollu ħniena. Għaliex Alla sejjaħ u jsejjaħ il-bniedem biex jingħaqad miegħu, bin-natura tiegħu sħiħa, f' għaqda għal dejjem mal-ħajja tiegħu divina li qatt ma titħassar. Kristu kiseb din ir-rebħa meta qam mill-mewt, wara li bil-mewt tiegħu ħeles mill-mewt il-bniedem [22]. Għalhekk il-fidi, b'argumenti solidi, tagħti tweġiba lil kull min jirrifletti dwar it-tħassib tiegħu fuq dak li għad jiġri għal li ġej u fl-istess ħin tagħti l-possibiltà li nikkomunikaw fi Kristu ma' dawk l-aħwa maħbuba li diġa mietu billi tagħti t-tama li huma kisbu quddiem Alla l-vera ħajja.

 

Forom u egħruq ta' l-ateiżmu

19.  L-ogħla raġuni tad-dinjita tal-bniedem qiegħda fis-sejħa tiegħu biex jikkomunika ma' Alla. Din is-sejħa li Alla jagħmel lill-bniedem biex jiddjaloga miegħu bdiet mal-ħolqien tal-bniedem; għax jekk il-bniedem jeżisti huwa jeżisti biss minħabba l-fatt li Alla ħalqu għax iħobbu u jżommu ħaj għax jibqa' dejjem iħobbu. U l-bniedem ma jgħixx għalkollox skond il-verità jekk ma jagħrafx liberament din l-imħabba ta'  Alla u jagħti ruħu lil Dak li ħalqu. Ħafna min-nies tal-lum ma jagħrfux din ir-rabta vitali u intima ma' Alla jew jiċħduha b'mod espliċitu; għalhekk l-ateiżmu għandu jingħadd mal-fatti l-iżjed gravi ta' dan iż-żmien u għandu jkun mistħarreġ bir-reqqa.

 Bil-kelma ateiżmu jitfissru ħafna fenomini li huma differenti wieħed mill-ieħor. X' uħud jiċħdu espressament 'l Alla; oħrajn iżommu li l-bniedem ma jista' jgħid xejn fuq Alla; oħrajn jistħarrġu l-kwistjoni dwar Alla b'tali mod li l-problema tidher bla sens. Oħrajn  itawlu żżejjed il-limiti tax-xjenzi posittivi u allura jew jaħsbu li kollox jista' jitfisser b'dawn ix-xjenzi jew għall-kuntrarju ma jammettu l-ebda verità assoluta. X' uħud tant igħollu l-bniedem li l-fidi f' Alla ssir qisha bla forza, donnhom aktar ħsiebhom igħollu l-bniedem milli jiċħdu 'l Alla. Oħrajn jiffurmaw ċerta idea qarrieqa ta' Alla illi dak li jiċħdu m'hu xejn l-Alla ta' l-Evanġelju. Oħrajn lanqas biss iqanqlu problema fuq Alla għax donnhom ma jħossu l-ebda inkwiet dwar reliġjon u lanqas jifhmu għaliex imisshom jagħtu kas tagħha. Barra hekk l-ateiżmu jibda spiss minn protesta vjolenti kontra l-ħażen li hawn fid-dinja jew mill-fatt li ċerti valuri umani jingħataw importanza assoluta li m' għandhomx, u għalhekk jieħdu l-post Alla. L-istess ċiviltà umana tista', mhux minnha nnifisha iżda għaliex tkun marbuta żżejjed mal-ħwejjeġ tal-art, tagħmel spiss diffiċli t-triq li twassal għand Alla.

 Bla dubju, dawk li apposta jfittxu jbiegħdu 'l Alla minn qalbhom u jaħarbu l-problemi reliġjużi, billi ma jkunux imxew fuq il-kelma tal-kuxjenza tagħhom, mhumiex meħlusa mill-ħtija; b'danakollu dawk li jemmnu spiss għandhom ukoll xi responsabbilità f' din il-ħaġa. Għaliex l-ateiżmu meħud globalment, mhux xi ħaġa ġejja ninnha nnifisha imma ġej minn kawżi diversi li fosthom hemm ukoll ir-reazzjoni kritika kontra r-reliġjonijiet u f'xi nħawi, l-aktar kontra r-reliġjon nisranija. Meta f'dawn iċ-ċirkostanzi jinżera' l-ateiżmu, jistgħu jkollhom sehem mhux żgħir dawk stess li jemmnu jew għaliex jittraskuraw l-edukazzjoni tal-fidi tagħhom, jew għaliex jagħtu tagħlim li jista' jqarraq jew għaliex jonqsu fil-ħajja tagħhom reliġjuża, morali u soċjali. Wieħed għandu jgħid li, meta l-insara jġibu ruħhom b'dan il-mod, huma aktar jaħbu l-wiċċ veru ta' Alla u tar-reliġjon milli juruh.

 

L-ateiżmu sistematiku

20.  L-ateiżmu tal-lum ħafna drabi jidher f'sura sistematika illi, barra milli ġġib raġunijiet oħra kontra l-eżistenza ta' Alla, tant tgħolli x-xewqa tal-bniedem għall-indipendenza illi tqajjem diffikultajiet kontra kull dipendenza minn Alla. Dawk li jħaddnu l-ateiżmu jippretendu li l-libertà tikkonsisti f'dan: li l-bniedem huwa fini għalih innifsu, li hu jfassal l-istorja tiegħu u huwa d-demijurgu tagħha. Huma jġħidu li dan ma jistax jaqbel mal-ammissjoni ta' Sid li ħalaq kollox u li hu l-fini ta' kollox, jew għallanqas jirrendi għalkollox żejda din l-affermazzjoni. Dan it-tagħlim jista' jkun imsaħħaħ minn dak is-sens ta' qawwa li  progress tekniku tal-lum jagħti lill-bniedem.

 Fost il-forom ta' ateiżmu tal-lum m'għandhiex titħalla fil-ġenb dik li tistenna l-liberazzjoni tal-bniedem l-aktar permezz tal-istess liberazzjoni tiegħu ekonomika u soċjali. Dan l-ateiżmu jżomm li r-reliġjon minnha nnifisha hija ta' tfixkil għal dan il-ħelsien għaliex meta tgħolli t-tama tal-bniedem lejn ħajja li għad trid tiġi u li mhix vera ma tħallihx jibni l-belt ta' din id-dinja. Għalhekk dawk li jżommu dan it-tagħlim, meta jaslu biex jieħdu f'idejhom il-gvern ta' pajjiż, jikkumbattu bil-qawwa r-reliġjon u jxerrdu l-ateiżmu billi jużaw, l-aktar fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ, dawk il-mezzi ta' pressjoni li s-setgħa pubblika għandha għad-dispożizzjoni tagħha.

 

Xi tgħid il-knisja fuq l-ateiżmu

21   Il-knisja, li trid taqdi bil-fedeltà d-dmirijiet tagħha lejn Alla u lejn il-bnedmin, ma tistax ma tikkundannax  bil-qawwa u b'dispjaċir, kif għamlet fl-imgħoddi [23], dak it-tagħlim  u dak l-egħmil ta' ħsara li huma kuntrarji għar-raġuni u għall-esperjenza komuni tal-bnedmin u li jbaxxu l-bniedem mill-kobor li għandu minn twelidu.

 Imma hija tisforza biex tagħraf ir-raġunijiet taċ-ċaħda ta' Alla li jinħbew fil-moħħ ta' l-atei, għax taf il-gravità tal-kwistjonijiet imqanqlin mill-ateiżmu u mmexxija mill-imħabba lejn il-bnedmin kollha, iżżomm li huma għandhom ikunu studjati bis-serjetà u aktar fil-fond.

 Il-Knisja żżomm li l-għarfien ta' Alla ma jmur bl-ebda mod kontra d-dinjità tal-bniedem għaliex din id-dinjità għandha s-sisien tagħha f'Alla u fih issib il-perfezzjoni. Il-bniedem tqiegħed fis-soċjetà minn Alla  li ħalqu bħala esseri intelliġenti u liberu; iżda huwa fuq kollox imsejjaħ bħala iben biex jingħaqad ma' Alla u jkollu sehem mill-hena tiegħu. Barra hekk il-Knisja tgħallem li t-tama eskatoloġika ma tnaqqasx l-importanza tad-dmirijiet fuq l-art, anzi ssaħħaħ it-twettiq tagħhom b'raġunijiet ġodda. Għall-kuntrarju, jekk jonqos il-pedament ta' Alla u t-tama tal-ħajja ta' dejjem, id-dinjità tal-bniedem tonqos ħafna, kif spiss il-lum jiġri, u l-enigma tal-ħajja u tal-mewt, tal-ħtija u tal-indiema, jibqgħu bla tweġiba u għalhekk mhux ftit drabi l-bnedmin jaqgħu fid-disperazzjoni .

 Sadattant kull bniedem jibqa' għalih innifsu problema bla tweġiba, bil-kemm magħrufa. Għaliex ħadd, f'xi waqtiet, u l-aktar fil-ġrajjiet importanti tal-ħajja, ma jista' jaħrab għalkollox għall-mistoqsija li diġà semmejna. Għal din il-mistoqsija Alla biss jista' jagħti tweġiba sħiħa u ċerta, huwa li jsejjaħ il-bniedem għal riflessjoni aktar għolja u għal tfittxija aktar umli.

 Ir-rimedju li għandu jingħata għall-ateiżmu għandna nistennewh sew mit-tagħlim tal-Knisja mfisser tajjeb sew mill-ħajja kollha tal-Knisja u l-membri tagħha. Għaliex il-Knisja għandha x-xogħol li tagħmel preżenti u kważi viżibbli 'l Alla l-Missier u 'l-Ibnu magħmul bniedem billi bla heda ġġedded u tnaddaf lilha nnifisha taħt it-tmexxija ta' l-Ispirtu s-Santu [24]. Dan jinkiseb l-aktar bix-xhieda ta' fidi ħajja u matura, jiġifieri edukata biex tkun tista' tħares ċar f'wiċċ id-diffikultajiet u tirbaħhom. Ta' din il-fidi taw u qegħdin jagħtu xhieda mill-isbaħ għadd kbir ta' martri. Din il-fidi għandha turi l-frott tagħha billi tippenetra l-ħajja kollha, ukoll dik profana, ta' dawk li jemmnu u tħeġġiġhom għall-ġustizzja u l-imħabba l-aktar lejn dawk li jinsabu fil-bżonn. Fl-aħħarnett, biex turi l-preżenza ta' Alla tiswa ħafna tiswa ħafna l-imħabba ta' l-aħwa fost dawk li jemmnu, illi magħqudin fl-ispirtu, jaħdmu flimkien għall-fidi ta' l-Evanġelju [25] u juri lilhom infushom bħala sinjal ta' unità.  

 Il-Knisja, iżda, għad li tikkundanna għalkollox l-ateiżmu, tagħraf sinċerament illi l-bnedmin kollha, dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux, għandhom jagħtu sehemhom biex tinbena sewwa din id-dinja li fiha jgħixu flimkien; u dan ma jistax isir mingħajr djalogu sinċier u għaqli. Għalhekk hija tiddeplora d-diskriminazzjoni bejn dawk li jemmnu u dawk li ma jemmnux li xi awtoritajiet ċivili jdaħħlu inġustament billi ma jridux jagħrfu l-jeddijiet fundamentali tal-persuna umana. Hija mbagħad titlob libertà bil-fatti għal dawk li jemmnu biex jitħallew jibnu wkoll f'din id-dinja t-tempju ta' Alla. Hija fl-aħħarnett tistieden bil-ħlewwa l-atej biex iħarsu lejn l-Evanġelju ta' Kristu bi spirtu miftuħ.

 Għaliex fuq kollox il-knisja taf li l-messaġġ tagħha jaqbel max-xewqat l-aktar moħbija ta' qalb il-bniedem meta hija tiddefendi d-dinjità tas-sejħa tal-bniedem u hekk tagħti mill-ġdid it-tama lil dawk li qatgħu qalbhom minn destin aktar għoli. Il-messaġġ tagħha mhux talli ma jnaqqas xejn lill-bniedem imma jagħtih dawl, ħajja u libertà għall-progress tiegħu; u barra minn dan il-mesaġġ xejn ma jiswa biex jissoddisfa qalb il-bniedem: " Għamiltna għalik," O Mulej, " qalbna m' għandhiex kwiet sakemm ma tistrieħx fik" [26]

 


 

Kristu, Il-Bniedem ġdid

22.  Fil-fatt il-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew biss fil-misteru tal-Iben ta' Alla magħmul bniedem. Għax Adam, l-ewwel bniedem, kien xbieha ta' dak li kellu jiġi [27], jiġifieri ta' Kristu l-Mulej, Kristu, Adam il-ġdid, meta juri l-misteru tal-Missier u ta' l-imħabba tiegħu, juri wkoll għalkollox il-bniedem lill-bniedem stess u jurih is-sejħa l-aktar għolja tiegħu. Għalhekk m'għandniex għax nistagħġbu li fih il-veritajiet li semmejna jsibu l-bidu tagħhom u jilħqu l-quċċata tagħhom.

 Dak li hu "x-xbieha ta' Alla li ma jidhirx" ( Kol. I, 15) [28], Hu stess huwa l-bniedem perfett illi radd lil ulied Adam ix-xebh ta' Alla mħassar fil-bidu mid-dnub. Billi n-natura umana kienet fih magħquda u mhux meqruda [29] b'dan il-fatt stess, fina wkoll, din in-natura tgħolliet, għal dinjità li ma bħalha. Għaliex l-Iben ta' Alla, meta sar bniedem, ingħaqad b'xi mod ma' kull bniedem. Hu ħadem b' idejn ta' bniedem, ħaseb b'moħħ ta' bniedem, aġixxa b'rieda ta' bniedem [30], ħabb b'qalb ta' bniedem. Mwieled mill-Verġni Marija, sar tassew wieħed minna, jixbahna f'kollox barra mid-dnub. [31]

 Ħaruf innoċenti, meta xerred demmu għax ried Hu għalina, immeritalna l-ħajja' u fih Alla għamilna paċi miegħu u bejnietna [32] u ħelisna mill-jasar tax-xitan u tad-dnub hekk illi kull wieħed minna jista' mal-Appostlu: L-Iben ta' Alla "ħabbni u ta lilu nnifsu għalija" (Gal. 2. 20). Billi bata għalina mhux biss tana eżempju biex nimxu fuq il-passi tiegħu [33] imma fetħilna wkoll triq li meta nimxu minnha l-ħajja u l-mewt jitqaddsu u jiksbu tifsir ġdid.

 Il-bniedem nisrani, mbagħad, magħmul jixbah lix-xbieha tal-Iben li hu l-Akbar fost ħafna aħwa [34], jaqla "L-ewwel frott ta' l-Ispirtu" ( Rum.8.23) li biha jsir kapaċi li jħares il-liġi l-ġdida ta' l-imħabba [35]. Permezz ta' dan l-Ispirtu li hu "rahan tal-wirt" (Ef. 1, 14) il-bniedem kollu jiġġedded minn ġewwa sal-"fidwa tal-ġisem" (Rum.8.23): "Jekk l-Ispirtu ta' Dak li qajjem mill-mewt lil Ġesu mill-imwiet  jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-mewt iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom".( Rum. 8. 11) [36] In-nisrani għandu ċertament il-bżonn u d-dmir li jikkumbatti kontra l-ħażen b'ħafna tribulazzjonijiet u li jsofri wkoll il-mewt; imma msieħeb mal-misteru tal-Għid, u magħmul jixbah il-mewt ta' Kristu, jersaq lejn il-qawmien mill-mewt imqawwi mit-tama. [37]

 U dan ma jiswiex biss għall-insara imma għall-bnedmin kollha ta' rieda tajba illi fi qlubhom taħdem il-grazzja b'mod li ma jidhirx [38]. Għax billi Kristu miet għal kulħadd [39], u billi s-sejħa aħħarija tal-bniedem fil-fatt hija waħda biss, jiġifieri dik ta' Alla, għandna nżommu li l-Ispirtu s-Santu joffri lil kulħadd il-possibiltà li, bil-manjiera magħrufa lil Alla, jingħaqad ma' dan il-misteru tal-Għid.

 Dan u daqshekk kbir huwa l-misteru tal-bniedem li jirrivela ruħu ċar għal dawk li jemmnu permezz tar-rivelazzjoni nisranija. Għalhekk bi Kristu u fi Kristu tiddawwal l-enigma tat-tbatija u tal-mewt li, barra mill-Evanġelju tiegħu, tagħfas fuqna. Kristu qam mill-imwiet u bil-mewt tiegħu qered il-mewt u ta' lilna l-ħajja [40], u hekk, bħala wlied fl-Iben, ngħajtu fl-Ispirtu: "Abba, Missier!" [41].

 

 

 

Kap II

IL-KOMUNITÀ TAL-BNEDMIN

 

X'jifhem il-Konċilju

23.  Fost l-aspetti ewlenin tad-dinja tal-lum hemm l-għadd li dejjem jikber tar-relazzjonijiet reċiproki bejn il-bnedmin Biex dawn jiżviluppaw irwieħhom jgħin ħafna l-progress tekniku tal-lum. B'danakollu d-djalogu ta' aħwa bejn il-bnedmin ma jilħaqx il-perfezzjoni f'dan il-progress imma aktar fil-fond, fil-komunità tal-bnedmin illi titlob rispett reċiproku għad-dinjità spiritwali sħiħa tagħhom. Ir-rivelazzjoni nisranija tagħti għajnuna kbira biex tmexxi 'l quddiem din l-għaqda bejn il-bnedmin u fl-istess ħin twassalna biex nifhmu aħjar il-liġijiet tal-ħajja soċjali li Alla li ħalaqna kiteb fin-natura spiritwali u morali tal-bniedem.

 Billi dokumenti reċenti tal-Maġisteru tal-Knisja fissru aktar fil-tul it-tagħlim nisrani dwar is-soċjeta' tal-bnedmin [42] il-Konċilju jfakkar biss il-veritajiet l-aktar ewlenin u juri l-pedament tagħhom fid-dawl tar-rivelazzjoni. Mbagħad jinsisti fuq xi konsegwenzi li fi żmienna huma partikolarment importanti.

 

In-natura komunitarja tas-sejħa tal-bniedem fil-pjan ta' Alla.

24.  Alla, li bħal Missier jieħu ħsieb ta' kulħadd, ried li l-bnedmin kollha jagħmlu familja waħda u jittrattaw lil xulxin b'qalb ta' aħwa. Għaliex, maħluqin ilkoll għax-xbieha ta' Alla li ''minn bniedem wieħed għamel li l-ġens kollu tal-bnedmin, biex jgħammru fuq wiċċ l-art" (Atti 17,26), huma msejħin għal fini wieħed u l-istess, jiġifieri għal Alla nnifsu.

 Għalhekk l-imħabba ta' Alla u tal-proxxmu hija l-ewwel u l-akbar kmandament. Mill-Iskrittura Mqaddsa aħna mgħallmin li l-imħabba ta' Alla ma tistax tinfired mill-imħabba tal-proxxmu: ".... kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f'kelma waħda: Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek... mela hi l-imħabba l-milja tal-Liġi'' (Rum. 13, 9-10; cf. Ġw 4.20). U dan jikseb importanza l-aktar kbira għall-bnedmin li qegħdin isiru dejjem aktar dipendenti wieħed mill-ieħor u għad-dinja li qiegħda tingħaqad dejjem aktar.

 Anzi Sidna Ġesu', meta jitlob lill-Missier biex " ikunu lkoll ħaġa waħda...

Kif inti fija, Missier, u jiena fik'' (Ġw 17, 21-22) u b'hekk iqegħdilna quddiemna wesgħat magħluqin għar-raġuni tal-bniedem, jagħtina xebh bejn l-għaqda tal-persuni divini u l-għaqda ta' wlied Alla fil-verità u fl-imħabba. Dan ix-xebh juri lil-bniedem, li fuq l-art huwa kreatura waħdanija li Alla ried għaliha nnifisha, ma jistax isib sewwa lilu nnifsu ħlief billi sinċerament jagħmel don tiegħu nnifsu. [43]

 

Il-persuna u s-soċjetà tal-bnedmin jiddependu minn xulxin.

25.  Min-natura soċjali tal-bniedem jidher ċar li l-perfezzjonament tal-persuna umana u l-iżvilupp tal-istess soċjetà jiddependu minn xulxin. Għaliex il-bidu, is-suġġett u l-fini ta' l-istituzzjonijiet soċjali kollha hija u għandha tkun il-persuna umana bħala dik li, minnha nnifisha, teħtieġ għalkollox il-ħajja soċjali [44]. Għalhekk, billi l-ħajja soċjali mhix xi ħaġa miżjuda għall-bniedem, il-bniedem jikber fid-doti tiegħu kollha u jista' jwieġeb għas-sejħa tiegħu bir-relazzjonijiet mal-oħrajn, bid-dmirijiet lejn xulxin, bid-djalogu mal-aħwa.

 Mir-rabtiet soċjali li huma meħtieġa għall-perfezzjonament tal-bniedem, x'uħud, bħall-familja u l-komunità politika, jaqblu aktar fil-qrib man-natura intima tiegħu; oħrajn aktarx jiġu mir-rieda ħielsa tiegħu. Fi żmienna, għal raġunijiet diversi, ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin u d-dipendenza minn xulxin qegħdin kuljum jikbru; u minn hawn jinbtu għaqdiet u istituzzjojiet diversi ta' dritt sew pubbliku sew privat. Dan il-fatt, li jissejjaħ soċjalizzazzjoni, għad li mhux nieqes minn perikoli, iġib miegħu ħafna vantaġġi biex isaħħaħ u jkabbar il-kwalitajiet tal-persuna umana u biex iħares il-jeddijiet tagħha [45].

 Imma jekk il-bnedmin jirċievu ħafna minn din il-ħajja soċjali biex jilħqu s-sejħa tagħhom, ukoll dik reliġjuża b'danakollu ħadd ma jista' jiċħad li l-bnedmin, miċ-ċirkostanzi soċjali li fihom jgħixu u li fihom huma mgħaddsin sa miċ-ċokon, bosta drabi huma mbegħdin mill-għemil it-tajjeb u miġbudin  lejn il-ħażen. Hija ħaġa ċerta li t-taħwid li sikwit jinqala' fl-ordni soċjali f'parti minnu jkun ġej mit-tensjoni fl-istrutturi ekonomiċi, politiċi u soċjali. Imma aktar profondament jiġi mil-kburija u l-egoiżmu tal-bnedmin li jqallbu wkoll l-ambjent soċjali. Għaliex fejn l-istruttura tal-ħwejjeġ maħluqa hija milquta mill-konsegwenzi tad-dnub, il-bniedem, li mit-twelid hu mxaqleb lejn il-ħażen, isib minn hawn tħajjir ġdid għad-dnub li ma jistax jintrebaħ mingħajr sforzi kbar megħjunin mill-grazzja.

Biex jinġieb 'il quddiem il-ġid komuni

26.  Mid-dipendenza ta' wieħed mill-ieħor li l-lum qiegħda ssir dejjem aktar qawwija u, bil-mod il-mod, imxerrda mad-dinja kollha, jiġi l-ġid komuni – jiġifieri l-ġabra ta'dawk il-konizzjonijiet tal-ħajja soċjali li jippermettu kemm lill-għaqdiet kemm lill-membri wieħed wieħed li jiksbu l-perfezzjoni tagħhom aktar sħiħa u aktar malajr – il-lum qed isir dejjem aktar universali u għalhekk jolqot jeddijiet u dmirjiet li għandhom x' jaqsmu mal-ġens kollu tal-bnedmin. Kull grupp għandu jqis il-ħtiġiet u x-xewqat leġittmi tal-gruppi l-oħra, anzi tal-ġid komuni tal-familja kollha tal-bnedmin. [46]

 Imma fl-istess ħin qiegħda tikber il-kuxjenza tad-dinjità għolja li tistħoqq lill-persuna umana li tisboq il-ħwejjeġ kollha, u li l-jeddijiet u d-dmirijit tagħha huma universali u invjolabbli. Jeħtieġ għalhekk li l-bniedem ikun jista' jilħaq dawk il-ħwejjeġ kollha li jenħtieġu biex wieħed igħix ħajja tassew ta' bniedem bħalma huma liberament l-istat tal-ħajja u li jifforma familja, il-jedd għall-edukazzjoni, għax-xogħol, għall-fama tajba, għar-rispett, għall-informazzjoni xierqa, il-jedd li jimxi skond kif tgħidlu l-kuxjenza tiegħu retta il-jedd għall-ħarsien tal-ħajja privata tiegħu u għall-libertà ġusta wkoll fil-qasam reliġjuż.

 Għalhekk l-ordni soċjali u l-progress tiegħu għandhom dejjem iservu għall-ġid tal-persuna għaliex l-ordni tal-ħwejjeġ għandu jkun sottomess għall-ordni tal-persuni, u mhux kuntrarju, kif wera l-Mulej innifsu meta qal li s-Sibt sar għall-bniedem u mhux il-bniedem għas-Sibt [47]. Dan l-ordni għandu l-ħin kollu jkun żviluppat, ikollu bħala pedament il-verità, jitwettaq fil-ġustizzja, jieħu l-ħajja mill-imħabba; hu għandu jsib ekwilibriju dejjem aktar uman fil-libertà [48]. Biex isir dan kollu wieħed għandu jaħdem biex tiġġedded il-mentalità u jsiru tibdiliet kbar fis-soċjetà

 L-Ispirtu ta' Alla li bi provvidenza tal-għaġeb imexxi l-medda taż-żminijiet u jġedded wiċċ l-art, hu preżenti għal din l-evoluzzjoni. Il-ħmira ta' l-Evanġelju, mbagħad, qajmet u tqajjem fil-qalb tal-bniedem esiġenza, li ma tistax tinżamm, ta' dinjità.

 

Rispett lejn il-persuna umana

27.  Il-Konċilju jinżel għall-konsegwenzi prattiċi u l-aktar urġenti u jisħaq fuq ir-rispett lejn il-bniedem, u hekk ukoll wieħed għandu iqis lill-għajru, mingħajr ebda eċċezzjoni, bħalu nnifsu ieħor billi qabel kollox jieħu ħsieb ta' ħajtu u tal-mezzi meħtieġa biex jgħixha sewwa [49], li ma jagħmilx bħal dak l-għani li ma impurtah xejn mill-fqir Lazzru [50].

 L-aktar fi żminijietna jinħass urġenti l-obbligu li nsiru proxxmu ta'  kull bniedem u li naqduh bil-fatti meta niltaqgħu miegħu sew jekk ikun xiħ mitluq minn kulħadd, sew ħaddiem barrani inġustament disprezzat sew emigrant sew tfajjel imwieled barra ż-żwieġ li qed ibati bla ħtija minħabba fi dnub li m'għamlux hu, sew wieħed bil-ġuħ li jsejjaħ il-kuxjenza tagħna billi jfakkarna fil-Kelma tal-Mulej: "Kull ma għamiltu ma wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.! (Matt. 25, 40).

 Barra minn dan, dak kollu li hu kontra l-istess ħajja, bħal kull xorta ta' qtil ta' bnedmin, il-ġenoċidju, l-abort, l-ewtanasja u l-istess suwiċidju volontarju; dak kollu li jikser l-integrità tal-persuna umana, bħal mutilazzjonijiet, torturi tal-ġisem u tal-moħħ, l-istess sforzi biex iġġiegħel ir-rieda; dak kollu li joffendi d-dinjità tal-bniedem, bħal kondizzjonijiet ta' għajnuna li jbaxxu l-bniedem, il-ħabs bla raġuni, deportazzjonijiet, il-jasar, il-prostituzzjoni, il-kummerċ ta' nisa u ta' żgħażagħ; jew kondizzjoniet ta' xogħol umiljanti li bihom il-ħaddiema jkunu ittrattati bħal sempliċi għodda ta' qligħ u mhux bħala persuni ħielsa u responsabbli; dawn il-ħwejjeġ kollu u oħrajn bħalhom huma tassew infami u fil-waqt li jħassru ċ-ċiviltà tal-bniedem iħammġu lil dawk li jġibu rwieħhom hekk aktar milli lil dawk li jsofru l-inġurja, u joffendu mill-aktar l-unur ta' Alla li ħalaq kollox.

 

Ir-rispett u l-imħabba lejn l-avversarji tagħna

28.  Ir-rispett u l-imħabba għandhom jintwerew ukoll lil dawk li fi ħwejjeġ soċjali, politiċi jew ukoll reliġjużi ma jaqblux magħna fil-ħsieb jew fl-azzjoni. Aktar ma nifhmu b'sens ta' korteżija u bl-imħabba l-mod kif huma jaħsbu, aktar ikun ħafif li nibdew djalogu magħhom.

 Din l-imħabba u din il-korteżija m'għandhiex tagħmilna indifferenti lejn il-verità u lejn it-tajjeb. Anzi l-istess karità tħeġġeġ id-dixxipli ta' Kristu li jħabbru lill-bnedmin kollha l-verità li ssalva. Imma jeħtieġ dejjem li ma nħawdux flimkien l-iżball, li għandu dejjem jiġi mwarrab, u l-bniedem li jiżbalja li jżomm dejjem id-dinjità ta' persuna, ukoll jekk  huwa mċappas b'xi ideat reliġjużi foloz jew mhux eżatti biżżejjed. [51] Alla biss jiġġudika u jifli l-qlub; u għalhekk ipprojbilna li niġġudikaw fuq il-ħtijiet interni tal-bniedem hu min hu [52].

 It-tagħlim ta' Kristu jrid li aħna naħfru wkoll l-inġurji [53] u jestendi għall-egħdewwa kollha l-preċetti ta' l-imħabba li hu l-kmandament tal-Liġi l-Ġdida: "Smajtu x'intqal: Ħobb lil għajrek obgħod lill-għadu tiegħek. Imma jien ngħidilkom: Ħobbu l-egħdewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom.'' (Matt 5,4-44).

 

L-ugwaljanza essenzjali fost il-bnedmin u l-ġustizzja soċjali

29 Il-bnedmin kollha, imżejnin b'ruħ raġjonevoli u maħluqin xbieha ta' Alla, għandhom l-istess natura u l-istess oriġini u, mifdijin minn Krisitu, għandhom l-istess sejħa u destinazzjoni divina. Għalhekk għandha tkun rikonoxxuta dejjem aktar l-ugwaljanza fundamentali bejn il-bnedmin kollha.

 Tassew li minħabba f'kapaċità fiżika differenti, u minħabba f'differenza ta' qawwa intellettwali u morali, mhux il-bnedmin kollha huma ugwali. Imma fil-jeddijiet fundamentali tal-persuna għandha tintrebaħ u titneħħa kull xorta ta' diskriminazzjoni soċjali u kulturali, minħabba s-sess, ir-razza, il-kulur, il-kondizzjoni soċjali, l-ilsien u r-reliġjon, għax hija ħaġa kuntrarja għall-ħsiebijiet ta' Alla. Hija tassew ħaġa ta' swied il-qalb li dawn il-jeddijiet fundamentali tal-persuna għad mhumiex imħarsa sewwa kullimkien. Bħal meta tiċċaħħad lill-mara s-setgħa li tkun ħielsa fl-għażla tal-għarus, jew li tħaddan stat ta' ħajja, jew li tikseb edukazzjoni u kultura xorta kif huwa rikonoxxut lir-raġel.

 Barra minn dan, għad li fost il-bnedmin hemm differenzi ġusti, id-dinjità ugwali tal-persuna titlob li naslu għall-kondizzjoni ta' ħajja aktar xierqa u ġusta. Għax diżugwaljanzi ekonomiċi u soċjali żejda bejn membri u popli fl-istess familja tal-bnedmin iqajmu skandlu u huma kontrarji għall-ġustizzja soċjali, għall-ekwità, għad-dinjità tal-persuna umana u wkoll għall-paċi soċjali u internazzjonali.

 L-istituzzjonijiet tal-bnedmin, sew privati sew pubbliċi, għandhom, ifittxu li jaqdu lid-dinjità u l-fini tal-bniedem billi jissieltu bil-qawwa kontra kull jasar, kemm soċjali kemm politiku, u billi jħarsu taħt kull xorta ta' gvern il-jeddijiet fundamentali tal-bniedem. Anzi dawn l-istituzzjonijiet għandhom bil-mod il-mod iwieġbu għar-realtajiet spiritwali li huma fuq kollox, avolja xi drabi jeħtieġ igħaddi żmien biżżejjed twil biex jaslu għall-fini mixtieq.

 

Jeħtieġ iżjed minn etika individwalistika

30.  It-tibdil profond u mgħaġġel jitlob b'urġenza liema jkun hemm ħadd li, jew għax ma jagħtix każ ta' dak li qed jiġri jew għax qalbu birdet fil-għażż, iħaddan etika għalkollox individwalistika. Id-dmir tal-ġustizzja u tal-karità aktar jitħares billi kull wieħed jagħti sehmu għall-ġid komuni skond ħiltu u skond il-ħtiġiet ta' l-oħrajn u b'hekk imexxi 'l quddiem l-istituzzjonijiet, sew pubbliċi sew privati, li jservu biex ibiddlu għall-aħjar il-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-bniedem. Hemm x'uħud li waqt li jistqarru opinjonijiet miftuħa u ġenerużi, mbagħad dejjem igħixu bħallikieku ma jimpurtahom xejn mill-bżonnijiet tas-soċjetà. Anzi ħafna, f'pajjiżi differenti, ftit jistmaw il-liġijiet u l-preskrizzjonijiet soċjali. Mhux ftit ma jistħux jeħilsu, b'ħafna qerq u inganni, mit-taxxi ġusti jew minn dmirijiet oħra lejn is-soċjetà. Oħrajn ftit jistmaw ċerti normi tal-ħajja soċjali, bħal dawk li jirrigwardaw il-ħarsien tas-saħħa jew is-sewqan ta' karrozzi, u ma jagħrfux li huma, b'din l-indifferenza, qegħdin joħolqu periklu għall-ħajja tagħhom u tal-oħrajn.

 Kulħadd għandu jgħodd bħala ħaġa sagra li jżomm u jħares l-obbligi soċjali bħala fost id-dmirjiet ewlenin tal-bniedem tal-lum. Għaliex aktar ma d-dinja tingħaqad, aktar fiċ-ċar id-dmirijiet tal-bnedmin jitwessgħu 'l hinn mill-gruppi partikolari u jestendu rwieħhom bil-mod il-mod għad-dinja kollha. U dan ma jistax jiġri jekk il-bnedmin, wieħed wieħed u l-gruppi tagħhom, ma jħarsux fihom infushhom il-virtujiet morali u soċjali u ma jxerrduhomx fis-soċjetà hekk li jsiru tassew bnedmin ġodda u bennejja ta' umanità ġdida bl-għajnuna meħtieġa tal-grazzja ta' Alla.

 

Responsabbiltà u parteċipazzjoni

31.  Biex il-bnedmin kollha jwettqu aktar bir-reqqa d-dmir tagħhom ta' kuxjenza kemm lejhom infushom kemm lejn il-gruppi li tagħhom huma membri, għandhom ikunu edukati sewwa għal livell ta' kultura aktar wiesgħa billi jużaw il-mezzi kbar li l-lum jinsabu għad-dispożizzjoni tal-bnedmin. L-ewwelnett l-edukazzjoni taż-żgħażagħ ta' kull oriġini soċjali għandha tkun immexxija b'mod li joħorġu minnha rġiel u nisa li ma jkunux biss irfinati intellettwalment imma wkoll ta' ruħ kbira kif jitlob bil-qawwa ż-żmien tagħna.

 Imma l-bniedem jilħaq dan is-sens ta' responsabbiltà b'diffikultà kbira jekk il-kondizzjonijiet tal-ħajja ma jippermettulux li jagħraf id-dinjità tiegħu u li jwieġeb għas-sejħa tiegħu billi jagħti ruħu għal Alla u għall-oħrajn. Il-libertà tal-bniedem bosta drabi ssir aktar dgħajfa meta l-bniedem jaqa' f'faqar estrem, hekk kif hija titbaxxa meta l-bniedem iċedi żżejjed għall-kumditajiet tal-ħajja u donnu jingħalaq waħdu f'torri ta' l-avorju. Għall-kuntrarju l-libertà tissaħħaħ meta l-bniedem jilqa' d-diffikulatijiet tal-ħajja soċjali li ma jistax jaħrabhom, jerfa' l-ħtigiet ta' kull xorta tas-solidarjetà umana u jimpenja ruħu fis-servizz tal-komunità.

 Għalhekk jeħtieġ li wieħed jinkoraġġixxi lil dawk kollha li jridu jieħdu sehem fl-isforzi komuni. Ta' min ifaħħar lil dawk in-nazzjonijiet li fihom għadd l-iżjed kbir possibli ta' ċittadini jieħdu sehem, fil-libertà tassew, fl-affarijiet pubbliċi.

 Imma jeħtieġ li wieħed iqis il-kondizzjoni attwali ta' kull poplu u tal-qawwa meħtieġa fl-awtorità pubblika. Biex iċ-ċittadini kollha jitħajru jkollhom sehem fil-ħajja tal-gruppi differenti li minnhom hi magħmula s-soċjetà jeħtieġ li f'dawn il-gruppi jsibu vantaġġi li jiġbduhom u jħajruhom jaqdu lill-oħrajn. Bir-raġun nistgħu naħsbu li l-ġejjieni tal-bnedmin qiegħed f'idejn dawk li għandhom il-ħila jagħtu lill-ġenerazzjoniet li ġejjin raġunijiet ta' ħajja u ta' tama.

 

Il-Verb magħmul Bniedem u s-solidarjetà tal-bnedmin

32.  Kif Alla ħalaq il-bnedmin mhux biex igħixu kulħadd għalih imma biex jagħmlu l-għaqda soċjali, hekk ukoll "għoġbu jqaddes u jsalva l-bnedmin mhux wieħed wieħed, mingħajr ebda rabta ma xulxin, iżda ried jagħmel minnhom poplu li jagħrfu fil-verità u jservih bil-qdusija". [54] sa mill-bidu ta' l-istorja tas-salvzzjoni Huwa għażel il-bnedmin mhux biss bħala individwi imma bħala membri ta' komunità partikolari. Lil dawn il-magħżulin Alla, fil-waqt li wera l-ħsieb tiegħu, sejħilhom "poplu tiegħu" (Eż.3.7-12) li miegħu mbagħad għamel patt fuq is-Sinaj [55].

 U din in-natura ta' komunità hija ipperfezzjonata u mitmuma bil-ħidma ta' Ġesu' Kristu. Il-Verb stess magħmul Bniedem ried jagħmel sehem mill-ħajja flimkien tal-bnedmin. Ħa sehem fit-tieġ ta' Kana, daħal fid-dar ta' Zakkew, kien mal-pubblikani u mal-midinbin billi fakkar l-aspetti l-aktar komuni tal-ħajja soċjali u billi uża kliem u xbihat tal-ħajja ta' kuljum Qaddes ir-relazzjonijiet bejn il-bnedmin, u l-ewwelnett il-familja, li minnhom jinbtu r-relazzjonijiet soċjali, u qagħad għal-liġijiet ta' pajjiżu. Ried jgħix ħajja ta' ħaddiem ta' żmienu u ta' pajjiżu.

 Fil-predikazzjoni tiegħu ikkmanda fiċ-ċar 'l ulied Alla biex jinġiebu bejniethom bħal aħwa. Fit-talba tiegħu talab biex id-dixxipli kollha tiegħu jkunu "ħaġa waħda". Anzi Hu stess offra lilu nnifsu għal kulħadd sal-mewt, bħala Feddej ta' kulħadd.. "Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu." (Ġw. 15, 13) Ordna mbagħad lill-Appostli li jxandru l-aħbar evanġelika lill-ġnus kollha biex il-ġens tal-bnedmin isir il-familja ta' Alla li fiha l-milja tal-liġi kollha tkun l-imħabba.

 Hu li kien l-ewwel fost ħafna aħwa, wara li miet u li qam mill-imwiet, waqqaf b'don ta' l-Ispirtu tiegħu għaqda ġdida ta' aħwa fost dawk kollha li jilqgħuh bil-fidi u bl-imħabba; din l-għaqda ssir fil-Ġisem tiegħu li hu l-Knisja li fiha kulħadd huwa, membru ta' l-ieħor u l-membri jaqdu lil xulxin skond id-diversi doni li ngħatawlhom.

 Din is-solidarjeà għandha dejjem tikber sa dak il-jum li fih tasal fil-perfezzjoni tagħha u l-bnedmin, salvati bil-grazzja, bħala familja maħbuba minn Alla u minn Kristu ħuhom, għad jagħtu lil Alla glorja perfetta.

 

Kap III

IL-ĦIDMA TAL-BNEDMIN FL-UNIVERS

 

Il-problema

33.  Il-bniedem ifittex dejjem li jiżviluppa ħajtu bix-xogħol u d-dehen tiegħu; imma llum, l-aktar bl-għajnuna tax-xjenza u tat-teknika, kabbar u għadu jkabbar il-ħin kollu l-ħakma tiegħu kważi fuq in-natura kollha. Megħjuna fuq kollox mit-tkattir tal-mezzi ta' komunikazzjoni ta' kull xorta bejn in-nazzjonijiet, il-familja tal-bnedmin bil-mod il-mod waslet biex tagħraf lilha nnifisha u tifforma ruħha komunità waħda fid-dinja kollha. U minn hawn jiġri li l-bniedem il-lum jikseb bil-ħidma tiegħu ħafna ġid li dari kien jistenna l-aktar minn qawwa ogħla.

 Quddiem dan l-isforz bla qjies li xtered mal-ġens kollu tal-bnedmin, jinbtu fost il-bnedmin ħafna mistoqsijiet. Xi tfisser u x'tiswa din il-ħidma? Kif għandu wieħed juża dawn il-ħwejjeġ? Għal liema fini huma diretti l-isforzi tal-bnedmin, wieħed wieħed u meħudin kollettivament? Il-Knisja, li tħares id-depożitu tal-Kelma ta' Alla li minnu jittieħdu l-prinċipji fl-ordni reliġjuż u morali, ukoll jekk ma jkollhiex dejjem lesta t-tweġiba għal kull mistoqsija, tixtieq tgħaqqad id-dawl tar-rivelazzjoni ma' l-esperjenza ta' kulħadd biex iddawwal it-triq li dan l-aħħar il-bnedmin bdew mexjin minnha.

 

X'tiswa l-ħidma tal-bniedem

34 Għal dawk li jemmnu hija ħaġa ċerta li l-ħidma tal-bnedmin, wieħed wieħed u lkoll flimkien, jiġifieri dak l-isforz l-aktar kbir li bih il-bnedmin, matul il-mijiet ta' snin, fittxew li jbiddlu għall-aħjar il-kondizzjonijiet ta' ħajjithom, meqjus fih innifsu jaqbel mal-ħsieb ta' Alla. Għaliex il-bniedem, maħluq xbieha ta' Alla, irċieva l-kmand biex jissottometti lejh l-art b'dak kollu li jinsab fiha, u jmexxi d-dinja fil-ġustizzja u fid-qdusija [56]. Huwa irċieva wkoll il-kmand li waqt li jagħraf 'l Alla bħala Dak li ħalaq kollox jattribwilu lilu nnifsu u l-ħwejjeġ kollha b'mod illi, bil-ħwejjeġ kollha mqegħdin taħt il-bniedem, l-isem ta' Alla jkun imsebbaħ fl-art kollha [57].

 U dan jiswa wkoll għax-xogħlijiet ordinarji ta' kuljum. Għaliex l-irġiel u n-nisa li, waqt li jaqilgħu l-għajxien għalihom u għall-familja, jagħmlu dan ix-xogħol b'manjiera li jaqdu kif jixraq lis-soċjetà, jistgħu bir-raġun iżommu li huma bix-xogħol tagħhom qegħdin jiżviluppaw ix-xogħol ta' Alla, qegħdin ikunu utli għal ħuthom, u fil-ħidma tagħhom personali qegħdin jagħtu sehemhom biex iseħħ il-ħsieb provvidenzjali ta' Alla fl-istorja. [58]

 Għalhekk l-insara mhux biss m'għandhomx jaħsbu li l-opri li l-bnedmin jagħmlu bid-dehen u bil-forzi tagħhom huma kuntrarji għall-qawwa ta' Alla, u li l-bniedem donnu jsir rival ta' Alla, anzi għandhom jkunu persważi li r-rebħiet tal-bnedmin juru l-kobor ta' Alla, u huma frott tal-ħsieb misterjuż tiegħu. U aktar ma tikber il-qawwa tal-bnedmin aktar tikber u tinfirex ir-responsabbilità tagħhom, wieħed wieħed u lkoll flimkien. Minn hawn jidher lil-messaġġ nisrani mhux talli ma jbiegħedx il-bnedmin milli jibnu d-dinja, u lanqas ma jġegħelhom jittraskuraw il-ġid tal-bnedmin l-oħra, iżda jorbothom bi dmir li jagħmluh [59].

 

L-ordni fil-ħidma tal-bnedmin

35 Il-ħidma tal-bnedmin kif ġejja mill-bniedem hekk ukoll hija ordinata għall-bniedem. Għaliex il-bniedem, meta jaħdem, mhux biss ibiddel il-ħwejjeġ u s-soċjetà imma jipperfezzjona wkoll lilu nnifsu. Jitgħallem ħafna ħwejjeġ, jiżviluppa l-fakultajiet tiegħu, joħroġ barra minnu nnifsu u 'l fuq minnu nnifsu. Jekk nifhmuh sewwa, dan l-iżvilupp jiswa aktar mill-ġid estern li jista' jinkiseb. Il-bniedem jiswa aktar minħabba f'dak li hu milli minħabba f'dak li għandu [60]. Hekk ukoll, dak kollu li l-bnedmin jagħmlu biex jiksbu ġustizzja akbar, għaqda aktar wiesgħa ta' aħwa u ordni li jixraq aktar lill-bniedem fir-relazzjonijiet soċjali, jiswa aktar mill-progoress tekniku. Għaliex dan il-progress jista' qisu jipprovdi l-bażi għall-promozzjoni umana iżda waħdu biss ma jista' qatt jirrealizzaha. Għalhekk din hija n-norma ta' l-attività umana; illi, skond il-pjan u r-rieda ta' Alla tkun twieġeb għall-ġid tassew ta' l-umanità u tgħin lill-bniedem, kemm bħala individwu kemm bħala membru tas-soċjetà, li jsegwi u jilħaq is-sejħa sħiħa tiegħu.

 

L-awtonomjia leġittima tar-realtajiet tal-art.

36.  Ħafna min-nies ta' żmienna donnhom jibżgħu li mir-rabta aktar qawwija bejn il-ħidma tal-bnedmin u r-reliġjon tixxekkel l-awtonomija tal-bnedmin, jew tax-xjenza, jew tal-għaqdiet.

 Jekk b'awtonomija tal-ħwejjeġ ta' l-art nifhmu li l-ħwejjeġ maħluqa u l-istess soċjetajiet għandhom il-liġijiet u l-valuri tagħhom li għandhom ikunu bil-mod il-mod studjati, użati u regolati mill-bnedmin, hija ħaġa tajba li wieħed jitlob din l-awtonomija u dan  mhux biss iriduh il-bnedmin ta' żmienna imma jaqbel ukoll mar-rieda ta' Alla li ħalaq kollox. Għaliex il-ħwejjeġ kollha, mill-istess kondizzjoni tagħhom ta' maħluqin, għandhom l-istabbilità tagħhom, il-verità, it-tjieba, il-liġijiet proprji u l-ordni tagħhom, illi l-bnedmin għandhom jirrispettaw billi jirrikonoxxu l-metodi proprji  ta' kull xjenza u arti. Għalhekk ir-riċerka metodika f'kull tagħlim, jekk issir tassew b'manjiera xjentifika u skond in-normi morali, qatt ma tkun tassew kontra l-fidi għax il-ħwejjeġ profani u l-ħwejjeġ tal-fidi ġejjin mill-istess Alla [61]. Anzi min ifittex jistudja b'umiltà u perseveranza dak li hemm moħbi fir-realtà maħluqa mingħajr ma jinduna jkun bħal immexxi minn id Alla li, fil-waqt li jżomm fl-eżistenza l-ħwejjeġ kollha, jagħmel li huma jkunu dak li huma. Għalhekk huwa ta' min jitħassarhom ċerti mentalitajiet, li xi drabi nstabu fost l-istess insara, għax ma fehmux biżżejjed l-awtonomija leġittima tax-xjenza, li qajmu tilwim u kwistjonijiet u wasslu 'l ħafna biex jaħsbu li l-fidi u x-xjenza huma kontra xulxin. [62]

 Imma jekk bil-kliem "awtonomija tal-ħwejjeġ ta' l-art" wieħed jifhem li l-ħwejjeġ maħluqa ma jiddependux minn Alla, u li l-bniedem jista' jinqeda bihom mingħajr ma jirriferihom lil Alla, l-ebda bniedem li jagħraf 'l Alla ma jindunax kemm dawn l-opinjonijiet huma foloz. Għax il-ħaġa maħluqa, mingħajr Dak li ħalaqha, tgħib. Wara kollox, dawk kollha li jemmnu, hi x'inhi r-reliġjon tagħhom, fl-ilsien tal-ħwejjeġ maħluqa dejjem semgħu l-leħen u raw il-manifestazzjoni ta' Alla. Anzi, l-ħaġa maħluqa tiddallam meta jintesa Alla.

 

Il-ħidma tal-bniedem imħassra mid-dnub

37.  Imma l-Iskrittura Mqaddsa, li magħha taqbel l-esperjenza tas-sekli, tgħallem lill-familja tal-bnedmin li l-progress tal-bniedem, li hu ta' ġid kbir għalih, iġib miegħu tentazzjoni kbira: għax meta jitħawwad l-ordni tal-valuri u l-ħażin jitħallat mat-tajjeb, il-bnedmin, wieħed wieħed u fi gruppi, iqisu biss dak li hu tagħhom u mhux dak li hu tal-oħrajn. U minn dawn jiġri li d-dinja ta' tibqax aktar post ta' għaqda vera ta' aħwa waqt li l-qawwa tal-bniedem li tkun kibret,  thedded li teqred l-istess ġens tal-bnedmin.

 Għax l-istorja kollha tal-bniedem hija taqbida ħarxa kontra s-setgħat tad-dlamijiet li bdiet mill-bidunett tad-dinja u tibqa' sejra sa l-aħħar jiem, skond kif qal il-Mulej [63]. Il-bniedem, imdaħħal f'din it-taqbida, biex jibqa' magħqud mat-tajjeb jeħtieġlu jissielet bla heda u ma jistax jikseb l-għaqda interjuri tiegħu mingħajr sforzi kbar u l-għajnuna tal-grazzja ta' Alla.

 Għalhekk il-Knisja ta' Kristu, għax tafda fil-pjan tal-Ħallieq, filwaqt li tagħraf li l-progress tal-bniedem jista' jservi tassew għall-hena veru tal-bnedmin, ma tistax ma ssemmax il-kliem ta' l-Appostlu: "Timxux max-xejra ta' din id-dinja'' (Rum 12,2) jiġifieri lil dak l-ispirtu ta' frugħa u ta' ħażen li jbiddel f'għodda tad-dnub dik il-ħidma tal-bniedem li qiegħda biex biha l-bniedem iservi 'l Alla u lill-bnedmin.

 Mela jekk xi ħadd jistaqsi kif nistgħu nirbħu din il-qagħda miżerabbli, l-insara jwieġbu li l-ħidmiet kollha tal-bniedem, li kuljum jinsabu fil-periklu ħtija tal-kburija u l-imħabba diżordinata lejna nfusna, għandhom ikunu msoffijin u pperfezzjonati permezz tas-salib u tal-qawmien mill-mewt ta' Kristu. Għaliex il-bniedem, mifdi minn Kristu u magħmul ħolqien ġdid fl-Ispirtu s-Santu, jista' u għandu jħobb ukoll l-istess ħwejjeġ maħluqin minn Alla. Għaliex huwa irċevihom minn Alla u jħares lejhom bil-qima bħallikieku ġejjin mill-idejn ta' Alla. Huwa jiżżiħajr għalihom lill-Benefattur u waqt li juża u jgawdi l-ħwejjeġ maħuqa fil-faqar u l-liberta' ta' l-ispirtu, jieħu tassew pussess tad-dinja bħal wieħed li xejn m'hu tiegħu imma għandu kollox [64]. "Kollox tagħkom: u intom ta' Kristu, u Kristu ta' Alla" (1 Kor 3.22-23).

 

Il-ħidma tal-bnedmin mgħollija u ipperfezzjonata fil-misteru tal-Għid

38.  Il-Verb ta' Alla, li bih sar kollox, li sar Huwa stess bniedem u għammar fl-art tal-bnedmin [65], daħal fl-istorja tad-dinja bħala l-bniedem perfett billi assuma fih l-istorja u ġemagħha fih innifsu [66]. Huwa jgħarrafna "li Alla hu mħabba" (1 Ġw. 4,8) u fl-istess ħin igħallimna li l-liġi fundamentali tal-perfezzjoni tal-bniedem, u għalhekk tat-tibdil tad-dinja, huwa l-kmandament il-ġdid ta' l-imħabba. Lil dawk li jemmnu fl-imħabba ta' Alla jassigurahom li t-triq ta' l-imħabba hija miftuħa għall-bnedmin kollha u li l-isforz biex il-bnedmin kollha jingħaqdu bħal aħwa mhux fieragħ. Iwissi wkoll li m'għandniex nimxu f'din l-imħabba fil-ħwejjeġ kbar biss, imma l-ewwel fiċ-ċirkustanzi ordinarji tal-ħajja. Billi sofra l-mewt għalina lkoll midinbin [67], bl-eżempju tiegħu jgħallimna li aħna wkoll għandna nerfgħu s-salib li l-ġisem u d-dinja jqiegħdu fuq l-ispallejn ta' dawk li jfittxu l-paċi u l-ħaqq. Magħmul Sid bil-qawmien tiegħu mill-mewt. Kristu, li lilu ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art [68], għadu jaħdem fil-qlub tal-bnedmin bil-qawwa ta' l-Ispirtu tiegħu. U mhux biss iqajjem ix-xewqa għad-dinja li ġejja imma b'din ix-xewqa stess jispira, inaddaf u jqawwi dawk ix-xewqat ġenerużi li bihom il-familja tal-bnedmin tfittex li tagħmel ħajjitha aktar tixraq lill-bniedem u li tissottometti għal dan il-fini l-art kollha. Iżda d-doni ta' l-Ispirtu mhumiex bħal xulxin: isejjaħ lil x'uħud biex jagħtu xhieda bid-dieher tax-xewqa tal-agħmara tas-sema u b'hekk iżommu din ix-xewqa ħajja fil-familja tal-bnedmin; isejjaħ oħrajn biex jagħtu rwieħhom għall-qadi tal-bnedmin f'din l-art u b'dan ix-xogħol tagħhom iħejju l-materja għas-saltna tas-sema. Imma jagħmel lil kulħadd bniedem ħieles biex b'hekk, waqt li jiċħad l-eġoiżmu u japplika l-forzi kollha ta' l-art għall-ħajja tal-bnedmin, jingħata għaż-żmien li ġej meta l-umanità stess issir offerta li togħġob lil Alla [69].

 Il-Mulej lid-dixxipli tiegħu ħallielhom rahan ta' din it-tama u ikel għat-triq: is-sagrament tal-fidi li fih elementi naturali, maħdumin mill-bnedmin, jitbiddlu fil-Ġisem u d-Demm glorjuż tiegħu ta' għaqda bejn l-aħwa u sehem minn qabel tal-ikla tas-sema.

 

Art ġdida u sema ġdid

39.  Ma nafux meta jintemmu l-art u l-umanità [70] u lanqas nafu kif l-univers kollu se jitbiddel. Tgħaddi l-bixra ta' din id-dinja mħassra bid-dnub. [71] Imma aħna nafu mir-rivelazzjoni li Alla jħejji għamara ġdida u art ġdida fejn tgħammar il-ġustizzja [72] li l-hena tagħha jxabba' u jisboq ix-xewqat kollha ta' paċi li jinbtu fil-qlub tal-bnedmin [73]. Mbagħad, wara li l-mewt tintrebaħ, ulied Alla jerġgħu jqumu mill-imwiet fi Kristu, u dak li kien inżara' fid-dgħufija u t-taħsir jilbes in-nuqqas ta' taħsir [74] u, fil-waqt li tibqa' l-karità u l-ħidma tagħha [75] jinħelsu mill-jasar tal-frugħa dawk il-ħlejjaq kollha [76] li Alla ħalaq għall-bniedem.

 Aħna mwisssija tabilħaqq li xejn ma jiswa għall-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha imma jitlef lilu nnifsu [77]. Imma li l-bniedem jistenna art ġdida ma jfissirx li għandu jnaqqaslu l-ħeġġa li jieħu ħsieb din l-art fejn jikber dak il-ġisem ta' l-umanità ġdida li minn issa jista' jagħti xi ħjiel tad-dinja l-ġdida; anzi għandu jżidhielu. Għalhekk, għad li għandna nagħmlu differenza bejn il-progress ta' l-art u l-kobor tas-Saltna ta' Kristu, dak il-progress huwa ta' importanza kbira għas-Saltna ta' Alla sakemm jista' jgħin ħalli l-għaqda tal-bnedmin tkun ordinata aħjar [78].

 Għaliex wara li fl-Ispirtu tal-Mulej, u skond il-kmandament tiegħu, inkunu ħabbarna u xerridna l-valuri tad-dinjità tal-bniedem, tal-għaqda tal-aħwa tal-bnedmin u tal-libertà, jiġifieri l-frott tajjeb kollu tan-natura u tal-ħidma tagħna, aħna nsibuhom mill-ġdid, imma  mnaddfin minn kull tinġis, imdawlin u mbiddlin, meta Kristu jrodd lill-Missier is-saltna ta' dejjem u universali, "saltna ta' verità u ħajja, saltna ta' qdusija u grazzja, saltna ta' ġustizzja, imħabba u paċi" [79] Is-Saltna diġa tinsab fuq l-art, f'misteru, imma meta jiġi l-Mulej issir perfetta.

 

Kap IV

IL-MISSJONI TAL-KNISJA FID-DINJA TAL-LUM

 

Relazzjonijiet reċiproċi bejn il-Knisja u d-dinja.

40.  Dak kollu li għedna fuq id-dinjità tal-persuna umana, il-komunità tal-bnedmin u t-tifsira profonda tal-ħidma tal-bnedmin, huwa s-sies tar-relazzjoni bejn il-Knisja u d-dinja u l-bażi tad-djalogu bejniethom [80]. Għalhekk, waqt li qegħdin jittieħdu bħala magħrufa l-ħwejjeġ kollha li ntqalu minn dan il-Konċilju dwar il-misteru tal-Knisja, dan il-kap ser jittratta dwar l-istess Knisja skond kif teżisti f'din id-dinja u magħha tgħix u taħdem.

 Il-Knisja, li ġejja mill-imħabba tal-Missier etern, [81] imwaqqfa fiż-żmien minn Kristu Feddej, magħquda fl-Ispirtu s-Santu [82], għandha fini ta' salvazzjoni u eskatoloġiku li ma jistax jintlaħaq għalkollox ħlief fid-dinja li għad trid tiġi. Imma hi qiegħda diġà hawn fuq l-art u hija magħmula minn bnedmin, jiġifieri mill-istess membri tal-belt ta' l-art li huma msejħin biex fl-istorja stess tal-bnedmin jagħmlu l-familja ta' wlied Alla li għandha tkompli dejjem tikber sal-miġja tal-Mulej. Din il-familja, magħquda minħabba d-doni tas-sema u mżejna bihom, kienet minn Kristu "mwaqqqfa u organizzata bħal soċjetà [83] u mogħnija "b'mezzi addattati għall-għaqda soċjali u li tidher''. [84] Hekk il-Knisja, li hija fl-istess ħin "għaqda viżibbli u komunità spiritwali u taqsam mad-dinja l-istess kondizzjonijiet tal-art; hi bħal ħmira u bħallikieku r-ruħ tas-soċjetà tal-bnedmin [85] li hi iddestinata biex tiġġedded fi Kristu u tinbidel fil-familja ta' Alla.

 Kif din il-belt tal-art u l-belt tas-sema huma mdaħħlin f'xulxin, hi ħaġa li ma tistax tingħaraf ħlief bil-fidi; anzi tibqa' l-misteru tal-istorja tal-bnedmin li hi mħarbta bid-dnub sakemm tidher għalkollox il-glorja ta' wlied Alla. Il-Knisja, ċertament, meta tfittex il-fini tagħha ta' salvazzjoni mhux biss tikkomunika lill-bniedem il-ħajja ta' Alla iżda b'xi mod ixxerred ukoll ir-rifless tad-dawl tagħha fuq id-dinja kollha, l-aktar billi tfejjaq u tgħolli d-dinjità tal-persuna umana, issaħħaħ l-għaqda tas-soċjetà tal-bnedmin u tagħti sens u tifsir aktar profond lill-ħidma tagħhom ta' kuljum. Hekk il-Knisja, permezz tal-membri tagħha kollha u tal-għaqda kollha tagħha, temmen li hija tista' tgħin ħafna biex tagħmel

il-familja tal-bnedmin u l-istorja tagħha jixirqu aktar lill-bniedem.

 Il-Knisja Kattolika tistma ħafna u bil-qalb dak li għamlu u għadhom jagħmlu l-knejjes jew komunitajiet ekkleżjali oħra biex jaqdu l-istess dmir. Fl-istess ħin hija konvinta li fit-tħejjija ta' l-Evanġelju hija tista' tkun megħjuna ħafna u b'ħafna manjieri mid-dinja, sew mill-bnedmin wieħed wieħed sew mis-soċjetà  tal-bnedmin, bil-kwalitajiet tajba u bil-ħidma tagħhom. Bl-iskop li tkun inkoraġġita kif jixraq din l-għajnuna reċiproka u skampju reċiproku f'dawk il-ħwejjeġ li b'xi mod huma komuni għall-Knisja u għad-dinja, se jingħataw hawn xi prinċipji ġenerali.

 

L-għajnuna li l-Knisja tfittex li tagħti li kull bniedem

41.  Il-bniedem tal-lum miexi lejn żvilupp iżjed sħiħ tal-personalità tiegħu u qiegħed isib u jsaħħaħ dejjem aktar il-jeddijiet tiegħu. Billi lill-Knisja ġiet fdata l-missjoni li turi l-misteru ta' Alla, li hu l-aħħar fini tal-bniedem, hija turi fl-istess ħin lill-bniedem it-tifsir ta' l-eżistenza tiegħu, jiġifieri l-verità profonda dwar il-bniedem. Il-Knisja taf sewwa li Alla biss, li lilu hija taqdi, li jwieġeb għax-xewqat l-aktar profondi ta' qalb il-bniedem: xewqat li dak li tagħti l-art qatt ma jaqta' għalkollox. Taf ukoll li l-bniedem, imqanqal bla heda mill-Ispirtu ta' Alla, qatt ma jista' jkun għalkollox indifferenti dwar il-problemi tar-reliġjon kif jidher ċar mhux biss mill-esperjenza tas-sekli li għaddew imma wkoll minn għadd kbir ta xiehda ta' żminijietna. Għaliex il-bniedem jibqa' dejjem jixtieq ikun jaf, għal-anqas fuq fuq, liema hija t-tifsira ta' ħajtu, ta' ħidmietu u ta' mewtu. Il-preżenza stess tal-Knisja tfakkru f'dawn il-problemi. Imma Alla waħdu, li ħalaq il-bniedm xbieha tiegħu u fdieh mid-dnub, jagħti tweġiba sħiħa għal dawn il-mistoqsijiet u dan jagħmlu bir-rivelazzjoni li wettaq f'Ibnu li sar bniedem. Kull min jimxi wara Kristu il-bniedem perfett, huwa wkoll isir akar bniedem.

 B'din il-fidi l-Knisja tista' teħles id-dinjità tan-natura tal-bniedem mit-taqlib kollu tal-opinjonijiet kollha li, biex nagħtu eżempju, jew ibaxxu żżejjed jew igħollu bla qies ġisem il-bniedem. L-ebda liġi tal-bniedem ma tista' tiżgura tant id-dinjità personali u l-libertà tal-bniedem daqs l-Evanġelju ta' Kristu mħolli f'idejn il-Knisja. Għax dan l-Evanġelju jħabbar u jipproklama l-libertà ta' wlied Alla, jiċħad kull jasar li fl-aħħar mil-aħħar jiġi mid-dnub [86], jirrispetta bħala ħaġa qaddisa d-dinjità tal-kuxjenza u d-deċiżjoni ħielsa tagħha, iwissi biex inkattru t-talenti kollha tal-bniedem għas-servizz ta' Alla u għall-ġid tal-bnedmin u jirrikkmanda lil kulħadd għall-imħabba ta' kulħadd [87]. Dan jaqbel mal-liġi fundamentali tal-ħsieb nisrani dwar il-pjan tas-salvazzjoni. Għaliex għad li Alla li salvana hu dak stess li ħalaqna, u Hu stess is-Sid kemm ta' l-istorja tal-bniedem kemm ta' l-istorja tas-salvazzjoni, b'danakollu f'dan l-istess ordni li għamel Alla l-awtonomija ġusta tal-ħolqien u l-aktar tal-bniedem mhux biss ma titneħħiex imma saħansitra titqiegħed mill-ġdid fid-dinjità tagħha u tissaħħaħ.

 Għalhekk il-Knisja, bil-qawwa ta' l-Evanġelju mħolli f'idejha, ixxandar il-jeddijiet tal-bniedmin u tagħraf u tistma ħafna d-dinamismu tal-lum li bih dawn il-jeddijiet jinġiebu 'l quddiem kullimkien. Imma dan il-moviment għandu jkun mimli bl-ispirtu tal-Evanġelju u mħares kontra kull forma ta' awtonomija falza. Għax aħna suġġetti għat-tentazzjoni li nqisu l-jeddijiet tagħna personali mħarsin għalkollox biss meta nħossu ruħna maħlula minn kull norma tal-liġi ta' Alla. Iżda b'din it-triq id-dinjità tal-persuna tal-bniedem mhux biss ma tiġix salvata imma tintilef.

 

L-għajnuna li l-Knisja tfittex tagħti lis-soċjetà tal-bnedmin.

42.  L-għaqda tal-familja tal-bnedmin tissaħħaħ u tipperfezzjona ruħha ħafna bl-għajnuna ta' wlied Alla mwaqqfa fuq Kristu. [88]

 Tassew li l-missjoni proprja li Kristu ta lill-Knisja m'hix ta' ordni politiku, ekonomiku jew soċjali: għax il-fini li taha hu ta' ordni reliġjuż. [89] imma minn din l-istess missjoni reliġjuża joħorġu ħidma, dawl u forzi li jistgħu jservu biex tinbena u tissaħħa l-għaqda tal-bnedmin skond il-Liġi ta' Alla. Hekk ukoll, fejn ikun jeħtieġ skond iċ-ċirkustanzi taż-żmien u tal-post, hi stess tista', anzi għandha, twaqqaf opri maħsubin għall-qadi tal-bnedmin kollha, l-aktar ta' dawk li qegħdin fil-bżonn, bħalma huma l-opri ta' ħniena u oħrajn bħalhom.

 Barra minn dan il-Knisja tagħraf dak li hemm tajjeb fid-dinamismu soċjali tal-lum u l-aktar l-iżvillup lejn l-unità, il-proċess ta' soċjalizzazzjoni għaqlija u solidarjetà fil-qasam ċivili u ekonomiku. Għaliex li tmexxi 'l quddiem l-unità jaqbel mal-missjoni intima tal-Knisja billi hija hi "fi Kristu bħala sagrament jew sinjal u strument tal-għaqda intima ma' Alla u tal-unità tal-ġens tal-bnedmin kollu kemm hu" [90]. Hekk hija turi lid-dinja li l-vera għaqda soċjali li tidher tiġi mill-għaqda tal-moħħ u tal-qalb, jiġifieri minn dik il-fidi u dik il-karità li bihom hija msawra, b'mod li ma tinħallx, l-għaqda tagħha fl-Ispirtu s-Santu. Għax l-enerġija li l-Knisja hija kapaċi tagħti lis-soċjetà tal-bnedmin tal-lum qiegħda f'dik il-fidi u f'dik il-karità li jintgħaġnu mal-ħajja u mhux f'xi ħakma esterna li titħaddem b'mezzi għalkollox umani.

 Billi, mbagħad, minħabba l-mssjoni u n-natura tagħha, mhi marbuta ma' l-ebda xorta partikolari ta' kultura  ta' bnedmin jew ma' xi sistema politiku, ekonomiku jew soċjali, il-Knisja, bis-saħħa ta' din l-universalità tagħha, tista' tkun rabta l-aktar sħiħa bejn il-komunitajiet diversi tal-bnedmin u n-nazzjonijiet basta huma jkollhom fiduċja fiha u jagħrfu bil-fatti l-libertà vera tagħha biex taqdi din il-missjoni tagħha. Għalhekk il-Knisja tħeġġeġ 'l uliedha, u wkoll lill-bnedmin kollha, biex f'dan l-ispirtu ta' familja li hu proprju ta' wlied Alla jirbħu kull tilwim bejn nazzjonijiet u razez u jagħtu saħħa interna lill-għaqdiet leġittmi tal-bnedmin.

Għalhekk il-Konċilju jħares b'rispett kbir lejn dak kollu li hemm veru tajjeb u ġust fl-istituzzjonijiet hekk diversi li l-bnedmin waqqfu u għadhom iwaqqfu bla heda. Jiddikjara wkoll li l-Knisja trid tgħin u tmexxi 'l quddiem dawn l-istituzzjonijiet kollha, sakemm dan jiddependi minnha u jaqbel mal-missjoni tagħha. Xejn ma tixtieq aktar milli isservi għall-ġid ta' kulħadd u li tkun tista' tiżviluppa ruħha liberament tkun xi tkun l-għamla ta' gvern li jirrispetta l-jeddijiet fundamentali tal-persuna u tal-familja u jagħraf l-esiġenzi tal-ġid komuni.

 

L-għajnuna li l-Knisja tfittex li tagħti lill-ħidma tal-bnedmin permezz ta' l-insara.

43.  Il-Konċilju jħeġġeġ lill-insara, li huma ċittadini taż-żewġt ibliet, biex ifittxu jaqdu sewwa d-dmirijiet tagħhom ta' l-art, immexxijin mill-ispirtu ta' l-Evanġelju. Jiżbaljaw dawk li, għax jafu li hawn m'għandniex belt li tibqa' għal dejjem imma qegħdin infittxu dik li għad trid tiġi [91], jaħsbu li b'hekk jistgħu jħallu fil-ġenb id-dmirijiet tagħhom ta' l-art u ma jirriflettux li għall-kuntrarju hija sewwasew il-fidi stess li tobbligahom aktar li jħarsuhom skond is-sejħa ta' kull wieħed [92]. U, mill-banda l-oħra, jiżbaljaw xejn anqas dawk li jaħsbu li huma jistgħu tant jintilfu fil-ħwejjeġ ta' l-art, bħallikieku dawn m'għandhom x'jaqsmu xejn mal-ħajja reliġjuża li, skond kif jaħsbu huma, tikkonsisti biss f'egħmil ta' qima u f'xi dmirijiet morali. Il-firda li naraw f'bosta bejn il-fidi li jistqarru u l-ħajja tagħhom ta' kuljum għandha tingħadd fost l-iżbalji l-aktar kbar ta' żmienna. Fit-Testment il-Qadim il-Profeti kienu diġa għollew leħinhom ta' ċanfir kontra dan l-iskandlu [93], u wisq aktar Ġesu' Kristu nnifsu, fit-Testment il-Ġdid, hedded kastigi kbar kontrieh [94]. Mela m'għandhomx jitqiegħdu inġustament kontra xulxin il-ħidmiet professjonali u soċjali minn naħa waħda, u l-ħajja reliġjuża min-naħa l-oħra. In-nisrani li jittraskura d-dmirijiet tiegħu temporali jkun jittraskura d-dmirjiet tiegħu lejn il-proxxmu, anzi wkoll lejn Alla nnifsu, u jqiegħed fil-periklu s-salvazzjoni tiegħu ta'dejjem. L-Insara għandhom ikunu kuntenti li, fuq l-eżempju ta' Ġesu' Kristu, li kien ħaddiem, jistgħu jwettqu l-ħidmiet tagħhom kollha billi jgħaqqdu l-isforzi tagħhom umani, familjari, professjonali, xjentifiċi u tekniċi, f'sintesi waħda ta' ħajja mal-valuri reliġjużi li taħt it-tmexxija għolja tagħhom il-ħwejjeġ kollha jkunu koordinati għall-glorja ta' Alla.

 Id-dmirijiet u l-ħidmiet temporali huma proprjament ta' kompetenza tal-lajċi, għad li mhux tagħhom biss. Għalhekk meta huma, jew wieħed wieħed jew magħqudin flimkien, jaġixxu bħala ċittadini tad-dinja, għandhom mhux biss iħarsu l-liġijiet proprji f'kull qasam ta' dixxiplina imma għandhom ifittxu jiksbu wkoll kapaċità vera. Huma għandhom jagħtu bil-qalb sehemhom lill-bnedmin kollha li jfittxu l-istess skop. Filwaqt li jirrispettaw kull ma titlob il-fidi u mogħnijin bil-qawwa tagħha, għandhom jaħsbu bla heda fuq l-inizjattivi ġodda, jekk ikunu meħtieġa, u jaħdmu biex iseħħu. Huwa dmir tagħhom tal-kuxjenza, wara li tkun iffurmata kif jixraq, li l-liġi ta' Alla tinkiteb fil-ħajja tal-belt ta' l-art. Il-lajċi għandhom jistennew mis-saċerdoti dawl u qawwa spiritwali. U m'għandhomx jaħsbu li r-rgħajja tagħhom dejjem huma hekk imħarrġa illi f'kull kwistjoni, ukoll iebsa, li tinqala' jistgħu jkollhom tweġiba konkreta dejjem lesta jew li din hija l-missjoni tagħhom. Anzi huma stess għandhom jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom fid-dawl tal-għerf nisrani u fir-rispett lejn it-tagħlim tal-Maġisteru [95].

 Ħafna drabi hija l-istess viżjoni nisranija tar-realtà li, f'ċerti ċirkustanzi, torjentahom lejn soluzzjoni determinata. Imma nsara oħra mhux b'anqas sinċerità, kif aktarx spiss jiġri u bir-raġun, jistgħu jaħsbuha xort'oħra dwar l-istess kwistjoni. Jista' jiġri li jkun hemm xi wħud, u jistgħu jkunu ħafna, li jidentifikaw b'ċerta faċilità, wkoll kontra r-rieda tal-partijiet interessati, xi soluzzjonijiet, imressqin minn naħa jew minn oħra, mal-Messaġġ evanġeliku. F'dawn il-każi, iżda, wieħed għandu jiftakar li ħadd ma jista' jagħti saħħa biss lil fehemtu bħallikieku kellha l-awtorità tal-Knisja. Imma dejjem għandhom ifittxu li jagħtu dawl lil xulxin bi djalogu sinċier billi jżommu l-imħabba ta' bejniethom u jfittxu l-ewwel ħaġa l-ġid komuni.

 Il-lajċi, mbagħad, billi fil-ħajja kollha tal-Knisja għandhom xi sehem ta' responsabbiltà, m'humiex biss obbligati li janimaw id-dinja bl-ispirtu nisrani imma huma wkoll imsejħin biex ikunu xiehda ta' Kristu fil-ħwejjeġ kollha u sewwasew f'nofs is-soċjetà tal-bnedmin.

 L-Isqfijiet mbagħad, li lilhom ingħata l-uffiċċju li jmexxu l-Knisja ta' Alla, għandhom ixerrdu, flimkien mal-presbiteri tagħhom, il-messaġġ ta' Kristu b'mod li l-ħidmiet kollha tal-art jiddawlu fid-dawl ta' l-Evanġelju. Fuq kollox ir-rgħajja kollha għandhom jiftakru illi huma, bl-imġiba u bil-ħerqa tagħhom ta' kuljum [96], juru lid-dinja l-wiċċ tal-Knisja li minnu l-bnedmin jiġġudikaw il-qawwa u l-verità tal-messaġġ nisrani. Bil-ħajja u bil-kelma, flimkien mar-reliġjużi u l-insara tagħhom, għandhom juru li l-Knisja, bil-preżenza tagħha biss, bid-doni kollha li għandha, hija għajn li qatt ma taqta' ta' dawk il-forzi li d-dinja l-lum l-aktar teħtieġ. Bl-istudju bla heda għandhom isiru hekk kapaċi li jkunu jistgħu jagħtu sehemhom fid-djalogu li għandu jsir mad-dinja u ma' bnedmin ta' kull opinjoni. Fuq kollox għandhom jgħożżu l-kliem ta' dan il-Konċilju: ''Minħabba l-fatt li llum il-ġens tal-bnedmin qiegħed dejjem jorganizza ruħu aktar f'għaqda ċivili, ekonomika u soċjali, tinħass iżjed il-ħtieġa li s-saċerdoti, jgħaqqdu l-forzi u l-ħidma taħt it-tmexxija tal-isqfijiet u tal-Papa, ineħħu kull kawża ta' firda u b'hekk iwasslu l-bnedmin kollha għall-għaqda tal-familja ta' Alla" [97].

 Għad li l-Knisja, bil-qawwa ta' l-Ispirtu s-Santu, baqgħet għarusa fidila tal-Mulej tagħha u qatt ma waqfet li tkun sinjal ta' salvazzjoni fid-dinja, b'danakollu hija taf li fost il-membri tagħha [98], sew kjeriċi sew lajċi, matul il-ħafna mijiet ta' snin li għaddew ma naqsux uħud li kienu infidili lejn l-Ispirtu ta' Alla. F'dan iż-żmien tagħna wkoll il-Knisja taf kemm huma 'l bogħod minn xulxin il-messaġġ imwassal minnha u d-dgħufija ta' dawk li lilhom hu fdat l-Evanġelju. Tgħid xi tgħid l-istorja fuq dawn in-nuqqasijiet, aħna għandna nkunu konxji tagħhom u neħduha kontriehom bis-sħiħ biex ma jkunux ta' ħsara għat-tixrid ta' l-Evanġelju. Taf ukoll il-Knisja li biex tiżviluppa r-relazzjoniet tagħha mad-dinja hija għandha titgħallem mill-esperjenza tas-sekli. Immexxija mill-Ispirtu s-Santu, Ommna l-Knisja ma tiqafx tħeġġeġ bla heda 'l uliedha "biex jissaffew u jiġġeddu sabiex s-sinjal ta' Kristu jiddi aktar ċar fuq wiċċ il-Knisja" [99].

 

Għajnuna li l-Knisja tirċievi mid-dinja tal-lum

44.  Kif huwa importanti għad-dinja li tagħraf il-Knisja bħala realtà soċjali tal-istorja u bħala l-ħmira tagħha, hekk ukoll il-Knisja taf kemm hija irċeviet mill-istorja u mill-iżvillupp tal-ġens tal-bnedmin.

 L-esperjenza tas-sekli li għaddew, il-progress tax-xjenza, it-teżori moħbija f'kull xorta ta' kultura tal-bnedmin, ħwejjeġ li jgħinu biex wieħed jifhem aħjar l-istess natura tal-bniedem u jiftħu toroq ġodda lejn il-verità, kollha jiswew ukoll lill-Knisja. Għax hija sa mill-bidu tal-istorja tagħha tgħallmet twassal il-messaġġ ta' Kristu permezz tal-ħsieb u ta' l-ilsna tal-popli diversi, u fittxet li tfissru bl-għerf tal-filsofi; dan sewwasew biex, safejn jista' jkun, taddatta l-Evanġelju kemm ħalli jkun jista' jifhmu kulħadd kemm biex iwieġeb għall-esiġenzi tal-għorrief. U dan l-addattament tal-Kelma rivelata għandu jinżamm bħala liġi ta' kull evanġelizzazzjoni. Għaliex huwa b'hekk li kull nazzjoni jkun jista' jfisser kif jaf hu l-messaġġ ta' Kristu u fl-istess ħin wieħed jista' jġib 'il quddiem djalogu u skambju ħaj bejn il-Knisja u l-kulturi diversi tal-popli [100]. Biex dan id-djalogu u dan l-iskambju, l-aktar il-lum, meta t-tibdil isir malajr u l-mod kif il-bnedmin jaħsbuha jinbidel ħafna, il-Knisja teħtieġ partikolarment l-għajnuna ta' dawk li jgħixu fid-dinja u li huma mħarrġin f'istituzzjonijiet u f'materji diversi u jifhmu l-mentalità tagħhom, sew fejn jidħlu nies li jemmnu sew fejn jidħlu nies li ma jemmnux. Huwa dmir tal-Poplu kollu ta' Alla u l-aktar tar-rgħajja u tat-teoloġi, bl-għajnuna ta' l-Ispirtu s-Santu, li jisimgħu, jifhmu u jinterpretaw il- manjieri differenti li bihom jiitkellmu n-nies ta' żminijietna, u li jiġġudikaw fid-dawl tal-Kelma ta' Alla biex il-Verità rivelata tkun magħufa aktar profondament, titfisser aħjar u tkun mgħallma b'manjiera aktar addattata.

 Il-Knisja, billi għandha struttura soċjali viżibbli li hija sewwasew sinjal ta' l-unità tagħha fi Kristu, tista' tikseb u fil-fatt tikseb, il-ġid mill-iżvilupp tal-ħajja soċjali tal-bnedmin mhux bħalkieku jonqosha xi ħaġa fil-kostituzzjoni li taha Kristu imma biex tkun tista' tagħrafha aktar fil-fond, tfissirha aħjar u taddattaha bi profitt akbar għal żminijietna. Hija tagħraf b'rikonoxxenza li fil-komunità tagħha, mhux anqas milli f'uliedha wieħed wieħed, tirċieivi għajnuna varja mill-bnedmin ta' kull grad u kondizzjoni. Għax kull min igħin il-komunità tal-bnedmin fil-qasam tal-familja, tal-kultura, tal-ħajja ekonomika u soċjali u wkoll fil-politika nazzjonali u internazzjonali, igħin ukoll mhux ftit skond il-ħsieb ta' Alla il-komunità ekkleżjali għaliex din tiddependi minn fatturi esterni. Anzi l-Knisja tistqarr li kisbet u għadha tikseb ħafna ġid mill-istess oppożizzjoni ta' dawk li ma jaqblux magħha jew jippersegwitaha [101].

 

Kristu, l-Alfa u l-Omega

45 Il-Knisja, meta hija stess tgħin id-dinja u tirċievi ħafna minnha, tfittex dan biss: li tiġi s-saltna ta' Alla u sseħħ is-salvazzjoni tal-bnedmin kollha. Kull ġid li l-Poplu ta' Alla jista' jagħti lil-familja tal-bnedmin, fiż-żmien li hu jinsab fid-dinja, ġej mill-fatt li l-Knisja hija "is-sagrament universali tas-salvazzjoni" [102] li juri u fl-istess ħin iwettaq il-misteru tal-imħabba ta' Alla lejn il-bniedem.

 Għaliex il-Verb ta' Alla, li bih sar kollox, hu stess sar bniedem biex bħala l-bniedem perfett isalva lil kulħadd u jiġbor kollox fih. Il-Mulej huwa l-iskop ta' l-istorja tal-bniedem, il-punt li lejh jieħdu x-xewqat ta' l-istorja u taċ-ċiviltà, iċ-ċentru tal-ġens tal-bnedmin, l-hena tal-qlub kollha u t-tweġiba għax-xewqat kollha tagħhom. [103] Huwa dak li l-Missier qajjem mill-imwiet, għollieh u qiegħdu fuq il-lemin tiegħu, u għamlu mħallef tal-ħajjin u tal-mejtin. Aħna, li ħadna l-ħajja mill-ispirtu tiegħu u aħna magħqudin miegħu, mexjin lejn il-perfezzjoni sħiħa tal-istorja tal-bnedmin li twieġeb għalkollox għall-ħsieb ta' l-imħabba tiegħu: "Li kollox jinġabar taħt Ras waħda li hu Kristu, kulma hu fis-sema, u kulma hu fl-art " (Ef. 1.10).

 Jgħid il-Mulej stess: ''Ara jien ġej dalwaqt u miegħi nġib il-ħlas ħalli nrodd lil kull wieħed skond ma ħaqqu għal għemilu. Jien l-Alfa u l-Omega, l-Ewwel u l-Aħħar, il-Bidu u t-Tmiem." (Apok. 22, 12-13)

 


 

It-Tieni Taqsima

FUQ XI PROBLEMI L-AKTAR URĠENTI

 

Daħla

46.  Wara li wera ta' liema dinjità hija l-persuna tal-bniedem u għal liema ħidma, individwali u soċjali, il-bniedem huwa msejjaħ, il-Konċilju, fid-dawl tal-Evanġelju u tal-esperjenza tal-bnedmin, issa jiġbed l-attenzjoni ta' kulħadd għal xi problemi partikolarment urġenti ta' dan iż-żmien li l-aktar jolqtu l-ġens tal-bnedmin.

 Fost il-ħafna kwistjonijiet li l-lum iħassbu lil kulħad jaqbel li l-aktar insemmu dawn: iż-żwieġ u l-familja, il-kultura umana, il-ħajja ekonomika u soċjali, il-ħajja politika, is-solidarjetà tan-nazzjonijiet u l-paċi. Fuq kull wieħed minn dawn is-suġġetti jalla jiddu l-prinċipji u d-dawl li jiġu minn Kristu; hekk l-insara jkollhom gwida u l-bnedmin kollha jiddawlu meta jiġu biex iħollu tant  problemi komplessi.

 

 

Kap I

PROMOZZJONI TAD-DINJITÀ TAŻ-ŻWIEĠ U TAL-FAMILJA

 

Fuq iż-żwieġ u l-familja fid-dinja tal-lum

47 Il-ġid tal-persuna u tas-soċjetà umana u nisranija hu marbut sħiħ mal-kondizzjoni ħienja tal-għaqda taż-żwieġ u tal-familja. Għalhekk l-insara, flimkien ma' dawk kollha li għandhom stima kbira ta' l-istess soċjetà, jifirħu bil-qalb b'dawk il-ħafna mezzi li bihom il-lum il-bnedmin mexjin 'il quddiem fil-promozzjoni ta' din l-għaqda ta' mħabba u fir-rispett tal-ħajja u li bihom il-miżżewġin u l-ġenituri jsibu għajnuna fil-missjoni għolja tagħhom; minnhom ukoll jistennew vantaġġi akbar waqt li jisfurzaw biex jippromwovuhom.

 Imma d-dinjità ta' din l-istituzzjoni ma tiddix kullimkien bl-istess dawl għaliex hija mdallma mill-poligamija, mill-pjaga tad-divorzju, minn dik li tissejjaħ imħabba libera u minn deformazzjoniet oħra. Barra minn dan l-imħabba ta' bejn il-miżżewġin hija bosta drabi ipprofanata mill-egoiżmu, mill-edoniżmu u minn pratki illeċiti kontra l-ġenerazzjoni. Terġa' l-lum il-kondizzjonijiet ekonomiċi, soċjali, psikoloġiċi u ċivili jġibu taħwid mhux ċkejken fil-familja. Fl-aħħarnett f'ċerti pajjiżi naraw mhux mingħajr tħassib, problemi ġejjin mit-tkattir tal-popolazzjoni. Minn dawn il-ħwejjeġ kollha jqumu diffikultajiet li jħabbtu l-kuxjenza. Madankollu l-valur u l-qawwa ta' l-istituzzjoni taż-żwieġ u tal-familja jirriżultaw mill-fatt li t-trasformazzjonijiet profondi tas-soċjetà tal-lum, minkejja d-diffikultajiet li jinbtu b'qawwa minnhom, spiss jirrivelaw b'manjieri diversi n-natura vera ta' l-istess istituzzjoni.

 Għalhekk il-Konċilju, billi jqiegħed f'dawl aktar ċar xi punti tat-tagħlim nisrani, għandu l-fehma li jdawwal u jqawwi l-insara u l-bnedmin kollha li jagħmlu kemm jistgħu biex jiddefendu u jġibu 'l quddiem id-dinjità naturali ta' l-istat taż-żwieġ u l-valur sagru l-aktar għoli tiegħu.

 

Fuq il-qdusija taż-żwieġ u tal-familja

48.  L-għaqda intima tal-ħajja u ta' l-imħabba bejn il-miżżewġin, mwaqqfa minn Alla fil-ħolqien u regolata b'liġijiet proprji, titwaqqaf fuq il-patt taż-żwieġ, jiġifieri fuq il-kunsens personali u irrevokabbli. Hekk, b'att uman li bih il-miżżewġin jagħtu lil xulxin u jirċievu lil xulxin, istituzzjoni diġa stabbli b'liġi ta' Alla tibda sseħħ ukoll quddiem is-soċjetà. Għall-ġid kemm tal-miżżewġin u ta' l-ulied, kemm tas-soċjetà, din ir-rabta qaddisa ma tiddependix mir-rieda tal-bnedmin. Alla nnifsu għamel iż-żwieġ li hu mżejjen b'valuri u skopijiet diversi [104]; u dawn huma kollha tal-akbar importanza għall-kontinwità tal-ġens tal-bnedmin, għall-progress personali u għad-destin ta' dejjem ta' kull membru tal-familja, għad-dinjità, l-stabbilità, il-paċi u l-ġid tal-istess familja, u tal-għaqda kollha tal-bnedmin. Minħabba n-natura tagħha l-istituzzjoni stess taż-żwieġ u l-imħabba tal-miżżewġin huma ordnati għall-prokreazzjoni u għall-edukazzjoni tal-ulied u fihom bħal jilħqu l-inkoronament tagħhom. Għalhekk ir-raġel u l-mara, li fir-rabta taż-żwieġ "mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed" (Mt. 19,6), bl-għaqda intima tal-persuni u bil-ħidmiet tagħhom jgħinu u jaqdu lil xulxin, iħossu xi tfisser l-għaqda tagħhom u jiksbuha dejjem aktar minn jum għall-ieħor. U din l-għaqda intima, bħala donazzjoni ta' żewġ persuni lil xulxin, u wkoll il-ġid tal-ulied, jitolbu l-fedeltà sħiħa tal-miżżewġin u jridu unità li ma tinħallx [105].

 Kristu Sidna xerred kotra ta' barkiet fuq din l-imħabba b'aspetti differenti li ġejja mill-għajn tal-imħabba divina, u li hi mfassla fuq il-mudell tar-rabta tiegħu mal-Knisja. Għaliex kif darba Alla ltaqa' mal-poplu tiegħu bil-patt ta' mħabba u ta' fedeltà [106], hekk is-Salvatur tal-bnedmin u l-Għarus tal-Knisja [107] jiltaqa' mal-miżżewġin insara fis-sagrament taż-żwieġ. Jibqa' wkoll magħhom biex kif huwa ħabb il-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha [108] hekk ukoll il-miżżewġin jinħabbu bejniethom b'fedeltà li ma tiġix nieqsa billi jagħtu ruħhom lil xulxin. L-imħabba vera bejn il-miżżewġin tingħaqad mal-imħabba ta' Alla u hija msaħħa u mogħnija bil-qawwa feddejja ta' Kristu u bl-għemil ta' salvazzjoni tal-Knisja biex il-miżżewġin jitwasslu tassew lejn Alla u jkollhom għajnuna u qawwa fil-missjoni għolja ta' missier u omm [109]. Għalhekk il-miżżewġin insara huma msaħħin bħal ikkonsagrati b'sagrament speċjali għad-dmirijiet u d-dinjità ta' l-istat tagħhom [110]; u meta bil-qawwa ta' dan is-sagrament jaqdu d-dmir tagħhom taż-żwieġ u tal-familja, mimlijin bl-ispirtu ta' Kristu li bih ħajjithom kollha timtela bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba, huma jersqu dejjem aktar lejn il-perfezzjoni tagħhom u t-tqaddis ta' xulxin, u għalhekk flimkien jagħtu glorja lil Alla.

 Bħala konsegwenza, meta l-ġenituri jkunu l-ewwel li jagħtu l-eżempju u jkunu magħqudin fit-talb tal-familja, l-ulied, anzi dawk kollha li jgħixu fl-istess familja jsibu aktar malajr it-triq tal-formazzjoni umana, tas-salvazzjoni u tal-qdusija. Il-miżżewġin, mbagħad, imżejnin bid-dinjità u bl-uffiċċju ta' missier u omm, jaqdu bir-reqqa d-dmir tat-trobbija, l-aktar dik reliġjuża li tmiss lilhom qabel kulħadd.

 L-ulied, bħala membri ħajjin tal-familja, jagħtu sehemhom ukoll, skond il-kondizzjoni tagħhom, għall-qdusija tal-ġenituri. Huma jwieġbu għall-benefiċċji li jirċievu mill-ġenituri b'sentimenti ta' gratitudni, mħabba u fiduċja, u jieqfu magħhom bħal ulied fil-kuntrarjetajiet u fis-solitudni tax-xjuħija. Il-ħajja tar-romol, milqugħa b'qawwa bħala kontinwazzjoni tal-vokazzjoni taż-żwieġ, għandha tkun meqjuma minn kulħadd [111]. Il-familja b'qalb kbira taqsam ma' familji oħra wkoll il-ġid spiritwali tagħha. Għalhekk il-familja nisranija, billi titwieled miż-żwieġ li huwa xbieha u sehem tal-patt ta' mħabba ta' Kristu u tal-Knisja [112], turi lil kulħadd il-preżenza ħajja tas-Salvatur fid-dinja u n-natura vera tal-Knisja, kemm bl-imħabba tal-miżżewġin, bil-fekondità ġeneruża, fl-unità u l-fedeltà, kemm ukoll bil-kooperazzjoni ta' mħabba tal-membri kollha.

 

L-imħabba tal-miżżewġin

49.  L-għarajjes u l-miżżewġin huma mistiedna bosta drabi mill-Kelma ta' Alla biex imantnu u jsaħħu l-għerusija b'imħabba safja, u ż-żwieġ b'imħabba fidila [113]. Bosta bnedmin ta' żmienna wkoll jagħtu importanza kbira lill-imħabba vera bejn ir-raġel u martu mfissra skond id-drawwiet onesti tal-popli u taż-żminijiet. Issa din l-imħabba, billi hija ħaġa għalkollox umana u tgħaddi b'sentiment tar-rieda minn persuna għal persuna, tħaddan il-ġid kollu tal-persuna u għalhekk tista' żżejjen b'dinjità speċjali dak kollu li jfissru l-ispirtu u l-ġisem u tagħtih il-valur ta' element u sinjal speċjali tal-ħbiberija bejn il-miżżewġin. Il-Mulej għoġbu jfejjaq, jipperfezzjona u jgħolli din l-imħabba b'don speċjali tal-grazzja u tal-karità. Imma mħabba bħal din, li tgħaqqad flimkien valuri divini u umani, twassal il-miżżewġin għad-donazzjoni libera tagħhom infushom lil xulxin, għotja li tidher fis-sentimenti u fil-ġest ta' mħabba u tmexxi u timla ħajjithom kollha [114]; anzi l-imħabba tikber u ssir aħjar bit-tħaddim ġeneruż tagħha nnifisha. Għalhekk hija tisboq bil-bosta s-sempliċi ġibda erotika li jekk tintlaħaq b'sens ta' egoiżmu tispiċċa malajr fix-xejn u b'manjiera ta' min jitħassarha.

 Din l-imħabba titfisser u tipperfezzjona ruħha b'manjiera speċjali fl-għemil li hu proprju taż-żwieġ. L-egħmil għalhekk li bih il-miżżewġin jingħaqdu f'intimità safja huwa onest u xieraq u, jekk isir b'mod tassew uman, ifisser u jkabbar dak id-don ta' xulxin li bih huma jagħtu lil xulxin bil-ferħ u b'radd il-ħajr. Din l-imħabba, ikkonfermata bil-fedeltà lejn xulxin u fuq kollox imqaddsa b'sagrament ta' Kristu, tinżamm sħiħa bla ma tonqos qatt fil-hena u fil-hemm, fil-ġisem u fil-ħsieb, u għalhekk teskludi kull adulterju jew divorzju. L-unità taż-żwieġ imwettqa mill-Mulej tidher ċar ukoll mid-dinjità personali ndaqs tal-mara u tar-raġel li għandha tingħaraf fl-imħabba sħiħa ta' bejniethom. Biex dawn id-dmirijiet ta' din is-sejħa nisranija jkunu osservati bil-perseveranza tenħtieġ virtù mhux komuni; u għalhekk il-miżżewġin, msaħħin bil-grazzja biex jgħixu ħajja qaddisa, għandhom iqisu l-ħin kollu li jħarsu fihom l-imħabba qawwija, qalb kbira u spirtu ta' sagrifiċċju li jiksbuhom bit-talb.

 L-imħabba vera tal-miżżewġin tkun stamata aktar u l-opinjoni pubblika tifforma ruħha tajjeb fuqha jekk il-miżżewġin jagħtu xhieda li tidher tal-fedeltà u tal-għaqda fl-istess imħabba, u bil-premura fit-trobbija ta' l-ulied, u jekk huma jagħtu sehemhom fit-tiġdid kulturali, psikoloġiku u soċjali meħtieġ għall-ġid taż-żwieġ u tal-familja. Iż-żgħażagħ għandhom ikunu mgħallmin tajjeb u f'waqtu, l-aktar fil-familji stess, dwar id-dinjità, id-dmir u l-espressjoni ta' l-imħabba bejn il-miżżewġin. B'hekk, wara li jkunu iffurmati fl-għożża tal-kastità, ikunu jistgħu, meta jkun il-waqt, jgħaddu minn għerusija onesta għaż-żwieġ.

 

Il-frott taż-żwieġ

50.  Iż-żwieġ u l-imħabba tal-miżżewġin, minn natura tagħhom, huma ordinati għall-prokreazzjoni u t-trobbija ta' l-ulied. L-ulied huma tassew l-egħżeż rigal taż-żwieġ u jikkontribwixxu ħafna għall-ġid ta' l-istess ġenituri. Alla nnifsu qal: "Mhux tajjeb li l-bniedem jibqa' waħdu" (Ġen. 2.18) u "li sa mill-bidu.... għamilhom raġel u mara" (Mt 19,4), ried jagħti lill-bniedem ċertu sehem speċjali fil-ħidma tiegħu tal-ħolqien, u bierek lir-raġel u lill-mara, u qalilhom "Nisslu u oktru" (Ġen. 1,28). Għalhekk l-eżerċizzju veru tal-imħabba bejn il-miżżewġin u t-tifsira kollha tal-ħajja tal-familja li toħroġ minn dik l-imħabba, mingħajr ma jitwarrbu fil-ġenb il-finijiiet l-oħra taż-żwieġ, għandhom iwasslu biex il-miżżewġin ikunu lesti biex jikkooperaw bil-kuraġġ mal-imħabba ta' Alla li ħalaq u li salva u li permezz tagħhom minn jum għal ieħor ikabbar u jimla bil-ġid il-familja tiegħu.

 Il-miżżewġin jafu li fid-dmir tat-trasmissjoni tal-ħajja umana u tat-trobbija, li għandu jitqies bħala l-missjoni proprja tagħhom, huma l-kooperaturi ta' l-imħabba ta' Alla li ħalaqhom u bħal interpreti tagħha. Għalhekk huma għandhom jaqdu d-dmir tagħhom b'responsabbiltà ta' bnedmin u ta' nsara. B'qima doċli lejn Alla u, flimkien, b'riflessjoni u b'inpenn, huma għandhom jiffurmaw għalihom infushom ġudizzju rett billi jżommu quddiem għajnejhom kemm il-ġid tagħhom infushom u kemm il-ġid ta' wliedhom, sew ta' dawk li diġa' twieldu sew ta' dawk li huma mistennija li jitwieldu, billi jiżnu l-kundizzjonijiet materjali u spiritwali taż-żmien li fih qegħdin igħixu u ta' l-istat tal-ħajja tagħhom u fl-aħħarnett billi jqisu l-ġid tal-familja, tas-soċjetà temporali u tal-Knisja. Fl-aħħar huma l-miżżewġin li għandhom jiffurmaw dan il-ġudizzju quddiem Alla. Imma l-miżżewġin nsara għandhom ikunu jafu li fl-imġiba tagħhom ma jistgħux jimxu arbitrarjament; huma għandhom jimxu dejjem skond il-kuxjenza li għandha tkun taqbel mal-istess liġi ta' Alla, u jkunu doċli lejn it-tagħlim tal-Maġisteru tal-Knisja li jinterpreta awtentikament dik il-liġi fid-dawl ta' l-Evanġelju. Dik il-liġi ta' Alla turi t-tifsira sħiħa tal-imħabba tal-miżżewġin, tħarisha u tmexxija għall-perfezzjoni tagħha tassew umana. Hekk il-miżżewġin insara, bil-fiduċja fil-Provvidenza ta' Alla u waqt li jgħixu bi spirtu ta' sagrifiċċju, [115] jagħtu glorja 'l Alla li ħalaq kollox u jimxu 'l quddiem lejn il-perfezzjoni nisranija fil-waqt li jaqdu l-missjoni tagħhom ta' prokreazzjoni b'sens ta' responsabbiltà ġeneruża umana u nisranija. Fost dawn il-miżżewġin li jaqdu x-xogħol li Alla fdalhom b'din il-manjiera huwa ta' min ifakkar b'mod partikolari lil dawk li, b'deċiżjoni prudenti u bi ftehim bejniethom, jaċċettaw b'qalb kbira li jrabbu kif jixraq għadd ukoll akbar ta' wlied [116].

 Madankollu ż-żwieġ mhuwiex imwaqqaf biss għall-prokreazzjoni; imma n-natura stess ta' patt li ma jinħallx u l-ġid ta' l-ulied iridu li l-imħabba tal-miżżewġin lejn xulxin ikollha l-manifestazzjonijiet tajba tagħha, tiżviluppa u tilħaq il-maturità tagħha. Għalhekk, għad li ħafna drabi, minkejja x-xewqa kbira  tal-miżżewġin, ma jitwildux tfal, iż-żwieġ jibqa' xorta waħda komunità u unjoni ta' ħajja sħiħa u jżomm il-valur u l-indissolubilità tiegħu.

 

L-imħabba bejn il-miżżewġin u r-rispett tal-ħajja umana

51   Il-Konċilju jaf li l-miżżewġin, meta jiġu biex ifasslu f'armonija l-ħajja taż-żwieġ, bosta drabi jkunu mfixklin minn ċerti kondizzjonijiet tal-ħajja tal-lum u jistgħu jsibu rwieħhom f'ċerti ċirkustanzi li fihom l-għadd ta' l-ulied, għall-anqas għal xi żmien, ma jistax jiżdied u l-fedeltà tal-imħabba u l-intimità sħiħa tal-ħajja ma jistgħux jinżammu jekk mhux b'diffikultà. Fejn imbagħad il-ħajja intima tal-miżżewġin tieqaf, il-fedeltà ħafna drabi tista' tiġi fil-periklu, u l-ġid ta' l-ulied isofri; għaliex f'dan il-każ ikunu wkoll fil-periklu t-trobbija tal-ulied u l-kuraġġ li jkunu aċċettati wlied aktar.

 Hemm x'uħud li jażżardaw jagħtu soluzzjonijiet mhux onesti għal dawn il-problemi, anzi lanqas ma jsibuha bi tqila li joqtlu; imma l-Knisja tfakkar li ma jistax ikun hemm kontradizzjoni tassew bejn il-liġijiet ta' Alla tat-trasmissjoni tal-ħajja u dawk tat-tkattir ta' l-imħabba sinċiera bejn il-miżżewġin.

 Alla, Sid tal-ħajja, reħa f'idejn il-bnedmin il-missjoni nobbli tal-ħarsien tal-ħajja, u l-bniedem irid jaqdiha b'manjiera li tixraq lill-bnedmin. Għalhekk il-ħajja, darba mnissla, għandha titħares; l-abort u l-qtil tat-trabi huma delitti l-aktar koroh. In-natura sesswali tal-bniedem u l-kapaċità tiegħu li jkollu wlied jisbqu b'manjiera tal-għaġeb dak kollu li jeżisti fi gradi inferjuri ta' ħajja; għalhekk l-atti stess li huma proprji tal-ħajja ta' miżżewġin, eżerċitati skond id-dinjità vera tal-bniedem, għanhom jitħarsu b'rispett kbir. Għalhekk, meta wieħed irid iqabbel flimkien l-imħabba tal-miżżewġin u t-trasmissjoni responsabbli tal-ħajja, l-aspett morali tal-imġiba ma jiddependix biss mill-intenzjoni sinċiera u minn kif wieħed jaħsibha fuq ir-raġunijiet li għandu, imma għandu jkun determinat minn kriterji oġġettivi li jittieħdu min-natura stess tal-persuna umana u tal-għemil tagħha, u li jżommu sħiħ it-tifsir tad-donazzjoni lil xulxin u tal-prokreazzjoni tal-bniedem, f'kuntest ta' mħabba vera; u dan kollu ma jistax isir jekk il-virtù tal-kastità bejn il-miżżewġin ma titħarisx b'rispett. Fuq dawn il-prinċipji wlied il-Knisja, meta jiġu biex jirregolaw il-prokreazzjoni, ma jistgħux jużaw triqat li huma ikkundannati mill-Maġisteru tal-Knisja bħala dik li tinterpreta l-liġi ta' Alla [117].

 Kulħadd għandu jkun jaf li l-ħajja tal-bnedmin u d-dmir li tkun trasmessa mhumiex ħaġa li għandha x'taqsam biss ma' dan iż-żmien jew li għandhom qies jew sens biss f'din id-dinja; imma huma għandhom dejjem relazzjoni mad-destin ta' dejjem tal-bnedmin.

 

Kulħadd għandu jħabrek għall-promozzjoni taż-żwieġ u tal-familja.

52.  Il-familja hija skola ta' umanità akbar u iżjed għanja. Imma biex hija tista' tikseb il-milja tal-ħajja u tal-missjoni tagħha jeħtieġ li l-miżżewġin ikunu iżjed miftuħa ma' xulxin u jieħdu d-deċiżjonijiet flimkien u li jkun hemm ukoll kooperazzjoni kontinwa tal-ġenituri fit-trobbija ta' l-ulied. Il-preżenza attiva tal-missier tiswa ħafna għall-formazzjoni tagħhom; iżda jeħtieġ li l-omm, li hi meħtieġa minn uliedha, l-aktar dawk żgħar, titħalla tieħu ħsieb id-dar mingħajr preġudizzju għall-promozzjoni soċjali tagħha. L-ulied għandhom jitrabbew b'manjiera li meta jikbru jkunu jistgħu, b'sens ta' responsabbiltà sħiħa, jimxu wara s-sejħa tagħhom, ukoll dik sagra, u jagħżlu l-istat ta' ħajja; jekk jiżżewġu jkunu jistgħu jwaqqfu l-familja tagħhom fil-kondizzjonijiet morali, soċjali u ekonomiċi tajbin għalihom. Huwa dmir tal-ġenituri jew tat-tuturi li jkunu gwidi liż-żgħażagħ fit-twaqqif tal-familja bil-pariri għaqlin li ż-żgħażagħ min-naħa tagħhom għandhom jilqgħu bil-qalb. Imma għandhom joqogħdu attenti li ma jġegħluhomx, la direttament u lanqas indirettament, jiżżewġu jew jagħżlu xi persuna determinata għaż-żwieġ tagħhom.

 B'hekk il-familja, li fiha diversi ġenerazzjonijiet jiltaqgħu u jgħinu lil xulxin biex jiksbu għerf uman aktar sħiħ u biex iqabblu kif jixraq il-jeddijiet tal-persuni mal-ħtiġijiet l-oħra tal-ħajja soċjali, tkun tifforma l-pedament tas-soċjetà. Għalhekk dawk kollha li għandhom xi influwenza fuq is-soċjetà u fuq il-gruppi soċjali għandhom jagħtu sehemhom bil-fatti biex iġibu 'l quddiem il-ġid taż-żwieġ u tal-familja. L-awtorità ċivili għandha tara bħala dmir sagru tagħha li tagħraf in-natura vera tagħhom, tiddefendihom u tmexxihom 'il quddiem, li tħares il-moralità pubblika u li tgħin il-prosperità tal-familja. Għandu jitħares il-jedd tal-ġenituri li jkollhom ulied u li jrabbuhom fil-familja. B'liġijiet tajba u b'inizjattivi diversi għandhom jitħarsu u jkunu megħjunin kif jixraq dawk li disgrazzjatament m'għandhomx familja.

 L-insara, billi jinqdew sewwa biż-żmien ta' issa [118] u billi ma jqisux xorta waħda l-ħwejjeġ li ma jispiċċaw qatt u dawk li dejjem jitbiddlu, għandhom iħabriku biex iġibu 'l quddiem il-ġid taż-żwieġ u tal-familja, sew bix-xhieda ta' ħajjithom stess, sew bil-ħidma għalenija mal-bnedmin ta' rieda tajba u hekk jegħlbu d-diffikultajiet u jaħsbu għall-ħtiġiet tal-familja u għall-interessi tagħha kif jixirqu għaż-żminijiet ġodda. Biex dan l-iskop jintlaħaq ikunu ta' għajnuna kbira s-sentiment nisrani ta' dawk li jemmnu, il-kuxjenza morali retta tal-bnedmin, u wkoll l-għerf u l-kompetenza ta' dawk li huma mħarrġin fix-xjenzi sagri.

 L-ispeċjalisti fix-xjenzi, l-aktar dawk tal-bioloġija, tal-mediċina, tas-soċjoloġija u tal-psikoloġija, jistgħu jkunu ta' siwi kbir għall-ġid taż-żwieġ u tal-familja, u għall-paċi tal-kuxjenza, jekk jgħaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom u jfittxu li jagħmlu aktar ċari l-kondizzjonijiet li jiffavorixxu ordinament onest tal-prokreazzjoni tal-bnedmin.

 Huwa dmir tas-saċerdoti, wara li jkunu kisbu t-tagħlim meħtieġ dwar il-problemi tal-ħajja familjari, li jinkoraġġixxu s-sejħa tal-miżżewġin fil-ħajja tagħhom taż-żwieġ u tal-familja b'mezzi pastorali diversi, bix-xandir tal-Kelma ta' Alla, bil-qima liturġika u b'għajnuniet oħra spiritwali, iqawwuhom bil-ħlewwa u bis-sabar quddiem id-diffikulatijiet tagħhom, u jsaħħuhom bil-karità biex jitwaqqfu familji li jkunu tassew ta' dawl.

 Il-ħidmiet differenti, u l-aktar l-għaqdiet tal-familji, għandhom ifittxu jsaħħu bit-tagħlim u bil-ħidma ż-żgħażagħ u l-istess miżżewġin, speċjalment dawk li jkunu għadhom kemm iżżewġu, u jagħtuhom formazzjoni għall-ħajja familjari, soċjali u appostolika.

 Fl-aħħarnett l-istess miżżewġin, magħmulin xbieha ta' Alla ħaj u mqiegħdin f'dinjità vera ta' persuni, għandhom ikunu magħqudin f'imħabba ugwali, fi ħsieb wieħed, fi sforz wieħed li jqaddsu lil xulxin. [119] B'hekk, fil-waqt li jimxu wara Kristu, il-bidu tal-ħajja [120], fil-ferħ u fis-sagrifiċċji tas-sejħa tagħhom, permezz ta' l-imħabba tagħhom fidila jistgħu jsiru xiehda ta' dak il-misteru ta' mħabba li l-Mulej wera lid-dinja bil-mewt u l-qawmien tiegħu [121].

 

Kap II

L-IŻVILUPP XIERAQ TAL-KULTURA

 

Daħla

53.  Hija ħaġa proprja tal-persuna umana illi hija ma tasalx għal livell ta' ħajja li hi tassew u għalkollox umana ħlief permezz tal-kultura, jiġifieri billi tgħożż dak li hu tajjeb u li jiswa fin-natura. Għalhekk kull fejn tidħol il-ħajja tal-bniedem, in-natura u l-kultura huma dejjem magħqudin sfieq.

 Il-kelma 'kultura' f'sens ġenerali tindika dawk il-mezzi kollha li bihom il-bniedmin isebbaħ u jħaddem il-ħafna doti tar-ruħ u tal-ġisem; ifittex li bl-għerf u bix-xogħol jieħu setgħa fuq l-istess dinja; jagħmel aktar xierqa lill-bniedem il-ħajja soċjali kemm fil-familja kemm fis-soċjetà ċivili kollha, permezz tal-progess fil-kostumi u fl-istituzzjonijiet; fl-aħħarnett, mal-mixja taż-żmien, fil-ħidmiet tiegħu juri lill-oħrajn, jgħaddilhom u jżomm sħaħ l-esperjenzi spiritwali u x-xewqat kbar tiegħu biex dawn iservu għall-progress ta' ħafna, anzi tal-bnedmin kollha.

 Minn hawn jiġi li l-kultura umana għandha dejjem aspett storiku u soċjali u li l-kelma 'kultura' spiss tieħu tifsir soċjolġiku u etnoloġiku. F'dan is-sens wieħed jitkellem dwar pluralità ta' kultura. Għaliex mill-manjieri differenti li bihom il-bnedmin jużaw il-ħlejjaq, kif jaħdmu, kif ifissru rwieħhom, kif jipprattikaw ir-reliġjon, kif iġibu rwieħhom, kif jagħmlu liġijiet u jwaqqfu istituzzjonijiet ġuridiċi, ikabbru l-għerf u l-arti u jgħożżu dak li hu sabiħ, għandhom il-bidu tagħhom fil-kondizzjonijiet differenti tal-ħajja ta' flimkien u l-manjieri differenti kif jiġi organizzat il-ġid tal-ħajja. Hekk mill-istituzzjonijiet li ġejjin mill-antik jifforma ruħu l-patrimonju proprju ta' kull komunità ta' bnedmin. Hekk ukoll jinħoloq l-ambjent determinat u storiku li fih jintegra ruħu l-bniedem, ikun ta' liema razza u żmien ikun, u li minnu huwa jikseb il-valuri għall-iżvilupp tal-kultura umana u ċivili.

 

 

Taqsima 1

IL-QAGĦDA TAL-KULTURA FID-DINJA TAL-LUM

 

 Stili ġodda ta' ħajja

54.  Il-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-bniedem tal-lum ibiddlu profondament fl-aspetti soċjali u kulturali tant li nistgħu nitkellmu minn epoka ġdida ta' l-istorja tal-bniedem [122]. Minn hawn jinfetħu triqat ġodda għall-perfezzjoni u t-tixrid akbar tal-kultura. Dawn tħejjew mill-iżvilupp kbir tax-xjenzi naturali, umani u soċjali, mill-progress tat-teknika, u wkoll mill-iżvilupp u mil-organizzazzjoni tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali. Minħabba f'hekk il-kultura tal-lum għandha xi kwalitajiet karatteristiċi tagħha; ix-xjenzi hekk imsejħa "eżatti" jipperfezzjonaw ħafna s-sens kritiku; l-istudji l-aktar reċenti tal-psikoloġija jagħtu tifsir aktar profond tal-ħidma tal-bniedem; it-tagħlim ta' l-istorja jiswa ħafna biex il-ġrajjiet jitqiesu bħala suġġeti għat-tibdil u għall-evoluzzjoni; id-drawwiet tal-ħajja u l-kostumi jsiru dejjem aktar jixtiebhu; l-industrijalizzazzjoni u l-urbaniżmu u kawżi oħra li jinkoraġġixxu l-ħajja ta' flimkien, joħolqu suriet ġodda ta' kultura (kultura tal-massa) li minnhom jitwieldu manjieri ġodda ta' kif wieħed iħoss, jaġixxi u jgħaddi ż-żmien tal-mistrieħ; l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn nazzjonijiet u gruppi differenti tas-soċjetà jferrex għal kulħadd u għal kull wieħed teżori ta' suriet diversi tal-kultura, u hekk bil-mod il-mod titħejja forma aktar universali ta' kultura umana li aktar ma ġġib 'il quddiem u turi l-unità tal-ġens uman aktar tirrispetta dak li hemm partikolari fil-kulturi diversi.

 


 

Il-bniedem jagħmel il-kultura

55 Minn jum għal ieħor qed jikber l-għadd ta' rġiel u nisa ta' kull grupp u ta' kull nazzjon li jħossu li huma dawk li jfasslu u joħolqu l-kultura tal-komunitajiet tagħhom. Fid-dinja kull ma jmur qed jikber is-sens ta' l-awtonomija u fl-istess ħin tar-responsabbiltà, u dan hu ta' importanza l-aktar kbira għall-maturità spiritwali u morali tal-bnedmin. Dan jidher aktar ċar jekk inġibu quddiem għajnejna l-unifikazzjoni li qed issir tad-dinja u d-dmir li qed jaqa' fuq spallejna biex nibnu dinja aħjar fil-verita' u fil-ħaqq. Għalhekk b'din il-mod aħna nagħtu xhieda tat-twelid ta' umaneżmu ġdid li fih il-bniedem juri x'inhu l-ewwelnett bir-responsabbiltà tiegħu lejn ħutu u lejn l-istorja.

 

Diffikultajiet u dmirijiet

56 F'dawn il-kondizzjonijiet mhux ta' min jistagħġeb jekk il-bniedem, li iħoss ir-responsabbiltà tiegħu għall-progess tal-kultura, jgħożż fih tama akbar imma jitħasseb ukoll meta jara li hemm ħafna ħwejjeġ kontra xulxin li huwa għandu jsolvi.

 X'għandu jsir biex ir-relazzjonijiet akbar tal-kulturi, li kien imisshom iwasslu għal djalogu veru u ta' ġid bejn il-gruppi u n-nazzjonijiet diversi, ma jħawdux il-ħajja tal-komunitajiet, lanqas iqallbu l-għerf ta' dawk ta' qabilna, u lanqas iqiegħdu fil-periklu x-xejra proprja ta' kull poplu?

 Kif għandu wieħed jiffavorixxi d-dinamiżmu u t-tixrid tal-kultura ġdida, mingħajr ma tintilef il-fedeltà ħajja lejn il-wirt tat-tradizzjonijiet? Dan għandu urġenza partikolari fil-postijiet fejn il-kultura, li titwieled mill-progress kbir tax-xjenza u tat-teknika, għandha titqabbel ma' tip ta' kultura li, skond tradizzjonijiet diversi, tieħu l-ħajja mill-istudji klassiċi.

 Kif jista' l-għadd kbir ta' xjenzi partikolari, li b'ħeffa kbira qiegħed jiżdied, ikun armonizzat mal-ħtieġa li ssir sintesi tagħhom u li jinżammu fost il-bnedmin il-kapaċitajiet tal-kontemplazzjoni u tal-ammirazzjoni li jwasslu għall-għerf?

 X'għandu jsir biex il-bnedmin kollha jkollhom sehem mill-ġid tal-kultura fid-dinja, meta fl-istiess ħin il-kultura tal-ispeċjalisti qiegħda ssir dejjem ogħla u iżjed komplessa?

 Fl-aħħarnett, kif jista' wieħed jagħraf bħala leġittma dik l-awtonomija li l-kultura tippretendi għaliha nnifisha, mingħajr ma wieħed jasal f'umaniżmu għalkollox ta' din l-art, anzi kuntrarju għall-istess reliġjon?

 Huwa fost dawn il-ħwejjeġ, li jidhru kontra xulxin, li jeħtieġ li l-kultura umana llum li tevolvi ruħha b'mod li minn naħa tgħin lill-persuna umana tiżviluppa kollha kemm hi u b'mod armonjuż, min-naħa l-oħra tgħin il-bnedmin biex jaqdu dawk id-dmirijiet li lkoll kemm huma, u l-aktar l-insara, huma msejħin li jaqdu f'għaqda ta' aħwa, f'familja umana waħda.

 

 

Taqsima 2

XI PRINĊIPJI GĦALL-PROMOZZJONI XIERQA TAL-KULTURA

 

Il-fidi u l-kultura

57.  L-insara, huma u mexjin lejn il-belt tas-sema, għandhom ifittxu u jiggustaw il-ħwejjeġ tas-Sema; [123] b'danakollu m'għandhiex tonqos, anzi għandha tikber, l-importanza tad-dmir tagħhom li jaħdmu flimkien mal-bnedmin kollha għall-bini ta' dinja aktar umana. Infatti l-misteru tal-fidi nisranija jħajjarhom u jgħinhom ħafna biex jaqdu aktar bil-ħerqa dak id-dmir, u l-aktar biex jagħrfu aħjar it-tifsir sħiħ ta' dak ix-xogħol li bih il-kultura umana tieħu post mill-aqwa fis-sejħa integrali tal-bniedem.

 Meta l-bniedem, bix-xogħol ta' jdejh jew bl-għajnuna tat-teknika, jaħdem l-art biex tagħti frott u ssir għamara xierqa lill-familja kollha tal-bnedmin, u meta b'għajnejh miftuħa jieħu sehem fil-ħajja tal-gruppi soċjali, huwa jkun ikompli l-ħsieb ta' Alla, mgħarraf mill-bidu taż-żminijiet, li jġib taħt idejh l-art [124] u li jipperfezzjona l-ħolqien, u wkoll li jiżviluppa lilu nnifsu; fl-istess ħin ikun iħares il-kmandament kbir ta' Kristu, li jagħti ruħu biex jaqdi lil ħutu.

 Barra minn dan, meta l-bniedem japplika ruħu fit-tagħlim differenti tal-filosofija, ta' l-istorja, tal-matematika u tax-xjenzi naturali, u jitħarreġ fl-arti jista' jagħti sehem mill-aqwa biex il-familja tal-bnedmin tintrafa' għall-kunċett ogħla ta' dak li hu veru, tajjeb u sabiħ u għal ġudizzju ta' valur universali u hekk hija tiddawwal aktar minn dak l-Għerf tal-għaġeb li sa minn dejjem kien ma' Alla, iqassam kollox flimkien miegħu, jilgħab fid-dinja u jsib l-għaxqa tiegħu li jkun mal-bnedmin [125].

 B'dan stess, l-ispirtu tal-bniedem, maħlul aktar mill-jasar tal-ħlejjaq, jista' jintrafa' aktar malajr għall-qima u l-kontemplazzjoni ta' Dak li ħalaqhom. Anzi bil-qawwa tal-grazzja jsir dispost biex jagħraf l-Iben ta' Alla li, qabel ma sar bnieidem biex isalva kollox u jiġbor kollox fih innifsu, kien diġà fid-dinja bħala "dawl veru li jdawwal kull bniedem" (Ġw. 1,9) [126].

 Ċertament il-progress tal-lum tax-xjenzi u tat-teknika, li bil-metodu tagħhom ma jistgħux jaslu sal-fond stess tal-ħwejjeġ, jista' jiffavorixxi ċertu fenomeniżmu u anjostiċiżmu meta l-metodu ta' l-investigazzjoni li dawn ix-xjenzi jużaw jinżamm, bi żball, bħala l-ogħla regola biex wieħed isib il-verità kollha. Anzi hemm il-periklu li l-bniedem, meta jafda żżejjed fl-iskoperti tal-lum, jaħseb li huwa biżżejjed għalih innifsu u ma jfittixx aktar ħwejjeġ ogħla.

 Imma dawn il-konsegwenzi mhux mixtieqa ma jiġux bil-fors mill-kultura tal-lum u lanqas għandhom iwassluna fit-tentazzjoni li ma nagħrfux il-valuri posittivi tagħha li fosthom jingħaddu l-istudju tax-xjenzi u l-fedeltà sħiħa lejn il-verità fl-investigazzjonijiet tax-xjenza, il-ħtieġa li wieħed igħin lil ieħor fi gruppi tekniċi speċjalizzati, is-sens ta' solidarjetà internazzjonali, il-kuxjenza dejjem aktar ħajja tar-responsabbiltà ta' l-esperti meta jgħinu 'l-bnedmin, ir-rieda li l-kondizzjonijiet tal-ħajja jitjiebu għal kulħadd u l-aktar għal dawk li huma mċaħħda mir-responsabbilità jew li huma neqsin fil-kultura. Dan kollu jista' jkun ta' tħejjija biex l-aħbar ta' l-Evanġelju tintlaqa', tħejjija li tista' timtela bil-karità divina ta' Dak li ġie biex isalva d-dinja.

 

Ir-rabtiet ta' bosta xorta bejn il-Bxara t-tajba ta' Kristu u l-kultura tal-bniedem

58 Hemm ħafna xorta ta' rabtiet bejn l-aħbar tas-salvazzjoni u l-kultura tal-bnedmin. Għaliex Alla meta għarraf lilu nnifsu lill-poplu tiegħu, sakemm wasal għall-milja tar-rivelazzjoni f'Ibnu magħmul bniedem tkellem skond il-kultura proprja ta' kull żmien.

 Hekk ukoll il-Knisja, li tgħix f'kondizzjonijiet diversi matul iż-żmiiinijiet, inqdiet b'dak li kienu sabu l-kulturi diversi biex fil-predikazzjoni tagħha lill-ġnus kollha xxerred u tfisser il-messaġġ ta' Kristu, biex tistudjah u tifhmu aħjar, biex tfissru aħjar fil-ħajja liturġika u fil-ħajja tal-komunità tal-insara li tista tkun ta' bixriet differenti.

 Imma fl-istess ħin, mibgħuta lill-popli kollha ta' kull żmien u ta' kull pajjiż, il-Knijsa ma tintrabat b'manjiera esklużiva u permanenti mal-ebda nazzjon jew razza, ma' l-ebda manjiera partikulari ta' ħajja, ma' l-ebda drawwa qadima jew ġdida. Hija żżomm sħiħ mat-tradizzjoni tagħha u fl-istess ħin taf sewwa li l-missjoni tagħha hija universali, u għalhekk tista' tissieħeb mad-diversi suriet ta' kultura u b'din il-qagħda kemm il-Knisja stess kemm id-diversi kulturi jsiru spiritwalment iżjed għonja.

 L-aħbar tajba ta' Kristu ġġedded bla waqfien il-ħajja u l-kultura tal-bniedem imwaqqa' fid-dnub, u tikkumbatti u twarrab l-iżbalji u l-ħażen li jiġu mit-tħajjir tad-dnub li dejjem jhedded. Hija ssaffi u tgħolli kontinwament id-drawwiet tal-popli. B'għana tas-sema hija tagħmel kotran, qisu minn ġewwa, dak li hemm sabiħ u tajjeb fir-ruħ ta' kull poplu jew żmien u ssaħħu, tipperfezzjonah u tagħtih ħajja ġdida fi Kristu [127]. Hekk il-Knisja, hija u taqdi l-missjoni tagħha [128], b'hekk stess tħeġġeġ u tagħti sehemha għall-kultura umana u ċivili, u bl-azzjoni tagħha, ukoll dik liturġika, teduka 'l-bniedem għal-libertà interjuri.

 

Armonizzazzjoni ta' aspetti diversi tal-kultura

59.  Għar-raġunijiet diġà msemmija, il-Knisja tfakkar lil kulħadd li l-kultura għandha tfittex il-perfezzjoni tal-persuna sħiħa tal-bniedem, il-ġid tal-komunità u tal-għaqda kollha tal-bnedmin. Għalhekk jeħtieġ li l-ispirtu ikun ikkultivat b'manjiera li jkunu żviluppati l-fakultajiet tiegħu tal-ammirazzjoni, tal-intuwizzjoni u tal-kontemplazzjoni u jsir kapaċi jagħmel ġudizzju personali u jgħożż is-sens reliġjuż, morali u soċjali.

 Għaliex il-kultura, billi ġejja direttament min-natura raġjonevoli u soċjali tal-bniedem, teħtieġ dejjem il-libertà ġusta li tiżviluppa ruħha u awtonomija xierqa li taġixxi skond il-priniċipji tagħha. Mela hija titlob bir-raġun li tkun rispettata u li ma tkunx imnaqqsa, basta jitħarsu l-jeddijiet tal-persuni u tal-komunità, sew dik partikolari sew dik universali, u dejjem fil-limiti tal-ġid ta' kulħadd.

 Il-Konċilju Mqaddes, fil-waqt li jfakkar dak li għallem l-Ewwel Konċilju Vatikan, jiddikjara "li hawn żewġ ordnijiet ta' tagħrif', magħżulin minn xulxin, jiġifieri dak tal-fidi u dak tar-raġuni; li l-Knisja ma tiċħadx li "l-arti u x-xjenzi għall-bnedmin... jużaw prinċipji u metodu proprju fil-qasam tagħhom"; għalhekk, "filwaqt li tagħraf din il-libertà ġusta", tafferma l-awtonomija leġittma tal-kultura umana u speċjalment tax-xjenzi [129].

 Dan kollu jitlob ukoll li l-bniedem, filwaqt li jħares l-ordni morali u l-ġid ta' kulħadd, ikun jista' bil-libertà jfittex il-verità u juri u jxandar l-opinjoni tiegħu u jikkultiva kull arti; u fl-aħħarnett li jkun infurmat skond il-verità dwar il-ġrajjiet ta' karattru pubbliku [130].

 Huwa mbagħad dmir tal-awtorità pubblika li ma tiddeterminax il-karattru proprju tas-suriet tal-kultura imma li tinkorraġġixxi l-kondizzjonijiet u l-mezzi tajbin għall-iżvilupp tal-ħajja kulturali fost kolħadd, saħansitra fost il-minoranzi ta' nazzjon [131]. Għalhekk jeħtieġ fuq kollox li wieħed jinsisti li l-kultura ma  tkunx imbiegħda mill-iskop tagħha u b'hekk tkun imġiegħla ssir ilsira tas-setgħa politka jew ekonomika.

 

 

Taqsima 3

XI DMIRIJIET AKTAR URĠENTI TA' L-INSARA DWAR

 IL-KULTURA

 

Il-jedd għall-kultura għandu jkun magħruf lil kulħadd u għandu jitħares.

60.  Billi llum hemm il-possibiltà li ħafna bnedmin jinħelsu mill-miżerja tal-injuranza, huwa dmir li jaqbel ħafna ma' żmienna, l-aktar għall-insara, li wieħed jaħdem sħiħ biex kemm fl-ekonomija kemm fil-politika, kemm fil-qasam nazzjonali kemm f'dak internazzjonali, jittieħdu deċiżjonijiet fundamentali li bihom ikun magħruf u jitħares fid-dinja kollha l-jedd tal-bnedmin kollha għal kultura umana u ċivili li taqbel mad-dinjità tal-persuna, mingħajr differenzi ta' razza, sess, nazzjon, reliġjon jew kondizzjoni soċjali. Għalhekk għandu jkun ipprovdut għal kulħadd qies biżżejjed ta' ġid tal-kultura, l-aktar ta' dak il-ġid li jifforma l-kultura msejħa fundamentali, biex għadd l-aktar kbir ta' bnedmin ma jkunux miżmuma milli jagħtu sehemhom ta' bnedmin għall-ġid ta' kulħadd ħtija li ma jafux jaqraw jew għax m'għandhom l-ebda attività responsabbli.

 Jeħtieġ issir kull sforz biex il-bnedmin li huma kapaċi jkunu jistgħu jimxu 'l quddiem għal studji ogħla; imma b'manjiera li, sakemm jista' jkun, huma jistgħu jaqdu dmirjiet, jokkupaw pożizzjonijiet u jagħtu dawk is-servizzi fis-soċjetà tal-bnedmin li jkun jistħoqqilhom kemm għad-doni ta' intelliġenza li jkollhom kemm għall-preparazzjoni li jkunu kisbu [132]. Hekk kull bniedem u l-gruppi soċjali ta' kull poplu jkunu jistgħu jaslu għall-iżvilupp sħiħ tal-ħajja kulturali li jaqbel mal-kwalitajiet u tradizzjonijiet tagħhom.

 Jeħtieġ ukoll isir sforz biex il-bnedmin kollha jsiru konxji kemm tal-jedd għall-kultura kemm tad-dmir li għandhom li jipperfezzjonaw lilhom infushom u li jgħinu lill-oħrajn. Għaliex xi drabi jkun hemm kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol li jfixklu l-isforz kulturali tal-bniedem u jeqirdu minnu l-interess għall-kultura. Dan igħodd l-aktar għall-bdiewa u għall-ħaddiema li għandhom jingħataw kondizzjonijiet ta' xogħol li mhux ifixklu imma jinkoraġġixxu l-kultura umana tagħhom. In-nisa llum qegħdin jaħdmu kważi fl-oqsma kollha tal-ħajja; imma jixraq li huma jkunu jistgħu jagħtu s-sehem sħiħ tagħhom skond in-natura proprja tagħhom. Ikun dmir ta' kulħadd li jara li s-sehem proprju u meħtieġ tan-nies fil-ħajja kulturali jingħaraf u jitmexxa 'l quddiem minn kulħadd.

 

L-edukazzjoni tal-bniedem għal kultura sħiħa

61.  Hija ħaġa aktar iebsa l-lum milli kienet qabel li tagħmel sinteżi ta' oqsma differenti tal-għerf u l-arti. Għaliex aktar ma jikbru l-kwantità u d-diversità tal-elementi li jiffurmaw il-kultura, fl-istess ħin tonqos il-kapaċità għall-bnedmin wieħed wieħed li jifhmuhom u jgħaqqduhom sewwa flimkien, hekk li x-xbieha ta' "bniedem universali" kull ma tmur qiegħda tispiċċa. B'danakollu jibqa' d-dmir għal kull bniedem li jżomm quddiemu d-dehra tal-persuna umana kollha, li fiha għandhom post għoli l-valuri tal-intelliġenza, tar-rieda, tal-kuxjenza u l-għaqda tal-aħwa, u dawn il-valuri kollha għandhom is-sies tagħhom f'Alla u b'manjiera tal-għaġeb tfejqu u tgħollew fi Kristu.

 Il-familja hija l-ewwel li, bħal omm, tieħu kura tal-edukazzjoni. Fiha l-ulied, mdawrin bl-imħabba, jitgħallmu aktar bil-ħeffa l-ordni rett tal-ħwejjeġ waqt li suriet tajba ta' kultura jiġu, b'manjiera kważi naturali, msawba fir-ruħ taż-żgħażagħ li jkunu qegħdin jikbru.

 Għall-istess edukazzjoni s-soċjetajiet tal-lum joffru opportunitajiet li jiffavorixxu l-kultura universali; dan jsir l-iżjed bit-tixrid tal-kotba, li qiegħed jiżdied, u bil-mezzi tal-komunikazzjoni kulturali u soċjali. Billi l-ħin tax-xogħol f'ħafna postijiet qiegħed jitqassar, minn jum għal ieħor qegħdin jikbru l-vantaġġi għal għadd kbir ta' bnedmin. Iż-żmien liberu għandu jkun użat sewwa għall-mistrieħ u għas-saħħa tar-ruħ u tal-ġisem, b'attivitajiet u studji magħżula liberament, bi vjaġġi f'pajjiżi oħra (turiżmu) li bihom l-ispirtu tal-bniedem jirfina ruħu u l-bnedmin jiksbu wkoll ġid meta jagħrfu 'l xulxin, b'eżerċizzi u manfestazzjonijiet sportivi li jgħinu ħafna wkoll biex jinżamm l-ekwilibriju fil-komunità u biex jitwaqqfu relazzjonijiet ta' aħwa bejn il-bnedmin ta' kull kondizzjoni, nazzjon jew razza. Għalhekk l-insara għandhom jagħtu sehemhom biex il-manifestazzjonijiet u l-ħidmiet kollettivi tal-kultura li huma proprji ta' żmienna jkunu mimlijin bi spirtu uman u nisrani.

 Imma dawn il-benefiċċji kollha ma jistgħux jagħtu l-formazzjoni kulturali sħiħa tal-bniedem jekk fl-istess ħin wieħed ma jistaqsix profondament lilu nnifsu xi tfisser il-kultura u x-xjenza għall-persuna umana.

 

Armonija bejn il-kultrua umana u t-tagħlim nisrani

62.  Għad li l-Knisja tat kontribut kbir għall-progress tal-kultura, l-esperjenza turi li ħtija ta' xi ċirkustanzi l-armonija bejn kultura u formazzjoni nisranija ma sseħħx dejjem mingħajr diffikultajiet.

 Dawn id-diffikultajiet mhux bil-fors huma ta' ħsara għall-fidi, anzi jistgħu jħegġġu l-intelliġenza biex tifhem il-fidi aħjar u aktar fil-fond. Għaliex l-istudji ta' dawn l-aħħar żminijiet u l-iskoperti ġodda tax-xjenzi, tal-istorja u tal-filosofija jqajmu kwistjonijet ġodda li jġibu magħhom ukoll konsegwenzi għall-ħajja u jitolbu mit-teoloġi wkoll tfittxijiet ġodda. Barra minn dan it-teoloġi, fil-waqt li jżommu l-metodi u l-ħtiġiet proprji tax-xjenza teoloġika, huma mistednin biex ifittxu dejjem manjieri aktar addattati li jikkomunikaw it-tagħlim mal-bnedmin ta' żminijiethom għaliex id-depostu jew il-veritajiet tal-fidi huma ħaġa, u l-manjiera kif jitqiegħdu quddiem il-bnedmin hija oħra, għalkemm it-tifsir u s-sens profond jibqgħu dejjem l-istess [133]. Fil-kura pastorali għandhom ikunu magħrufa u wżati mhux biss il-prinċipji tat-teoloġija imma wkoll l-iskoperti tax-xjenzi profani u l-aktar tal-psikoloġija u tas-soċjoloġija biex hekk l-insara jtmexxew għal ħajja tal-fidi aktar safja u aktar matura.

 Il-letteratura u l-arti, skond il-manjiera tagħhom, huma wkoll ta' importanza kbira għall-ħajja tal-Knisja. Għaliex huma jfittxu li jagħrfu n-natura tal-bniedem, il-problemi tiegħu u l-esperjenza tiegħu fl-isforz li hu jagħmel biex jagħraf u jipperfezzjona lilu nnifsu u d-dinja; huma jagħmlu sforz biex jaraw liema hu postu fl-istorja u fl-univers u biex juru wkoll il-miżerji u l-ferħ, il-ħtiġiet u l-enerġiji tal-bnedmin u biex jagħtu ħjiel ta' ħajja aħjar għall-bniedem. Hekk jistgħu jgħollu l-ħajja tal-bniedem li huma jfissru f'ħafna suriet skond iż-żminijiet u l-pajjiżi.

 Għalhekk jeħtieġ li wieħed iħabrek biex dawk li jikkultivaw l-arti jħossu li l-Knisja tifhimhom fl-istess attività tagħhom u biex, fil-waqt li huma jgawdu ċerta libertà ordinata, jidħlu f'relazzjonijiet aktar faċli mal-komunità nisranija. It-tendenzi ġodda tal-arti, li jaqblu man-nies ta' żminijietna skond in-natura ta' nazzjonijiet u pajjiżi diversi, għandhom huma wkoll ikunu magħrufin mill-Knisja. Huma għandhom jintlaqgħu fit-tempju meta, b'espressjoni addattata u li taqbel ma' dak li trid il-liturġija, jerfgħu l-ispirtu lejn Alla [134]

 Hekk l-għarfien ta' Alla jintwera aħjar; il-predikazzjoni tal-Evanġelju ssir aktar ċara għall-intelliġenza tal-bnedmin u tidher qisha ħaġa waħda mal-kondizzjonijiet tal-eżistenza tagħhom. Għalhekk l-insara għandhom jgħixu bl-akbar għaqda mal-bnedmin l-oħra ta' żmienhom, u jfittxu li jifhmu sewwa l-mod kif huma jaħsbu u jħossu hekk kif huma jfissru rwieħhom permezz tal-kultura. Għandhom jgħaqqdu sewwa flimkien it-tagħrif tax-xjenzi ġodda, tat-tagħlim ġdid u tal-aħħar skoperti mal-morali u tagħlim tad-dottrina nisranija biex il-prattika tar-reliġjon u s-sens tal-onestà jimxu flimkien mat-tagħrif xjentifiku u mal-progressi kontinwi tat-teknika. Hekk huma stess ikunu jistgħu jagħtu ġudizzju u interpretazzjoni tal-ħwejjeġ kollha b'sens għalkollox nisrani.

 Dawk li jagħtu ruħhom għax-xjenzi teoloġiċi fis-seminarji u fl-universitajiet għandhom ifittxu li jaħdmu flimkien mal-bnedmin li jifhmu sewwa fix-xjenzi l-oħra billi jgħaqqdu flimkien ir-riżorsi u l-opinjonijiet tagħhom. Ir-riċerka  teoloġika għandha tfittex li tagħraf profondament il-verità rivelata u fl-istess ħin ma titlifx il-kuntatt ma' żmienha ħalli tkun tista' tgħin il-bnedmin kompetenti f'diversi oqsma ta' għerf biex ikunu jistgħu jagħirfu aktar il-fidi. Din il-ħidma ta' flimkien tiswa ħafna għall-formazzjoni tal-ministri sagri li jkunu jistgħu jqiegħdu quddiem il-bnedmin ta' żminijietna t-tagħlim tal-Knisja dwar Alla, dwar il-bniedem u dwar id-dinja b'manjiera aktar addattata, b'mod li l-kelma tagħhom tintlaqa' aktar bil-qalb [135]. Anzi  huwa ta' min jixtieq li ħafna lajċi jiksbu formazzjoni xierqa fix-xjenzi sagri u li mhux ftit minnhom jagħtu rwieħhom għal dawn l-istudji, isiru jafuhom iżjed profondament u jgħinu fl-iżvilupp tagħhom. Imma biex ikunu jistgħu jaqdu sewwa dan id-dmir tagħhom għandha tkun rikonoxxuta lill-fidili, kemm ekkleżjastiċi kemm lajċi, il-libertà ġusta li jfittxu, li jaħsbu u li juru bl-umiltà u bil-kuraġġ il-fehma tagħhom f'dawk il-ħwejjeġ li fihom huma kompetenti [136].

 

 

Kap III

IL-ĦAJJA EKONOMIKA U SOĊJALI

 

Xi aspetti tal-ħajja ekonomika tal-lum

63.  Fil-ħajja ekonomika-soċjali huma wkoll ta' min jirrispettahom u jippromwovihom id-dinjità u s-sejħa sħiħa tal-persuna umana u l-ġid tas-soċjetà kollha. Għaliex il-bniedem huwa l-awtur, iċ-ċentru u l-għan tal-ħajja ekonomiko-soċjali kollha.

 L-ekonomija tal-lum, bħal kull qasam ieħor tal-ħajja soċjali, għandha l-karatteristiċi tas-setgħa dejjem tikber li l-bniedem għandu fuq in-natura, tar-relazzjonijiet li qegħdin dejjem jikbru u jsiru iżjed intensi u tal-interdipendenza ta' ċittadini, gruppi u popli, u wkoll tal-interventi aktar spissi tal-awtori politika. Fl-istess ħin il-progress tal-mezzi ta' produzzjoni u ta' l-iskambju tal- ġid u tas-servizzi għamlu l-ekonomija strument tajjeb li bih jistgħu jintlaħqu aħjar il-ħtiġiet tal-familja tal-bnedmin.

 B'danakollu ma jonqsux raġunijiet ta' tħassib. Mhux ftit bnedmin, l-aktar f'pajjiżi ekonomikament żviluppati, jidhru donnhom immexxijin mill-esiġenzi ta' l-ekonomija b'mod li kważi ħajjithom kollha personali u soċjali hija penetrata minn mentalità ekonomista, sew f'pajjiżi li jiffavorixxu l-ekonomija kollettivista sew f'oħrajn. Fi żmien li fih l-iżvilupp tal-ħajja ekonomika jista' jnaqqas id-diżugwaljanza soċjali, basta dan ikun immexxi u koordinat b'mod raġjonevoli u uman, huwa bosta drabi jservi biex iħarraxhom aktar jew, f'xi postijiet, biex igħarraq il-kondizzjonijiet soċjali tad-dgħajfin u jbaxxi 'l foqra. Fil-waqt li għadd l-aktar kbir ta' bnedmin għadhom neqsin minn dak li hu assolutament meħtieġ, x'uħud, ukoll fil-pajjiżi anqas progrediti, igħixu fl-għana jew jaħlu l-ġid fix-xejn. Il-lussu u l-miżerja jgħixu flimkien. Fil-waqt li għadd żgħir għandhom setgħa kbira li jiddeċiedu, ħafna ma għandhom kważi l-ebda possibiltà li jagħmlu xi ħaġa b'inizjativa u responsabbiltà tagħhom u bosta drabi jinsabu f'kondizzjonijiet ta' ħajja u ta' xogħol li ma jixirqux lill-persuna umana.

 Nuqqasijiet bħal dawn ta' ekwilibriju ekonomiku u soċjali jinsabu bejn il-biedja, l-industrija u s-servizzi, u wkoll bejn reġjunijiet diversi tal-istess nazzjon. L-oppożizzjoni bejn nazzjonijiet aktar żviluppati u nazzjonijiet oħra qiegħda ssir minn jum għal ieħor aktar gravi u tista' ġġib fil-periklu l-istess paċi tad-dinja.

 Il-bnedmin tal-lum iħossu dejjem aktar fil-kuxjenza dawn id-diżugwaljanzi billi huma profondament konvinti li l-kobor tar-riżorsi tekniċi u ekonomiċi li għandha d-dinja llum jistgħu u jmisshom jikkorreġu din il-qagħda hekk kerha. Għalhekk jenħtieġu ħafna riformi fil-ħajja ekonomika u soċjali u bidla minn kulħadd ta' mentalità u ta' drawwiet. Fuq hekk il-Knisja, matul is-sekli, għallmet, fid-dawl ta' l-Evanġelju, il-prinċipji ta' ġustizzja u ta' ekwità, kif titlobhom ir-raġuni retta, u applikathom kemm għall-ħajja individwali u soċjali kemm għall-qasam internazzjonali; hija pproklamathom l-iżjed f'dawn l-aħħar snin. L-Imqaddes Konċilju jifhem isaħħaħ dawn il-prinċipji skond iċ-ċirkustanzi tal-lum u jagħti xi orjentamenti waqt li jħares qabel xejn lejn il-ħtiġiet tal-progress ekonomiku1.

 

 

 


 

Taqsima 1

IL-PROGRESS EKONOMIKU

 

Il-progress ekonomiku għas-servizz tal-bniedem

64.  Il-lum aktar minn qatt qabel, biex jipprovdu għall-kobor tal-popolazzjoni u biex jaqtgħu x-xewqat li dejjem qegħdin jikbru tal-ġens uman, bir-raġun kollu l-bnedmin qegħdin ifittxu jkabbru l-ġid tal-agrikultura u tal-industrija u l-għoti tas-sevizzi. Għalhekk huma ta' min jinkoraġġihom il-progress tekniku, l-ispirtu ta' tiġdid, il-premura biex jinħolqu u jitkattru l-impriżi, l-addattament ta' metodi ta' produzzjoni u l-isforzi kbar ta' dawk kollha li għandhom sehem fil-produzzjoni: f'kelma waħda, l-elementi kollha li jgħinu dan il-progress [137].

 Anzi l-għan ewlieni ta' din il-produzzjoni mhuwiex biss it-tkattir tal-prodotti, lanqas il-qliegħ, lanqas is-setgħa fuq oħrajn, imma s-servizz tal-bniedem, tal bniedem kollu kemm hu skont l-ordni tal-ħtiġiet tiegħu materjali u dak li titlob il-ħajja tiegħu intellettwali, morali, spiritwali, u reliġjuża.   Meta ngħidu "tal-bniedem" nifhmu ta' kull bniedem,  ta' kull grupp ta' bnedmin, ta' kull razza u ta' kull pajjiż tad-dinja. Għalhekk l-attività  ekonomika għandha tinħadem skond il-metodi u l-liġijiet tagħha, iżda fil-limiti ta' l-ordni morali b'mod li twieġeb għall-pjan ta' Alla dwar il-bniedem [138].

 

Il-progress ekonomiku taħt il-kontroll tal-bniedem

65.  L-iżvilupp tal-ekonomija għandu jibqa' taħt il-kontroll tal-bniedem; u m'għandux jitħalla għall-arbitriju biss ta' ftit bnedmin jew ta' gruppi li għandhom setgħa ekonomika żejda, lanqas biss tal-komunità politika u lanqas ta' xi nazzjonijiet qawwija. Għall-kuntrarju jeħtieġ li f'kull livell l-akbar għadd possibbli ta' bnedmin u, jekk hu l-każ ta' relazzjonijiet internazzjonali, in-nazzjonijiet kollha, ikollhom sehem attivi fid-direzzjoni tiegħu. Jeħtieġ ukoll li l-ħidmiet li l-bnedmin jagħmlu minn rajhom, u l-ħidmiet ta' gruppi liberi, ikunu mseħbin u magħqudin kif jixraq mal-isforzi tal-awtoritajiet pubbliċi.

 L-iżvilupp ekonomiku m'għandux jitħalla biss lill-kors kważi mekkaniku tal-ħidma ekonomika ta' x'uħud, u lanqas biss lis-setgħa ta' l-awtorità pubblika. Għalhekk huwa ta' min jikkundannahom kemm dawk is-sistemi li bl-iskuża ta' libertà falza jfixklu r-riformi meħtieġa, kemm dawk li jissagrifikaw il-jeddijiet fudamentali tal-persuni wieħed wieħed u tal-gruppi għall-organizzazzjoni kollettiva tal-produzzjoni [139].

 Min-naħa tagħhom iċ-ċittadini kollha għandhom jiftakru li huwa jedd u dmir tagħhom, li għandhom ikunu magħrufa mill-awtorità ċivili, li jagħtu sehemhom skond kif jistgħu għall-progess tal-komunità tagħhom. L-aktar fil-pajjiżi ekonomikament anqas progrediti, fejn ir-riżorsi kollha jkollhom ikunu użati b'urġenza,  ikunu jipperikolaw serjament il-ġid komuni dawk li jżommu ġidhom mingħajr ma jħaddmuh, jew –- barra mid-dritt personali ta' l-emigrazzjoni — jiċħdu lill-komunità tagħhom l-għajnuniet sew materjali sew spiritwali li hija teħtieġ.

 

Differenzi ekonomiċi u soċjali kbar li għandhom jitneħħew

66.  Biex l-esiġenzi tal-ġustizzja u ta' ekwità jkun sodisfatti għandhom isiru sforz kbar biex, fil-waqt li jitħarsu l-jeddijiet tal-persuni u n-natura proprja ta' kull poplu, jitneħħew mill-aktar fis id-diżugwaljanzi fl-ekonomija li llum jeżistu u li spiss qed jikbru, u li jġibu magħhom diskriminazzjoni individwali u soċjali. Hekk ukoll f'ħafna pajjiżi, ħtija ta' diffikultajiet partikolari tal-biedja, sew dwar il-produzzjoni sew dwar il-bejgħ, il-bdiewa għandhom ikunu megħjunin kemm biex ikabbru l-produzzjoni u jbigħuha kemm biex jagħmlu progress u t-tiġdid meħtieġ u kemm biex ikollhom qliegħ ekwu ħalli ma jibqgħux kif ħafna drabi jiġri, f'kondizzjoni ta' ċittadini inferjuri. Il-bdiewa stess, l-aktar iż-żgħażagħ, għandhom jagħtu rwieħhom sewwa biex jipperfezzjoinaw il-kompetenza professjonali tagħhom li mingħajrha ma jistax ikun hemm żvilupp tal-biedja [140].

 Il-ġustizzja  u l-ekwità jridu wkoll li l-mobbilità li hija meħtieġa f'ekonomija li qiegħda tiżviluppa tkun regolata b'mod li l-ħajja tal-bnedmin wieħed wieħed u tal-familja tagħhom ma ssirx inċerta u bla pedament sod. Għandha wkoll titneħħa bil-qawwa kollha kull diskriminazzjoni dwar il-kondizzjoni tal-ħlas u tax-xogħol tal-ħaddiema li jiġu minn nazzjonijiet jew pajjiżi oħra u bix-xogħol tagħhom jagħtu sehemhom għall-iżvilupp ekonomiku tal-poplu jew tal-post. Barra minn dan kulħadd, u l-aktar l-awtoritajiet pubbliċi, għandu jilqagħhom mhux bħala sempliċi għodod ta' produzzjoni imma bħala persuni, u jgħinhom biex ikunu jistgħu jsejħu magħhom il-familji tagħhom u jaħsbu għal dar xierqa għalihom; għandhom ukoll jinkoraġġuhom biex isiru ħaġa waħda fil-ħajja soċjali tal-poplu jew tar-reġjuni li jilqagħhom. Imma, safejn jista' jkun, għandhom jinħolqu okkażjonijiet ta' xogħol fir-reġjunijiet tagħhom.

 F'dawk il-materji ekonomiċi li llum huma suġġetti għall-tibdil u wkoll fis-suriet ġodda ta' soċjetà industrjali li fihom, biex nagħtu eżempju, l-awtomazzjoni miexja 'l quddiem, wieħed għandu jfittex li jkun hemm xogħol biżżejjed u xieraq għal kull wieħed u fl-istess ħin il-possibilità ta' formazzjoni teknika u professjonali addattata; Għandhom ikunu garantiti wkoll il-manteniment u d-dinjità tal-bniedem, l-aktar ta' dawk li ħtija tal-mard jew ta' l-età jinsabu f'diffikultajiet partikolari.

 

 

 


 

Taqsima 2

XI PRINĊIPJI LI JIRREGOLAW IL-ĦAJJA

EKONOMIKA U SOĊJALI

 

Ix-xogħol u l-kondizzjonijiet tiegħu u ħin liberu

67   Ix-xogħol tal-bniedem li jsir biex jipproduċi u jikkummerċja l-ġid jew biex jipprovdi servizzi ekonomiċi huwa ta' valur ogħla mill-elementi l-oħra tal-ħajja ekonomika, għaliex dawn għandhom biss in-natura ta' għodod.

 Għaliex dan ix-xogħol, kemm jekk wieħed jagħmlu għal rasu kemm jekk ikun imqabbad minn ħaddieħor, jiġi dritt mill-persuna li donnha tistampa s-siġill tagħha fuq il-ħwejjeġ maħluqa u tissottomettihom għar-rieda tagħha. Bix-xogħol tiegħu l-bniedem ordinarjament imantni l-ħajja tiegħu u tal-familja, jingħaqad ma' ħutu u jaqdihom, jista' jagħmel karità vera u jieħu sehem fil-perfezzjonament tal-ħolqien ta' Alla. Anzi aħna nemmnu li meta l-bniedem joffri x-xogħol lil Alla jingħaqad mal-ħidma tal-fidwa ta' Ġesu Kristu li ta lix-xogħol dinjità l-aktar għolja meta f'Nazaret ħadem b'idejh stess. Minn hawn joħroġ għal kulħadd kemm id-dmir li jaħdem bil-fedeltà kemm il-jedd għax xogħol; huwa mbagħad dmir tas-soċjetà, illi, kif tippermetti s-sitwazzjoni tagħha, tgħin biex iċ-ċittadini jsibu xogħol kemm jeħtieġ. Fl-aħħarnett ix-xogħol għandu jitħallas b'mod li l-bniedem ikun jista' jgħix kif jixraq il-ħajja materjali, soċjali, kulturali u spiritwali wara li jitqiesu x-xorta tax-xogħol u l-produttività ta' kull wieħed u wkoll il-kondizzjonijiet tal-impriża u l-ġid komuni [141]

 Billi l-attività ekonomika ssir l-aktar bl-għaqda ta' bnedmin li jaħdmu flimkien, tkun ħaġa inġusta u ma tixraqx lill-bniedem jekk tkun organizzata u diretta b'mod li tkun ta' ħsara lil min jaħdem Għaliex aktarx spiss jiġri, saħansitra fi żmienna, li dawk li jaħdmu jisfgħu ilsiera ta' xogħolhom stess. Dan ma huwa qatt ġustifikat minn dawk li jissejħu liġijiet ekonomiċi. Għalhekk il-proċess kollu tax-xogħol produttiv għandu jkun addattat għall-ħtiġiet tal-persuna u għall-istat ta' ħajja li tgħix, u l-ewwelnett għall-ħajja tagħha tal-familja l-aktar f''dak li għandu x'jaqsam mal-ommijiet, fil-waqt li għandhom jitqiesu dejjem is-sess u l-età. Għandha wkoll tingħata lill-ħaddiema l-possibiltà li jiżviluppaw il-kwalitajiet u l-personalità tagħhom huma u jaħdmu stess. Fil-waqt li bir-responsabbiltà meħtieġa jħaddmu f'dan ix-xogħol iż-żmien u l-forzi tagħhom, huma għandhom igawdu mistrieħ u żmien liberu biżżejjed biex jieħdu ħsieb tal-ħajja familjari, kulturali, soċjali u reliġjuża tagħhom. Anzi għandu jkollhom ukoll il-possibiltà li jagħtu rwieħhom għal xi attività libera biex jiżviluppaw forzi u kapaċitajiet li forsi fix-xogħol tagħhom professjonali ftit jistgħu jiżviluppaw.

  

Parteċipazzjoni fl-impriża u fl-organizzazzjoni kollha ekonomika, u tilwim fix-xogħol

68.  Fl-impriżi ekonomiċi jipparteċipaw persuni, jiġifieri bnedmin liberi, awtonomi, maħluqin sura u xbieha ta' Alla. Għalhekk, fil-waqt li jitħarsu x-xogħlijiet ta' kull wieħed, sew propretarji jew imprendituri sew diriġenti sew ħaddiema, u fil-waqt li titħares l-unità meħtieġa tad-direzzjoni tal-impriża, għandha tkun inkoraġġita, b'kondizzonijiet stabbiliti kif imiss, il-parteċipazzjoni attiva ta' kulħadd fit-tmexxija tagħhom [142]. Imma billi ħafna drabi d-deċiżijonijiet dwar il-kondizzjonijiet ekonomiċi u soċjali li minnhom tiddependi l-qagħda futura tal-ħaddiema u ta' wliedhom ma jkunux stabbiliti fl-impriża stess imma f'livell aktar għoli, minn istituzzjonijiet superjuri, jeħtieġ li huma (il-ħaddiema) jkollhom sehem ukoll f'dawk l-istituzzjonijiet jew direttament jew permezz ta' delegati liberament eletti.

 Fost il-jeddijiet fundamentali tal-persuna umana hu ta' min igħodd il-jedd tal-ħaddiema li jwaqqfu liberament għaqdiet tagħhom li jistgħu jirrappreżentawhom tassew u li jieħdu sehem biex tiġi organizzata kif imiss il-ħajja ekonomika, u wkoll il-jedd li jieħdu sehem bil-libertà fil-ħidma ta' dawn l-għaqdiet, mingħajr periklu ta' xi vendikazzjonijiet. B'din il-parteċipazzjoni organizzata, magħquda ma' progress tal-formazzjoni ekonomika u soċjali, minn jum għal ieħor tikber f'kulħadd il-kuxjenza tax-xogħol proprju u tar-responsabbilità li bihom huma stess jaslu biex, skond il-kapaċità u l-inklinazzjoni ta' kull wieħed, iħossu li huma għandhom sehem fil-ħidma kollha ta' l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u fil-bini tal-ġid komuni universali.

 Meta jinqala' xi tilwim ekonomiko-soċjali għandu jsir kull sforz biex tintħalaq soluzzjoni paċifika. Għad li dejjem jeħtieġ li l-ewwelnett wieħed ifittex id-diskussjoni sinċiera bejn il-partijiet, b'danakollu l-istrajk, ukoll fiċ-ċirkustanzi tal-lum, jista' jibqa' rimedju meħtieġ, għad li l-aħħar wieħed, biex wieħed jiddefendi l-jeddijiet tiegħu u jintlaqgħu t-talbiet ġusti tal-ħaddiema. Imma jeħtieġ li mill-akar fis jitfittxu mezzi ta' trattattivi u ta' konċiljazzjoni.

 

Il-ġid ta' l-art destinat għall-bnedmin kollha.

69.  Alla ddestina l-art b'dak kollu li fiha għall-użu tal-bnedmin u tal-popli kollha b'mod li kulħadd għandu jkollu sehem bi kriterju ekwu mill-ġid kollu maħluq u dan it-tqassim għandu jsir bil-ġustizzja mgħaqqda mal-karità [143]. Ikunu xi jkunu l-għamliet tal-proprejtà addattati għall-istituzzjonijiet leġittmi tal-popli, skond ċirkustanzi diversi iżda li jistgħu jinbidlu, jeħtieġ li tinżamm dejjem quddiem għajnejna din id-destinazzjoni tal-ġid kollu. Għalhekk il-bniedem, meta juża dan il-ġid, għandu jqis il-ħwejjeġ esterni li ippossiedi leġittimament mhux biss bħal tiegħu imma wkoll bħala ta' kulħadd, fis-sens li jkunu jistgħu jiswew mhux lilu biss imma wkoll lil oħrajn [144]. Min-naħa l-oħra kulħadd għandu l-jedd li jkollu parti mill-ġid li tkun biżżejjed għalih u għall-familja tiegħu. Hekk fehmu s-Santi Padri u d-Dutturi tal-Knisja meta għallmu li l-bnedmin huma obbligati jgħinu 'l-fqar u jgħinuhom mhux biss b'dak li għandhom żejjed [145]. Min imbagħad jinsab f'neċessità estrema għandu l-jedd li jipprovdi dak li hu meħtieġ għalih mill-ġid ta' l-oħrajn [146]. Billi hawn ħafna nies magħkusin mill-ġuħ, l-Imqaddes Konċilju jwissi b'urġenza lil kulħadd, sew l-individwi sew l-awtoritajiet, biex jiftakru fil-kliem tas-Santi Padri: "Itma lil min qiegħed imut bil-ġuħ, għaliex jekk ma titimgħux tkun qed toqtlu" [147], u kulħadd skond kif jista' jqassam tassew u jonfoq il-ġid tiegħu l-aktar billi jagħti lill-individwi jew lill-popli dawk il-mezzi li bihom huma jkunu jistgħu jgħinu u jiżviluppaw lilhom infushom.

 Fis-soċjetajiet anqas żviluppati ekonomikament id-destinazzjoni komuni tal-ġid mhux rarament issir, minn banda. permezz ta' drawwiet u tradizzjnijiet proprji għal dik il-komunità u li bihom jingħata lil kull membru dak li hu l-aktar meħtieġ. Iżda wieħed għandu jevita li xi drawwiet jinżammu bħalkieku m'għandhom qatt jitbiddlu, jekk ma jweġbux aktar għall-bżonnijiet ġodda ta' dan iż-żmien; min-naħa l-oħra jeħtieġ li xejn ma jsir kif ġie ġie kontra d-drawwiet tajba li jibqgħu jkunu ta' ġid kbir kemm-il darba jkunu addattati għaċ-ċirkustanzi tal-lum. Hekk ukoll f'nazzjonijiet progrediti ħafna ekonomikament, sistema ta' istituzzjonijiet soċjali li għandhom x'jaqsmu mal-previdenza u sigurtà soċjali tista', min-naħa tagħha, tipprovdi għad-destinazzjoni komuni tal-ġid. Barra minn dan għandhom ikunu żviluppati wkoll servizzi familjari u soċjali, l-aktar dawk li jgħinu l-kultura u l-edukazzjoni. Meta jsiru dawn il-ħwejjeġ kollha wieħed għandu joqgħod attent li ċ-ċittadini ma jiġux imħajrin biex jibqgħu indifferenti lejn is-soċjetà jew li jittraskuraw id-dmijiriet tagħhom u jiċħdu li jagħtu s-servizz tagħhom.

 

Investimenti u flus

70.  L-investimenti min-naħa tagħhom għandhom iservu biex jassiguraw okkażżjonijiet ta' xogħol u qliegħ biżżejjed kemm għall-popolazzjoni tal-lum kemm għal dik li għad tiġi. Dawk li għandhom f'idejhom id-deċiżjonijiet dwar dawn l-investimenti u l-organizzazzjoni tal-ħajja ekonomika – sew individwali sew għaqdiet sew awtoritajiet pubbliċi – għandhom iżommu quddiem għajnejhom dawn l-iskopijiet u jagħrfu l-obbligu kbir tagħhom, min-naħa l-waħda li jgħassu biex jinkiseb dak li jenħtieġ għal ħajja xierqa sew tal-individwu sew tal-komunità, u min-naħa l-oħra li jaħsbu minn qabel dak li għad jiġri u jassiguraw ekwilibriju ġust bejn il-bżonnijiet ta' konsum tal-lum, sew individwali sew kollettiv, u l-esiġenzi tal-investimenti għall-ġenerazzjoni li għad tiġi. Għandhom ukoll iżommu dejjem quddiem għajnejhom il-ħtiġiet urġenti tan-nazzjonijiet jew reġjunijiet li huma ekonomikament anqas żviluppati. F'materja ta' flus, mbagħad, m'għandhiex issir ħsara lill-ġid tan-nazzjoni proprja u lanqas tan-nazzjonijiet l-oħra. Għandhom jittieħdu passi wkoll biex dawk li huma ekonomikament dgħajfin ma jsofrux ħsara mit-tibdil fil-valur tal-flus.

 

 


 

Proprjetà privata u latifondi

71.  Billi l-proprjetà u għamliet oħra ta' dominju privat fuq il-ġid materjali jservu biex il-persuna tesprimi ruħha, u billi huma jagħtu wkoll lill-bniedem okkażjoni li jaqdi dmiru fis-soċjetà u fit-tħaddim tal-ekonomija, huwa ta' importanza kbira li jkun hemm inkoraġġiment biex sew l-individwi sew il-komunitajiet ikollhom il-possibilità li jiksbu xi setgħa fuq il-ġid estern.

 Il-proprjetà privata jew xi setgħa fuq il-ġid estern jagħtu lil kull wieħed ċertu spazju indispensabbli għall-indipendenza personali u familjari, u għandhom jitqiesu bħala estensjoni tal-libertà tal-bniedem. Fl-aħħarnett, billi huma jqanqlu 'l-bniedem biex jeżerċitaw d-dmirijiet u d-drittijiet tiegħu, huma jiffurmaw waħda mill-kondizzjonijiet tal-libertà ċivili [148].

 L-għamliet ta' din is-setgħa jew proprjetà huma llum diversi u minn jum għall-ieħor qegħdin jitbiddlu. Huma lkoll jibqgħu għajn mhux ta' min jittraskuraha ta' sigurtà avolja jkun hemm fondi soċjali, jeddijiet u servizzi garantiti mis-soċjeta'. U dan m'għandux jingħad biss dwar proprjetajjiet materjali imma wkoll dwar ġid mhux materjali bħalma huma l-kapaċitajiet professjonali.

 Il-jedd għall-propjetà privata mhux kuntrarju għall-jedd li jinsab f'għamliet diversi ta' propjetà pubblika. It-trasferiment tal-ġid għall-propjetà publika ma jistax isir ħlief mill-awtorità kompetenti, skond il-ħtiġiet tal-ġid komuni u sakemm dan il-ġid jippermetti, u b'kumpens xieraq. Barra minn dan, huwa dmir ta' l- awtorità pubblika li ma tħallix li xi ħadd jabbuża mill-proprjetà privata kontra l-ġid komuni [149].

 L-istess proprjetà privata minnha nnifisha għandha funzjoni soċjali ġejja mill-istess liġi tad-destinazzjoni komuni tal-ġid [150]. Jekk titħalla fil-ġenb din il-funzjoni soċjali, il-propjetà ħafna drabi ssir okkażjoni ta' regħba u ta' taħwid kbir b'mod li tagħti pretest lil dawk li huma kuntrarji għaliha biex dan l-istess dritt iqegħduh f'periklu.

 F'ħafna pajjiżi ekonomikament anqas żviluppati jinsabu estensjonijiet ta' raba', kbar jew ukoll kbar ħafna, iżda ftit maħduma jew miżmumin mingħajr l-ebda kultivazzjoni għal ħsieb ta' spekulazzjoni, fil-waqt li l-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni jew m'għandiex artijiet jew għandhom biss egħlieqi żgħar, waqt li min-naħa l-oħra tidher tassew urġenti l-ħtieġa li tikber il-produzzjoni. Mhux rarament dawk li jitqabbdu mis-sidien biex jaħdmu, jew dawk li jikkultivaw xi biċċa minnhom bħala qbiela, ma jirċievux ħlief paga jew qliegħ li ma jixraqx lill-bniedem, m'għandhomx fejn jgħammru kif jixraq, u huma sfruttati mill-intermedjarji. Billi m'għandhom l-ebda assigurazzjoni huma jgħixu fi stat tali ta' dipendenza personali li kważi ma jistgħu jagħmlu xejn b'inizjativa u responsabbiltà tagħhom, u huma mċaħħdin minn kull progress fil-kultura u minn kull sehem fil-ħajja soċjali u politika. Għalhekk jenħtieġu riformi biex, skond il-każi differenti, jikber il-qliegħ, jitjiebu l-kondizzjonijiet tax-xogħol, tikber is-sigurtà fl-impjiegi, u jingħata inkoraġġiment għall-inizjativa personali, ukoll biex jitqassmu l-artijiet mhux maħduma lil dawk li jistgħu jħaddmuhom bi profitt F'dan il-każ għandhom jingħatawlhom materjal u mezzi meħtieġa u, l-aktar, għajnuna ta' edukazzjoni u faċilitajiet tajbin ta' organizzazzjoni kooperativa. Kull darba li l-ġid komuni jitlob l-esproprijazzjoni, il-kumpens għandu jkun ikkalkulat skond l-ewkwità wara li jkunu studjati ċ-ċirkostanzi kollha.

 

L-attivita ekonomika-soċjali u s-Saltna ta' Kristu.

72.  L-insara li għandhom sehem attiv fil-progress ekonomiko-soċjali tal-lum u li jġibu 'l quddiem il-ġustizzja u l-imħabba għandhom ikunu persważi li huma jistgħu jkunu ta' għajnuna kbira għall-prosperità tal-bnedmin kollha u għall-paċi tad-dinja. F'dawn il-ħidmiet sew bħala individwi sew bħala membri ta' għaqdiet, għandhom jiddu bl-eżempju. Wara li jkunu kisbu l-kompetenza u l-esperjenza li hi bil-fors meħtieġa, fil-ħidma tagħhom ta' din l-art għandhom iħarsu l-ordni rett, bil-fedeltà lejn Kristu u l-Evanġelju tiegħu, b'mod li ħajjithom kollha, kemm individwali kemm soċjali, tkun mimlija bl-ispirtu tal-Beatitudnijiet u l-aktar bl-ispirtu tal-faqar.

 Kull min, leali lejn Kristu, ifittex l-ewwel is-Saltna ta' Alla, jirċievi minnha mħabba aktar qawwija u aktar safja biex igħin lil ħutu kollha u biex itemm bl-ispirazzjoni ta' mħabba l-egħmil tal-ġustizzja [151].

 

 

 

 

Kap IV

IL-ĦAJJA TAL-KOMUNITÀ POLITIKA

 

Il-ħajja pubblika llum

73.  Fi żminijietna jidhru wkoll tibdiliet kbar fl-istrutturi u fl-istituzzjonijiet tal-popli li ġejjin mill-iżvilupp tagħhom kulturali, ekonomiku u soċjali; u dawn it-tibdiliet għandhom influwenza kbira fuq il-ħajja tal-komunità politika, l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam mal-jeddijiet u d-dmirijiet ta' kulħadd fl-eżerċizzju tal-libertà ċivili u fil-kisba tal-ġid komuni u mal-manjiera kif għandhom ikunu regolati r-relazzjonijiet taċ-ċittadini bejniethom u mal-awtorità pubblika.

 Minn mindu l-bnedmin qegħdin jagħrfu aktar id-dinjità tagħhom, f'ħafna reġjunijiet tad-dinja qiegħda tinbet ħerqa biex jinbeda ordni politku u ġuridiku li fih ikunu mħarsa aħjar il-jeddijiet tal-persuna fil-ħajja pubblika, bħalma huma l-jedd li l-bnedmin jingħaqdu liberament, li jwaqqfu soċjetajiet, li juru l-opinjonijiet tagħhom u li jistqarru r-reliġjoni fil-privat u fil-pubbliku. Għaliex il-ħarsien tal-jeddijiet tal-persuna huma kondizzjoni meħtieġa biex iċ-ċittadini, sew bħala individwi sew bħala membri ta' għaqdiet, jistgħu jieħdu sehem attiv fil-ħajja u t-tmexxija tal-istat.

 Flimkien mal-progress kulturali, ekonomiku u soċjali f'ħafna bnedmin qiegħda tissaħħaħ ix-xewqa li jieħdu sehem akbar fl-organizzazzjoni tal-ħajja tal-komunità politika. Fil-kuxjenza ta' ħafna qiegħda tikber il-ħerqa biex jitħarsu l-jeddijiet tal-minoranzi ta' xi nazzjon, mingħajr ma jitħallew fil-ġenb id-dmirijiet tagħhom lejn il-komunità politika; barra minn dan qiegħed jikber ukoll, minn jum għall-ieħor ir-rispett lejn il-bnedmin li għandhom fehmiet differenti jew jistqarru reliġjon differenti, fl-istess ħin hawn aktar ħidma ta' flimkien biex iċ-ċittiadini kollha, u mhux xi ftit privileġġjati, jistgħu jgawdu tassew il-jeddijiet personali.

 Huma kkundannati dawk l-għamliet ta' gvern politiku li jinsabu f'xi reġjunijiet li jxekklu l-libertà ċivili jew reliġjuża, iżidu l-vittmi tal-passjonijiet u tad-delitti politiċi, u flok iqiegħdu l-eżerċizzju ta' l-awtorità għall-ġid komuni jdawruh għall-vantaġġi ta' xi partit jew ta' l-istess kapijiet li jiggvernaw.

 Biex tinbena ħajja politika li tixraq tassew lill-bniedem xejn mhemm aħjar milli tinkoraġġixxi s-sens interjuri tal-ġustizzja, tal-imħabba, u tas-servizz tal-ġid komuni u li ssaħħaħ il-konvinzjonijiet fundamentali dwar in-natura vera tal-komunità politika, u wkoll dwar l-iskop, l-eżerċizzju rett u l-limiti tal-awtorità pubblika.

 

In-natura u l-għan tal-komunità politika

74.  L-individwi, il-familji u l-gruppi differenti li jagħmlu l-komunità ċivili jafu li huma mhumiex biżżejjed biex weħidhom jibnu ħajja għalkollox umana u jħossu l-ħtieġa ta' komunità akbar li fiha lkoll ikunu jistgħu jħaddmu kuljum il-forzi tagħhom [152] biex jiksbu dejjem aħjar il-ġid komuni. Għalhekk jiffurmaw komunità politika skond għamliet istituzzjonali differenti. Mela l-komunità politika teżisti għal dak il-ġid komuni li fih hija ssib ir-raġuni u t-tifsir tagħha, u li minnu tieħu l-bidu tal-ordinament ġuridiku proprju tagħha. Dan il-ġid komuni jiġbor fiħ dawk il-kondizzjonijiet tal-ħajja soċjali li bihom l-individwu, il-familja u l-għaqdiet jistgħu jiksbu l-perfezzjonament tagħhom b'mod aktar sħiħ u aktar malajr [153].

 Iżda fil-komunità politika jiltaqgħu bnedmin, ħafna fil-għadd u differenti minn xulxin, li jistgħu leġittament jorjentaw ruħhom lejn fehmiet differenti.   Għalhekk, biex il-komunità politika ma tiġix fix-xejn jekk kull wieħed jimxi skond kif jidhirlu, tenħtieġ awtorità li tkun tista' tmexxi l-forzi taċ-ċittadini kollha lejn il-ġid komuni mhux bħala magna, lanqas b'manjiera despotika, imma fuq kollox bħala qawwa morali li għandha l-pedament tagħha fil-libertà u l-kuxjenza tad-dmir u r-responsabbiltà proprja.

 Mela hija ħaġa ċara li l-komunità politika u l-awtorità pubblika huma mibnija fuq in-natura umana u għalhekk jappartienu lill-ordni stabbilit minn Alla għad li d-determinazzjoni tas-sistema ta' gvern  u l-għażla ta' dawk li jiggvernaw jitħalla għar-rieda taċ-ċittadini [154].

 Isegwi wkoll li l-eżerċizzju ta' l-awtorità politika, kemm fil-komunità stess kemm fl-organiżmi li jirrappreżentawha, għandu jitħaddem dejjem skond l-ordni morali għall-kisba tal-ġid komuni – maħsub f'għamla dinamika – u skond ordni ġuridiku jew diġa leġittimament stabbilit jew li għad irid ikun stabbilit. Hemm iċ-ċittadini jkunu obbligati fil-kuxjenza li jobdu [155]. Hawn  joħorġu ċari r-responsabbilità, id-dinjità u l-importanza ta' dawk li jiggvernaw.

 Mbagħad fejn iċ-ċittadini huma mgħakksin mill-awtorità pubblika, li toħroġ barra mill-kompetenza tagħha, huma m'għandhomx jiċħdu dawk il-ħwejjeġ li huma oġġettivament meħtieġa mil-ġid komuni; imma huwa leċitu għalihom li jiddefendu l-jeddijiet tagħhom u taċ-ċittadini sħabhom kontra l-abbuż ta' din l-awtorità, basta jħarsu dawk il-limiti li huma mogħtija mil-liġi naturali u mil-liġi evanġelika.

 Il-manjieri prattiċi li bihom il-komunità politika torganizza l-istrutturi tagħha u tirregola s-setgħat pubbliċi jistgħu jkunu ta' bosta xorta skond in-natura tal-popli u l-progress storiku; imma dejjem għandhom iservu biex jiffurmaw bniedem edukat, paċifiku u lest biex jagħmel ġid lil kulħadd, għall-vantaġġ tal-familja kollha tal-bnedmin.

 

Il-kollaborazzjoni ta' kulħadd fil-ħajja pubblika

75.  Jaqbel għalkollox man-natura tal-bniedem li jinstabu strutturi politiċi u ġuridiċi li jagħtu dejjem liċ-ċittadini kollha, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni, il-possibiltà bil-fatti li jeħdu sehem attiv ħieles kemm fit-tqegħid tal-pedamenti ġuridiċi tal-komunità politika, kemm fit-treġija tal-istat u fid-determinazzjoni ta' l-oqsma u limiti tal-organiżmi varji u kemm fl-għażla ta' dawk li jiġvernaw. [156] Għalhekk iċ-ċittadini kollha għandhom jiftakru fil-jedd, li hu wkoll dmir, li jużaw il-vot liberu tagħhom biex iġibu 'l quddiem il-ġid komuni. Il-Knisja żżomm bħala ta' min ifaħħru u jgħożżu x-xogħol ta' dawk li jagħtu rwieħhom għall-ġid tal-pajjiż biex jaqdu 'l-bnedmin u jaċċettaw ir-responsabbiltà' ta' dan id-dmir.

 Biex il-ħidma responsabbli taċ-ċittadini flimkien ikollha riżultati tajbin fil-ħajja ta' kuljum tal-pajjiż jenħtieġ ordinament ġuridiku pożittiv li fih ikun stabbilit taqsim xieraq tax-xogħlijiet u tal-organi tal-awtorità pubblika, kif ukoll difiża effikaċi u indipendenti tal-jeddijiet. Il-jeddijiet tal-persuni, tal-familji u tal-gruppi kollha, u l-eżerċizzju tagħhom, għandhom ikunu magħrufin, imħarsin u mmexxija'l quddiem [157] flimkien mad-dmirijiet li jorbtu ċ-ċittadini kollha. Fost dawn hu ta' min ifakkar id-dmir li wieħed jagħti lill-istat is-servizzi materjali u personali li huma meħieġa għall-ġid komuni. Dawk li jiggvernaw għandhom joqogħdu attenti li ma jfixklux il-gruppi familjari, soċjali u kulturali, u l-organizzazzjonijiet jew l-istituzzjonijiet intermedji, u li ma jiċħdulhomx il-ħidma leġittma u effikaċi tagħhom; għall-kuntrarju huma għandhom jinkoraġġuhom bil-qalb u bl-ordni. Iċ-ċittadini, jew individwalment jew magħqudin f'soċjetajiet, joqogħdu attenti li ma jagħtux setgħa żejda lill-awtorità pubblika u li lanqas jitolbu mingħandha kumditajiet u vantaġġi barra minn lokhom bir-risku li jnaqqsu r-responsabbiltà tal-persuni, tal-familji u tal-gruppi soċjali.

  Iċ-ċirkustanzi komplikati tal-lum bosta drabi jobbligaw 'l-awtorità pubblika li tindaħal f'materji soċjali, ekonomiċi u kulturali biex tiddetermina kondizzjonijiet li bihom iċ-ċittadini, gruppi jkunu megħjunin jiksbu bil-libertà u b'mod l-iżjed effikaċi l-ġid kollu tal-bniedem. Ir-relazzjonijiet bejn is-soċjalizzazzjoni [158] u l-awtonomija u l-progress tal-persuna jistgħu jiftiehmu b'manjiera differenti skond ir-reġjunijiet differenti u l-evoluzzjoni tal-popli. Imma fejn l-eżerċizzju tal-jeddijiet, minħabba l-ġid komuni, jitnaqqas għal xi żmien, meta jitbiddlu ċ-ċirkustanzi l-libertà għandha tingħata mill-ġdid mill-aktar fis. Huwa kontra n-natura tal-bniedem li l-awtorità politika tasal f'għamliet totalitarji jew f'għamliet dittatorjali li jiksru l-jeddijiet tal-persuna jew tal-gruppi.

 Iċ-ċittadini għandhom jidraw iħobbu art twelidhom b'qalb kbira u l-lealtà iżda mhux b'moħħ magħluq. Dan ifisser li huma għandhom fl-istess ħin iżommu dejjem quddiem għajnejhom il-ġid tal-familja kollha tal-bnedmin li tissawwar f'waħda għax, b'rabtiet differenti, jingħaqdu flimkien razez, popli u nazzjonijiet.

 L-insara kollha għandhom iħossu s-sejħa speċjali u proprja tagħhom fil-komunità politika. Huma għandhom ikunu ta' eżempju bis-sens ta' responsabbiltà u bid-dedika tagħhom għas-servizz tal-ġid ta' kulħadd; b'hekk juru bil-fatti wkoll kif jingħaqdu flimkien l-awtorità mal-libertà, l-inizjativa personali mas-solidarjetà tal-korp soċjali kollu, l-unità xierqa ma' diversità li tagħmel ġid. Għandhom jagħrfu li jista' jkun hemm opinjonijiet differenti dwar it-tmexxija tal-ħwejjeġ temporali, u jistmaw liċ-ċittadini li jiddefendu kif jixraq dawk l-opinjonijiet ukoll b'ħidma fi gruppi. Il-partiti politiċi għandhom imexxu 'l quddiem dawk il-ħwejjeġ li, skond il-ħsieb tagħhom, jenħtieġu għall-ġid komuni: imma qatt m'għandhom iqiegħdu l-vantaġġi tagħhom qabel il-ġid ta' kulħadd.

 L-edukazzjoni ċivili u politika, il-lum hekk meħtieġa għall-poplu u l-aktar għaż-żgħażagħ, għandha tkun ikkultivata b'ħerqa biex iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jagħtu sehemhom fil-ħajja tal-komunità politika. Dawk li huma jew jistgħu jsiru kapaċi għall-ħidma politika, arti li hi diffiċli u l-aktar nobbli fl-istess ħin [159], għandhom jitħejjew għaliha u jfittxu li jeżerċitawha mingħajr ma jfittxu l-vantaġġi tagħhom jew xi qliegħ materjali. Għandhom iġibu rwieħhom b'integrità u għaqal kontra l-inġustizzja u l-oppressjoni, kontra d-dominju arbitrarju u l-intolleranza ta' xi individwu jew ta' xi partit politiku, jagħtu rwieħhom għall-ġid ta' kulħadd, bis-sinċerità u l-ekwità, anzi bl-imħabba u bil-qawwa kif titlob il-ħajja politika.

 

 

Il-komunità politika u l-Knisja

76.  Huwa ta' importanza kbira, l-aktar fejn hemm soċjetà pluralistika li jkun hemm idea tajba tar-relazzjoni bejn il-komunità politika u l-Knisja, u li ssir distinzjoni ċara bejn dawk il-ħwejjeġ li l-insara, sew bħala individwi sew fi gruppi, jagħmlu f'isimhom bħala ċittadini mmexxijin minn kuxjenza nisranija, u dawk il-ħidmiet li jagħmlu f'isem il-Knisja flimkien mar-rgħajja tagħhom.

 Il-Knisja li, minħabba l-uffiċċju u l-kompetenza tagħha, bl-ebda mod ma titħawwad mal-komunità politika u lanqas hi marbuta ma' sistema politika, hija fl-istess ħin sinjal u difiża tal-karattru traxxendentali tal-persuna umana.

 Il-komunità politika u l-Knisja huma, fil-qasam tagħhom, indipendenti minn xulxin u atonomi. It-tnejn, għad li b'titolu differenti, jaqdu s-sejħa personali u soċjali ta' l-istess bnedmin. Huma jeżerċitaw dan is-servizz b'mod iżjed effikaċi għall-ġid ta' kulħadd aktar ma jżommu sewwa kooperazzjoni għaqlija bejniethom, skond iċ-ċirkostanzi tal-postijiet taż-żminijiet. Għaliex il-bniedem mhux limitat biss għall-ordni temporali, imma, fil-waqt li jgħix fl-istorja, iżomm sħiħa s-sejħa tiegħu ta' dejjem. Il-Knisja, mwaqqfa fuq l-imħabba tal-Feddej, tagħti sehemha biex fi ħdan kull nazzjoni u bejn in-nazzjonijiet isaltnu aktar il-ġustizzja u l-imħabba. Bix-xandir tal-verità evanġelika u bid-dawl li tagħti lill-oqsma kollha ta' l-attività tal-bnedmin, permezz tat-tagħlim tagħha u tax-xhieda mogħtija mill-insara, hija tirrispetta u ġġib ukoll 'il quddiem il-libertà politika u r-responsabbiltà taċ-ċittadini.

 L-Appostli u s-suċċessuri tal-Appostli u wkoll il-kooperaturi tagħhom, meta jintbagħtu biex iħabbru 'l Kristu Salvatur tad-dinja, huma u jagħmlu l-appostolat tagħhom jieħdu l-forza tagħhom mill-qawwa ta' Alla li ħafna drabi juri l-qawwa tal-Evanġelju fid-dgħufija tax-xiehda tiegħu. Għaliex dawk kollha li jagħtu ruħhom għall-ministeru tal-Kelma ta' Alla jeħtieġ li jużaw metodi u mezzi proprji għall-Evanġelju li f'bosta ħwejjeġ huma differenti mill-mezzi tal-belt għad-dinja.

 Il-ħwejjeġ tal-art u dawk li, fil-kondizzjoni tal-bnedmin, jissuperaw din id-dinja, huma marbutin ħafna flimkien, u l-Knisja stess tuża l-ħwejjeġ temporali sakemm hekk titlob il-missjoni proprja tagħha. Imma ma tqegħidx it-tama tagħha fi privileġġi offruti lilha mill-awtorità ċivili; anzi tirrinunzja għall-eżerċizzju ta' ċerti jeddijiet leġittimament miksuba fejn tara li ħtija tagħhom in-nies jistgħu jibdew jiddubitaw mis-sinċerità tax-xhieda tagħha jew fejn il-kondizzjonijiet ġodda tal-ħajja jridu dispożizzjonijiet oħra. Imma dejjem u kullimkien huwa jedd tagħha li xxandar il-fidi b'libertà vera, tgħallem id-dottrina soċjali tagħha, tmexxi l-ħidma tagħha bla tifixkil fost il-bnedmin, u tagħti wkoll il-ġudizzji morali tagħha fuq ħwejjeġ li għandhom x'jaqsmu ma' l-ordni politiku meta l-jeddijiet fundamentali tal-persuna, jew is-salvazzjoni tal-erwieħ, jitolbu dan. Hija tagħmel dan billi tuża l-mezzi kollha, u lilhom biss, li jaqblu mal-Evanġelju u mal-ġid ta' kulħadd skond iż-żminijiet u s-sitwazzjonijiet differenti.

 Fil-waqt li żżomm fedelment mal-Evanġelju u waqt li tħaddem il-missjoni tagħha fid-dinja, il-Knisja, li għandha bħala xogħol tagħha li tinkoraġġixxi u tgħolli 'l fuq [160] kull ma hu veru, tajjeb u sabiħ fil-komunità tal-bnedmin, issaħħaħ il-paċi fost il-bnedmin għall-glorja ta' Alla [161]

 

 

 

 

 

Kap V

ĦIDMA GĦALL-PAĊI U L-BINI TAL-KOMUNITÀ TAL-ĠNUS.

 

Daħla

77.  F'dawn is-snin tagħna, li fihom it-tbatijiet u d-dwejjaq li jiġu mill-gwerer jew mit-theddida tagħhom għadhom jinħassu ħafna qalb il-bnedmin, il-familja kollha tal-bnedmin waslet f'mument għalkollox deċiżiv fil-progress tal-maturazzjoni tagħha. Magħquda bil-mod il-mod f'ħaġa waħda, u konxja aktar mill-unità tagħha kullimkien, hija ma tistax tkompli x-xogħol li jmiss lilha, jiġifieri li tibni għall-bnedmin kollha u fuq l-art kollha dinja li tassew tixraq lill-bniedem, jekk il-bniedmin ma jħarsux ilkoll lejn il-paċi vera b'ruħ imġedda. Minn hawn jiġi li l-messaġġ ta' l-Evanġelju, li jaqbel mal-aspirazzjonijiet l-aktar nobbli tal-ġens tal-bnedmin, fi żminijetna jiddi b'dawl ġdid meta jsejjaħ imberkin lil dawk li jaħdmu għall-paċi "għax huma jissejħu wlied Alla" (Mt. 5, 9).

 Għalhekk il-Konċilju, fil-waqt li juri t-tifsira vera u l-aktar għoja tal-paċi u jikkundanna l-kruha tal-gwerra, jifhem jagħmel sejħa bil-ħeġġa lill-insara biex, bl-għajnuna ta' Kristu awtur tal-paċi, jaħdmu flimkien mal-bnedmin kollha biex isaħħu fosthom paċi mibnija fuq il-ġustizzja u fuq l-imħabba, u biex iħejju l-mezzi li jiksbu l-paċi.

 

In-natura tal-paċi

78.  Il-paċi mhix sempliċement nuqqas ta' gwerra, u lanqas għandha titqies biss bħala ħidma biex ikun stabbilit ekwilibriju tal-forzi li huma kontra xulxin, u lanqas hi ġejja minn dominazzjoni despotika, imma tissejjaħ bir-raġun u bl-eżatezza "xogħol is-sewwa" (Is. 32,17). Hija l-frott ta' l-ordni stampat fis-soċjetà tal-bnedmin minn Alla, fundatur tagħha, u li għandu jitwettaq mill-bnedmin li huma dejjem bil-għatx ta' ġustizzja dejjem aktar perfetta. Billi l-ġid komuni tal-bnedmin fl-essenza tiegħu huwa regolat mill-liġi esterna, imma hu soġġett f'dak li hu konkret għal tibdil li qatt ma jieqaf matul il-mixja taż-żmien, il-paċi qatt mhi bħal ħaġa miksuba għal dejjem imma għandha tinbena l-ħin kollu. Billi, barra minn dan, ir-rieda tal-bniedem mhix stabbli u hija midruba bid-dnub, it-tfittxija tal-paċi titlob it-trażżin tal-passjonijiet minn kull bniedem u ħarsien ta' l-awtorità leġittma.

 Imma dan mhux biżżejjed. Din il-paċi ma tistax tinkiseb fuq l-art jekk ma jitqegħidx fis-sod il-ġid tal-persuna, u jekk il-bnedmin ma jqassmux bil-fedeltà minn rajhom il-ħwejjeġ tajba tal-ispirtu u tal-intelliġenza tagħhom. Biex tinbena l-paċi jeħtieġ li wieħed irid jirrispetta bis-sħiħ il-bnedmin u l-popli l-oħra u d-dinjità tagħhom u li jwettaq b'ħeġġa l-imħabba tal-aħwa. Hekk il-paċi tkun ukoll effett ta' mħabba li tagħti aktar minn dak li l-ġustizzja weħidha tista' tagħti.

 Il-paċi ta' l-art, li toħroġ mill-imħabba tal-proxxmu, hija xbieha u effett tal-paci ta' Kristu li ġejja minn Alla l-Missier. Għaliex l-istess Iben ta' Alla magħmul bniedem, il-prinċep tal-paċi, bis-salib tiegħu għamel il-bnedmin kollha ħbieb ma' Alla u, fil-waqt li ta mill-ġdid l-għaqda ta' kulħadd f'poplu wieħed u f'ġisem wieħed, f'ġismu qatel il-mibegħda [162] u bil-glorja tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, xerred l-ispirtu tal-imħabba fil-qlub tal-bnedmin.

 Għalhekk l-insara kollha huma msejħin bil-ħeġġa biex, "waqt li jagħmlu s-sewwa fl-imħabba (Ef. 4, 15), jingħaqdu mal-bnedmin li tassew iħobbu l-paċi biex jitolbu għall-paċi u jwettquha.

 Mqanqlin mill-istess spirtu ma nistgħux ma nfaħħrux lil dawk li jirrinunzjaw għall-vjolenza meta jiddefendu l-jeddijiet tagħhom u jirrikorru għall-mezzi ta' difiża li, wara kollox, jistgħu jkollhom dawk ukoll li huma dgħajfa, basta dan jista' jsir mingħajr ma jnaqqas mill-jeddijiet u mid-dmirjiet ta' oħrajn jew tal-komunità.

 Sakemm il-bnedmin jibqgħu midinbin huma jibqgħu mheddin mill-periklu tal-gwerra. U dan jibqa' sal-miġja ta' Kristu. Imma sakemm jibqgħu magħqudin fl-imħabba, huma jirbħu d-dnub u jirbħu wkoll il-vjolenza sa ma jitwettqu l-kelmiet: "Jibdlu x-xwabel tagħhom f'sikek, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfa' x-xabla kontra ġens ieħor u s sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed''. (Is 2,4)

 

 


 

Taqsima 1

IL-ĦTIEĠA LI TKUN EVITATA L-GWERRA

 

Ħtieġa li titnaqqas il-ħruxija tal-gwerra.

79.  Għad li l-aħħar gwerer ġabu lid-dinja tagħna ħsarat mill-akbar, kemm materjali kemm morali, f'xi partijiet tad-dinja l-gwerra għadha kuljum tagħmel il-ħsarat tagħha. Anzi, meta fil-gwerra jintużaw armi xjentifiċi ta' kull xorta, il-ħruxija tagħha thedded li twassal lil dawk li jkunu jitqabdu għal barbariżmu li huwa wisq agħar minn dak taż-żminijiet li għaddew. Barra hekk, il-kumplessità tas-sitwazzjoni tal-lum, u x-xibka mħabbla tar–relazzjonijiet internazzjonali, jagħtu l-wisa' biex, b'metodi ġodda ta' qerq u ta' tixwix, gwerer li jsiru minn taħt jitwalu. F'ħafna ċirkustanzi l-użu ta' sistemi ta' terroriżmu jitqies bħala forma ġdida ta' gwerra.

 Il-Konċilju fil-waqt li għandu quddiem għajnejh din il-qagħda umiljanti ta' l-umanità, jifhem l-ewwelnett ifakkar il-qawwa li ma titbiddilx tal-liġi naturali tal-ġnus u tal-prinċipji ġenerali tagħha. L-istess kuxjenza tal-ġens tal-bnedmin qiegħda xxandar dejjem aktar dawn il-prinċipji. Għalhekk l-azzjonijiet li l-bnedmin jikkommettu b' għajnejhom miftuħa kontra tagħhom, u l-ordnijiet li jingħataw biex isiru, huma delitti, u l-ubbidjenza għamja ma tiskużax lil dawk li jagħmluhom. Ma' dan l-egħmil għandu għandu jingħadd qabel kollox dak li b'mod sistematiku jeqred xi poplu sħiħ, nazzjon jew xi minoranza etnika. Dawn huma delitti tal-biża li għandhom ikunu ikkundannati bil-qawwa kollha. Huwa ta' min ifaħħru ħafna l-kuraġġ ta' dawk li ma jibżgħux jirreżistu fil-beraħ lil dawk li jikkmandaw ħwejjeġ bħal dawn.

 Dwar il-gwerer hemm ħafna konvenżjonijiet internazzjonali li ħafna nazzjonijiet iffirmaw biex il ħidmiet militari u l-konsegwenzi tagħhom isiru anqas ħorox: bħal dawn huma l-konvenzjonijiet li għandhom x' jaqsmu mal-mal-feruti jew il-priġunieri u ftehim ieħor bħalhom. Dawn l-konvenzjonijiet għandhom jitħarsu: anzi l-bnedmin kollha, u l-aktar l-awtoritajiet pubbliċi u l-esperti f'dawn il-ħwejjeġ, huma obbligati li jagħmlu kemm jistgħu biex konvenzjonijiet bħal dawn ikunu ipperfezzjonati u hekk iwasslu aħjar u aktar fiż-żgur biex irażżnu l-ħruxija tal-gwerer. Barra minn dan tidher ħaġa sewwa li l-liġijiet jaħsbu, b'sentimenti umani, għall-każ ta' dawk li jħossu fil-kuxjenza li m'għandhomx jieħdu l-armi iżda li jaċċettaw li jservu f' għamla oħra lill-kommunità tal-bnedmin.

 Il-gwerra għad tassew mhix imħassra mill-ġrajjiet tal-bnedmin. U sakemm jibqa' l-periklu ta' gwerra u ma jkunx hemm awtorità internazzjonali li tista' tiddisponi minn forzi biżżejjed, ma jistax jiċċaħħad lill-gvernijiet il-jedd tad-difiża leġittma wara li jkun intużaw il-mezzi kollha ta' soluzzjoni paċifika. Il-mexxejja tal-istati u oħrajn li għandhom sehem fir-responsabbiltà tal-istat għandhom id-dmir li jiddefendu s-sigurtà tal-popli fdati lilhom billi jittrattaw bis-serjeta ħwejjeġ hekk serji. Imma li tuża l-armi biex il-popli jkunu difiżi skond il-liġi hija ħaġa, u li trid iġġib taħtek nazzjonijiet oħra hija ħaġa oħra. U li wieħed għandu l-qawwa biex jagħmel gwerra ma jfissirx li għandu l-jedd li jagħmel kull użu militari u politiku minn dik il-qawwa. U meta disgrazzjatament il-gwerra tkun bdiet, b'daqshekk mhux kollox isir leċitu bejn dawk li jkunu kontra xulxin.

 Dawk, mbagħad, li huma marbutin biex iservu l-patrija bħala membri ta' l-eżerċitu għandhom ukoll iġibu rwieħhom bħala ministri tas-sigurtà u tal-libertà tal-popli; u meta jaqdu sewwa dan dmirhom ikunu tassew qegħdin jagħtu sehemhom biex il-paċi ssir stabbli.

 

Il-gwerra totali

80   Il-kruha u l-ħżunija tal-gwerra jikbru bla tarf bit-tkattir ta' l-armi xjentifiċi. Għaliex meta jintużaw dawn l-armi l-azzjonijiet militari jistgħu jagħmlu ħsarat l-aktar kbar u kif ġie ġie li għalhekk jaqbżu l-limiti ta' difiża leġittima. Anzi jekk dawn il-mezzi, li diġà jinsabu fl-imħażen tan-nazzjonijiet il-kbar, jintużaw għal kollox, tirriżulta l-qerda kważi totali ta' kull wieħed mill-għedewwa, qerda li ssir wieħed mill-ieħor; u dan mingħajr ma nsemmu l-ħafna devastazzjonijiet li kieku jsiru fid-dinja u r-riżultati ta' mewt li jiġu minn dawn l-armi.

 Dawn il-ħwejjeġ kollha jobbligawna li nħarsu lejn il-gwerra b'mentalità għalkollox ġdida [163] Il-bnedmin tal-lum għandhom ikunu jafu li huma għandhom jagħtu kont kbir dwar l-għemejjel ta' gwerra tagħhom. Għaliex il-mixja taż-żminijiet li għad jiġu tiddependi ħafna minn dak li huma jiddeċiedu l-lum.

 B'dawn il-ħsibijiet quddiemu dan l-Imqaddes Konċilju, filwaqt li jġedded il-kundanni li diġa għamlu l-aħħar Papiet dwar il-gwerra totali [164], jiddikjara:

 Kull għemil ta' gwerra li jfittex bla għażla l-qerda ta' bliet sħaħ jew ta' reġjunijiet kbar flimkien man-nies li jgħammru fihom huma delitt kontra Alla u konta l-istess bniedem, u għandu jkun ikkundannat bil-qawwa u ba tlaqliq.

 Il-periklu karatteristiku tal-gwerra tal-lum qiegħed f'dan, li jagħti lil dawk li għandhom l-aħħar armi xjentifiċi bħal okkażjoni li jagħmlu dawn id-delitti; u, qisu f'katina li ma tistax tinħarab, jista' jwassal ir-rieda tal-bnedmin għal deċiżjonijiet l-aktar ħorox. Biex 'il quddiem dan qatt ma jiġri iżjed l-Isqfijiet tad-dinja kollha miġburin flimkien jitolbu bil-ħerqa lill-bnedmin kollha, u l-aktar lill-kapijiet tal-popli u wkoll lill-mexxejja militari, biex jiżnu sewwa quddiem Alla u quddiem il-bnedmin kollha din ir-responsabbiltà hekk kbira.

 

Il-ġirja għall-armamenti

81.  L-armi xjentifiċi ma jinħażnux biss biex jintużaw fi żmien ta' gwerra. Huwa maħsub li l-qawwa tad-difiża ta' kull parti tiddependi mill-ħila tagħha li tirritalja b'ħeffa ta' sajjetta. Għalhekk din il-ħażna ta' armi li kuljum qiegħda tikber isservi b'mod paradossali biex iżżomm lura 'l għedewwa li forsi jistgħu jqumu. U ħafna jaħsbu li dan hu l-aqwa fost il-mezzi kollha biex tista' tinżamm xi għamla ta' paċi fost in-nazzjonijiet.

 Hu x'inhu l-ġudizzju dwar dan ir-rimedju li huwa maħsub biex jaqta' l-qalb li jinbeda l-ġlied, il-bnedmin kollha għandhom jikkonvinċu ruħhom li l-ġirja għall-armamenti, li għaliha ħafna nazzjonijiet qegħdin jirrikorru, mhix triq żgura biex issaħħaħ sewwa l-paċi, u lanqas dak li jsejħulu ekwilibriju li jiġi minn dan ir-rimedju ma huwa paċi vera u stabbli. Għalhekk il-kawżi tal-gwerra, flok jitneħħew, aktarx li jheddu li bil-mod il-mod jikbru. Filwaqt li qegħdin jintefqu flejjes l-aktar kbar fit-tħejjija ta' armi dejjem ġodda, ma jistax jingħata rimedju biżżejjed għal tant miżerji li hemm illum fid-dinja kollha. Flok li jitfejjaq tassew u mill-qiegħ il-ġlied bejn in-nazzjonijet, partijiet oħra tad-dinja jiċċappsu bl-istess marda. Jeħtieġ li jingħażlu toroq oħra, li jibdew minn riforma ta' l-ispirtu, biex jitneħħa dan l-iskandlu u hekk tista' tingħata mill-ġdid lid-dinja, meħlusa mill-ansjetà li qiegħda tgħakkisha, paċi vera.

 Għalhekk jeħtieġ li niddikjaraw mill-ġdid: li l-ġirja għall-armamenti hija pjaga mill-aktar gravi tal-umanità u tagħmel ħsara lill-fqar b'mod intollerabbli. Hu ta' min tassew jibża' illi jekk din il-ġirja tibqa' sejra għad tasal biex tagħmel straġi tal-mewt li tagħha diġà qiegħda tħejji l-mezzi.

Mwissijin mid-diżgrazzji li l-bnedmin stess jagħmlu possibbli, għandna nużaw il-ftit ta' waqfien ta' ġlied li qegħdin ingawdu, mogħti lilna mis-sema, biex inkunu nistgħu nirranġaw it-tilwim tagħna b'manjiera aktar xierqa lill-bniedem. Il-Povidenza ta' Alla trid minna b'insistenza li neħilsu lilna nfusna mill-jasar qadim tal-gwerra. U jekk ma rridux nagħmlu dan l-isforz, ma nafux fejn sa naslu f'din it-triq ħażina li dħalna fiha.

 

Il-kundanna assoluta tal-gwerra u l-ħidma internazzjonali biex il-gwerra tkun evitata.

82   Mela hija ħaġa ċara li għandna nagħmlu minn kollox biex bil-forzi kollha nħejju żminijiet li fihom, bil-ftehim tan-nazzjonijiet, kull gwerra tkun ipprojbita. U dan jitlob li titwaqqaf xi awtorità pubblika universali, magħrufa minn kulħadd, li jkollha setgħa tassew biex ikunu garantiti għal kulħadd is-sigurtà, il-ħarsien tal-ġustizzja u r-rispett tal-jeddijiet. Imma qabel ma tista' titwaqqaf din l-awtorità mixtieqa jeħtieġ li l-ogħla ċentri internazzjonali tal-lum jagħtu sehemhom bil-ħeġġa għat-tfittxija ta' mezzi aktar addattati biex tinkisieb is-sigurtà komuni. Billi jenħtieġ li l-paċi tiġi mill-fiduċja tal-popli f'xulxin u mhux tkun imposta fuq nazzjonijiet mill-biża' tal-armi, kulħadd għandu jaħdem biex il-ġirja għall-armi fl-aħħar tintemm. Biex it-tnaqqis tal-armamenti jibda tassew m'għandux isir minn xi banda waħda biss imma għandu jseħħ u jimxi 'l quddiem bl-istess pass skond trattat li jkun imsaħħaħ b'garanzji veri u effikaċi [165].

 Sadattant m'għandhomx jingħataw importanza żgħira dawk l-isforzi li saru u li qegħdin isiru biex jitwarrab il-periklu ta' gwerra. Anzi għandha tkun megħjuna r-rieda tajba ta' dawk il-ħafna li, għalkemm mgħobbijin bil-ħsieb tqil tad-dmirijiet għolja tagħhom, imma proprju mġegħlin mid-dmir gravi ħafna li għandhom, ifittxu jbiegħdu l-gwerra li huma jobogħdu għad li ma jistgħux ma jagħtux konsiderazzjoni tar-realtà kumplessa tas-sitwazjonijiet li jkunu fihom. Jeħtieġ imbagħad nitolbu ħafna 'l Alla li jagħtihom il-forza li jibdew bil-perserveranza u jkomplu bil-qawwa dan ix-xogħol tal-ogħla mħabba tal-bnedmin li bih il-paċi tinbena bil-qawwa tal-irġulija. Dan x-xogħol illum ċertament jitlob minnhom li jestendu l-ħsibijiet u l-ispirtu tagħhom lil hinn mill-fruntieri tan-nazzjon tagħhom, li jwarrbu minnhom l-egoiżmu nazzjonali u l-ambizzjoni li jiddominaw fuq nazzjonjiet oħra, li jikkultivaw stima profonda lejn l-umanità kollha li, għalkemm fost tant taħbit, diġà miexja lejn għaqda akbar tagħha.

 Dwar il-problemi tal-paċi u tat-tnaqqis ta' l-armi, l-istudji bil-ħeġġa u bla waqfien li diġà saru u l-kungressi internazzjonali li ittrattaw din il-ħaġa għandhom jitqiesu bħala l-ewwel passi biex inħallu kwistjonijiet hekk importanti, u għandhom ikunu inkoraġġiti b'sens ta' urġenza akbar biex għal li ġej jinkisbu riżultati prattiċi. Imma l-bnedmin għandhom joqogħdu attenti li ma jafdawx biss fl-isforzi ta' x'uħud mingħajr ma jagħtu kas tal-mentalità tagħhom infushom. Għaliex il-mexxejja tal-popli, li huma responsabbi tal-ġid komuni tal-poplu tagħhom u fl-istess ħin huma l-promoturi tal-ġid tad-dinja kollha, jiddependu l-aktar mill-opinjoni u s-sentimenti tal-poplu. Xejn ma jiswielhom li jinsistu biex jibnu l-paċi sakemm sentimenti ta' mibegħda, ta' disprezz, ta' sfiduċja, mibegħda ta' razez u rjus iebsa, fl-ideoloġiji jifirdu l-bnedmin u jqegħduhom kontra xulxin. Minn hawn tiġi l-ħtieġa l-aktar kbira u urġenti ta' riforma fl-edukazzjoni tal-mentalità u ta' orjentament ġdid fl-opinjoni pubblika. Dawk li jagħtu rwieħhom għall-ħidma ta' edukazzjoni, l-aktar taż-żgħażagħ, u dawk li jiffurmaw l-opinjoni pubblika, għandhom igħoddu bħala dmir l-aktar kbir tagħhom il-ħsieb li jiffurmaw ir-ruħ ta' kulħadd għal sentimenti ġodda ta' paċi. Jeħtieġ li aħna lkoll inbiddlu qalbna billi nżommu quddiem għajnejna d-dinja kollha u dawk ix-xogħolijiet kollha li aħna, ilkoll flimkien, nistgħu nagħmlu biex l-umanità timxi 'l quddiem lejn qagħda aħjar.

 Ma nitqarrqux minn xi tama falza. Jekk ma jsirux pattijiet sodi u onesti dwar il-paċi universali għal li ġej u ma jitwarrbux it-tilwim u l-mibegħda, l-umanità, li diġà tinsab fil-periklu, għalkemm għamlet rebħiet tal-għaġeb fil-qasam tax-xjenzi għad forsi disgrazzjatament titwassal għal dik is-siegħa li fiha ma tkunx tista' tara paċi oħra ħlief il-paċi kerha tal-mewt. Imma l-Knisja, mqiegħda f'nofs il-qtigħ il-qalb ta' dan iż-żmien waqt li tgħiddawn il-ħwejjeġma tieqafx milli tittama bil-qawwa. Hija tifhem ittenni liż-żmien tagħna, f'waqtu u barra minn waqtu, il-messaġġ tal-Appostlu; "Dan hu ż-żmien tajjeb" biex jitbiddlu il-qlub, "dan hu jum is-salvazzjoni" [166].

 

 

 


 

Taqsima 2

BINI TA' KOMUNITÀ INTERNAZZJONALI

 

Kawżi ta' ġlied u rimedji tagħhom

83.  Biex tinbena l-paċi jeħtieġ qabel kollox li jitqaċċtu minn għeruqhom il-kawżi tat-tilwim bejn il-bnedmin, u l-aktar l-inġustizzja, li jġibu l-gwerer. Mhux ftit minn dawn il-kawżi ġejjin mill-ħafna diżugwaljanzi ekonomiċi u wkoll miż-żmien twil li jittieħed biex jingħataw ir-rimedji meħtieġa.

 Oħrajn jiġu mill-ispirtu ta' dominazzjoni u mid-disprezz tal-persuni u, jekk infittxu l-kawżi aktar fil-fond, mill-għira tal-bnedmin, min-nuqqas ta' fiduċja, mill-kburija u minn passjonijiet oħra ta' egoiżmu. Billi l-bniedem ma jistax isofri tant diżordni jiġri li, mqar jekk ma jkunux hemm gwerra, id-dinja tibqa' l-ħin kollu marida bil-ġlied fost il-bnedmin u bil-vjolenzi. L-istess nuqqasijiet jinsabu wkoll fir-relazzjonijiet bejn l-istess nazzjonijiet; għalhekk biex tirbaħhom jew timpedihom, u biex trażżan il-ħruxija tal-vjolenza, huwa assolutament meħtieġ li l-istituzzjonijiet internazzjonali jaħdmu flimkien aħjar u aktar fis-sod u jikkoordinaw l-isforzi tagħhom; jeħtieġ li bla heda jsir sforz biex jitwaqqfu l-organiżmi li jaħdmu għall-paċi.

 

Il-Komunità tan-nazzjonijiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali

84.  Il-lum qegħdin jikbru r-rabtiet tar-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini kollha u bejn il-popli kollha tad-dinja. Għalhekk, biex jitfittex sewwa u jinkiseb aħjar il-ġid ta' kulħadd, jenħtieg li l-komunità tan-nazzjonijiet tistabbilixxi għaliha stess ordni li jaqbel mad-dmirijiet tagħha tal-lum l-aktar f'dak li għandu x'jaqsam ma' dawk il-ħafna reġjunijiet li għadhom ibatu miżerji intollerabbli.

 Biex jintlaħqu dawn l-iskopijiet, l-istituzzjonijiet tal-komunità internazzjonali min-naħa tagħhom għandhom jaħsbu għall-ħtiġiet varji tal-bnedmin, kemm fil-qasam tal-ħajja soċjali, li jħaddan l-ikel, is-saħħa, l-edukazzjoni u x-xogħol, kemm f'xi ċirkustanzi partikolari li jistgħu jinqalgħu x'imkien jew ieħor bħalma hija l-ħtieġa li tgħin l-iżvilupp ġenerali tal-popli li qegħdin javanzaw, li taħseb għall-miżerji tal-bnedmin maħrubin minn pajjiżhom u mxerrdin mad-dinja kollha, jew ukoll li tgħin l-emigranti u l-familji tagħhom.

 L-istituzzjonijiet internazzjonali jew reġjonali li diġà jeżistu għandhom żgur mertu kbir quddiem il-bnedmin. Huma jirrappreżentaw l-ewwel sforzi ħalli jitqiegħed pedament internazzjonali tal-komunità kollha tal-bnedmin biex jinħallu l-problem l-aktar importanti ta' żminijietna, jitmexxa 'l quddiem il-progress fid-dinja kollha, u, jitneħħew il-gwerer taħt kull għamla. F'dawn l-oqsma kollha l-Knisja tifraħ bl-ispirtu ta' vera għaqda ta' aħwa li jsaltan bejn l-insara u dawk li mhumiex insara, li jfittxu li jsiru sforzi dejjem akbar biex tingħata għajnuna ħalli titneħħa l-miżerja bla tarf li hawn.

 

 

Il-ħidma internazzjonali fil-qasam ekonomiku

85. Is-soliderjetà tal-lum tal-ġens tal-bniedem titlob ukoll it-twaqqif ta' kooperazzjoni internazzjonali akbar fil-qasam ekonomiku. Għaliex, għad li kważi l-popli kollha saru indipendenti, għadna 'l bogħod milli nistgħu ngħidu li huma għalkollox meħlusin mid-diżugwaljanzi żejda u minn kull għamla ta' dipendenza mhux flokha, u li ma għandhomx aktar periklu ta' diffikultajiet kbar fil-pajjiż tagħhom stess.

 L-iżvilupp ta' pajjiż jiddependi mir-riżorsi ta' bnedmin u ta' flus. Iċ-ċittadini ta' kull nazzjon għandhom ikunu mħejjijin permezz ta' edukazzjoni u formazzjoni professjonali biex jeżerċitaw il-ħidmiet differenti tal-ħajja ekonomika u soċjali. Għal dan tenħtieġ l-għajnuna ta' esperti ta' pajjiżi oħra li filwaqt li jgħinu m'għandhomx iġibu rwieħhom ta' bnedmin li jridu jiddominaw imma ta' nies li jridu jgħinu u jikkooperaw. Għal dak li jolqot l-għajnuna materjali, din ma tingħatax lin-nazzjonijiet mexjin lejn l-iżvilupp jekk ma jitbiddlux mill-qiegħ il-metodi tal-kummerċ tal-lum fid-dinja. Barra minn dan, għajnuniet oħra għandhom jingħataw min-nazzjonijiet żviluppati taħt għamla ta' għotjiet jew ta' self, jew ta' investimenti ta' flus li, min-naħa l-waħda għandhom jingħataw b'ġenerożità u mingħajr regħba, u min-naħa l-oħra għandhom jintlaqgħu b'onestà sħiħa.

 Biex isir tassew ordni ekonomiku universali għandhom jinqerdu r-regħba tà qliegħ esaġerat, l-ambizzjonijiet nazzjonali, ix-xewqa ta' dominazzjoni politika, il-kalkoli ta' ordni militari, u wkoll il-manuvrar għat-tixrid u għall-impożizzjonijiet ta' ideoloġiji. Hemm diversi proposti ta' sistemi ekonomiċi u raġjonevoli fid-dinja; dan isir b'ħeffa akbar jekk kull wieħed jiċħad għall-preġudizzji tiegħu u jkun lest jidħol għal djalogu sinċier.

Xi regoli f'waqthom

86.  Għal din il-kooperazzjoni r-regoli li ġejjin jidhru flokhom:

 a) In-nazzjonijiet mexjin lejn l-iżvilupp għandu jkollhom għal qalbhom li espressament u bil-qawwa jfittxu bħala skop tal-progress il-perfezzjonament sħiħ taċ-ċittandini tagħhom bħala bnedmin. Għandhom jiftakru li dan l-iżvilupp jibda u jikber l-ewwelnett mix-xogħol u l-inġenjożità tal-istess nazzjonijiet; huwa għandu jiddependi mhux biss mill-għajnuniet tal-barranin imma jikber fuq kollox mill-iżvilupp tar-riżorsi tagħhom stess u fuq il-kultura u t-tradizzjoni tagħhom. F'din il-ħaġa għandhom jagħtu l-aħjar eżempju dawk li għandhom aktar influwenza fuq l-oħrajn.

a)   b) Huwa mbagħad dmir gravi ħafna tan-nazzjonijiet sviluppati li jgħin 'l-popli li qegħdin jiżviluppaw biex itemmu l-ħidmiet li semmejna. Għalhekk għandhom jagħmlu fihom infushom dawk ir-reviżjonijiet materjali u ta' mentalità li jenħtieġu biex tissaħħaħ din il-kooperazzjoni univesali.

 Hekk, meta jittrattaw ma' nazzjonijiet aktar dgħajfin u fqar għandhom iżommu quddiem għajnejhom sewwa l-ġid tagħhom għax dawn jeħtieġu għall-għajxien dak li jaqilgħu mill-bejgħ ta' dak li huma jipproduċu.

 c) Huwa dmir tal-komunità internazzjonali li ġġib 'il quddiem u tirregola l-iżvilupp iżda b'mod li l-għajnuniet destinati għalhekk jitqassmu b'mod li jagħti riżultati u bl-akbar ekwità. Huwa wkoll dmir ta' din il-komunità li, fil-waqt li tħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà, tirregola r-relazzjonijiet ekonomiċi fid-dinja kollha biex jitħaddmu skond dak li titlob il-ġustizzja.

 Għandhom jitwaqqfu istituzzjonijiet li jkollhom il-ħila li jġibu 'l quddiem u jirregolaw il-kummerċ internazzjonali, l-aktar man-nazzjonijiet anqas żviluppati, biex ipattu għan-nuqqasijiet li jiġu mid-diżugwaljanza kbira ta' qawwa fost in-nazzjonijiet. Dan l-ordinament, magħqud mal-għajnuniet tekniċi, kulturali u finanzjarji, għandu jagħti lin-nazzjonijiet li qegħdin jiżviluppaw l-għajnuniet meħtieġa biex jistgħu jiksbu kif jixraq il-progress ta' l-ekonomija tagħhom.

 d) F'ħafna każijiet jeħtieġ li wieħed jirriforma l-istrutturi ekonomiċi u soċjali; imma wieħed għandu joqgħod attent minn soluzzjoijiet tekniċi mgħaġġlin, l-aktar minn dawk li, fil-waqt li jagħtu xi vantaġġi materjali lill-bniedem, huma kuntrarji għan-natura u l-profitt spiritwali tiegħu. Għaliex il-bniedem "mhux bil-ħobż biss igħix imma b'kull kelma li toħroġ minn fomm Alla." (Mt 4,4) Kull biċċa mill-familja tal-bnedmin iġġib fiha stess u fl-aħjar tradizzjonijiet tagħha xi element mit-teżor fdat minn Alla lill-bnedmin, avolja ħafna ma jafux li ġej minnu.

 

Il-Kooperazzjoni internazzjonali dwar it-tkattir tal-popolazzjoni.

87.  Il-kooperazzjoni internazzjonali ssir l-iżjed meħtieġa dwar dawk il-popli li, barra minn ħafna diffikultajiet oħra, il-lum aktarx spiss qegħdin isofru b'mod speċjali mill-problema li ġejja mit-tkattir mgħaġġel tal-popolazzjoni. Tinħass l-ħtieġa urġenti li, bil-kooperazzjoni sħiħa u ħabrieka ta' kulħadd, l-aktar tan-nazzjonijiet għonja, ikun studjat il-mod kif jistgħu jinkisbu u jitqassmu mal-komunità kollha tal-bnedmin dawk il-ħwejjeġ li jinħtieġu għall-għajxien u għall-istruzzjoni xierqa tal-bnedmin. Xi popli jistgħu jtejbu wisq aktar il-qagħda tal-għajxien tagħhom kieku, b'tagħlim xieraq, ibiddlu l-metodi antiki ta' l-agrikultura u jgħaddu għal metodi tekniċi billi japplikawhom bil-għaqal kollu għall-kondizzjonijiet tagħhom, jibnu wkoll ordni soċjali aħjar u jqassmu b'aktar ġustizzja l-proprjetà ta' l-artijiet.

 Dwar il-problema tal-popolazzjoni fin-nazzjon tagħhom il-gvernijiet għandhom, fil-limiti tal-kompetenza tagħhom, jeddijiet u dmirijiet bħalma huma: dwar il-leġislazzjoni soċjali u l-leġislazzjoni li għandha x'taqsam mal-familja, dwar it-trasferiment ta' nies ta' rħula lejn l-ibliet, dwar l-informazzjonijiet fuq is-sitwazzjoni u l-ħtiġiet tan-nazzjoni. Billi l-lum il-bnedmin qegħdin iħabblu moħħhom ħafna fuq din il-problema, huwa ta' min jixtiequ wkoll li kattoliċi kompetenti, l-aktar fl-universitajiet, jindaħlu bil-ħerqa għal studji u inizjativi dwar dawn il-ħwejjeġ u jiżviluppawhom aktar.

 Billi ħafna jgħidu li t-tkattir tal-bnedmin fid-dinja, jew għallanqas f'ċerti pajjiżi, għandu jitnaqqas għalkollox b'kull mezz u b'kull xorta ta' intervent ta' l-awtorità pubblika, il-Konċilju jħeġġeġ lill-bnedmin kollha biex jibżgħu minn ċerti soluzzjonijiet, proposti fil-beraħ jew fil-privat u xi drabi imposti, li huma kontra l-liġi morali. Għaliex skond il-jedd, li ħadd ma jista' jeħodulhom, li l-bnedmin għandhom għaż-żwieġ u għall-prokreazzjoni ta' ulied, id-deċiżjoni dwar l-għadd ta' l-ulied tiddependi mill-ġudizzju rett tal-ġenituri u bl-ebda mod m'għandha titħalla lill-ġudizzju ta' l-awtorità pubblika. Iżda billi l-ġudizzju rett tal-ġenituri jissupponi kuxjenza iffurmata sewwa, hu ta' importanza kbira li tingħata faċilità lil kulħadd li jifforma sens ta' responsabbilità tassew retta u li tixraq lill-bniedem u li, waqt li tqis iċ-ċirkustanzi u ż-żminijiet, tirrispetta l-liġi ta' Alla. Dan jitlob li f'ħafna postijiet jitjiebu l-kondizzjonijiet soċjali u l-mezzi ta' l-edukazzjoni u l-ewwelnett li tingħata formazzjoni reliġjuża jew, għallanqas, istruzzjoni morali sħiħa. Il-bnedmin għandhom ikunu infurmati bil-għaqal dwar il-progress xjentifiku fit-tiftix ta' metodi li bihom il-miżżewġin ikunu jistgħu jkunu megħjunin fir-regolament tal-għadd ta' l-ulied basta li dawn il-metodi  jkunu jaqblu mal-ordni morali u l-valur tagħhom ikun ippruvat.

 

Id-dmir ta' l-insara fl-għoti tal-għajnuna

88   L-insara għandhom jikkooperaw minn rajhom u bil-qalb kollha biex jinbena l-ordni internazzjonali, bil-ħarsien veru tal-libertajiet leġittimi u b'sens f'kulħadd ta' ħbiberija u ta' mħabba tal-aħwa; aktar u aktar li l-biċċa l-kbira tad-dinja għadha tbati miżerji hekk kbar li fil-foqra donnu Kristu stess b'leħen għoli qiegħed jitlob il-karità tad-dixxipli tiegħu. Għalhekk m'għandux ikun hekk għall-bnedmin dan l-iskandlu li xi nazzjonijiet, li fihom bosta drabi hemm maġġoranza ta' nsara, għandhom abbundanza ta' ġid fil-waqt li oħrajn huma neqsin minn dak li jenħtieġ għall-ħajja u huma magħkusin mill-ġuħ, mill-mard u minn kull xorta ta' miżerja. L-ispirtu tal-faqar u tal-karità huma l-glorja u x-xhieda tal-Knisja ta' Kristu.

 Għalhekk huwa ta' min ifaħħarhom u jgħinhom dawk l-insara, l-aktar żgħażagħ, li minn rajhom joffru lilhom infushom biex jagħtu għajnuna lill- bnedmin u popli oħra. Anzi huwa dmir tal-Poplu ta' Alla, u l-ewwel tal-isqfijiet bil-kelma u bl-eżempju tagħhom, li jgħinu kemm jistgħu l-miżerji ta' dawn iż-żminijiet u dan jagħmluh, skond l-użu antik tal-Knijsa, mhux biss minn dak li jibqa' żejjed imma wkoll minn dak li hu neċessarju.

 Il-mod kif jinġabru u jitqassmu l-fondi, mingħajr ma jkun hemm bilfors għamla ta' organizzazzjoni riġida u uniformi, għandu jitfassal skond pjan tajjeb fid-djoċesijiet, fin-nazzjonijiet u fid-dinja kollha; u fejn ikun f'waqtu l-azzjoni tal-kattoliċi għandha tingħaqad mal-ħidma tal-aħwa nsara l-oħra. Għalhekk l-ispirtu tal-karità ma jfixkilx, anzi jesiġi, l-eżerċizzju li jħares minn quddiem u ordinat tal-ħidma soċjali u karitattiva. Għalhekk jeħtieġ li dawk li fi ħsiebhom jagħtu rwieħhom biex iservu n-nazzjonijiet li qegħdin jiżviluppaw jirċievu wkoll formazzjoni xierqa f'istituzzjonijet speċjalizzati.

 

Preżenza effikaċi tal-Knisja fil-komunità internazzjonali

89.  Il-Knisja, bis-saħħa tal-missjoni divina tagħha, tgħallem l-Evanġelju u tqassam it-teżori tal-grazzja lill-bnedmin kollha. B'hekk tagħti sehemha biex tisaħħaħ il-paċi mad-dinja kollha u tqiegħed bħala pedament sod għall-għaqda tal-aħwa fost il-bnedmin u l-popli t-tagħrif tal-liġi ta' Alla u tal-liġi naturali. Għalhekk il-Knisja għandha assolutament tkun preżenti fl-istess komunità tal-popli biex tinkuraġġixi u tqajjem il-koorperazzjoni fost il-bnedmin. U dan tagħmlu ispirata biss mix-xewqa li taqdi lil kulħadd, kemm bl-istituzzjonijiet uffiċjali tagħha kemm bil-kollaborazzjoni sħiħa u sinċiera tal-insara kollha.

 Dan kollu jinkisieb b'mod iżjed effikaċi jekk l-insara stess, li jifhmu sewwa r-responsabbiltà li għandhom bħala bnedmin u bħala nsara, ifittxu li, ibda mill-ambjent ta' ħajjithom, iqajmu rieda ta' kollaborazzjoni mal-komunità internazzjonali.

 F'din il-konnessjoni jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-formazzjoni taż-żgħażagħ kemm fl-edukazzjoni reliġjuża kemm fl-edukazzjoni ċivika.

 

Is-sehem ta' l-insara fl-istituzzjonijiet internazzjonali

90   Għamla mill-aqwa ta' impenn internazzjonali tal-insara hija l-ħidma li jagħtu, sew bħala individwi sew jekk ikunu organizzati, fl-istess istituzzjonijiet imwaqqfin jew li għad jitwaqqfu biex jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni fost in-nazzjonijiet. Barra minn dan, għall-bini ta' komunità tal-popli fil-paċi u fl-għaqda tal-aħwa, jistgħu jiswew b'ħafna manjieri l-assoċjazzjonijiet kattoliċi internazzjonali li għandhom jissaħħu billi jikber l-għadd tal-kooperaturi iffurmati tajjeb, billi jiżdiedu l-mezzi li jenħtieġu u bil-koordinament xieraq tal-forzi. Għaliex fi żminijietna s-siwi tal-ħidmiet u l-ħtieġa tad-djalogu jitolbu inizjattivi komuni. Dawn l-għaqdiet jiswew ukoll mhux ftit biex inisslu dak is-sens universali li tant jixraq lill-kattoliċi, u biex tifforma ruħha kuxjenza ta' solidarjetà u ta' responsabbiltà tassew iniversali.

 Fl-aħħarnett hu ta' min jixtieq lil-kattoliċi, biex jaqdu sewwa dmirhom fil-komunità internazzjonali, iħabirku biex jikkooperaw bil-fatti u b'mod effikaċi sew mal-aħwa mifrudin, li flimkien magħhom jistqarru l-karità evanġelika, sew ma' dawk il-bnedmin kollha li għandhom l-għatx ta' paċi tassew.

 Il-Konċilju mbagħad, quddiem il-kobor bla qies tal-miżerji li l-biċċa; l-kbira tal-bnedmin għandhom isofru, u biex fl-istess ħin jinkoraġġixxi kullimkien il-ġustizzja u l-imħabba ta' Kristu lejn il-fqar, jaħseb li huwa tassew f'waqtu li jitwaqqaf organiżmu tal-Knisja universali li jkollu l-ħsieb iħeġġeġ il-komunità tal-kattoliċi biex tippromwovi l-iżvilupp tar-reġjunijiet fil-bżonn u l-ġustizzja soċjali qalb in-nazzjonijiet.

 


 

EGĦLUQ

 

Dmirijiet ta' l-insara wieħed wieħed u tal-knejjes partikolari

91.  Dak kollu li l-Konċilju Mqaddes qiegħed jipproponi huwa meħud mit-teżori tat-tagħlim tal-Knisja u għandu l-iskop li jgħin il-bnedmin kollha ta' żminijietna, kemm jekk jemmnu f'Alla kemm jekk espliċitament ma jagħrfuhx, biex jifhmu aħjar is-sejħa sħiħa tagħhom, biex jagħmlu d-dinja taqbel aktar mad-dinjità l-aktar għolja tal-bniedem, biex ifittxu l-għaqda ta' aħwa bejn kulħadd mibnija fuq pedamanet aktar sod, u biex, imqanqlin mill-imħabba, bi sforz ġeneruż u ta' kulħadd flimkien iwieġbu għall-ħtiġiet urġenti ta' żmienna.

 Ċertament, quddiem id-differenzi kbar fil-qagħda tad-dinja u fl-għamliet taċ-ċivilità, dawn il-proposti, f'ħafna partijiet minnhom, għandhom apposta natura ġenerali biss; anzi, għad li jesponu tagħlim diġà milqugħ mill-Knisja, billi aktarx spiss jitkellmu fuq ħwejjeġ li huma suġġetti għall-evoluzzjoni li qatt ma taqta', dawn il-proposti jitolbu li wieħed ikompli jistudjahom u jidħol fihom iżjed fil-fond. Għandna b'danakollu tama li ħafna ħwejjeġ li ħadna mill-Kelma ta' Alla u mill-ispirtu tal-Evanġelju jkunu ta' għajnuna kbira lil kulħadd, l-aktar wara li jkunu saru mill-insara, taħt it-tmexxija tar-Rgħajja, adattamenti prattiċi għal kull nazzjon u għal kull mentalità.

 

Djalogu bejn il-bnedmin kollha

92.  Il-Knisja, minħabba l-missjoni tagħha li ddawwal id-dinja kollha bl-aħbar tal-Evanġelju u li tgħaqqad fi Spirtu wieħed il-bnedmin kollha ta' kull nazzjon, razza jew ċiviltà, issir sinjal ta' dik l-għaqda ta' aħwa li tippermetti u tqawwi djalogu sinċier.

 Dan jitlob li l-ewwelnett inqajmu fil-Knisja stess stima ta' xulxin, rispett u ftehim, waqt li nagħrfu d-differnzi leġittimi, biex nistabbilixxu djalogu dejjem aktar ta' ġid fost dawk kollha li jagħmlu poplu ta' Alla wieħed, sew rgħajja sew il-fidili nsara l-oħra. Għaliex dak li jgħaqqad l-insara huwa aktar qawwi minn dak li jifridhom għandu jkun hemm għaqda fil-ħwejjeġ neċessarji, libertà fil-ħwejjeġ dubji u karità f'kollox [167].

 U ħsiebna fl-istess ħin iħaddan ukoll l-aħwa u l-komunitajiet tagħhom li għadhom m'humiex igħixu f'għaqda sħiħa magħna; magħhom aħna magħqudin bl-istqarrija tal-Missier u ta' l-Iben u ta' l-Ispirtu s-Santu, u bir-rabta tal-imħabba. Aħna nafu li l-għaqda tal-insara l-lum hija mistennija u mixtieqa saħansitra minn ħafna li ma jemmnux fi Kristu. Għaliex aktar ma din l-għaqda, bil-qawwa ta' l-Ispirtu s-Santu, timxi 'l quddiem fil-verità u fil-karità, aktar tkun ħabbara ta' għaqda u ta' paċi għad-dinja kollha. Għalhekk, bl-għaqda tal-forzi tagħna u b'metodi u f'forom dejjem aktar addattati biex il-lum jinkiseb b'mod effikaċi dan l-iskop, iħabirku ħalli, waqt li nsiru minn jum għall-ieħor naqblu aktar mal-Evanġelju, nikkooperaw bħal aħwa għas-servizz tal-familja tal-bnedmin li fi Kristu Ġesu' hija msejħa biex issir familja ta' wlied Alla.

 Nixħtu wkoll ħsibijetna lejn dawk kollha li jagħrfu 'l Alla u li fit-tradizzjonijiet tagħhom iħarsu elementi reliġjużi u umani prezzjużi, fil-waqt li nfissru x-xewqa li djalogu sinċier imexxina lkoll biex nilqgħu bil-fedeltà l-ispirazzjonijiet tal-Ispirtu s-Santu u nwettquhom bil-ħeffa.

 Min-naħa tagħna, ix-xewqa ta' dan id-djalogu, li għandu jitmexxa biss mill-imħabba lejn il-verità u fl-istess ħin bil-prudenza xierqa, ma teskludi 'l ħadd, la lil dawk li għalkemm għadhom ma jagħrfux lil Dak li ħalaqhom, jgħożżu valuri umani l-iżjed għolja, u lanqas lil dawk li jeħduha kontra l-Knisja u jippersegwitawha b'manjieri differenti. Billi Alla l-Missier huwa l-bidu u l-iskop ta' kulħadd, aħna msejħin biex inkunu aħwa. U għalhekk, għax imsejħin b'din l-istess sejħa umana u divina, aħna nistgħu u jmissna naħdmu flimkien, mingħajr vjolenza u mingħajr qerq, biex nibnu dinja fil-paċi tassew.

 

Dinja li għandha tinbena u titmexxa għall-iskop tagħha

93.  L-insara, li jiftakru fil-kliem tal-Mulej "Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba dejnietkom" (Ġw, 13, 35), ma jistgħux jixtiequ aktar bil-ħeġġa milli jservu lill-bnedmin ta' dan iż-żmien b'ġenerożità u ħidma effikaċi. Għalhekk, ubbidjenti lejn l-Evanġelju u msaħħin bil-qawwa tiegħu, magħqudin mal-bnedmin kollha li jħobbu u jħarsu l-ġustizzja, l-insara irċevew dmir kbir li għandhom iwettqu fuq l-art u li tiegħu għandhom jagħtu kont lil Dak li għad jiġġudika 'l kulħadd fl-aħħar jum. Mhux dawk kollha li jgħidu "Mulej, Mulej" jidħlu fis-saltna tas-smewwiet, imma dawk li jagħmlu r-rieda tal-Missier [168] u jmeddu jdejhom bil-kuraġġ għax-xogħol. Il-Missier irid li fil-bnedmin kollha naraw u nħobbu tassew, bil-kliem u bl-egħmil, lil Kristu ħuna, u hekk nagħtu xhieda tal-verità u naqsmu ma' oħrajn il-misteru ta' l-imħabba tal-Missier tas-sema. B'dan il-mod fid-dinja kollha l-bnedmin jitkebbsu għal tama ħajja, li hija don tal-Ispirtu s-Santu, biex fl-aħħar jintlaqgħu fil-paċi u fl-aqwa hena fil-patrija li tixgħel bil-glorja tal-Mulej.

 "Lil dak Alla li, bis-setgħa tiegħu li taħdem fina, għandu l-qawwa li jagħmel kollox bil-wisq iżjed milli aħna nistgħu, lilu l-glorja permezz tal-Knisja u permezz ta' Kristu Ġesù, għal kemm itulu ż-żminijiet, għal dejjem ta' dejjem. Amen." (Ef. 3, 20-21).

 

7 ta' Diċembru, 1965. 

 

Il-votazzjoni fuq dan id-dokument kienet hekk:

Iva 2309, Le 75,   Nulli 7   (Total: 2391)


 

Noti u Referenzi

 [1] Il-Kostituzzjoni Pastorali "Dwar  il-Knisja fid-dinja tal-lum" hija magħmula minn żewġ partijiet iżda tagħmel ħaġa waħda.

Il-Kostituzzjoni tissejjaħ "Pastorali" għaliex, fuq il-bażi ta' prinċipji dottrinali, għandha l-ħsieb tfisser x'inhi r-relazzjoni tal-Knisja mad-dinja u l-bnedmin tal-lum. Għalhekk la hija nieqsa fl-ewwel parti tal-Kostituzzjoni l-intenzjoni pastorali u lanqas hija nieqsa fit-tieni parti l-intenzjoni dottrinali.

Fl-ewwel parti, il-Knisja tiżviluppa t-tagħlim tagħħa dwar il-bniedem, dwar id-dinja li fiha l-bniedem igħix, dwar ir-relazzjoni tagħha magħhom. Fit-tieni parti hija tittratta fit-tul dwar l-aspetti diversi tal-ħajja moderna u tas-soċjetà tal-bnedmin u b'mod partikolari dwar il-kwistjonijiet u l-problemi li jidhru l-iżjed urġenti f'din il-materja. Ir-riżultat huwa li f'din it-tieni parti l-materja ittrattata fid-dawl tal-prinċipji dottrinali għandha mhux biss elementi permanenti iżda wkoll elementi kontinġenti.

Għalhekk il-Kostituzzjoni għandha tkun interpretata skond in-normi ġenerali ta' l-interpretazzjoni teoloġika; iżda jridu jittieħdu f'konsiderazzjoni, l-iżjed fit-tieni parti tal-Kostituzzjoni, iċ-ċirkustanzi li jitbiddlu li magħhom is-suġġetti ittrattati, min-natura tagħom stess, għandhom relazzjoni

 [2] Cf. Ġw 3,17; 18,37; Mt 20,28; Mk 10,45

 [3] Cf. Rum 7,14ss.

 [4] Cf. Kor 5,15

 [5] Cf. Atti 4,12.

 [6] Cf. Lhud 13,8.

 [7] Cf. Kol 1,15.

 [8] Cf. Ġen 1,26; Għerf 2,23.

 [9] Cf. Sir 17,3-10.

 [10] Cf. Rum 1,21-25.

 [11] Cf. Ġw 8,34.

 [12] Cf. Dan 3,57-90.

 [13] Cf. 1 Kor 6,13-20.

 [14] Cf. 1 Slaten 16,7; Ġer 17,10

 [15] Cf, Sir, 17,7-8.

 [16] Cf. Rum 2,14-16

 [17] Cf PIJU XII, Messaġġ bir-radju dwar il-kuxjenza nisranija li għandha tissawwar kif imiss fiż-żgħażagħ, 23 Mar 1952; AAS 44 (1952), p.271.

 [18] Cf. Mt 22, 37-40; Gal 5,14

 [19] Cf. Sir 15,14.

 [20] Cf. 2 Kor 5,10.

 [21] Cf. Għerf 1,13; 2,23-24; Rum 5,21; 6,23;Ġak 1,15.

 [22] Cf. 1 Kor 15,56-57.

 [23] Cf. PIJU XI, IV Divini Redemptoris, 19 Mar.1937: AAS  29 (1937),pp. 65-106; PIJU XII, IE Ad Apostolorum Principis, 29  Ġun. 1958: ASS  50 (1958), pp.601-614; ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej. 1961: AAS 53 (1961), pp.451-453; PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aw. 1964: AAS 56 (1964), pp.651-653.

 

 [24] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, Kap. I, n.8: AAS 57 (1965), p.12.

 [25] Cf. Fil 1,27.

 [26] Cf. S. WISTIN, Confess. 1,1:PL32661

 [27] Cf.Rum. 5,14, cf. TERTULLIJANU, De carnis resurr. 6: "F'kull forma li ssawret fit-tajn, nħasbet fi Kristu bħala l-bniedem li għad kellu jiġi'': PL 2,802 (848); CSEL 47 p. 33,1,12-13.

 [28] Cf. Kor 4,4.

 [29]  Cf. KONĊILJU TA' KOSTANTINOPLI, II, Kan.7: "La tbiddel Alla l-Verb fin-natura tal-ġisem u la tbiddel il-ġisem fin-natura tal-Verb": DENZ. 219(428). Cf. ukoll KONĊILJU TA' KOSTANTINOPLI III: "Hekk fih in-natura umana l-iżjed qaddisa u bla tebgħa tiegħu, għalkemm divinizzata, ma nqerditx (tħeotheisa onk anèrethè) iżda baqgħet fl-istat u l-isfera tagħha'': cf. KONĊILJU TA' KALĊIDONJA: Għandu jingħaraf f'żewġ naturi, mingħajr taħwid, tibdil, diviżjoni jew separazzjoni" : DENZ. 29(556).

 [30] KONĊILJU TA' KOSTANTINOPLI III: "Hekk ukoll ir-rieda umana tiegħu, għalkemm divinizzata, ma nqerditx": DENZ. 291(556).

 [31] Cf. Lhud 4,15.

 [32] Cf. 2 Kor.5,18-19; Kol. 1,20-22

 [33] Cf. 1 Pt. 2,21; Mt. 16,24; Lq.14,27.

 [34] Cf. Rum.8,29; Kol. 1,18.

 [35] Cf. Rum. 8,1-11.

 [36] Cf. 2 Kor 4,14.

 [37] Cf. Fil 3,10; Rum 8,17.

 [38] Cf. VAT. II,KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, Kap. II, n.16: AAS 57 (1965)

 [39] Cf.Rum. 8,32.

 [40]Cf. Il-Liturġija Bizantina tal-Għid.

 [41] Cf. Rum. 8,15, u Gal 4,6; ci ukoll Ġw 1,12 u 1 Ġw 3, 1-2.

 [42] Cf. ĠWANNi XXIII, IE Mater et Magistra, 15 Mej,1961: AAS 53 (1961), pp.401-464 u IE Pacem in terris, 11 Apr 1963: AAS 56 (1963), pp.257-304: PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, 6 Aww 1964: AAS 56 (1964), pp 609-659

 [43] Cf. Lq 17,33.

 [44] Cf. S TUMAS, 1 Ethic. Lect.1.

 [45] Cf. ĠWANNI XXIII, IE. Mater et Magistra; AAS 53 (1961), p.418. cf ukoll PIJU XI, IE Quadrogesimo anno, 15 Mej 1931: AAS 23 (1931), pp 222ss.

 [46] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, AAS 53 (1961), p. 417.

 [47] Cf Mk. 2.27

 [48] CF. ĠWANNI XXIII,  IE. Pacem in terris: AAS 55 (1963), p 266

 [49] Cf. Ġak. 2, 15-16.

 [50] Cf. Lq. 16, 19-31.

 [51]  Cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris: AAS.55 (1963) pp, 299 u 300.

 [52] Cf. Lq. 6,37-38; Mt.7,1-2; Rum/2. 1-11; 14,10-12.

 [53] Cf. Mt. 5, 43-47

 [54] VAT. II, KD dwar il-Knisja, Lumen Gentium,Kap II,n/9; AAs 57 (196%), pp.12-13

 [55] Cf Eż. 24, 1-8.

 [56] Cf.  Ġen 1, 26-27; 9, 2-3; Għerf 9, 2-3.

 [57] Cf. S 8,7 u 10.

 [58] Cf. ĠWANNI XXIII IE Pacem in terris: AAS 55 (1963) p.297.

 [59] Cf. Messaġġ lill-bnedmin kollha, mibgħut mill-Padri fil-bidu tal-Konċilju Vatikan II, Ott 1962; AAS 54 (1962). p. 823.

 [60] Cf. PAWLU VI, Diskors lill-Korp Diplomatiku, 7 Jan 1965: AAS 57(1965), p. 232.

 [61] Cf. VAT I, KD dwar il-Fidi kattolika, kap III: DENZ. 1785 – 1786 (3004-3005)

 [62] Cf. PIO PASCHICNI, Vita e opere di Galileo Galilei, 2, vol., Belt tal-Vatikan, 1964.

 [63] Cf. Mt 24.,13; 12, 24-30 u 36-43.

 [64] Cf. 2 Kor, 6,10.

 [65] Cf. Ġw 1,3 u 14

 [66] Cf. Ef 1,10.

 [67] Cf. Ġw 3,16; Rum 5, 8-10

 [68] Cf. Atti 2, 36; Mt 28.18

 [69] Cf. Rum. 15,16.

 [70] Cf. Atti 1,7.

 [71] 1 Kor. 7.31; S.IRINEW, Adversus Haereses, V, 36, 1PG 7, 1222.

 [72] Cf. 2 Kor. 5,2; 1 Pt 3.13.

 [73] Cf 1 Kor 2,9; Apk. 21,4-5

 [74] Cf  1 Kor, 15,42 u 53.

 [75] Cf 1 Kor. 13, 8; 3.14.

 [76] Cf Rum. 8, 19-21.

 [77] Cf. Lq. 9, 25.

 [78] Cf. PIJU XI, IE Quadrogesimo anno: AAS 23 (1931), p 207.

 [79] Prefazju tal-Festa ta' Kristu Sultan

 [80] Cf. PAWLU VI, IE Ecclesiam Suam, III, AAS 56 (1964) pp. 637-659

 [81] Cf. Tit. 3,4: ϕɩʎɑʋɵpωπια

 [82] Cf. Ef. 1,3; 5-6; 13-14; 23.

 [83] Vat. II, KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, Kap I, n.8:  AAS 57 (1965), p.12

 [84] Ibid. Kap II, n.9: AAS 57 (1965) p.14, cf. n.8. AAS, l.cl. p.11. 

 [85] Ibid: Kap I, n.8: AAS 57 (1965), p.11.

 [86] Cf. Rum. 8, 14-17.

 [87] Cf. Mt. 22, 39

 [88] Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, Kap. II,n.9: AAS 57 (1965), pp. 12-14.

 [89] Cf.  PIJU XII, Diskors lill-istudenti ta' l-istorja u tal-arti, 9 Mar 1956: AAS 48 (1956), p.212.

 [90] KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, Kap I, n.1: AAS 57 (1965), p.5

 [91] Cf. Lhud, 13,14.

 [92]Cf. 2 Tess. 3,6-13; Ef. 4,28

 [93] Cf. Is, 58, 1-12.

 [94] Cf. Mt. 23, 3-33; Mk. 7, 10-13.

 [95] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra, IV: AAS 53 (1961), pp.456-457; cf.: AAS,l.c.,pp 407, 410- 411.

 [96] Cf. VAT.II, KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, Kap III, n.28: AAS 57 (1965), pp. 34-35.

 [97] Ibid.,n. 28 AAS 1.c. pp. 35-36.

 [98] Cs. S.AMROĠ, De virginitate, Cap.  VIII, n. 48; PL 16, 278.

 [99] VAT II, KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, Kap II, n.15: AAS 57 (1965),p 20

 [100] VAT II KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, Kap II, n.13: AAS 5 (1965), p.17.

 [101] CF. ĠIUSTINU, Dialogus com Tryphone, Cap 110: PG 6, 729; Otto 1897, pp. 391-392: "...iżda aktar ma jiżdiedu l-persekuzzjonijiet li jsirulna aktar jiżdied l-għadd ta' dawk li jsiru jemmnu b'tjieba permezz ta' l-isem ta' Ġesu'/" cf. TERTULLJANU, Apologeticus, cap. I, 13: PL 1534, Corpus Cchrist, ser. Lat. I, p. 171: "Kull darba li taħsduna bħall-ħaxix, niżdiedu fl-għadd: id-demm ta' l-insara huwa żerriegha." Cf. VAT. II, KD dwar il-Knisja Lumen gentium, Kap II, n.9; AAS 57 (1965), p. 14.

 [102] VAT.II. KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, Kap VII, n. 48: AAS 57 (1965) , p.53

 [103] Cf. PAWLU VI, Diskors magħmul fit-3 ta' Frar, 1965

 [104] Cf. S.WISTIN, De bono coniugii: PL 40,375-376 u 394; S.TUMAS, Summa Theol. Suppl. Quaest. 49, art 3 ad 1: Decretum pro Armenis DENZ. 702 (1327), PIJU XI, IE Casti Connubii: AAS 22 (1930), pp. 543-555; DENZ: 2227-2228 (3703  -- 3714),

 [105]Cf. PIJU XI, IE., Casti Connubii: AAS 22 (1930), pp 546 – 547; DENZ. 2231 (3706).

 [106] Cf. Ħos, 2; Ġer. 3,6-13; Eż. 6 u 23; Is.54.

 [107] Cf. Mt. 9,15; Mk. 2 19-20; Lq 5, 34-35; Ġw. 3, 29; 2 Kor. 11,2; Ef. 5,27; Apok. 19,7; 21, 2 u 9.

 [108] Cf. Ef. 5,25.

 [109] Cf. VAT. II. KD dwar il-Knisja Lumen gentium,: AAS, 57 (19965) pp.15-16; 40-41; 47.  

 [110] Cf PIJU XI, IE Casti Connubii: AAS 22 (1930), p 583

 [111] Cf. 1 Tim. 5,3.

 [112] Cf. Ef. 5, 32.

 [113] Cf. Ġen/ 2,22-24; Prov.5,18-20; Tob, 8,4-8, Għan. 1, 1-3; 2,16; 7, 8-11; 1 Kor.7, 3-6; Ef. 5, 25-30

 [114] Cf. PIJU XI, IE. Casti Cunnubii: AAS 22 (1930), pp. 547 u 548; DENZ. 2232 (3707).

 [115] Cf. 1 Kor. 7,5.

 [116] Cf PIJU XII, Diskors Tra lel visite, 20 Jan 1958: AAS 50 (1958), p.91.

 [117] CF. PIJU XI, IE Casti Connubii: AAAS 22 (940), pp.559-561; DENZ 2239-2241 (3716-3718); PIJU XII, Diskors lill-Kungress ta' l-Uniune Italiana delle Ostetriche, 29 Ott 1951: AAS 43 (1951), pp. 835-854),; PAWLU VI, Diskors lill-Kardinali, 23 Ġun, 1964: AAS 56 (1964), pp. 581-589. B'ordni tal-Papa, ċerti kwistjonijieti, li kienu jitolbu stħarriġ iżjed u aktar fil-fond, ngħataw f'idejn kummissjoni għall-istudju dwar il-poplazzjoni, il-familja u t-twelid. Il-Papa għandu jagħti ġudizzju fuqhom meta l-Kummissjoni tispiċċa l-istudju tagħha. Sakemm it-tagħlim tal-Maġisteru huwa dak li hu, il-Konċilju m'għandux il-ħsieb jipproponi soluzzjonijiet konkreti immedjatament.

 [118] Cf. Ef. 5,16; Kol, 4.5.

 [119] Cf. Sacramentarium Gregorianum; PL 78, 262

 [120] Cf Rum 5.15 u 18; 6,5 – 11; Gal. 2,20

 [121] Cf. Ef. 5,25-27

 [122] Ara L-Espożizzjoni introduttiva ta' din il-Kostituzzjoni, nn 4-10

 [123] Cf. Kol, 3,1-2.

 [124] Cf. Ġen. 1,28

 [125] Cf Prov. 8, 30-31

 [126] Cf. S. IRINEW, Adv. Haer, III, 11,8; ed Sagnard p. 200; cf id. 16,6, pp.290-292; 21, 10-22, pp. 370-372; 22,3. p.378; eċċ

 [127] Cf. Ef. 1.10.

 [128] CF. dak li kien qal Piju Xi,lir-RE.P.M.D. Ronald Gosselin:  Semaines Sociales de France, Versailles, 1936 pp. 461-462

 [129] VAT,II, KD De fidi cath. Kap. IV: DENZ 1795,1799 (3015, 3019). Cf PIJU XI, IE Quadragesimo anno: AAS. 23 (1931). P.190.

 [130] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris: AAS 55 (1963), p.260.

 [131] Cf. ĠWANNI XXIII, IE. Pacem in terris: AAS 55 (1963), p.283; PIJU XII. Messaġġ bir-radju, 24 Dic,1941: AAS 34 (1942), pp 16-17.

 [132] Cf. ĠWANNI XXIII, IE. Pacem in terris,: AAS, 55 (1963), p.260.

 [133] Cf. ĠWANNI XXIII, It-talba li għamel fil-bidu tal-Konċiliju, 11 Ott. 1962: AAS 54 (1962), p.792.

 [134] Cf. K dwar il-Liturġija Mqaddsa, Sacrosanctum Concilium, n.123: AAS 56 (1964) p.131: PAWLU VI, Diskors lill-artisti ta' Ruma, 7 Mej. 1964: AAS 56 (1964) pp.439-442

 [135] Cf. VAT. II, Digr. Swar il-formazzjoni saċerdotali.  Optatam totius u d-Dgr. Dwar l-edukazzjoni nisranija., Gravissimum educationis

 [136] Cf.  KD dwar il-Knisja, Lumen gentium, Kap IV, n.37: AAS 57 (1965), pp. 42-43. 1  Cf. PIJU XII, Messaġġ,. 23 Mar, 1952; AAS 44,(1952, p.273; ĠWANNI XXIII, Diskors lill-A.C. I., i Mar 1959, AAS 51 (1959), p.358.

 [137] Cf. PIJU XI, IE Quadrogesimo anno: AAS 23 (1931),pp.190ss; PIJU XII, Messaġġ, 23 Mar, 1952; AAS 44 (1952),pp.276ss; ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra: AAS 53 (1961), p.450; VAT II Degr. Inter mirifica, Kap I, n,6: AAS 56 (1964), p.147.

 [138] Cf. Mt. 16,26; Lq. 16,1-31; Kol. 3,17.

 [139] Cf.LJUN XIII, IE Libertas praestantissimum, 20 Ġun 1888: AAS 20 (1887 1888), pp. 597ss; PIJU XI, IE Quadragesimo anno: AAS 23 (1931), pp.191ss; Id-Divini Redemptoris: 39 (1937), pp. 65ss; PIJU XII, Messaġġ tal-Milied, 1941; AAS 34 (1942), pp.10ss; ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra: AAS 53 (1961), pp. 341ss

 [140] Dwar il-problema ta' l-agrikoltura l-aktar ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra: AAS  53 (1961) pp.341ss

 [141] Cf. LJUN XIII, IE Rerum Novarum,:ASS 23 (1890),pp.649,662; PIJU, IE Quadragesimo Anno: AAS 23 (1931),pp. 200-201; id. IE Divini Redemptoris: AAs 29 (1937) p.92; PIJU XII, Messaġġ bir-radju lejlet il-Milied 1942: AAS  35 (1943), p.20; id. Diskors, 13 Ġun. 1943: AAS  35 (1943), p.172; id. Messaġġ bir-radju lill-ħaddiema ta' Spanja, 11 Mar. 1951: AAS 43 (1951), p.215; ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra: AAS 53 (1961), p.419.

 [142] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra: AAS 53 (1961), pp. 408, 424,427; iżda l-kelma 'curatione' hija meħuda mit-test Latin tal- l-Enċiklika Quadrogesimu Anno :AAS 23 (1931), p. 199. biex wieħed jara l-iżvilupp tal-kwistjoni ara wkoll: PIJU XII, diskors, 3 Ġun 1950: AAS 42 (1950), pp. 485-588; PAWLU VI, Diskors, 8 Ġun. 1964: AAS 56 (1964), pp. 574-579.

 [143] Cf. PIJU XII, IE Sertum laetitae: AAS 31 (1939), 642; ĠWANNI XXIII, Diskors lill-Konċistorju: AAS 521 (1960), pp.5-11; Id. IE Mater et Magistra AAS 53, (1961), p 411.

 [144] Cf. S.TUMAS, Summa Theol. II -- II q. 32, a.5 ad 2; ibid 9,66, a2; cf. l-ispjegazzjoni fl-IE Rerum Novarum ta' Ljun XIII: AAS 23 (1890-91), p.651l cf, ukoll, PIJU XII, Diskors, 1 Gun 1941 AAS 33 (1941) p. 199: Id, Messaġġ tal-Milied bir-radju fl-1954L AAS 47 (1955), p 27

 [145] Cf. S. BAŻILJU, Hom, in illud Lucae n"Destruam horrea mea", n.2: PG 31,263; LATANZJU, Divinarm Institutionum, lib. V, de iusititia; PL 6,56s B; S.WISTIN, In loann. Ev., tr.50, n6. PL.35,1760; Id. Enarrationin Ps. CXI.VII, 12: PL 37,1922; S.GIRGO IL-KBIR, Homilae in Ev. Hom 20: PL. 76, 1165; ID Reguale Pastoralis liber, pars III, c.21; PL 77,87;  S. BONAVENTURA, In III Sent, d.33,dub. 1 (ed Quaracchi III, 728); Id., In IV Sentnn.: d.15, p II, q,7 (ed. Cit. IV,, 371 G); q.de superfluo (ms Assisi, Bibl, comun. 186, ff. 112a –113a); S.ALBERTU L-KBIR, In III Sent., d.33, a3, Sol ! (ed Borgouet XXVIII, 611,) , Id In IV Sent, d.15,a.16 (ed. Cit.XXIX, 494-497). Għal dak li għandu x'jaqsam mad-determinazzjoni taż-żejjed fi żmienna fl.  ĠWANNI XXIII, Messaġġ bir-radju u t-televiżjoni, 11 Sett.1962: AAS 54 (1962), p. 682: ”Huwa dmir ta' kull bniedem, huwa dmir li jqanqal ta' kull nisrani,li jqis iżżejjed bil-kejl tal-ħtiġiet ta' l-oħrajn u li jgħasses illi l-amministrazzjoni u t-tqassim tal-ġid maħluq jisfgħu ta' vantaġġ għal kulħadd."

 [146] F'dan il-każ japplika l-prinċipju antik:" fi ħtieġa estrema l-ġid kollu jsir ta' kulħadd, jiġifieri għandu jitqassam lil kulħadd: "Min-naħa l-oħra, biex wieħed jara sewwa għala, safejn u kif għandu jkun applikat dan il-prinċipju cf., barra l-awturi moderni li huma ta' min joqgħod fuqhom. S. TUMAS. Summa Theol. II—II, q. 66, a.7. Kif huwa evidenti, biex dan il-prinċipju jkun applikat sewwa jenħtieġ li jitħarsu l-kondizzjonijiet morali kollha neċessarji.

 [147] Cf. GRAZZJANU, Decretum, C21, dist. LXXXVI,; ed. Friederg 1,302. Dan l-assjoma tinsab f'PL.54,591 A u PL 56,1132 B. cf: Antonianum 27 (1952), 349-366.

 [148] Cf. LJUN XIII IE Rerum Novarum: AAS 23 (1890-91), pp.643-646; PIJU XI. IE. Quadrogesimo anno; AAS 23 (1931), .191; PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 1 Ġun 1941; AAS 33 (1941), p.199; Id., Messaġġ bir-radjo lejliet il-Milied 1942: AAS 35(1943), P .17; Id, Messaġġ bir-radjo, 1 Sett 1944: AAS 36 (1944), P.253; ĠWANNI XXIII, IE. Mater et Magistra: AAS 53 (1961), pp 428-429

 [149] Cf. PIJU XI, IE Quadrogesimo anno: AAS 23 (1931), p.214; ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra: AAS 53 (1961) p429.

 [150] Cf. PIJU XII, Messaġġ bir-radju għal Għid il-Ħamsin 1941: AAS 44 (1941), p.199; ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra: AAS 531 (1961), p.430.

 [151] Dwar l-użu tajjeb u ġust tal-ġid skond it-tagħlim tat-Testment il-Ġdid cf. Lq.3.11; 10,3ss; 11,41; 1Piet 5,3; Mk. 8.36; 12, 29-31; Ġak. 5, 1-6; 1 Tim. 6,8; Ef. 4,28; 2 Kor, 8, 13ss; 1Ġw. 4, 17-18.

 [152] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Mater et Magistra: AAS 53 (1961), p. 417.

 [153] Cf. Id., ibid

 [154] Cf. Rum. 13, 1-5

 [155] Cf/ Rum, 13,5

 [156] Cf. PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 24 Di1942: AAS 35 (1942): AAS 35 (1943), pp.9-24; 24 Diċ 1944: AAS 37 (1945), pp. 11-17; ĠWANNI XXIII, :IE. Pacem in terris AAS 55 (1963), pp. 263-271 u 278.

 [157] Cf. PIJU XII, Messaġġ bir-radju, 1 Ġun 1941: AAS 33 (1941) AAS 33 (1941). P.200; ĠWANNI XXIII, IE Pacem in Terris: l.c., pp.273 u 274.

 [158] Cf. Ġwanni XXIII,  IE Mater et Magistra:  AAS 53 (1961), pp. 415-418.

 [159] Cf. PIJU XI< Diskors lid-diriġenti tal-Federazione Universitaria Cattolica: Discorsi di Pio Xi: ed. Bertetto. Torino, Vol1, (1960), p. 743.

 [160] Cf. VAT.II. KD dwar il-Knisja Lumen Gentium, n. 13: AAS 57 (1965), p. 17.

 [161] Cf. Lq 2,14

 [162]  Cf Ef. 2,16; Kol 1, 20-22.

 [163] Cf ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris, 11 Apr, 1963; AAS 55 (1963), p. 291: "Għalhekk fi żmienna, li jiftaħar bil-qawwa atomika tiegħu, huwa irrazjonali li taħseb li l-gwerra għadha l-mezz tajjeb biex tpatti għall-jeddijiet miksura."

 [164] Cf. PIJU XII, Diskors, 30 Sett 1954 AAS 46 (1954), p. 589; Messaġġ r-radju, 24 Diċ 1954: AAS 47 (1955), pp. 15ss; ĠWANNI XXIII, IE Pacem in terris: AAS 55 (1963). Pp. 286-291; PAWLU VI, Diskors lil Ġnus Magħquda, 4 Ott 1965: AAS 57 (1965), pp 887-885

 [165]Cf. ĠWANNI XXIII, IE, Pacem in terris, fil-parti li fiha jitkellem dwar it-tnaqqis tal-armamenti: AAS 55(1963), p.287

 [166] Cf. 2 Kor 6,2.

 [167] Cf. ĠWANNI XXIII, IE Ad Petri Cathedram, 29 Ġun, 1959: AAS 55 (1959), p. 513.

 [168] Cf, Mt 7, 21.