MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

GĦALL-XXXV JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ 2020

 

“Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!” (ara Lq 7:14)

 

Għeżież żgħażagħ,

 

F’Ottubru 2018, bis-Sinodu tal-Isqfijiet fuq it-tema Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali, il-Knisja bdiet proċess ta’ riflessjoni fuq il-qagħda tagħkom fid-dinja tal-lum, fuq it-tiftixa tagħkom għal sens u għal proġett fil-ħajja, fuq ir-relazzjoni tagħkom ma’ Alla. F’Jannar 2019, iltqajt ma’ mijiet ta’ eluf ta’ sħabkom mid-dinja kollha, miġbura fil-Panamá għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Ġrajjiet ta’ din l-għamla – Sinodu u JDŻ – jesprimu dimensjoni essenzjali tal-Knisja: li “nimxu flimkien”.

 

F’din il-mixja, kull darba li nagħmlu kisba importanti, Alla u l-istess ħajja jisfidawna biex nerġgħu nitilqu. Intom iż-żgħażagħ esperti f’dan! Tħobbu tivvjaġġaw, tħabbtu wiċċkom ma’ postijiet u wċuħ li ma tkunux rajtuhom qabel, tgħixu esperjenzi ġodda. Għalhekk għażilt bħala destinazzjoni tal-pellegrinaġġ interkontinentali tagħkom li jmiss, fl-2022, il-belt ta’ Lisbona, kapitali tal-Portugall. Minn hemm, fis-sekli ħmistax u sittax, ħafna żgħażagħ, fosthom tant missjunarji, telqu lejn artijiet mhux magħrufa, anki biex jaqsmu l-esperjenza tagħhom ta’ Ġesù ma’ popli u ġnus oħra. It-tema tal-JDŻ ta’ Lisbona se tkun: “Marija qamet u marret tħaffef” (Lq 1:39). Fis-sentejn ta’ qabel, ħsibt li nirrifletti flimkien magħkom fuq żewġ testi bibliċi oħra: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!” (ara Lq 7:14), fl-2020, u “Qum! Jiena nagħmlek xhud tad-dehra li fiha rajtni” (ara Atti 26:16), fl-2021.

 

Kif tistgħu taraw, il-verb komuni għat-tliet temi hu qum. Din l-espressjoni tassumi wkoll is-sinifikat ta’ qawmien mill-ġdid, qawmien għall-ħajja. Huwa verb li nsibuh ħafna fl-Eżortazzjoni Christus vivit (Kristu jgħix!), li ddedikajtilkom wara s-Sinodu tal-2018 u li, flimkien mad-Dokument finali, il-Knisja qed toffrilkom bħala fanal biex idawwal il-mogħdijiet tal-ħajja tagħkom. Nittama b’qalbi kollha li l-mixja li se twassalkom Lisbona ġġib fil-Knisja kollha impenn qawwi għat-twettiq ta’ dawn iż-żewġ dokumenti, u torjenta l-missjoni tal-animaturi tal-pastorali maż-żgħażagħ.

 

Ngħaddu issa għat-tema tagħna ta’ din is-sena: Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum! (ara Lq 7:14). Diġà kkwotajt dan il-versett tal-Vanġelu fil-Christus vivit: “Jekk tħossok tlift il-ħeġġa ta’ ġo fik, il-ħolm, l-entużjażmu, it-tama u l-ġenerożità, quddiemek għandek lil Ġesù, l-istess kif deher quddiem l-iben mejjet ta’ dik l-armla, u bil-qawwa kollha tiegħu ta’ Rxoxt il-Mulej qed isejjaħlek: ‘Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!’” (n. 20).

 

Din is-silta tirrakkontalna kif Ġesù, meta daħal fil-belt ta’ Najn, fil-Galilija, jaħbat ma’ korteo funebri għad-difna ta’ żagħżugħ, iben uniku ta’ omm armla. Ġesù, milqut min-niket kiefer ta’ din il-mara, iwettaq il-miraklu li jqajjem għall-ħajja lil binha. Imma l-miraklu jasal wara sekwenza ta’ atteġġjamenti u ġesti: “Kif raha l-Mulej tħassarha. ‘Tibkix’, qalilha. Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu” (Lq 7:13-14). Nieqfu u nimmeditaw fuq xi wħud minn dawn il-ġesti u kelmiet tal-Mulej.

 

Jilmaħ in-niket u l-mewt

Ġesù jixħet fuq din il-purċissjoni funebri ħarsa attenta u mhux distratta. Minn qalb il-folla jilmaħ il-wiċċ ta’ mara fi tbatija liema bħalha. Il-ħarsa tiegħu toħloq il-laqgħa, għajn ta’ ħajja ġdida. Ma tantx hemm bżonn ta’ kliem.

 

U l-ħarsa tiegħi, kif inhi? Inħares b’għajnejn attenti, jew bħal meta nqalleb malajr l-eluf ta’ ritratti fuq il-mowbajl tiegħi jew il-profili soċjali? Kemm drabi llum jiġrilna li naraw b’għajnejna stess tant ġrajjiet, imma mingħajr qatt ngħixuhom b’mod dirett! Kultant l-ewwel reazzjoni tagħna hi li nirrekordjaw ix-xena bil-mowbajl, aktarx mingħajr ma nħarsu tassew f’għajnejn il-persuni involuti.

 

Madwarna, imma xi kultant anki ġo fina, niltaqgħu ma’ realtajiet tal-mewt: fiżika, spiritwali, emottiva, soċjali. Nintebħu bihom, jew sempliċiment inbatu l-konsegwenzi tagħhom? Hemm xi ħaġa li nistgħu nagħmlu biex nerġgħu nġibu l-ħajja?

 

Jiġuni f’moħħi tant sitwazzjonijiet negattivi li jgħixu sħabna tal-istess età. Hemm min, ngħidu aħna, jilgħab kollox fuq illum, u jqiegħed lil ħajtu fil-periklu b’esperjenzi estremi. Mill-banda l-oħra, żgħażagħ oħra huma “mejta” għax tilfu t-tama. Waħda tfajla qaltli: “Fost sħabi nara li tilfu l-ispinta biex jirriskjaw, il-kuraġġ li jqumu”. B’xorti ħażina anki fost iż-żgħażagħ qed tixtered id-dipressjoni, li f’xi każijiet tista’ twassal saħansitra għat-tentazzjoni li jneħħu ħajjithom. Kemm sitwazzjonijiet fejn issaltan l-apatija, fejn jintilfu fl-abbiss tal-biża’ u tar-rimors! Kemm żgħażagħ jibku mingħajr ħadd jisma’ l-karba tar-ruħ tagħhom! Madwarhom ħafna drabi ħarsiet mitlufa, indifferenti, ta’ min forsi jgawdi l-happy hour tiegħu waqt li jżomm bogħod minnhom.

 

Hemm min jgħaddiha fis-superfiċjalità, jaħseb li hu ħaj meta minn ġewwa hu mejjet (ara Apok 3:1). Nistgħu nsibu ruħna ta’ għoxrin sena nkaxkru warajna ħajja li tniżżilna ’l isfel, u mhux terfagħna għad-dinjità tagħna. Kollox jirriduċi ruħu għal ħajja li tfittex xi gratifikazzjoni: ftit tad-divertiment, farka attenzjoni u mħabba mill-oħrajn… Hemm ukoll narċisiżmu diġitali li xtered sew, li jinfluwenza kemm liż-żgħażagħ u kemm lill-adulti. Hemm ħafna li jgħixu hekk! Xi wħud fosthom forsi belgħu l-arja ta’ madwarhom fejn hemm il-materjaliżmu ta’ min jaħseb biss kif ħa jagħmel il-flus u jirranġa, bħallikieku dawn kienu l-uniċi skopijiet tal-ħajja. Fil-verità, dan kollu bilfors se jwassalhom li jgħixu b’mod żbaljat, f’apatija, imxebbgħin mill-ħajja, li naqra naqra jixħithom f’bir bla qiegħ.

 

L-atteġġjamenti negattivi jistgħu jiġu mqanqla wkoll mill-fallimenti personali, meta xi ħaġa li kienet għal qalbhom, li għaliha kienu impenjaw ruħhom, ma għadhiex taħdem jew ma twassalx għar-riżultati li ttamaw fihom. Dan jista’ jiġri fil-qasam skolastiku, jew bl-ambizzjonijiet fl-isport, artistiċi… It-tmiem ta’ “ħolma” jista’ jġagħalna nħossuna mejta. Imma l-fallimenti jagħmlu parti mill-ħajja ta’ kull bniedem, u xi drabi jistgħu jkunu wkoll grazzja! Spiss xi ħaġa li konna naħsbu li tagħmilna ferħanin tinkixef li hi illużjoni, idolu. L-idoli jippretendu kollox minna u jagħmluna lsiera, imma ma jagħtuna xejn lura. U fl-aħħar jitfarrku, u jħallu biss irmied u duħħan. F’dan is-sens il-fallimenti, jekk iwasslu għat-tiġrif tal-idoli, huma xi ħaġa tajba, anki jekk iġagħluna nbatu.

 

Nistgħu nkomplu nsemmu kundizzjonijiet oħra ta’ mewt fiżika jew morali li żagħżugħ jista’ jsib ruħu fihom, bħad-dipendenzi, l-atti kriminali, il-miżerja, mara gravi… Imma nħalli f’idejkom biex tirriflettu personalment u ssiru konxji ta’ dak li kkawża “mewt” fikom jew f’xi ħadd qrib tagħkom, fil-preżent jew fil-passat. Fl-istess waqt, ftakru li dak iż-żagħżugħ tal-Vanġelu, li kien miet tassew, reġa’ beda jgħix għax ħares lejh Xi Ħadd li riedu jgħix. Dan jista’ jiġri mill-ġdid illum u ta’ kuljum.

 

Jitħassar

L-Iskrittura Mqaddsa spiss tirrakkonta kif iħossu min iħalli tmissu “sa fil-ġewwieni” t-tbatija tal-oħrajn. Ġesù jitqanqal, u dan iġagħlu jħossu parti mir-realtà tal-ieħor. Jitgħabba bil-miżerja tal-ieħor. L-uġigħ ta’ qalb ta’ dik l-omm isir l-uġigħ ta’ qalbu. Il-mewt ta’ dak l-iben issir il-mewt tiegħu.

 

F’tant okkażjonijiet intom iż-żgħażagħ turu li tafu tikkom-patixxu. Biżżejjed tara kemm minnkom jingħataw b’ġenerożità meta ċ-ċirkustanzi jitolbu dan minnhom. Ma jkunx hemm diżastru, terremot, għargħar li ma jarawx ġemgħat ta’ voluntiera żgħażagħ disponibbli biex jagħtu daqqa t’id. Anki l-mobilitazzjonijiet kbar ta’ żgħażagħ li jridu jiddefendu l-ħolqien huma xhieda tal-ħila tagħkom li tisimgħu l-karba tal-art.

 

Għeżież żgħażagħ, tħallux lil min jisirqilkom din is-sensibbiltà! Jalla tagħtu dejjem widen għall-karba ta’ min qed ibati; ħallu jqanqlukom lil dawk li qed jibku u jmutu fid-dinja tal-lum. “Ċerti realtajiet tal-ħajja jidhru biss bl-għajnejn maħsula mid-dmugħ” (Christus vivit, 76). Jekk tagħrfu tibku ma’ min jibki, tkunu tassew ferħana. Tant minn sħabkom m’għandhomx l-opportunitajiet, iġarrbu vjolenzi, persekuzzjonijiet. Ħallu l-ġrieħi tagħhom isiru tagħkom, u tkunu qed ixxerrdu t-tama f’din id-dinja. Tkunu tistgħu tgħidu lil ħukom, lil oħtkom: “Qum, m’intix waħdek”, u ddewqu li Alla l-Missier iħobbna u Ġesù huwa d-driegħ tiegħu miftuħ biex jerfagħna mill-ġdid.

 

Jersaq u “jmiss”

Ġesù jwaqqaf il-korteo funebri. Jersaq qrib, isir proxxmu. Il-qrubija timbuttana biex immorru lil hemm u ssir ġest kuraġġjuż biex l-ieħor jista’ jgħix. Ġest profetiku. Hija l-id ta’ Ġesù, il-Ħaj, li jmissna biex jagħtina l-ħajja. Imissna biex isawwab l-Ispirtu s-Santu fil-ġisem mejjet taż-żagħżugħ u jerġa’ jagħti l-ħajja lill-funzjonijiet vitali tiegħu.

 

Dik l-id ta’ Ġesù tinfed fir-realtà ta’ tbatija u qtigħ il-qalb. Huwa d-Divin li jmissna, li jgħaddi wkoll mill-imħabba umana awtentika u jiftaħ spazji li ma konna qatt ħsibna fihom qabel, ta’ libertà, dinjità, tama, ħajja ġdida u sħiħa. L-effikaċja ta’ dan il-ġest ta’ Ġesù ma nistgħux inkejluha. Hu jfakkarna li anki sinjal ta’ qrubija, sempliċi imma konkret, jista’ jqajjem qawwiet ta’ qawmien.

 

Iva, anki intom iż-żgħażagħ tistgħu tersqu qrib tar-realtajiet ta’ niket u ta’ mewt li tiltaqgħu magħhom, tistgħu tmissuhom u ġġibu l-ħajja bħalma għamel Ġesù. Dan hu possibbli, grazzi għall-Ispirtu s-Santu, jekk l-ewwel tkunu intom li ħallejtu mħabbtu tmisskom, jekk il-qalb tagħkom tħalli trattabha l-esperjenza tat-tjieba tiegħu lejkom. Hekk imbagħad, jekk tħossu ġewwa fikom il-ħlewwa qawwija ta’ Alla għal kull ħlejqa ħajja, speċjalment għall-aħwa mġewħa, bil-għatx, morda, għarwiena, fil-ħabs, hekk tkunu tistgħu tersqu qrib kif jagħmel hu, tmissu bħalu, u tgħaddu l-ħajja tiegħu lil ħbiebkom li huma mejta minn ġewwa, li qed ibatu jew tilfu l-fidi u t-tama.

 

“Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!”

Il-Vanġelu ma jsemmihx l-isem ta’ dak iż-żagħżugħ imqajjem minn Ġesù f’Najn. Din hi stedina lill-qarrej biex isir ħaġa waħda miegħu. Ġesù qed ikellem lilek, lili, lil kull wieħed u waħda minna, u jgħidilna: “Qum!”. Nafu tajjeb li anki aħna l-Insara nċedu u dejjem għandna bżonn inqumu mill-ġdid. Huwa biss min ma jimxix li ma jaqa’ qatt, imma dan lanqas jimxi ’l quddiem. Għalhekk hemm bżonn nagħrfu x’kien l-intervent ta’ Kristu u nagħmlu att ta’ fidi f’Alla. L-ewwel pass hu li naċċettaw li nqumu mill-ġdid. Il-ħajja ġdida li hu jagħtina hi tajba u jixirqilha li ngħixuha, għax sa tkun imwieżna minn Dak li jseħibna anki fil-futur mingħajr qatt jitlaqna waħidna, jgħinna ngħixu din il-ħajja tagħna b’mod denn u għammiel.

 

Huwa tabilħaqq ħolqien ġdid, twelid ġdid. Mhuwiex xi kundizzjonament psikoloġiku. Aktarx, fil-mumenti ta’ diffikultà, ħafna minnkom smajtu lilkom infuskom ittennu l-kelmiet “maġiċi” li llum saru moda u għandhom isolvu kollox: “Trid temmen fik innifsek”, “Trid issib ir-riżorsi ġewwa fik”, “Trid tkun konxju mill-enerġija pożittiva li għandek fik”… Imma dawn kollha huma sempliċi kliem u għal min hu tassew “mejjet minn ġewwa” mhux ħa jaħdmu. Il-kelma ta’ Kristu hi ta’ profondità oħra, hi infinitament superjuri. Hija kelma divina u ħallieqa, li waħidha tista’ trodd il-ħajja hemm fejn kienet intfiet.

 

Il-ħajja ġdida “ta’ mqajmin mill-mewt”

Iż-żagħżugħ, jgħid il-Vanġelu, “beda jitkellem” (Lq 7:15). L-ewwel reazzjoni ta’ persuna li ntmesset u ntradditilha l-ħajja minn Kristu hi li tesprimi ruħha, turi bla biża’ u bla kumplessi dak li hemm fiha, il-personalità tagħha, ix-xewqat tagħha, il-bżonnijiet tagħha, il-ħolmiet tagħha. Forsi qabel, dan ma kienet għadha qatt m’għamlitu, kienet konvinta li ħadd ma jista’ jifhimha.

 

Titkellem ifisser ukoll tidħol f’relazzjoni mal-oħrajn. Meta nkunu “mejta” ningħalqu fina nfusna, ir-relazzjonijiet tagħna jitfarrku, jew isiru superfiċjali, foloz, ipokriti. Meta Ġesù jroddilna l-ħajja, “jagħtina” lill-oħrajn (ara v. 15).

 

Illum spiss hemm “konnessjoni” imma mhux komunikazzjoni. L-użu tal-mezzi elettroniċi, jekk ma jkunx ibbilanċjat, jista’ jżommna dejjem imwaħħlin ma’ skrin. B’dan il-messaġġ nixtieq anki nniedi, flimkien magħkom iż-żgħażagħ, l-isfida ta’ bidla kulturali, ibda minn dak il-“Qum!” ta’ Ġesù. F’kultura li tixtieq liż-żgħażagħ iżolati u mgħawġa ’l isfel f’dinjiet virtwali, ejjew inxerrdu din il-kelma ta’ Ġesù: “Qum!”. Hija stedina biex ninfetħu għal realtà li tmur sew lil hemm mill-virtwali. Dan ma jfissirx li nistkerrhu t-teknoloġija, imma li nużawha bħala mezz u mhux bħala fini. “Qum” ifisser ukoll “oħlom”, “irriskja”, “ħabrek biex tibdel id-dinja”, erġa’ kebbes ix-xewqat tiegħek, ikkontempla s-sema, l-istilel, id-dinja ta’ madwarek. “Qum u sir dak li int!”. Grazzi għal dan il-messaġġ, tant uċuħ mitfija ta’ żgħażagħ madwarna jerġgħu jieħdu l-lewn tagħhom u jsiru ħafna isbaħ minn kull realtà virtwali.

 

Għax, jekk int tagħti ħajtek, xi ħadd ħa jilqagħha. Wieħed żagħżugħ qal: “Tqum minn fuq is-sufan jekk tara xi ħaġa sabiħa u tiddeċiedi li tagħmilha int ukoll”. Dak li hu sabiħ iqanqal passjoni. U jekk żagħżugħ jappassjona ruħu għal xi ħaġa, jew aħjar, għal Xi Ħadd, fl-aħħar iqum u jibda jagħmel ħwejjeġ kbar; minn mejjet kif kien, jista’ jsir xhud ta’ Kristu u jagħti ħajtu għalih.

 

Għeżież żgħażagħ, liema huma l-passjonijiet u l-ħolmiet tagħkom? Ħalluhom jixirfu, u permezz tagħhom ipproponu lid-dinja, lill-Knisja, lil żgħażagħ oħra, xi ħaġa sabiħa fil-qasam spiritwali, artistiku, soċjali. Intennilkom fi lsien art twelidi: hagan lìo! Ħallu lil min jismagħkom! Żagħżugħ ieħor smajtu jgħid: “Kieku Ġesù kien wieħed li moħħu biss fl-affarijiet tiegħu, bin l-armla ma kienx iqum”.

 

Il-qawmien taż-żagħżugħ reġa’ ħaddnu ma’ ommu. F’din l-omm nistgħu nilmħu lil Marija, l-Omm tagħna, li lilha nafdaw iż-żgħażagħ kollha tad-dinja. Fiha nistgħu nagħrfu wkoll lill-Knisja, li trid tilqa’ bil-ħlewwa lil kull żagħżugħ u żagħżugħa, ħadd eskluż. Nitolbuha mela lil Marija għall-Knisja, biex tkun dejjem omm ta’ wliedha li jinsabu fil-mewt, qed jibku u jitolbu li jerġgħu jitwieldu mill-ġdid. Għal kull wieħed u waħda minn uliedha li jmut, tmut ukoll il-Knisja, u għal kull iben jew bint li jqum, anki hi tqum.

 

Jiena nbierek il-mixja tagħkom. U intom, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

Ruma, San Ġwann Lateran, 11 ta’ Frar 2020,

Tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes

 

FRANĠISKU

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard