Ara wkoll ...

Nota tal-Penitenzerija Appostolika dwar is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni fil-qagħda attwali ta’ pandemija, 20 ta’ Marzu 2020 ...

 

Digriet tal-Penitenzerija Appostolika dwar l-għoti ta’ Indulġenzi speċjali lill-fidili fil-qagħda attwali ta’ pandemija, 20 ta' Marzu 2020

 

PENITENZERIJA APPOSTOLIKA

DIGRIET

 

Qed jingħata d-don ta’ Indulġenzi speċjali lill-fidili milquta mill-imxija tal-Covid-19, komunement magħrufa bħala Coronavirus, kif ukoll lill-ħaddiema tas-saħħa, lill-familjari u lil dawk kollha li f’kull kapaċità, anki bit-talb, jieħdu ħsieb tagħhom.

 

“Ifirħu bit-tama, stabru fl-hemm, itolbu bla waqfien” (Rum 12:12). Il-kliem li kiteb San Pawl lill-Knisja ta’ Ruma jidwi tul l-istorja kollha tal-Knisja u jorjenta l-ġudizzju tal-fidili quddiem kull tbatija, mard u traġedja.

 

Fil-mument ta’ bħalissa l-umanità kollha, mhedda minn marda inviżibbli u perikoluża, li issa ilha sew li daħlet b’mod qawwi tagħmel parti mill-ħajja ta’ kulħadd, hi milquta jum wara l-ieħor minn biża’, inċertezzi ġodda u fuq kollox tbatija fiżika u morali mifruxa ma’ kullimkien.

 

Il-Knisja, fuq l-eżempju tal-Imgħallem Divin tagħha, dejjem kellha għal qalbha l-għajnuna lill-morda. Kif uriena San Ġwanni Pawlu II, il-valur tat-tbatija umana hu doppju: “Hi sopranaturali għaliex għandha l-għeruq tagħha fil-misteru tas-salvazzjoni tad-dinja, imma hi wkoll naturali għall-bniedem, għaliex fit-tbatija l-bniedem isib lilu nnifsu, in-natura tiegħu ta’ bniedem li hu, id-dinjità tiegħu, il-missjoni tiegħu” (Ittra appostolika Salvifici doloris, 31).

 

Anki l-Papa Franġisku, f’dawn l-aħħar jiem, wera l-qrubija tiegħu ta’ missier u ġedded l-istedina biex nitolbu bla waqfien għal dawk li mardu bil-Coronavirus.

 

Biex dawk kollha li qed ibatu minħabba l-Covid-19, proprju fil-misteru ta’ din it-tbatija jistgħu jiskopru “t-tbatijiet ta’ Kristu li salvawna” (ibid., 30), din il-Penitenzerija Appostolika, ex auctoritate Summi Pontificis, b’fiduċja fil-kelma ta’ Kristu l-Mulej u hija u tqis bi spirtu ta’ fidi l-epidemija li għaddejja bħalissa, li tippreżentalna sejħa għall-konverżjoni personali, qed tagħti d-don tal-Indulġenzi skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

 

Tingħata l-Indulġenza plenarja lill-fidili milquta mill-Coronavirus, imqiegħda b’ordni tal-awtorità tas-saħħa taħt l-obbligu tal-kwarantina fl-isptarijiet u fid-djar tagħhom jekk, b’ruħ imbiegħda minn kull dnub, jingħaqdu spiritwalment permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, għat-talba tar-Rużarju Mqaddes, għall-prattika qaddisa tal-Via Crucis jew għal għamliet oħra ta’ devozzjoni, jew jekk tal-inqas jgħidu l-Kredu, il-Missierna u xi invokazzjoni devota lill-Imqaddsa Verġni Mqarija, u joffru dan it-tiġrib fi spirtu ta’ fidi f’Alla u ta’ mħabba lejn ħuthom, bir-rieda li jwettqu l-kundizzjonijiet tas-soltu (il-qrara sagramentali, it-tqarbin Ewkaristiku u talba skont il-fehma tal-Papa), malli jkun possibbli għalihom.

 

Il-ħaddiema tas-saħħa, il-familjari u dawk li, fuq l-eżempju tas-Samaritan it-Tajjeb, b’riskju personali li jittieħdu huma, jgħinu lill-morda bil-Coronavirus skont il-kliem tal-Feddej divin: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:14), jiksbu l-istess don tal-Indulġenza plenarja bl-istess kundizzjonijiet.

 

Barra minn hekk, din il-Penitenzerija Appostolika tagħti bil-qalb kollha, bl-istess kundizzjonijiet, l-Indulġenza plenarja fl-okkażjoni ta’ din l-epidemija dinjija, anki lil dawk il-fidili li joffru l-Viżta lis-Santissmu Sagrament, jew l-adorazzjoni Ewkaristika, jew il-qari tal-Iskrittura Mqaddsa għal tal-inqas nofsiegħa, jew it-talba tar-Rużarju Mqaddes, jew il-prattika qaddisa tal-Via Crucis, jew it-talba tal-Kurunella tal-Ħniena Divina, biex jitolbu mingħand Alla li jista’ kollox il-waqfien tal-epidemija, is-serħan għal dawk li huma milquta minnha u s-salvazzjoni eterna ta’ dawk li l-Mulej sejjaħ għal għandu.

 

Il-Knisja titlob għal dawk li ma għandhomx il-possibbiltà li jirċievu s-sagrament tad-Dilka tal-Morda u l-Vjatku, u tafdahom ilkoll f’idejn il-Ħniena Divina bil-qawwa tax-xirka tal-qaddisin, u tagħti lill-fidil l-Indulġenza plenarja fil-punt tal-mewt tiegħu, jekk ikun dispost biżżejjed u matul ħajtu jkun qal ta’ spiss xi talba (f’dan il-każ il-Knisja tagħmel tajjeb għat-tliet kundizzjonijiet li s-soltu jiġu mitluba). Għall-kisba ta’ din l-indulġenza hu rrakkomandat l-użu tal-kurċifiss jew tas-salib (ara Enchiridion indulgentiarum, n. 12).

 

L-Imqaddsa dejjem Verġni Marija, Omm Alla u l-Knisja, Saħħa tal-morda u Għajnuna tal-Insara, Avukata tagħna, taqbeż hi għall-umanità li qed tbati, tbiegħed minna kull deni ta’ din il-pandemija u tiksbilna kull ġid meħtieġ għas-salvazzjoni u t-tqaddis tagħna.

 

Dan id-Digriet huwa validu minkejja kull dispożizzjoni kuntrarja.

 

Mogħti Ruma, mis-sede tal-Penitenzerija Appostolika, fid-19 ta’ Marzu 2020.

 

Il-Kardinal Mauro Piacenza

Penitenzier Maġġur

 

Krzysztof Nykiel

Reġġent