LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

 

Home

Librerija

Forum

Arkivju

Links

Ikkuntatjana

 

 

     

 

 

Inkompli naqdi bit-tbatija u t-talb.

 

Tnejn, 11 ta' Frar 2013: “Naf tajjeb li dan il-ministeru, minħabba n-natura essenzjalment spiritwali tiegħu, irid ikun imwettaq mhux biss bil-ħidma u bil-kliem, imma xejn anqas ukoll bit-tbatija u t-talb.” 

Wara li bdiet tgħaddi l-ħasda tal-aħbar tar-riżenja tal-Papa Benedittu, u wara li wieħed jaqra u jifli għal aktar minn darba id-diskors qasir ta’ madwar għoxrin linja kollox li għamel, forsi l-aktar Ii jolqot huwa propju dan il-kliem, li wera kemm dan il-papa, fil-pontifikat relattivament qasir tiegħu, fehem li fost il-modi kif ried jaqdi lil Knisja kien hemm dak ukoll tat-tbatija u t-talb.

Għal min f’dawn l-aħħar xhur segwa mill-qrib id-diskorsi tal-Papa, forsi l-għażla ta’ ħajja moħbija u miġbura fil-komtemplazzjoni u t-talb li huwa għamel biex fiha jgħaddi fl-aħħar żmien ta’ ħajtu, ma kinetx daqshekk ta’ sorpriża għax huwa ilu żmien jitkellem dwar il-ħtieġa kbira li l-Knisja għandha ta’ dan il-mod ta’ ħajja.

Fl-Udjenza Ġenerali li ta fit-13 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet huwa qal li aktar ma tikber l-għaqda tagħna ma’ Alla, u aktar ma t-talb tagħna jsir intens, aħna wkoll nibdew niffukaw fuq dak li huwa essenzjali u nifhmu li mhux bil-qawwa tal-mezzi tagħna li tikber is-Saltna ta’ Alla, imma huwa Alla li jwettaq mirakli permezz tad-dgħufija tagħna.

Ċert li jekk isir studju serju tal-aħħar kitbiet u diskors tal-Papa Benedittu, wieħed jintebah li din l-aħbar li biha llum ħasad saħansitra lill-eqreb kollaboraturi tiegħu, ilu jirrifletti dwarha għal bosta xhur.

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link