LAJK JITKELLEM
FIS-SINODU TAL-ISQFIJIET
L-Intervent
mill-President tal-Azzjoni Kattolika fis-Sinodu tal-Isqfijiet 2012
FRANCO MIANO
17 Ottubru
2012
Inħossni grat lejn il-Qdusija tiegħu
l-Papa li tani din l-opportunita eċċezzjonali li nieħu sehem
fis-Sinodu bħala uditur, u anki għall-kliem li qal fil-11 ta’
Ottubru li għadda kemm fil-għodu waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-ftuħ
tas-sena tal-Fidi kif ukoll fil-għaxija meta ntemmet il-fjakkolata
biex tfakkar il-ħamsin sena mill-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan
II.
Fl-omelija tas-7 ta’ Ottubru, il-Papa
saħaq: “ Il-Knisja teżisti biex tevanġelizza. Fidili għall-kmand
tal-Mulej Ġesu Kristu, id-dixxipli marru fid-dinja kollha jxandru l-Aħbar
it-Tajba fil-waqt li kullimkien taw bidu għall-komunitajiet insara”.
1.
Huwa għalhekk li l-lajċi huma
msejħin biex jieħdu sehem fil-missjoni kollha tal-Knisja, ħalli
“kulħadd skont il-parti tiegħu, iwettaq fil-Knisja u fid-dinja l-missjoni
propju tal-poplu nisrani kollu”. (Lumen Gentium n.31). Il-messaġġ
tal-Konċilju jpoġġi s-sejħa tal-lajċi f’dawl partikolarment
sinifikattiv, li jesprimi sens ħaj tal-korresponsabbilta fil-Knisja
lokali u fil-Knisja universali, li kapaċi jegħleb prospettivi ta’
kollaborazzjonijiet funzjonali sempliċi. Din hi sejħa li titlob li nkunu
qabel ma nagħmlu.
L-iskoperta/l-iskoperta mill-ġdid ta’
din is-sejħa, ta’ dan is-sens profond tas-sehem tal-lajċi
fil-missjoni kollha tal-Knisja, tidher waħda mill-ħidmiet
fundamentali li l-Evanġelizzazzjoni ġdida għandha quddiemha. U
minn dan toħroġ il-ħtieġa li, permezz ta’ forom differenti ta’
impenn edukattiv, nerġgħu npoġġu fuq quddiemnett id-dimensjoni
tal-vokazzjoni fil-ħajja, il-promozzjoni tal-kultura tal-vokazzjoni
li tagħraf tkun responsabbli u twieġeb għal dak li l-Mulej jitlob,
għal dak li jitlob mill-ħajja tiegħi u għal dak li jitolbu ħuti l-bnedmin,
u anki kultura ta’ għaniet li kapaċi li timmira lejn dak li jgħodd.
Hawnhekk qed nitkellmu minn impenn
deċiżiv fuq livell antropoloġiku u morali, imma wkoll mill-fatt li
kull wieħed minna jikber fil-kapaċita li jagħti xhieda billi jgħix
b’mod sħiħ is-sejħa tiegħu. Dak li jista’ jwassal biex wieħed
jistaqsi dwar il-vokazzjoni tiegħu hi x-xhieda diretta u mgħixa ta’
vokazzjonijiet awtentiċi lajkali, dik ta’ vokazzjonijiet awtentiċi
għas-saċerdozju ministerjali u għall-ħajja konsagrata, ix-xhieda ta’
miżżewġin insara u ta’ ġenituri kuntenti, ta’ presbiteri kuntenti
fil-ministeru tagħhom, ta’ reliġjużi ferħana, il-kuntatt ma’ nies li
jwettqu għażliet veri u profondi.
2.
Mela, biex wieħed jagħraf il-vokazzjoni
tiegħu hu meħtieġ kuntest ta’ relazzjoni adegwata. L-Evanġelizzazzjoni
ġdida titlob kapaċitajiet ġodda ta’ relazzjoni u ta’ relazzjonijiet,
uċuh li jħallu lilhom infushom jiġu mistoqsija minn uċuh oħra,
riġlejn li jixtiequ jimxu, idejn li jieħdu b’idejn oħra, qalb
miftuħa, moħħ attent u pront. L-Evanġelizzazzjoni ġdida teħtieġ
persuni li joħorġu barra minnhom infushom u li jagħrfu x-xewqa kbira
li jaqsmu d-don li rċevew ma’ oħrajn; dan id-don hu d-don tal-laqgħa
tagħhom mal-Mulej. L-Evanġelizzazzjoni ġdida titlob persuni li
permezz ta’ ħajjithom jirrakkuntaw il-mervalji tal-Mulej. Titlob
rabtiet tajbin, rabtiet ta’ ħajja tajba, sabiħa, vera. Għalhekk
illum, meta l-għan hu t-tħabbira tal-Evanġelju mill-ġdid
lill-irġiel u n-nisa ta’ żmienna, jeħtieġ nagħtu aktar valur lid-dimensjoni
intrinsikament komunitarja tal-ħajja tal-Knisja, li għandha l-pedament
tagħha fid-don tal-komunjoni. Allura, minkejja li nagħrfu r-rikkezza
li teżisti fil-ħafna toroq tal-ħajja ekkleżjali tagħna, ma nistgħux
ma naħsbux fil-parroċċa, il-post fejn jinsabu d-djar tagħna, fejn
igħixu l-familji tagħna, il-post fejn jinbnew l-ewwel relazzjonijiet.
Illum ukoll il-parroċċa tibqa’ l-għajn tar-raħal, li dwarha
tkellem Ġwanni XXIII u li reġa’ semmieha wkoll Ġwanni Pawlu II fil-Christifideles
laici (n. 27), tibqa’ l-Knisja li tgħammar fost id-djar
tal-bnedmin, sinjal u strument tal-vokazzjoni ta’ kulħadd
għall-komunjoni.
3.
Fil-ħajja u fis-servizz li
tagħti lill-parroċċa, u qabel dan, anki fis-servizz li tagħti lid-djoċesi
u lill-Isqof, l-Azzjoni Kattolika tista’ tirrappreżenta “forma
singulari ta’ ministerjalita lajkali” fejn titwettaq u tiżviluppa
ruħha enerġija ta’ relazzjoni f’sens ekkleżjali, fejn kull wieħed
jitgħallem jifhem li d-don tal-fidi u d-doni kollha li rċeva
għandhom destinazzjoni komunitarja. Dan ifisser li ma nistgħux
nilqgħu don u nżommuh għalina, imma jeħtieġ noffruh lill-ħajja
tal-komunita, lis-soċjeta, lid-dinja: l-aħbar sabiħa li rċevejna u
li sirna responsabbli tagħha, irridu nikkomunikawha u npoġġuha
għad-dispożizzjoni tal-oħrajn. Din hi l-imġiba karatteristika
tal-Azzjoni Kattolika, li l-vokazzjoni tagħha hi li tkun ta’ servizz,
li tkun lajkat assoċjat djoċesan, biex tista’ tkun laboratorju
konkret għall-evanġelizzazzjoni ġdida fir-realtajiet ta’ Knejjes
partikulari, madwar l-Isqof, filwaqt li tippromwovi u twettaq l-orjentamenti
pastorali. Il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II reġa’ wera mill-ġdid
lill-Azzjoni Kattolika d-definizzjoni tal-identita tagħha fl-erba’
punti li hemm fl-Apostolica Actuositatem n.20, punti li
nerġgħu nsibuhom fil-Christifideles Laici n.31. Aħna
nħossuna fost dawk il-lajċi li “jistgħu jkunu wkoll imsejħin
b’modi differenti biex jgħinu aktar fil-qrib fl-appostolat
tal-ġerarkija – kif naqraw fil-Lumen Gentium n.33 - bħalma
kienu jagħmlu dawk l-irġiel u nisa li kienu jgħinu lill-Appostlu
Pawlu fit-tixrid tal-Evanġelju u li ħadmu ħafna għall-Mulej”(
ara Fil 4,3; Rm 16,3 ss). Fid-dawl ta’ dan il-patrimonju esiġenti
tal-ħajja tal-Knisja li dejjem tiġġedded fil-mixja tagħha wara
Kristu, aħna noffru d-disponibbilta tagħna lir-rgħajja tal-Knejjes
tagħna f’isem bosta lajċi li b’fedelta jistennew proposti
formattivi esiġenti, relazzjonijiet personali intensi li l-fatt li
aħna asoċjazzjoni jgħinna nikkultivaw.
Nitobu b’mod partikulari
lill-isqfijiet u lis-saċerdoti tagħna biex jimxu magħna u jgħinuna
npoġġu fiċ-ċentru tal-formazzjoni tagħna l-primat tal-ħajja
spiritwali, it-triq tal-qdusija li juruhielna tant qaddisin u beati
li jakkumpanjawna (qed naħseb fuq il-beatu Ġużeppi Toniolo biex
nirreferi biss għal wieħed minn ta’ dan l-aħħar), formazzjoni li
tagħmel li kull wieħed minna xhud u appostlu kulfejn ikun billi
juża d-doni u l-kompetenzi tiegħu, formazzjoni li tagħmilna kapaċi
niddjalogaw mal-kulturi u nesprimu l-fidi tagħna bl-għixien u
bil-kliem: żgħażagħ, adulti, tfal, familji, għalliema, studenti,
professjonisti, ħaddiema, artisti, operaturi fil-komunikazzjoni……
ilkoll protagonisti, ilkoll korresponsabbli tal-evanġelizzazzjoni u
tal-evanġelizzazzjoni ġdida biex lil dawk li niltaqgħu magħhom
fil-ħajja tagħna ta’ kuljum ngħinuhom “jiltaqgħu mill-ġdid
mal-Mulej, li waħdu jimla ħajjitna b’tifsira profonda u serena;
biex ngħinuhom jiskopru mill-ġdid il-fidi, għajn ta’ Grazzja li
twassal għall-ferħ u għat- tama fil-ħajja personali, familjari u
soċjali” (Benedittu XVI, omelija 7/10/2012).
Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.
|