| 
			 
			  
			
			
			Sinodu tal-Isqfijiet
			 
			
			
			L-EVANĠELIZZAZZJONI 
			L-ĠDIDA GĦAT-TRAŻMISSJONI TAL FIDI KRISTJANA 
			
			
			XIII ASSEMBLEA ĠENERALI 
			ORDINARJA 
			
			  
			
			  
			
			L-lsqof Mario 
			Grech waqt l-intervent tiegħu fis-Sinodu tal-Isqfijiet 16-10-2012 
			
			  
			
			
			Intervent tal-Eċċellenza 
			Tiegħu Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex 
			
			
			Belt tal-Vatikan, 
			16 ta’ Ottubru 2012 
			
			
			  
			
			
			NEVANĠELIZZAW IL-FAMILJI 
			FERUTI 
			
			
			  
			
			
			1.     
			
			Fil-bidu tas-Sena tal-Fidi, il-Q.T. 
			il-Papa jistedinna biex ngħaddu mill-“bieb tal-fidi” ħalli nidħlu 
			f’komunjoni ma’ Alla, u fl-istess ħin biex nagħtu spinta ġdida 
			lill-evanġelizzazzjoni “ħalli niskopru mill-ġdid il-ferħ li hemm 
			filli nemmnu u nerġgħu nsibu l-entużjażmu filli ngħaddi l-fidi 
			lill-oħrajn” (Porta fidei, 1.7). Hija l-istess sejħa 
			għall-qdusija li l-Konċilju Vatikan II promova u ppropona 
			lill-Insara kollha, u li minnha kellimna l-Q.T. il-Papa Benedittu 
			XVI fl-omelija tal-ftuħ ta’ dan is-Sinodu: il-qdusija bħala triq ta’ 
			evanġelizzazzjoni. 
			
			
			  
			
			
			2.     
			
			Kif jinnota l-Q.T. il-Papa fl-istess 
			omelija, iż-żwieġ bħala għaqda ta’ mħabba fidila u dejjiema bejn 
			raġel u mara “huwa minnu nnifsu Vanġelu, Aħbar Tajba lid-dinja 
			tal-lum”. Huwa kompla jgħid li “iż-żwieġ huwa msejjaħ biex ikun mhux 
			biss l-oġġett imma s-suġġett tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida.” 
			
			
			  
			
			
			3.     
			
			B’referenza għall-paragrafi 110-111 
			tal-Instrumentum Laboris, nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq 
			l-emerġenza ta’ evanġelizzazzjoni sistematika għall-familji, 
			partikularment fl-Oċċident.  
			
			
			  
			
			
			4.     
			
			Minkejja li r-raġel u l-mara għandhom 
			dritt naturali li jiżżewġu, kif tgħid id-Dikjarazzjoni universali 
			tad-drittijiet tal-bniedem fl-artiklu 16, nistaqsi: dan id-dritt 
			huwa assolut? Jew inkella jekk inqisu li ż-żwieġ naturali u 
			l-familja jiffurmaw parti mill-ġid komuni, allura s-soċjetà għandha 
			d-dmir li tgħin lill-għarajjes biex jitħejjew sewwa qabel ma jieħdu 
			fuqhom dan l-impenn hekk kbir? 
			
			
			  
			
			
			5.     
			
			Ċertament din it-twissija tgħodd b’mod 
			partikulari għall-Insara li jitolbu s-sagrament taż-żwieġ. Il-Kodiċi 
			tad-Drittu Kanoniku jgħid li r-Ragħajja tal-erwieħ għandhom 
			l-obbligu li jagħmlu b’mod li l-komunità ekkleżjastika tagħhom 
			toffri lill-fidili dik l-għajnuna meħtieġa li permezz tagħha l-istat 
			taż-żwieġ jibqa’ dejjem fl-ispirtu nisrani u jikber fil-perfezzjoni, 
			partikularment bit-tħejjija personali għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ 
			(kan.1063). Imma din it-tħejjija m’għandhiex tiġi mifhuma biss bħala 
			tħejjija tal-għarajjes għaċ-ċelebrazzjoni tar-rit tas-sagrament 
			taż-żwieġ fil-Knisja, imma bħala akkumpanjament għal mixja ta’ fidi 
			li tgħinhom jgħixu l-ħajja miżżewġa tagħhom bħala koppja fil-familja 
			fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla. Fid-djoċesi tiegħi, minn tliet snin ‘l 
			hawn qed noffru mixja ta’ formazzjoni ta’ sentejn (li tiġbor fiha 
			madwar 30 laqgħa), fuq diversi temi ta’ psikoloġija tal-koppja u ta’ 
			teoloġija u spiritwalità taż-żwieġ nisrani, u aktar minn 90% 
			tal-għarajjes qed jieħdu sehem fihom. 
			
			
			  
			
			
			6.     
			
			Din il-mixja ma tieqafx 
			maċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament, imma timmira li tgħin lil dawn 
			l-għarajjes ikomplu l-mixja ta’ fidi fi ħdan il-komunità parrokkjali 
			tagħhom anke wara li jiżżewġu. Infatti, fid-djoċesi tagħna qed jiġu 
			ffurmati gruppi żgħar ta’ koppji li żżewġu f’dawn l-aħħar 5/10 snin 
			li qed ikomplu din il-mixja ta’ fidi. Dan qed jinkludu wkoll 
			il-formazzjoni ta’ diversi operaturi pastorali (koppji miżżewġin 
			żgħar), biex jakkumpanjaw il-gruppi tal-għarajjes u l-miżżewġin 
			ġodda. B’dan il-mod huma l-istess koppji li jevanġelizzaw il-koppji, 
			il-familji li jevanġelizzaw il-familji. 
			
			
			  
			
			
			7.     
			
			Waqt li l-Knisja se tkompli xxandar 
			il-Vanġelu taż-żwieġ, ma nistgħux ma nagħtux każ tar-realtà doloruża 
			ta’ ħafna żwieġijiet li sfortunatament qegħdin ifallu. Tkun ħtija 
			serja ħafna jekk din l-Assemblea Sinodali ma tagħtix każ li, 
			minbarra ħafna żwiġijiet regulari u familji li rnexxew, għandna 
			wkoll ħafna persuni separati, koppji de facto u oħrajn li 
			huma divorzjati li reġgħu żżewġu. Dawn il-persuni li qed iħossu 
			t-tagħlim tal-Maġisteru bħal mażra ma'
			għonqhom u piż fuq qalbhom, u 
			jsibu diffikultà biex jirrikonċiljaw ruħhom mal-Knisja u forsi wkoll 
			ma’ Alla, li jkollhom il-Knisja timxi magħhom tidher tabilħaqq aħbar 
			tajba għalihom. Anke dawn jixtiequ jaraw lill-Mulej (ara Ġw 12,21). 
			Il-preżenza tagħhom fil-Knisja hija waħda mill-“eżiġenzi l-ġodda 
			tal-evanġelizzazzjoni” għat-trasmissjoni tal-fidi. Waqt li l-Vanġelu 
			ma jinbidilx, din ir-realtà hekk mifruxa hija waħda ġdida 
			għall-Knisja u ġġiegħlna nirriflettu dwar mod ġdid ta’ kif nistgħu 
			nipproponu l-fidi Kattolika, il-messaġġ tal-Vanġelu u t-tagħlim ta’ 
			Kristu lil dawn ħutna! Ir-riflessjoni tagħna fis-Sinodu trid turi li 
			“l-Knisja hija qrib ta’ dawk li għandhom qalbhom feruta”. Waqt li 
			nagħraf id-diffikultajiet, nemmen li llum huwa fundamentali li bħala 
			Knisja nkunu preżenti fil-ħajja ta’ tant koppji de facto jew 
			divorzjati miżżewġin mill-ġdid li jixtiequ jagħmlu mixja ta’ fidi 
			flimkien mal-Knisja.   
			
			
			  
			
			
			
			Minkejja l-fatt li mhumiex f’għaqda sħiħa mal-Knisja minħabba 
			l-istat irregulari tagħhom, ħafna minnhom għadhom iħobbu u jemmnu 
			fil-Mulej u fil-Knisja tiegħu. Nazzarda ngħid li dawn il-koppji llum 
			qed jistennew minn dan is-Sinodu dak li f’kuntest wiesa l-Papa 
			Benedettu sejjaħlu “messaġġ imperjali” - kelma li toffrilhom dawl, 
			bħal dik li qal il-Q.T. il-Papa f’Milan: “Il-problema tad-divorzjati 
			miżżewġin mill-ġdid hija waħda mill-weġgħat il-kbar tal-Knisja 
			tal-lum. U m’għandniex riċetti sempliċi... U mbagħad, fir-rigward 
			ta’ dawn il-persuni rridu ngħidu li l-Knisja tħobbhom, imma jeħtieġ 
			li huma jaraw u jħossu din l-imħabba. Jidhirli li hija biċċa 
			xogħol tal-parroċċa, tal-komunità Kattolika, li tagħmel realment dak 
			kollu li hu possibli biex dawn il-persuni jħossu li huma maħbubin, 
			aċċettati, u li m’humiex “barra” anke jekk ma jistgħux jirċievu 
			l-assoluzzjoni u l-Ewkaristija: jeħtieġ jifhmu li anke b’dan il-mod 
			jistgħu jgħixu b’mod sħiħ fil-Knisja” (2 ta’ Ġunju 2012; ara ukoll 
			Esortazzjoni Sacramentum Caritiatis, 29). 
			
			
			  
			
			
			8.     
			
			Għeżież Ħuti fl-episkopat, ma 
			nibżgħux! Ejjew nidħlu b’kuraġġ għat-triq li għandna quddiemna. 
			Il-Mulej jimxi flimkien magħna. L-evanġelizzazzjoni l-ġdida se tkun 
			forsi iebsa, imma huwa sabiħ li nagħtu xhieda għall-Vanġelu. Meta 
			nevanġelizzaw  il-familja u l-familji, mhux esklużi dawk il-familji 
			rregulari, ifisser li nkunu qegħdin nevanġelizzaw id-dinja. 
			
			
			  
			
			
			+
			Mario Grech 
			
			Isqof ta’ Għawdex 
			
			
			16 ta’ Ottobru, 2012   
			 
			   |