LECTIO DIVINA

Home          |          Email          |                                                                                                                                                           Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

TALBA LILL-ISPIRTU S-SANTU FIL-BIDU TAL-LECTIO DIVINA

Ejja Spirtu Qaddis u mlieni bil-qawwa tal-preżenza tiegħek, l-istess kif nhar  Għid il-Ħamsin inti kont imlejt lill-ewwel insara.  Għinni nitbattal minn dak kollu li hemm ġewwa fija, mill-pjanijiet u l-proġetti kollha li nagħmel għalija nnifsu u għall-oħrajn għax b'hekk biss inkun nista' nilqa’ aħjar il-Kelma li se tagħtini. Dawwalli moħħi biex nifhem il-messaġġ li għandek għalija u kebbisli qalbi biex nwettqu f’ħajti u f’dik ta’ ħuti.  Dan għal akbar glorja tiegħek. Ammen.

11. Tumas, emmint għax rajtni.  Ġw: 20:19-31.


Q

Qari

[Ġw:20:19] Dak in-nhar fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f'nofshom; u qalilhom: "Is-sliem għalikom!" [Ġw:20:20] Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. [Ġw:20:21] Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: "Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom." [Ġw:20:22] Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: "Ħudu l-Ispirtu  s-Santu. [Ġw:20:23] Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma."

[Ġw:20:24] Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. [Ġw:20:25] Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: "Rajna l-Mulej." Iżda hu qalilhom: "Jekk ma narax f'idejh il-marka ta' l-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka ta' l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx." [Ġw:20:26] Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f'nofshom, u qalilhom: "Is-sliem għalikom!" [Ġw:20:27] Mbagħad qal lil Tumas: "Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen." [Ġw:20:28] Wieġeb Tumas u qallu: "Mulej tiegħi u Alla tiegħi!" [Ġw:20:29] Qallu Ġesù: "Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu."

[Ġw:20:30] Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li m'humiex imniżżla f'dan il-ktieb. [Ġw:20:31] Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta' Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f'ismu.


M

Meditazzjoni

 

 

 

L-ewwel jum tal-ġimgħa. … Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa.

Għall-insara tal-bidu, l-ewwel jum tal-ġimgħa kien jum il-Mulej u jum il-komunità.  Ma kienx biss jum li fih iridu jmorru jwettqu dover tagħhom bħas-soltu.  Iċ-celebrazzjoni Ewkaristika ma kienx drawwa li wirtu minn għand ta’ qabilhom.  Għalihom kien jum speċjali, "IL-JUM" li fih mhux biss jiċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt, imma wkoll jum il-komunità. Għaliex kien fil-komunità li huma kienu jsibu lill-Mulej Ġesù.  Fi klien San Pawl stess, il-komunità (il-Knisja) kienet l-istess ġisem ħaj li tiegħu Kristu kien ir-ras. (1 Kor 12 :12) Għall-ewwel insara, dak il-jum kien il-jum tagħhom, li jiddistingwihom mill-Lhud u mill-pagani.

 □  U jiena?  U aħna? Ieqaf aħseb ftit x’inhi l-attitudni tiegħek għall-jum tal-Ħadd.

 □  Jum il-Ħadd għadu jiddistingwi lilna l-insara mill-oħrajn jew forsi aħna wkoll, ħadna għalina id-drawwiet tal-pagani li ma jemmnux fi Kristu?

 □  Fil-jum tal-Ħadd, għadni jiena wkoll insib lill-Mulej fil-komunità?

 □  Meta tħares lejn id-drawwiet ta’ madwarna, tintebaħ li l-kultura, illum serqitilna jum il-Mulej?  Jum il-komunità?  U x’serqitilna aktar?  Jew forsi ċedejna għalih?

 

Meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud.

Flimkien, imma mbeżżgħa!  Tgħid min jaf għaliex hux?  Forsi għax Kristu ma kienx magħhom?  Ħasbuh mejjet?  Forsi wkoll għax għadhom ma tbattlux għal kollox mill-ispirtu tagħhom biex jirċievu l-Ispirtu Tiegħu?

 □  U lili?  U lilna?  X’inhu dak li jbeżżgħana, anke meta bħala Knisja nkunu flimkien? 

 □  Tgħid għaliex?  Forsi għax bħad-dixxipli naħsbu li Ġesù ħalliena waħedna?

 □  Jew forsi għax mimlijin wisq bl-ispirtu u l-pjanijiet tagħna u għalhekk għadna ma nistgħux nimtlew bl-Ispirtu Tiegħu?

 

Bil-bibien magħluqa.

 □  Liema bibien kellhom magħluqa? Ta’ darhom?  Ta’ kamrithom?  Jew ta’ qalbhom?

 □  Kemm drabi Ġesù jgħidilna, "Morru", imma aħna ninqaflu fina nfusna, wara l-bieb ta’ darna, tal-għaqdiet tagħna, fis-sagristiji?

 □  Illum, minkejja l-bibien tad-dar magħluqin, hemm minn xorta waħda qed jidħol fi djarna u fil-kmamar tagħna u jagħmlilna l-ħsara?  Ma jidħolx mit-tieqa bħall-ħalliel izda minn dik il-kaxxa li aħna ngħidulha TV.  Jidħol minn dak il-mezz modern li aħna nsejħulu l-internet.

 

Ġie Ġesù u qagħad f'nofshom.

 □  Kuraġġ!  Għal Ġesù l-ebda bieb ma jista’ jżommu barra.  Ġesù kapaċi jidħol xorta waħda, anke jekk il-bibien huma maqfula. 

 □  Imma il-bieb ta’ qalbi, dak le, dak irrid niftaħulu jien.

 

Lid-dixxipli … Uriehom idejh u ġenbu.   ……  U lil Tumas, "Ġib sebgħek hawn u ara idejja…"

 □  Huwa mis-sinjal tal-pjagi li d-xxipli għarfu lil Ġesù.

 □  Jekk infittex Ġesù bla marki tal-imsiemer (bla salib) allura qed infiitex fil-vojt.

 □  Fil-ġisem ta’ Ġesù rxoxt, il-marki tal-pjagi m’humiex feriti li għadhom ma jistgħux jagħlqu, imma sinjali ta’ rebħa fuq il-mewt u fuq id-dnub.

 

Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.

"Ferħu" żgur mhix traduzzjoni eżatta li turi dak li ħassew.. Normalment il-bniedem jifraħ jekk jirbaħ il-lottu.  Jekk jiltaqa’ ma’ ħabib li kien ilu ma jarah. Jekk jgħaddi minn xi eżami jew isib impieg għal qalbu.  Imma meta d-dixxipli raw lil Ġesù, li għalihom kien mejjet, allura jekk ngħidu li ferħu, żgur ma nkunux qed nuru biżżejjed ir-reazzjoni tagħhom. (New American Standard Version – Rejoiced.)

 □  U jiena qatt għaddejt żmien f’ħajtni meta kont ħsibt li tlift lil Ġesù?  Li kien mejjet?

 □  Illum, erġajt sibtu? 

 □  Kif niddeskrivi din l-esperjenza tiegħi?  Dak li ħassejt dakinhar?

 

"Is-sliem għalikom!"

Is-sliem jew il-paċi tal-bniedem ma’ Alla, miegħu nnifsu u mal-oħrajn kienu l-missjoni ewlenija li għaliha l-Iben ta’ Alla sar bniedem.  Fit-twelid ta’ Ġesù, l-anġli ħabbru l-paċi.  Fil-qawmien tiegħu mill-mewt, Huwa stess ta l-paċi lill-ħbiebu.  Għaddew elfejn sena u llum donnu li l-bniedem għandu kollox ħlief il-paċi.

 □  Forsi l-bniedem m’għandux paċi għaliex għadu ma kellux il-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt kif kellhom id-dixxipli.

 □  L-ewwel paċi ma’ Alla >> Imbagħad paċi miegħi nnifsi >>  Fl-aħħar paċi ma’ l-oħrajn.

 

"Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom."

 □  Kull min huwa mgħammed huwa mibgħut minn Kristu nnifsu.  Anke jien!

 □  Il-missjoni mhi ta’ ħadd  ħlief ta’ Kristu nnifsu.  L-istess waħda li Ġesù rċieva minn għand il-Missier.

 □  Nifhem ir-responsabbiltà u d-dinjità kbira li għandi f’din is-sejħa?

 □  Naf li meta nfixkel lil oħrajn milli jwettqu l-missjoni fdata lilhom, inkun qed infixkel lil Kristu stess?

 

Nefaħ fuqhom u qalilhom: "Ħudu l-Ispirtu  s-Santu."

 □  Forsi mhux l-istess kien għamel Alla fil-ġnien tal-Eden biex ta l-ħajja lill-ewwel bniedem?  Nefaħ fiħ l-istess nifs Tiegħu – l-Ispirtu Tiegħu.  Anke miegħi, għamel l-istess.

 □  Għad-dixxipli ta’ Kristu dan kien Ħolqien ġdid.  Kif Ġesù nnifsu qal lil Nikodemu, huma wkoll twieldu mill-ġdid mill-Ispirtu s-Santu. (Ġw 3 :3)  Jiena dixxiplu ta’ Kristu? Twelidt mill-Ispirtu?

 □  Kif kiteb l-Evanġelista fil-prologu tal-istess evanġelju, "lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f'ismu, li twieldu mhux bid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, u anqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla." (Ġw 1 :12-13)  Jiena lqgħajtu f’ħajti?  Emmint f’ismu?

 

"Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma."

Din hi l-missjoni tal-Knisja…  Missjoni li ta Kristu nnifsu.  Għaliex din ukoll kienet il-missjoni tiegħu.  "U Ġesù ġie fl-inħawi kollha ta' madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta' ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.”  (Lq 3:3)

 

Tumas, wieħed mit-Tnax, ma kienx magħhom. … Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom.

 □  Tgħid ma kienx jaf Ġesù li Tumas ma kienx hemm?  Forsi kultant naħseb li Ġesù mar u lil Tumas ma nzertahx hemm, u allura kellu jerġa’ jmur darb’ oħra.  Jew forsi Ġesù għamel dan bi skop?  X’kien il-messaġġ li ried jgħaddi lilhom? 

 □  U llum x’inhu l-messaġġ li jrid jgħaddi lilna?

 □  U għalija, tgħid għandu xi messaġġ?

 □  Ġieli ħsibt li nista’ nsib lill-Ġesù ‘l bogħod mill-Knisja tiegħu?

 

"Rajna l-Mulej."

 □  Mhux qalulna li rawh.  Mhux qalulna li qam.  Mhux qalulna li hu ħaj.  Imma rajnih aħna stess. Jiena rajtu?  Wassaltha l-aħbar ta’ din id-dehra?

 □  Din hi xhieda tassew ħajja!  Mhux li nirrakonta dak li qrajt jew li qaluli, imma li nwassal esperjenza li kelli jiena stess.

 

"Jekk ma narax … … ma nemminx."

 □  Jiena wieħed minn dawk li dejjem infittex is-sinjali biex nemmen?

 □  Is-sinjali juruni t-Triq.  X’inhu l-aktar importanti għalija, is-sinjal jew it-Triq?

 

Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel.

L-Evanġelista kien konxju li kien hemm bosta sinjali oħra li għamel Ġesù.  Imma għalfejn jiktibhom kollha?  Forsi min ma jemminx f’Ġesù b’dawn is-sinjali, ħa jemmen b’oħrajn?

Min mhux fidil fil-ftit, lanqas huwa fidil fil-wisq. (Lq 16 :10)

 □  U jiena se nkompli nfittex is-sinjali u d-dehriet bit-tama li xi darba nibda nemmen?

 

Dawn inkitbu sabiex intom temmnu

 U jiena għalfejn naqra u nisma l-kelma ta’ Alla; biex ikun naf il-ġrajja,  biex insir aktar bravu; biex inħossni tajjeb għax qdejt dover?  Jew biex nemmen? 

 Nemmen x’hiex? 

 Jwieġeb l-Evanġelista: " Sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta' Alla u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f'ismu."

 □  U jiena f’isem min qed nibniha ħajti?

 

T

Talb

 

 

  • Mulej Ġesù, nitolbok kompli onfoħ fija l-Ispirtu tiegħek.

  • Għinni Mulej, biex nifhem li qatt ma nista’ nsibek tassew jekk mhux fil-komunità tad-dixxipli.

  • Mulej tiegħi u Alla tiegħi!

  • Jiena nemmen, Mulej. Għinni fil-fidi dgħajfa tiegħi.

  • Mulej Ġesù, rrid kuljum naħseb u nikkontempla l-pjaġi divini tiegħek.

  • Grazzi Mulej, talli fil-Knisja ħallejtilna s-sagrament tal-maħfra u tal-ħniena tiegħek.

  • Alla tiegħi, agħtina dejjem il-paċi tiegħek;  paċi miegħek, paċi fina nfusna u paċi bejnietna.

 

K

Kontemplazzjoni

 

Jekk il-Lectio Divina qed issir fi grupp, il-Kontemplazzjoni tista' ssir privatament wara.

Il-pjagi divini ta’ Ġesù Kristu huma l-għajn li minnhom joħorġu r-raġġi tal-Ħniena Divina u huwa minħabba fihom biss li kull bniedem, minkejja li midneb, jista’ jersaq jikkontempla lil Alla.

Il-kontemplazzjoni hija grazzja li ġejja minn għandu.  Itolbu jagħtihilek u xxennaq għalija.

Issa ieqaf fis-skiet u l-ġabra u ħalli lilU jaħdem Huwa fik.  F’dan il-mument, kull sforz li jiġi minnek, huwa kollu ta’ xejn.

TALBA FI TMIEM IL-LECTIO DIVINA

Inroddlok ħajr, Mulej Ġesù tal-Kelma tiegħek li mhux biss tajtha lid-dixxipli elfejn sena ilu, imma li llum ukoll tajtha anke lili. Agħtini l-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex bil-qawwa tiegħu ngħix kuljum fid-dawl tagħha u sabiex bi mħabba nwassalha lill-oħrajn.  Dan nitlobulek bl-interċessjoni ta’ Ommok u Ommi Marija, li kienet l-ewwel waħda li laqgħatha f’qalbha u f'ħajjitha. Għall-glorja tal-Missier li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen.

Home          |          Email          |                                                                                                                     Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta