ARA WKOLL ...
L-Eżortazzjoni fil-qosor. |
1. X’wassal
lill-Papa biex jikteb din l-Eżortazzjoni,
u għaliex issa?
Waħda mill-ħidmiet prinċipali
tal-Knisja minn dejjem kienet li
tgħin lill-bniedem fil-mixja
tiegħu lejn il-qdusija. Illum,
l-idea ta’ qdusija tista’ tkun
imtappna b’ideat oħra li
jiżgwidawk jew li huma
immaġinarji. Għalhekk, il-Papa
“jħeġġeġ” lil dawk li jsegwuh
biex jimpenjaw ruħhom f’mixja li
qed iseħħ b’mod konkret
fil-ħajja li ngħixu kuljum
b’ġesti sempliċi u b’affarijiet
żgħar, li l-grazzja t’Alla
tmexxina fihom dejjem aktar u
aktar.
F’Evangelii Gaudium, il-Papa Franġisku tkellem dwar is-sejħa
biex l-insara jkunu dixxipli
missjumarji. Gaudete et
Exsultate tkellimna propju dwar
il-missjoni li hemm fil-qalba ta’
din is-sejħa, li tpoġġina
f’rabta ma’ Ġesu’ Kristu, li
mhux biss jistedinna
għall-qdusija, imma,
bil-għajnuna tal-grazzja tiegħu,
jagħmilna kapaċi naslu għaliha.
Il-qdusija hi għal kulħadd u
mhux biss għal xi ftit magħżula.
Il-qdusija hi d-destin tagħna;
hi l-pjan t’Alla għalina. F’dan
il-pjan ma hemm xejn li
jintimidana jew li jjassarna;
anzi hemm ħelsien, mod kif
insiru dak li tassew aħna.
2. X’hemm ġdid f’Gaudete et
Exsultate?
Gaudete et Exsultate għandha ton
u emfasi li huma differenti
mid-dokumenti ta’ qabilha.
L-ewwelnett, l-Eżultazzjoni hi
indirizzata personalment lil
kull wieħed u waħda minna, hu
xinhu l-istat tal-ħajja tagħna
jew il-livell ta’ edukazzjoni
jew żvilupp. il-Papa Franġisku juża
lingwaġġ informali fis-singular,
juża l-lingwaġġ li nitkellmu bih
ma’ ħbiebna jew qrabatna. B’hekk,
il-Papa Franġisku qed jagħmlilna
stedina personali biex nimxu
wara Ġesu’.
It-tieni, il-Papa juża apposta
lingwaġġ lajk u jagħmel stedina
lajka bl-iskop li jilħaq
lin-nies tad-dinja, li jilħaq
lil min għandu xogħol u familja
u ħajja mimlja impenji u pressjonijiet
differenti. Il-Papa Franġisku jrid
li n-nies ikunu jafu li m’hemmx
bżonn ta’ studju jew edukazzjoni
partikulari, u lanqas li jsiru
voti reliġjużi: hemm bżonn biss
ta’ qalb miftuħa u x-xewqa li
wieħed jgħaddi ħin mal-Mulej,
fit-talb u l-qari tal-Evanġelju.
Irid ukoll li n-nies isiru jafu
li fil-Knisja hemm dak kollu li
jeħtieġu biex jitqaddsu, u li
dan qiegħed hemm għal dawk
kollha li jixtiequh.
It-tielet, il-Papa jurina, b’mod
prattiku ħafna, kif għandu jsir
dan il-vjaġġ lejn il-qdusija u
kif dan jagħtina l-ħajja u
jagħmilna aktar umani.
3. X’inhuma s-suġġerimenti
prattiċi? In-nies, kif jistgħu
jitqaddsu?
Ħafna mis-suġġerimenti li
jagħmel il-Papa Franġisku huma
magħrufa sew fil-ħajja Kattolika:
ħin dedikat għat-talb,
parteċipazzjoni fis-Sagrament
tal-Ewkaristija u fis-sagrament
tal-Qrar, eżami ta’ kuxjenza
kuljum, u qari regolari
tal-Evanġelju. B’hekk il-ħajja
tagħna ssir dejjem aktar tixbaħ
lil dik ta’ Kristu. Il-Papa
jitkellem dwar ir-rabta qawwija
li hemm bejn din l-attivita’
“spiritwali” u l-azzjonijiet
mibnija fuq il-ħniena. Jgħid li
dawn iż-żewġ affarijiet ma
nistgħux nifirduhom minn xulxin,
u li l-awtentiċita’ tat-talb
tagħna tidher fil-mod kif
ninbidlu u nġibu ruħna b’umilta’
u ħniena. L-għeruq ta’ dan
insibuhom fl-Evanġelju ta’ San
Mattew, Kap 5 fejn Ġesu’
jagħtina l-Beatitudnijiet, it-triq
li rridu ngħaddu minnha biex
naslu għall-qdusija. Imbagħad,
f’Kap 25 naqraw il-mistoqsijiet
impenjattivi li juruna b’mod ċar
“il-kriterju li fuqu ser inkunu
ġġudikati” fl-aħħar taż-żmien;
jiġifieri juruna kif għandna
nwieġbu għall-ħtiġijiet konkreti
tal-oħrajn, speċjalment ta’ min
hu fqir. Jekk ma hemmx dan l-għixien,
m’hemmx qdusija. U dan jitlob
minna li nemmnu, nitolbu u
nġibu ruħna b’mod li ma
nifirdux dawn minn xulxin.
4. Fid-dokument insibu kapitlu
sħiħ iddedikat għal żewġ ereżiji
antiki. Għaliex il-Papa jidher
daqshekk imħasseb dwarhom?
Il-Papa Franġisku spiss isemmi l-perikli
tal-verżjonijiet moderni
tal-Injostiċiżmu u l-Pelaġjaniżmu,
u d-dokument Placuit Deo, mogħti
Frar li għadda mill-Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi, jispjega
dan fid-dettal. Huma
tentazzjonijiet veri għal min
ikun attirat mill-fidi Nisranija.
Fil-fatt, huma triqat li fihom
wieħed ifittex is-salvazzjoni
permezz ta’ ideat u sforzi umani
u mhux bil-qawwa ta’ Kristu.
Il-Papa Franġisku jitkellem dwar
dan b’mod sempliċi sabiex
kulħadd, u mhux biss it-teoloġi,
jkun jista’ jifhem u jagħraf
dawn il-perikli.
Jgħidilna, per eżempju, biex
niftħu għajnejna dwar ideat
sbieħ li jidhru qed jispjegaw
kollox f’sistema loġika
kumplessa, jew dwar enfasi
eċċessiva fuq regoli u metodi.
Il-qofol ta’ kollox hu, li aħna
nsalvaw - li nitqaddsu – mhux
permezz tal-ideat sofistikati
tagħna jew tal-isforzi kbar li
nagħmlu, imma billi ninfetħu l-ħin
kollu għall-għajnuna li Alla
joffrilna fid-dgħufija tagħna.
Din l-għajnuna, jew Grazzja,
mhijiex xi premju għat-tajbin,
imma hija mod kif Alla jgħin lil
dawk li jduru lejh
fil-bżonnijiet tagħhom.
Bl-istess mod, l-aktar ħaġa
importanti, jgħid il-Papa
Franġisku,
hi l-mod kif inwieġbu
għall-ħtiġijiet tal-iżgħar fost
ħutna l-bnedmin. Aħna
ġġustifikati mhux bil-ħidma u l-isforzi
li nagħmlu, imma bil-grazzja
t’Alla li dejjem jieħu l-inizjattiva.
Il-Grazzja hi d-don t’Alla
mogħti lilna b’xejn – u dan
jinkludi x-xewqa tagħna
għall-qdusija. Għalhekk,
il-qdusija ġġib magħha bidla
progressiva li sseħħ għax
inwieġbu għad-don li Alla
jagħtina b’xejn u li aħna
naċċettawh u nirċevuh b’mod
ħieles.
5. Paragrafi 43 u 44 jitkellmu
dwar duttrina u jsostnu li
fil-Knisja hemm diversi modi kif
ninterpretaw id-duttrina – jew
kif nifhmuha - u li din mhijiex
sistema magħluqa. Taħseb li din
hi kritika impliċita dwar
il-pontifikati ta’ qabel, li
tant impenjaw ruħhom u saħqu
fuq it-tagħlim tradizzjonali
tal-Knisja?
Hawnhekk il-Papa Franġisku mhux qed
iwissi kontra ċ-ċarezza
duttrinali jew kontra l-użu tar-raġuni,
imma kontra t-tentattivi biex
id-duttrina ssir sistema
intellettwali monolitika
waħdanija li ma tħalli ebda
spazju għal sfumaturi u
diversita’. Fil-fatt, ħafna mid-duttrina
Kattolika mhux faċli tifhimha
bir-raġuni biss; il-verita’ li
hemm fiha tista’ tilqagħha biss
billi tikkontemplaha aktar
milli tfissirha. Ir-raġuni
għandha postha, imma l-verita’
ta’ Kristu tmur ‘l hemm
mir-raġuni.
6. Paragrafu 58 hu attakk qawwi
kontra dawk li jridu jagħmlu l-Knisja
bħal xi biċċa arti f’mużew jew
klabb għal xi ftit magħżula.
Il-Papa dwar min qed jitkellem?
Hawnhekk il-Papa qed iwissi
kontra ‘l-Pelaġjani ġodda’
fil-Knisja: mhux kontra xi ħadd
partikulari jew kontra xi grupp,
imma kontra dawk li għandhom
ċertu tendenzi, bħal per eżempju
dawk li huma ossessjonati
bil-liġijiet, dawk preokkupati
b’mod puntiljuż dwar liturġija,
duttrina u prestiġju, u l-bqija.
Ovvjament, mhux qed jgħid li l-liturġija
u d-duttrina mhumiex importanti;
iżda meta Kattoliċi jsiru
ossessjonati dwarhom, dan jista’
jkun sinjal li qed jaqgħu
f’attitudnijiet Injostiċi jew
Pelaġjani.
7. Għaliex il-Papa jinsisti
daqshekk fuq il-perikli tad-diċeriji?
(Paragrafu 87)
Il-Papa spiss jitkellem dwar id-diċeriji
u jirreferi għalihom bħala forma
ta’ vjolenza li teqred
komunitajiet sħaħ u tiżra’ firda
u suspett. Illum il-periklu
kiber għax il-media soċjali
moderna tagħmel aktar faċli t-tixrid
ta’ informazzjoni falza (n.115).
Il-Papa jfakkar f’dak li jwissi
t-Tmien Kmandament: la tixhidx
fil-falz kontra għajrek.
Jitkellem b’mod kostruttiv dwar
dan is-suġġett meta jużah bħala
eżempju prattiku għal min qed
jagħmel il-mixja tal-qdusija:
wieħed la għandu jieħu sehem
fit-tpaċpiċ fieragħ u lanqas
jgħaddih lill-oħrajn.
8. F’paragrafu 98, il-Papa
Franġisku jagħti l-eżempju ta’
laqgħa ma’ persuna bla dar
f’lejla kiesħa. Forsi jrid
ifisser li jien obbligat ngħin
lil dik il-persuna f’dak il-ħin
stess li niltaqa’ magħha?
Il-Papa mhux qed joffri xi
preċett, imma qed jurina kif
il-qdusija tibdel il-mod kif
inħarsu lejn id-dinja ta’
madwarna, speċjalment lejn ħutna
l-bnedmin. Jekk inħares lejn
il-persuna l-oħra bħala ħija jew
oħti fil-bżonn u mhux bħala
problema, allura nkun qed
inħares lejha bl-għajnejn ta’
Kristu. L-azzjoni li toħroġ
minn din l-imġiba tiddependi
fuq fatturi differenti.
Fil-paragrafu ta’ wara l-Papa
jsemmi “d-diqa kostanti u li
tweġġa’”meta nħarsu lejn id-dinja
b’dan il-mod. Dan hu sinjal li
qed nikbru fil-qdusija.
9. Bla ma jsemmi l-kelma abort,
f’paragrafu 101 il-Papa qisu
jargumenta li hemm ekwivalenza
morali bejn l-abort u xi
prattiċi oħra li jeqirdu d-dinjita’
umana. Hekk hu?
Hawnhekk il-Papa Franġisku qed
jikkritika attaġġament profan li
jifred qasam ta’ interess etiku
mill-bqija u jagħmlu assolut. U
joffri l-eżempju komuni ta’
Kattoliku li jemmen bis-sħiħ
fil-kawża favur il-ħajja
(pro-life) filwaqt li ma
jappoġġax l-impenn soċjali ta’
Kattoliċi oħra u jarah bħal xi
ħaġa “politika”. Is-sejħa
għall-qdusija titlob ħarsa ħafna
aktar wiesgħa fejn l-imħabba
għall-proxxmu tfisser li wieħed
jinkwieta meta jara d-dinjita’
umana ta’ xi ħadd mhedda. Tnejn
mill-ħafna eżempji huma: familja
li jkollha taħrab minn darha
minħabba t-tixrid ta’ demm, u xi
ħadd li hu vittma
tal-prostituzzjoni. La darba ma
nistgħux nippreokkupaw il-ħin
kollu u bl-istess mod dwar kull
theddida tad-dinjita’ umana,
jeħtieġ inkunu grati lejn dawk
li qed iwieġbu fejn aħna ma
nistgħux nagħtu s-sehem tagħna.
10. F’paragrafi 102 u 103, il-Papa
jittratta t-tema dwar l-immigranti
u jgħid li din mhux xi kunċett
ivvintat minn xi Papa jew xi
moda li tgħaddi maż-żmien.
Taħseb li l-Papa qed jimplika li
l-immigranti kollha għandhom
ikunu milqugħa? La din hi waħda
mill-kwistjonijiet politiċi l-aktar
rilevanti fid-dinja, forsi il-Papa
mhux qed jagħti xejra politika
lil sejħa għall-qdusija?
Il-Papa qatt ma qal li l-immigranti
kollha għandhom ikunu milqugħa u
mogħtija merħba. Hu ħeġġeġ
lill-pajjiżi l-aktar sinjuri
biex ikunu ġenerużi, u biex
jaraw li l-immigranti jintegraw
ruħhom fis-soċjetajiet li
jilqgħuhom. Dejjem tkellem dwar
il-bini ta’ pontijiet b’kuntrast
mal-bini ta’ ħitan biex in-nies
jitħallew barra. Tkellem dwar l-importanza
li nħarsu lejn l-immigranti
bħala persuni u mhux bħala numri.
Hawnhekk jisħaq li s-sitwazzjoni
tal-immigranti mhijiex kwistjoni
“sekondarja” jew inqas etika.
Is-sejħa għall-qdusija hi sejħa
biex l-Evanġelju jissarraf f’ħajja,
u dan ifisser ukoll li nilqgħu
lill-barrani (Mt 25: 35).
11. F’paragrafi 160 u 161, il-Papa
jagħti attenzjoni partikulari
lix-xitan. Allura jkun korrett
jekk ngħidu li hu jemmen ukoll
fl-infern?
Il-Papa Franġisku rrifera bnadi
oħra għall-infern b’mod regolari.
Hawnhekk ma jsemmix l-infern
imma jsemmi x-xitan filwaqt li
jwissi li f’kull vjaġġ lejn
il-qdusija hemm l-attakki mill-għadu
tal-qdusija. Din hi taqbida
kontinwa, u mhux xi ġrajja li
sseħħ kultant, u hu importanti
li nkunu nafuh dan: jekk naħsbu
li x-xitan hu sempliċi simbolu
jew idea, allura ma noqogħdux
attenti biżżejjed. Iżda
fil-Knisja, il-Mulej tana bosta
armi qawwija biex nissieltu
kontra l-attakki tax-xitan,
b’mod partikulari d-don tad-dixxerniment,
li tant hu meħtieġ illum meta
hemm ħafna distrazzjonijiet li
superfiċjalment jidhru pożittivi.
Il-qdusija hi sensiela ta’
rebħiet kontra t-tentazzjonijiet
tax-xitan.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Vivienne Attard
|