Eżami tal-Kuxjenza

Skema ġenerali kif proposta fil-ktejjeb taċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija tal-Festa tal-Maħfra

maħruġ mill-Vatikan, 28/03/2014.

1. Nersaq lejn is-Sagrament tal-Penitenza b’xewqa sinċiera għal tisfija ta’ qalbi, għal konverżjoni, għal tiġdid ta’ ħajti u għal ħbiberija ikbar ma’ Alla, jew iktar inqisu bħala toqol, li rarament biss jiena lest/a li nitgħabba bih?

 

2. Fil-qrara jew qrariet ta’ qabel, insejt xi dnubiet gravi jew ħallejthom barra apposta?

 

3. Wettaqt it-tewba li tani l-konfessur?  Pattejt għan-nuqqasijiet tiegħi?  Ippruvajt inqiegħed fil-prattika dak li pproponejt li nagħmel biex intejjeb ħajti skond il-Vanġelu?

 

Fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, kulħadd jeżamina lilu nnifsu.

 

I. Il-Mulej jgħid: “Ħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha”.

 

1. Qalbi hi tassew miftuħa għal Alla; nista’ ngħid li nħobbu fuq kull ħaġa oħra u bi mħabba ta’ iben jew bint, billi nosserva fedelment il-kmandamenti tiegħu?  Inħalli wisq il-ħwejjeġ tad-dinja jiġbduni lejhom?  F’għemili nimxi dejjem b’intenzjoni retta?

 

2. Hi qawwija biżżejjed il-fidi tiegħi f’Alla, li f’Ibnu wriena l-Kelma tiegħu?  Inħaddan b’qalbi kollha t-tagħlim tal-Knisja?  Għandi għal qalbi l-formazzjoni Nisranija, billi nisma’ l-Kelma ta’ Alla, nieħu sehem fil-katekeżi, u naħrab dak kollu li jista’ jipperikola l-fidi?  Stqarrejt dejjem b’kuraġġ u bla biża’ l-fidi tiegħi f’Alla u fil-Knisja?  Fittixt li nuri li jien Nisrani/ja fil-ħajja privata u pubblika tiegħi?

 

3. Nitlob malli nqum u qabel norqod?  U t-talb tiegħi qed ikun djalogu veru qalb ma’ qalb ma’ Alla, jew hu biss prattika esterjuri vojta?  Naf noffri lil Alla t-tħassib tiegħi, il-ferħ tiegħi u d-dwejjaq tiegħi?  Immur għandu b’fiduċja anki fit-tiġrib tiegħi?

 

4. Għandi qima u mħabba lejn l-isem qaddis ta’ Alla, jew offendejtu bid-dagħa, bil-ġurament falz, billi semmejtu fil-batal?  Xi darba bi kliemi ma wrejtx rispett lejn il-Madonna u l-Qaddisin?

 

5. Qed inqaddes Jum il-Mulej u l-festi tal-Knisja, billi nieħu sehem ħaj, attent u devot fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, u speċjalment fil-Quddies?  Evitajt li nagħmel xogħol bla bżonn fil-jiem ta’ festa?  Osservajt il-preċett tal-Qrar ta’ l-inqas darba fis-sena u tat-tqarbin fl-Għid?  [ara nota taħt dwar il-preċett tal-qrar]

 

6. Għandi “allat oħra”, jiġifieri espressjonijiet jew oġġetti li ninteressa ruħi fihom u li nqiegħed il-fiduċja tiegħi iżjed fihom milli f’Alla, bħal ngħidu aħna: ġid materjali, superstizzjonijiet, spiritiżmu jew forom oħra ta’ maġija?

 

II. Il-Mulej jgħid: “Ħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien”.

 

1. Lill-proxxmu tiegħi nħobbu tassew, jew napprofitta minn ħuti, ninqeda bihom għall-interessi tiegħi u nimxi magħhom b’mod li ma nixtieqx li ħaddieħor juża miegħi?  Tajt skandlu bi kliemi jew b’għemili?

 

2. Fil-familja, nagħti sehmi bis-sabar u bi mħabba vera b’riżq il-ġid u s-serenità ta’ l-oħrajn?

 

Għal kull wieħed u waħda fil-familja:

 

– Għall-ulied.  Obdejt lill-ġenituri tiegħi, irrispettajthom u weġġaħthom?  Għinthom fil-ħtiġijiet spiritwali u materjali tagħhom?  Għamilt xogħli sew fl-iskola?  Irrispettajt l-awtoritajiet?  Tajt eżempju tajjeb f’kull sitwazzjoni?

 

– Għall-ġenituri.  Ħadt ħsieb neduka lil uliedi fil-ħajja Nisranija?  Tajthom eżempju tajjeb?  Bl-awtorità tiegħi weżinthom u mexxejthom?

 

– Għall-miżżewġin.  Kont dejjem fidil/a fi mħabbti u f’għemili?  Urejt li kapaċi nifhem u nagħder f’mumenti ta’ nkwiet?

 

3. Naf nagħti minn dak li hu tiegħi, bla egoiżmu, lil min hu ifqar minni?  F’dak li jiddipendi minni, ngħin lill-maħqurin u niddifendi lil dawk fil-bżonn?  Jew nittratta b’arroganza u b’qalb iebsa lill-proxxmu tiegħi, lid-dgħajfa, lill-anzjani, lill-emarġinati, lill-immigranti?

 

4. Inħossni konxju/a tal-missjoni li ġiet fdata f’idejja?  Nieħu sehem fil-ħidmiet ta’ appostolat u ta’ karità fil-Knisja, fl-inizjattivi u fil-ħajja tal-parroċċa?  Nitlob u noffri sehmi b’riżq il-ħtiġijiet tal-Knisja u tad-dinja, ngħidu aħna għall-għaqda tal-Knisja, għall-evanġelizzazzjoni tal-ġnus, u għat-twaqqif tal-ġustizzja u tal-paċi?

 

5. Għandi għal qalbi l-ġid u t-tisdiq tal-komunità umana fejn ngħix, jew naħseb biss fl-interessi personali tiegħi?  Nieħu sehem, skond ma nista’, fl-inizjattivi li jippromovu l-ġustizzja, il-moralità pubblika, l-għaqda, l-opri ta’ karità?  Inwettaq id-dmirijiet ċivili tiegħi?  It-taxxi nħallashom b’mod regolari?

 

6. Qed inkun ġust/a, impenjat/a, onest/a fuq ix-xogħol, xewqan/a li nagħti s-servizz tiegħi b’riżq il-ġid komuni?  Tajt il-ħlas xieraq lill-ħaddiema jew dawk li jaqgħu taħti?  Imxejt mal-kuntratti u żammejt il-wegħdiet tiegħi?

 

7. Imxejt bl-ubbidjenza u r-rispett dovut ma’ l-awtoritajiet leġittimi tiegħi?

 

8. Jekk għandi xi inkarigu jew tmexxija f’idejja, nara biss x’jaqbel lili jew inħabrek għall-ġid ta’ l-oħrajn, fi spirtu ta’ servizz?

 

9. Ipprattikajt il-verità u l-fedeltà, jew għamilt ħsara lill-proxxmu tiegħi permezz ta’ gideb, kalunnji, malafami, ġudizzji mhux xierqa, kxif ta’ sigrieti?

 

10. Ferejt il-ħajja u l-integrità fiżika tal-proxxmu, inqastu mir-rispett u l-ġieħ, għamiltlu ħsara fil-ġid tiegħu?  Għamilt l-abort jew tajt parir lil xi ħadd biex jirrikorri għalih?  Żammejt sieket/siekta f’sitwazzjonijiet fejn minflok stajt inħeġġeġ għat-tajjeb?  Fil-ħajja taż-żwieġ qed nirrispetta t-tagħlim tal-Knisja dwar il-ftuħ għall-ħajja u r-rispett tagħha?  Mort kontra l-integrità fiżika tiegħi nnifsi (ngħidu aħna, bl-isterilizzazzjoni)?  Kont dejjem fidil/a lejn marti/żewġi mqar bil-ħsieb?  Bejjitt f’qalbi spirtu ta’ mibegħda?  Iġġelidt jew tlewwimt?  Lissint kliem li joffendi jew insulti, jew infaħt spirtu ta’ tilwim u korla?  Inqast b’egoiżmu u ħtija li nixhed għall-innoċenza tal-proxxmu?  Fis-sewqan jew fl-użu ta’ mezzi oħra ta’ trasport poġġejt fil-periklu l-ħajja tiegħi jew dik ta’ l-oħrajn?

 

11. Sraqt?  Xtaqt inġustament ħwejjeġ ta’ l-oħrajn?  Għamilt ħsara lill-proxxmu fil-ġid u l-propjetà tiegħu?  Tajt lura dak li sraqt u għamilt tajjeb għall-ħsara li stajt ikkawżajt?

 

12. Jekk kien hemm min naqasni, urejt li jien lest/a naħfer għall-imħabba ta’ Kristu, jew rawwimt f’qalbi mibegħda u xewqa għal vendetta?

 

III. Kristu l-Mulej jgħid: “Kunu perfetti bħall-Missier”.

 

1. Liema hu l-orjentament fundamentali ta’ ħajti?  Nittama fil-ħajja ta’ dejjem?  Nipprova ngħix il-ħajja spiritwali tiegħi bit-talb, il-qari u l-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, is-sehem fis-sagramenti?  Naf nitrażżan?  Jien pront/a u deċiż/a biex nirbaħ il-vizzji, inrażżan il-passjonijiet u l-ġibdiet ħżiena?  Ħallejt l-għira tiġri bija, kont meqjus/a fil-kilba żejda għall-ikel?  Kont prużuntuż/a u supperv/a; affermajt wisq lili nnifsi hekk li spiċċajt iddisprezzajt lill-oħrajn, tkabbart fuqhom u rajtni aħjar minnhom?  Imponejt ir-rieda tiegħi fuq l-oħrajn, ħnaqt il-libertà tagħhom u ma tajtx kas tad-drittijiet tagħhom?

 

2. Kif użajt il-ħin, is-saħħa, id-doni li Alla tani bħat-“talenti tal-Vanġelu”?  Qed ninqeda b’dawn il-mezzi kollha biex ta’ kuljum nikber iżjed fil-perfezzjoni tal-ħajja spiritwali u fis-servizz lejn il-proxxmu?  Intlaqt u tgħażżint?  Kif qed nuża l-internet u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni soċjali?

 

3. Ġarrabt bis-sabar, fi spirtu ta’ fidi, it-tbatija u l-provi tal-ħajja?  Kif fittixt li nipprattika r-rażan u s-sagrifiċċju, biex inwettaq dak li jonqos mill-Passjoni ta’ Kristu?  Osservajt il-preċett tas-sawm u l-astinenza?

 

4. Żammejt ġismi safi u kast, skond l-istat ta’ ħajti, waqt li rajt fih tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu, iddestinat għall-qawmien u għall-glorja?  Ħadt ħsieb tas-sensi tiegħi u ħrabt milli nħammeġ ruħi u ġismi bi ħsibijiet jew xewqat ħżiena, bi kliem u b’għemil mhux xieraq?  Esponejt ruħi għal qari, diskors, spettakli, divertiment li ma jaqblux ma’ l-onestà umana u Nisranija?  Bi mġibti kont ta’ skandlu għall-oħrajn?

 

5. Għamilt xi ħaġa kontra l-kuxjenza tiegħi, għax bżajt jew urejt wiċċ b’ieħor?

 

6. Dejjem u f’kollox fittixt li nġib ruħi fil-ħelsien veru ta’ wlied Alla u skond il-liġi ta’ l-Ispirtu, jew ħallejt il-passjonijiet tiegħi jmexxuni huma?

 

7. Inqast milli nagħmel xi ġid li kien possibbli għalija

 

 

 

Nota mid-direzzjoni tal-Laikos dwar il-preċett tal-Qrar darba fis-Sena:

 

Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, f’paragrafu 2042 jgħid li it-tieni preċett tal-Knisja jirreferi għall-“qrara tad-dnubiet kollha almenu darba fis-sena”.