Vjaġġ
Appostoliku f’Madrid
fl-okkażjkoni tas-26 Jum
Dinji taż-Żgħażagħ
18-21 ta’ Awwissu 2011
Quddiesa ta’ l-Għeluq
Omelija
tal-Qdusija Tiegħu
Benedittu XVI
Għeżież
żgħażagħ,
F’din
iċ-ċelebrazzjoni ta’
l-Ewkaristija qed nilħqu
l-qofol ta’ dan il-Jum
Dinji taż-Żgħażagħ.
Meta nilmaħkom hawn,
miġbura f’għadd hekk
kbir minn kull rokna
tad-dinja, qalbi timtela
bil-ferħ. Ħsiebi jmur
fuq l-imħabba speċjali
li biha Ġesù qed iħares
lejkom. Iva, il-Mulej
iħobbkom u jsejħilkom
ħbiebu (ara Ġw 15:15).
Hu jiġi jiltaqa’ magħkom
u jixtieq jissieħeb
magħkom fil-vjaġġ
tagħkom, biex jiftħilkom
il-bieb għal ħajja
fil-milja tagħha u biex
jagħtikom sehem
fir-relazzjoni tiegħu
mal-Missier. Min-naħa
tagħna, aħna għarafna
l-kobor ta’ mħabbtu u
nixtiequ nwieġbu
b’ġenerożità għal
imħabbtu billi naqsmu
ma’ l-oħrajn il-ferħ li
rċivejna. Żgur li ħafna
l-lum iħossuhom miġbuda
lejn il-figura ta’
Kristu u jixtiequ jafuh
aħjar. Huma jintebħu li
hu t-tweġiba għal tant
mill-aktar
preokkupazzjonijiet
profondi tagħna. Imma
min hu tassew dan
Kristu? Kif jista’ xi
ħadd li għex fuq din
l-art tant żmien ilu
jkollu xi ħaġa komuni
miegħi l-lum?
Il-Vanġelu li għadna
kemm smajna (ara Mt
16:13-20) jissuġġerixxi
żewġ modi kif nistgħu
nsiru nafu lil Kristu.
L-ewwel wieħed hu
għarfien impersonali,
wieħed li hu mibni fuq
l-opinjoni kurrenti.
Meta Ġesù jistaqsi: “Min
jgħidu n-nies li hu Bin
il-Bniedem?”,
id-dixxipli jwieġbu: “Xi
wħud Ġwanni l-Battista,
oħrajn Elija, u oħrajn
Ġeremija jew wieħed
mill-profeti”. Fi kliem
ieħor, Kristu hawn
jidher bħala figura
reliġjuża oħra, bħal
dawk li ġew qablu.
Imbagħad Ġesù jdur fuq
id-dixxipli tiegħu u
jsaqsihom: “Imma intom
min tgħidu li jien?”.
Pietru jwieġeb b’dik li
hi meqjusa l-ewwel
stqarrija ta’ fidi: “Int
il-Messija, Bin Alla
l-ħaj”. Il-fidi hi wisq
aktar minn sempliċi
fatti empiriċi jew
storiċi; hi l-kapaċità
li naqbdu b’idejna
l-misteru tal-persuna
ta’ Kristu
fil-profondità kollha
tagħha.
Imma
l-fidi m’hix ir-riżultat
ta’ l-isforz uman,
tar-raġunar uman, imma
hi don ta’ Alla: “Hieni
int, Xmun bin Ġona!
Għax mhux bniedem
tad-demm u l-laħam uriek
dan, imma Missieri li hu
fis-Sema”. Il-fidi
titlaq minn għand Alla,
li jiftħilna qalbu u
jistedinna naqsmu
fl-istess ħajja divina
tiegħu. Il-fidi ma
tipprovdix sempliċiment
tagħrif fuq min hu
Kristu; iktar minn hekk,
hi titlob relazzjoni
personali ma’ Kristu, li
nafdaw il-persuna kollha
tagħna, bl-għarfien,
ir-rieda u s-sentimenti
kollha tagħna,
lir-rivelazzjoni ta’
Alla nnifsu. Għalhekk
il-mistoqsija ta’ Ġesù:
“Imma intom min tgħidu
li jien?”, fl-aħħar
mill-aħħar hi sfida
lid-dixxipli biex jieħdu
deċiżjoni personali
fil-konfront tiegħu.
Il-fidi fi Kristu u
d-dixxipulat huma
marbuta strettament ma’
xulxin.
U
allura, la l-fidi titlob
li wieħed jimxi wara
l-Imgħallem, hemm bżonn
li l-ħin kollu ssir
iktar qawwija, profonda
u matura, sal-punt li
twassalna għal
relazzjoni eqreb u iktar
intensa ma’ Ġesù.
Pietru u d-dixxipli
l-oħra wkoll kellhom
jikbru b’dan il-mod,
sakemm il-laqgħa tagħhom
ma’ Kristu Rxoxt
fetħitilhom għajnejhom
għall-milja tal-fidi.
Għeżież
żgħażagħ, il-lum Kristu
qed jagħmlilkom l-istess
mistoqsija li kien
għamel lill-Appostli:
“Intom min tgħidu li
jien?”. Weġbuh
b’ġenerożità u kuraġġ,
kif jixraq lil qlub
żagħżugħa bħal tagħkom.
Għidulu: “Ġesù, jien naf
li int l-Iben ta’ Alla,
li tajt ħajtek għalija.
Irrid nimxi warajk
fedelment u nħalli
l-Kelma tiegħek
tmexxini. Int tafni u
tħobbni. Inqiegħed fik
il-fiduċja tiegħi u
nafda ħajti kollha
f’idejk. Irridek tkunn
il-qawwa li ssaħħaħni u
l-ferħ li qatt ma
jħallini”.
Ġesù
jwieġeb għall-istqarrija
ta’ Pietru billi
jitkellem fuq il-Knisja:
“U jiena ngħidlek, inti
Pietru, u fuq din
il-blata jiena nibni
l-Knisja tiegħi”. Xi
jfissru dawn
il-kelmiet? Ġesù jibni
l-Knisja fuq il-blata
tal-fidi ta’ Pietru, li
jistqarr lil Kristu
bħala Alla.
Għalhekk
il-Knisja m’hix
sempliċiment
istituzzjoni umana
bħall-oħrajn. Iktar
minn hekk, hi marbuta
fil-qrib ma’ Alla.
Kristu nnifsu jitkellem
fuqha bħala l-Knisja
“tiegħu”. Kristu ma
jistax jiġi mifrud
mill-Knisja daqskemm
ir-ras ma tistax
tinfired mill-ġisem (ara
1 Kor 12:12). Il-Knisja
ħajjitha ma tafhiex
lilha nfisha, imma
lill-Mulej.
Għeżież
żgħażagħ, bħala
s-Suċċessur ta’ Pietru,
inħeġġiġkom issaħħu din
il-fidi li ġiet
mgħoddija lilna sa minn
żmien l-Appostli.
Qiegħdu lil Kristu,
l-Iben ta’ Alla,
fiċ-ċentru ta’
ħajjitkom. Imma ħalluni
nfakkarkom ukoll li
l-mixja wara Ġesù
fil-fidi tfisser li
timxu maġenbu
fil-komunjoni
tal-Knisja. Ma nistgħux
nimxu wara Ġesù
waħidna. Kull min jiġi
ttentat li jagħmel hekk
“waħdu”, jew li jersaq
lejn il-ħajja tal-fidi
b’dak it-tip ta’
individwaliżmu li hu
tant prevalenti l-lum
il-ġurnata, ikun
jirriskja li ma jiltaqa’
qatt tassew ma’ Ġesù,
jew jispiċċa jimxi wara
Kristu falz.
Li
jkollok il-fidi jfisser
li tikseb is-sapport
mill-fidi ta’ ħutek,
anki waqt li l-fidi
tiegħek stess isservi
ta’ sapport għall-fidi
ta’ l-oħrajn.
Nitlobkom, għeżież
ħbieb, tħobbu
lill-Knisja li wilditkom
fil-fidi, li għenitkom
tikbru fl-għarfien ta’
min hu Kristu u li
mexxietkom biex tiskopru
l-ġmiel ta’ mħabbtu. Li
tikbru fil-ħbiberija ma’
Kristu jfisser
neċessarjament li
tagħrfu l-importanza li
tieħdu sehem bil-ferħ
fil-ħajja tal-parroċċi,
il-komunitajiet u
l-movimenti tagħkom, kif
ukoll fiċ-ċelebrazzjoni
tal-Quddiesa tal-Ħadd,
li tirċievu
frekwentament
is-sagrament
tar-Rikonċiljazzjoni, u
li tikkultivaw it-talb
personali u
l-meditazzjoni tal-Kelma
ta’ Alla.
Il-ħbiberija ma’ Kristu
twassalkom ukoll biex
tagħtu xhieda tal-fidi
kull fejn tkunu, anki
meta din ix-xhieda ssib
ma’ wiċċha min ma
jilqagħhiex jew jibqa’
indifferenti. Ma
nistgħux niltaqgħu ma’
Kristu u mbagħad
nirrifjutaw li nxandruh
lill-oħrajn. Mela
żżommux lil Kristu
għalikom biss! Aqsmu
ma’ l-oħrajn il-ferħ
tal-fidi tagħkom.
Id-dinja teħtieġha
x-xhieda tal-fidi
tagħkom, żgur li għandha
bżonn ta’ Alla. Jiena
naħseb li l-preżenza
hawnhekk ta’ tant
żgħażagħ, ġejjin minn
madwar id-dinja kollha,
hi prova mill-isbaħ
tal-frott tal-kmand ta’
Kristu lill-Knisja:
“Morru fid-dinja kollha
u xandru l-Bxara t-Tajba
lill-ħolqien kollu” (Mk
16:15). Intom ukoll
irċivejtu l-missjoni
staordinarja li tkunu
dixxipli u missjunarji
ta’ Kristu f’artijiet u
pajjiżi oħra mimlija
b’żgħażagħ li qed
ifittxu xi ħaġa ikbar u,
għax qalbhom tgħidilhom
li jeżistu valuri aktar
awtentiċi, ma jħallux
lilhom infushom jinġarru
mill-wegħdiet vojta ta’
stil ta’ ħajja li
m’għandux post għal
Alla.
Għeżież
żgħażagħ, nitlob
għalikom bi mħabba
kbira. Nafdakom ilkoll
f’idejn il-Verġni Marija
u nitlobha sseħibkom
dejjem bl-interċessjoni
tagħha ta’ omm u
tgħallimkom kif tibqgħu
fidili għall-Kelma ta’
Alla. Nitlobkom titolbu
għall-Papa, biex, bħala
s-Suċċessur ta’ Pietru,
iwettaq dejjem lil ħutu
fil-fidi. Jalla lkoll
kemm aħna fil-Knisja,
ragħajja u fidili ndaqs,
nersqu kuljum eqreb lejn
il-Mulej. Jalla nikbru
fil-qdusija tal-ħajja u
nkunu xhieda effettivi
tal-verità li Ġesù
Kristu hu tabilħaqq
l-Iben ta’ Alla,
is-Salvatur tal-bnedmin
kollha u l-għajn ħajja
tat-tama tagħna. Amen.
miġjuba mill-Ingliż
għall-Malti minn
Francesco Pio Attard
|