LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

 

Home

Librerija

Forum

Arkivju

Links

Ikkuntatjana

 

 

     

 

 

IL-PAPA MA RRIŻENJAX MINN SEJĦA IMMA WIEĠEB GĦAL OĦRA

Fl-2009, żar il-qabar tal-Papa Ċelestinu V

Wara li bil-mod il-mod bdiet tgħaddi l-ħasda tal-aħbar li Benedittu XVI kien se jwarrab mill-pontifikat tiegħu u jirtira f’ħajja ta’ talb u kontemplazzjoni, dawk li jsegwu mill-qrib il-kitbiet u d-diskors tiegħu bdew jifhmu kemm din ma kinitx deċiżjoni li huwa ħa f’salt, imma kemm dan il-papa, ilu snin jiddixxerni l-possibiltà li jagħmel dak li qed jagħmel.

Kienet kumbinazzjoni li fil-bidu stess tal-pontifikat tiegħu, Joseph Ratzinger għażel għalih innifsu l-isem ta’ Benedittu, l-istess isem tal-qaddis minn Norcia, li għix bejn is-snin 480 u 547, u li llum għadu mfakkar għall-ħajja kontemplattiva li għix, għall-monasteri li waqqaf u r-regola monastika li kiteb?

F’bosta diskors u kitbiet, anke riċenti tiegħu, Benedittu XVI saħaq diversi drabi dwar il-ħtiega kbira tal-ħajja kontemplattiva nisranija fil-Knisja.  Sa mill-ewwel enċiklika tiegħu, Deus Caritas Est, fl-2005, waqt li jikkwota lil Papa San Girgor il-kbir, jgħid li “ragħaj tajjeb għandu jsib il-qofol tiegħu fil-kontemplazzjoni”.  Anke fl-2005, fl-enċiklika, Spe Salvi, waqt li jitkellem dwar il-kontemplattivi, Benedittu XVI jasal li jtenni li, “l-ġeneru uman jgħix bis-saħħa ta’ ftit, kieku ma kienux huma, id-dinja tintilef”.  Imbagħad fl-2009, fl-enċiklika tiegħu, Caritas in Veritate, hu kiteb dwar kif l-ispirtu tal-bniedem, li jkun anqas imjassar mir-rabta tiegħu mal-ħlejjaq, jista’ jintrefa aktar bil-ħeffa lejn il-qima u l-kontemplazzjoni tal-Ħallieq.

Wara l-aħħar Sinodu tal-Isqfijiet u kuntrarjament għal dak li jsir wara l-kull Sinodu, il-Papa ried li l-Knisja Kattolika ma toqgħodx tistenna l-Ittra Appostolika li normalment tkun publikata mill-papa wara kull Sinodu, imma ra li l-frott tad-diskussjoni li saret mill-isqfijiet miġbura miegħu, ikun publikat f’messaġġ dakinhar stess. F’dan il-messaġġ naqraw bi kliem ċar ħafna li l-ewwel mod ta’ evanġelizzazzjoni huwa magħmul mdi-don u l-esperjenza tal-kontemplazzjoni. 

L-okkażjonijiet li fihom Benedittu XVI tkellem b’insistenza dwar il-bżonn tal-ħajja kontemplattiva huma bosta u nemmen li huwa meħtieġ li dawn ikunu riċerkati, jinġabru u jiġi studjati sewwa.  Imma minbarra il-kitbiet u d-diskorsi tiegħu, tal-inqas f’żewġ okkażjonijiet dan il-Papa għamel ġest li aktarx dakinhar għadda bla ma kien osservat, imma li llum jista’ jitfa bosta dawl.

 

 

 

Fid-29 ta’ April 2009, wara li kien żar il-pajjiż u l-poplu tal-Aquila fl-Italja, fejn kien seħħ it-terremot, huwa għadda jżur il-qabar ta’ papa, pjuttost minsi, Ċelestinu V, li fl-1294, wara biss ħames xhur ta’ pontifikat, kien irrinunzja għall-ministeru tiegħu biex jipprova jgħix il-kumplament ta’ ħajtu f’monasteru. 

 

 

 

Imbagħad ukoll sena u tliet xhur wara, il-Papa Benedittu mar Sulmona, qrib Ruma, fejn l-istess Ċelestinu V kien irtira wara l-pontifikat tiegħu u fejn illum hemm xi relikwji ta’ dan il-papa qaddis.

Wara dak li seħħ it-Tnejn li għadda, meta Benedittu XVI ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jirtira mill-pontifikat u jgħaddi il-kumplament ta’ ħajtu f’monasteru, dawn il-ħwejjeġ jistgħu jitfgħu xaqq ta’ dawl dwar kemm il-Papa aktarx ilu jirrifletti u jiddixxerni dwar il-possibiltà ta’ pass bħal dan.

F’moħħ bosta għadha friska l-memorja tal-aħħar snin Ġwanni Pawlu II u l-istat ta’ tbatija tiegħu speċjalment fl-aħħar jiem.  Għalhekk huwa naturali li wħud staqsew dwar ir-raġuni l-għala l-papa preċedenti  ħass li kellu jġorr is-salib sa l-aħħar u dan bħal donnu rrinunzja għalih? 

Jkolli nistqarr li anke jiena, f’dawn il-jumejn irriflittejt ħafna dwar id-deċiżjoni tal-papa iżda f’waqt minnhom giet quddiemi ix-xena ta’ Marta u oħtha Marija, u kliem Ġesù dakinhar, “Marta! Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa.  U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jittieħdilhiex.”

Illum bdejt nifhem li dik li fil-bidu dehret u ġiet deskritta bħala riżenja minn xogħol jew ministeru, hija fil-verità t-tweġiba ta’ Joseph Ratzinger għal sejħa oħra li waslitlu u li huwa ħass fl-qalbu. Benedittu XVI ma rtirax mis-sejħa li kellu seba’ snin ilu biex ikun l-Isqof ta’ Ruma, imma wieġeb għal sejħa oħra li l-Mulej qed jagħmillu llum.  Id-deċiżjoni tiegħu mhix ħarba mit-tbatija u r-responsabiltà kbira li ġarr tant tajjeb f’dan il-ministeru, għaliex jiena ċert, kif diġà wera huwa stess, li dawn it-tbatijiet se jibqa’ jġorrhom anke meta jispiċċa minn papa.  Imma d-deċiżjoni ta’ Benedittu XVI hija att kbir ta’ umiltà sinċiera u fidi ferma li turi ċ-ċertezza tiegħu li l-veru kap tal-Knisja ma kienx hu, imma Kristu nnifsu. U dan għadu preżenti magħna u jmexxi l-Knisja anke llum.

Ir-raġunijiet tal-mard u nuqqas ta’ kapċità fiżika li tkellem dwarhom il-papa huma kollha reali.  Dawn jista’ jarhom kull min segwa l-filmati tiegħu f’dawn l-aħħar xhur.  Imma aktar milli huma l-kawża tar-rinunzja tiegħu, għalih dawn kienu sinjal ċar li fihom huwa lemaħ ir-rieda ta’ Alla għalih.  U bħala qaddej ġust u fidil u huwa baxxa rasu u aċċetta.

Għalija personali, id-deċiżjoni tal-Papa offrietli mument qawwi ta’ riflessjoni u ta’ tagħlima kbira.  Min jaf kemm drabi forsi tħassibt dwar x’jista’ jiġri mid-dinja meta nispiċċa jien. Forsi bħal Marta fl-evanġelju, anke jiena tqaraqt għax immaġinajt li l-qadi u l-faċendi li nagħmel, m’hemm ħadd li jista’ jagħmilhom bħali jew aħjar minni.  U llum nilmaħ lil Benedittu XVI, il-qaddej tal-qaddejja ta’ Kristu, jħalli postu għal ħaddieħor u jwieġeb għal sejħa ġdida, biex bħal Marija, oħt Marta u Lazzru,  huwa wkoll jagħżel l-aħjar sehem, li lanqas lilu dan ma jitteħidlux.

 

Minn Joe Farrugia.

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link