LAIKOS.org

Segretarjat għal-Lajċi, Malta.

 

2

 

Home

Librerija

Forum

Arkivju

Links

Ikkuntatjana

 

 

     

 

 

Ir-rabta tal-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet Maltin

mal-Ittra Appostolika tal-Papa Benedittu XVI Porta Fidei

Riflessjoni minn Dun Hector Scerri waqt l-Assemblea Djoċesana

CAK, B’Kara, 6 t’Ottubru 2012

 

Hemm silta qasira fl-Iskrittura li aktarx li ħafna minna mhumiex midħla tagħha. Dan għaliex hija silta li ma naqrawha qatt fil-liturġija Ewkaristika. Hija propju din is-silta mill-profeta Isaija 21 li jiena xtaqt nuża bħala sfond għar-riflessjoni tiegħi dwar l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet tagħna fil-bidu tas-Sena tal-Fidi. Is-silta qasira minn Isaija tikkonsisti f’mistoqsija: “Għassies, fiex inhu l-lejl?” (Is 21,11). Għassies, fiex inhu l-lejl?” staqsew ħerqana l-Edomiti li kienu mxekkla fl-eżilju tal-Babilonja lill-profeta biex jaraw kemm se ddum it-tbatija tal-jasar. Din l-istess mistoqsija nagħmluha aħna, l-Insara ta’ rieda tajba, li mhux l-ewwel darba naħbtu naqtgħu qalbna minħabba d-dalma ta’ madwarna. Huwa minnu li naraw b’għajnejna l-prattika reliġjuża li qed tonqos. Insewdu qalbna meta l-Maġisteru tal-Knisja u t-tagħlim li jwasslulna l-Isqfijiet jiġi kkontestat. Stili ta’ ħajja li huma f’kuntrast mal-Liġi t’Alla huma aċċettati. Individwi jabbandunaw il-fidi. Quddiem dawn il-fenomeni bir-raġun tibqa’ tidwi f’widnejna l-mistoqsija: Għassies, fiex inhu l-lejl?

 

Inkunu boloh, inkunu bħax-xebbiet li ma ħadux żejt magħhom, inkunu bħal dak li bena daru fuq ir-ramel, jekk nidħlu għas-Sena tal-Fidi bħallikieku kollox għadu kif kien 50 sena ilu meta nfetaħ il-Konċilju Vatikan II. Irridu naqraw l-Ittra Appostolika Il-Bieb tal-Fidi tal-Papa Benedittu XVI dwar is-Sena tal-Fidi, kif ukoll l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet tagħna, u nirriflettu dwarhom fil-kuntest tal-lum. Nagħmlu dan bl-atteġġjament ta’ min qiegħed ifittex id-dawl tal-Mulej, ta’ min mhux jirrassenja ruħu, imma jkompli jagħmel il-mistoqsijiet, ta’ min ikompli – b’determinazzjoni u b’fedelta’ – il-mixja Nisranija, anke jekk xi kultant fid-dalma: Għassies, fiex inhu l-lejl?

 

Jiena ma nippretendix li għandi xi riċetta maġika. U naħseb li ħadd minnkom. L-Ispirtu t’Alla huwa ferm akbar minn kull wieħed u waħda minna. L-Ispirtu jaf fejn irid joħodna. Pero’, sta għalina li nkunu attenti u b’għajnejna miftuħin beraħ għas-sinjali li jagħtina. Wara li smajt l-Ittra Pastorali, xtaqt nieqaf fuq tlett aspetti li, fil-fehma tiegħi, huma ċentrali, u ninsiġhom ma’ dak li qalilna l-Papa fl-Ittra tiegħu, Il-Bieb tal-Fidi. Dawn it-tlett aspetti huma: 1) Sejħa għal radikalita’ Nisranija; 2) Ngħixu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla; 3) Impenn personali u ekkleżjali.

 

L-ewwel: Is-sejħa għal radikalita’ Nisranija. Wara li jsemmu ċerti realtajiet bħal min tgħammed jew irċieva l-Konfermazzjoni u waqaf hemm, jew forsi bired aktar tard, l-Isqfijiet ipoġġu sfida quddiemna. Jgħidulna: “Kemm hemm bżonn li l-ewwel naraw il-fidi tagħna fejn waslet”. Fi kliem ieħor, is-sejħa ta’ kuljum li ngħaddu minn esperjenza superfiċjali u medjokri għal esperjenza Nisranija li tmiss l-għeruq tal-ħajja u l-għażliet tagħna. Il-Papa jesprimi dan kemm-il darba fl-Ittra tiegħu meta jitkellem dwar “vjaġġ li jdum ħajjitna kollha”, vjaġġ li huwa karatterizzat minn laqgħa mal-Kelma li tixxandar lilna u mill-grazzja li “tibdilna u tiffurmana” (n.1). Dan huwa vjaġġ serju, vjaġġ impenjattiv, vjaġġ li kif jgħid il-Papa jmexxina “barra mid-deżert” u jwassalna sal-“post tal-ħajja, ... il-ħbiberija mal-Iben t’Alla” (n.2). Huwa jisħaq li “ngħaddu mit-triq tal-fidi tagħna, li fiha nsibu l-misteru kbir tan-nisġa bejn il-qdusija u d-dnub” (aspett tal-lejl li semmejna fil-bidu) (n.13). L-awtur magħruf Ingliż Timothy Radcliffe, li kien ġeneral tad-Dumnikani, fi ktieb li ħareġ aktar kmieni din is-sena, Take the Plunge, jgħid hekk: “The challenge is to be truthful and humble, truthful and gentle, truthful and patient, courageous without aggressivity” (p.198). Din l-esperjenza matul dan il-vjaġġ tgħaddina, u tibqa’ tgħaddina, minn ħafna għażliet. L-Isqfijiet isemmu dak kollu li jista’ jkun distrazzjoni, l-“oġġetti li jisirqulna l-attenzjoni tas-sensi tagħna”. Għalhekk, ir-radikalita’ Nisranija tfisser mhux li ningħalqu beżgħanin f’xi kamra mudlama jew inħarsu lejn dak kollu li hemm barra bħala theddida, imma li ninżlu aktar fil-fond. Kif?

 

Ngħixu r-relazzjoni tagħna ma’ Alla. Dan hu t-tieni punt li xtaqt nagħmel. L-Isqfijiet tagħna esprimew dan l-aspett ċentrali meta qegħdin jistednuna li “noħolqu spazju għal Alla... Nagħmlu ... l-għażla li nagħtu ħin lil Alla”. Kull meta noħolqu ġewwa fina dan l-ispazju għal Alla, naslu biex nistqarru, “Irrid inkun naf min hu dan Alla moħbi”. L-awturi spiritwali Biżantini kienu jitkellmu dwar dak il-post fejn Alla huwa preżenti ġewwa fina. Mela, r-radikalita’ Nisranija li semmejt qabel, għandha twasslek biex tgħix din ir-relazzjoni. Pedro Arrupe, li kien il-Ġeneral tal-Ġiżwiti bejn nofs is-snin 60 u l-bidu tat-tmeninijiet, darba qal: “Xejn ma hu aktar prattiku milli tfittex lil Alla, jiġifieri li ssir tħobbu b’mod għal kollox komplet u deċiżiv... Idħol f’din ir-relazzjoni, ibqa’ f’din l-imħabba u din tiddeċidilek kollox”. Tfajla Lhudija li mietet f’kamp ta’ konċentrament fl-aħħar Gwerra, Etty Hillesum, fid-deżolazzjoni u d-dalma li kienet fiha waslet li titlob hekk: “Ħajti saret djalogu li ma jiqafx miegħek, Mulej, djalogu wieħed u kbir”.

 

Ngħixu din ir-relazzjoni billi tassew infittxu l-Mulej, għalkemm huwa aktar minnu li ngħidu li jkun hu li qiegħed ifittixna, bħall-missier fil-parabbola tal-iben il-ħali, jew bħar-ragħaj li jfittex in-nagħġa li ntilfet. Din li “noħolqu spazju għal Alla” ma nistax ma norbothiex ma’ dak li kiteb il-Papa dwar is-Sena tal-Fidi meta jgħid li “il-fidi hi deċiżjoni li noqogħdu mal-Mulej biex ngħixu miegħu” (n.10). Jew, f’silta oħra, il-Papa jkompli jistedinna biex “inżommu ħarsitna fuq Ġesu’ Kristu” (n.13) u “nikkonvertu b’mod awtentiku lejn Kristu” (n.6). Din mhix poeżija jew kliem sabiħ. Din hija stedina, sfida u impenn li tagħmel int, flimkien ma’ oħrajn.

 

It-tielet: Impenn personali u ekkleżjali. Qrib it-tmiem tal-Ittra tagħhom, l-Isqfijiet tagħna ifakkruna dwar kif se ngħixu r-relazzjoni tagħna mal-Mulej: (a) ħajja ta’ dixxipulat. Nimxu wara Ġesu’. Il-qari tal-Evanġelju skont San Mark tal-aħħar erbat Iħdud uriena x’jiġifieri tkun dixxiplu. Rajna kemm id-dixxipli sabu l-isfidi tad-dixxepolat tqal. Anzi riedu jaħarbuhom. Riedu dixxepolat kif jaqbel lilhom u kif dehrilhom huma. L-Isqfijiet jgħidulna ċar u tond: “Hemm bżonn li naqraw x’għamel u x’qal Ġesu’ l-aktar fil-Vanġeli: inkella kif se nimxu warajh?”; (b) din l-esperjenza ma nagħmluhiex waħedna – nagħmluha flimkien bħala komunita’, bħala Knisja: hija mixja ekkleżjali, mixja sinodali – għalhekk din il-laqgħa tagħna lbieraħ filgħaxija u llum; (c) nissaħħu f’dan l-impenn personali u ekkleżjali (biex ngħixu l-fidi) permezz tal-Ewkaristija.

 

Dan l-impenn – bħala dixxipli, flimkien bħala Knisja li tiċċelebra l-fidi, bħal fis-sagramenti – insibuh ukoll fl-Ittra tal-Papa. Xi eżempji: “Ma nistgħux inħallu l-melħ isir bla togħma jew li d-dawl jinħeba” (n.3); “hu jibgħatna fit-toroq tad-dinja biex inxandru l-Evanġelju tiegħu” (n.7); “l-istqarrija tal-fidi hi att personali u komunitarju fl-istess ħin” (n.10); “nerġgħu niskopru u nistudjaw il-kontenut ... tal-fidi” (n.11). Dan tal-aħħar huwa aspett importanti li l-Papa qed jagħmel ħafna emfasi fuqu: it-tagħlim, il-formazzjoni, l-apprezzament tal-ġmiel tal-fidi tagħna. Dan jista’ jsir kemm fuq livell personali, imma wisq aktar fuq livell ta’ parroċċa jew komunita’ żonali, fuq livell ta’ djoċesi, u fuq livell ta’ għaqdiet, movimenti jew gruppi oħra.

 

Bħala ikona biblika biex infisser aħjar lili nnifsi stajt għażilt lis-Samaritana (f’San Ġwann) jew lil Lidja (tal-Atti tal-Appostli) – dawn it-tnejn jirreferi għalihom il-Papa, jew lid-dixxipli ta’ Għemmaws jew lil Bartimew ta’ Ġeriko li kien għama u sar dixxiplu li jara mhux biss f’sens fiżiku. Ftit jew wisq aħna midħla ta’ dawn il-persunaġġi. Minflok, ippreferejt inpoġġi quddiemkom dik is-silta qasira minn Isaija: Għassies, fiex inhu l-lejl?” (Is 21,11). Għall-mistoqsija “fiex inhu l-lejl?”, nagħtu t-tweġiba li ta l-profeta Isaija nnifsu: “Jasal is-sebħ u l-lejl ukoll” (Is 21,12). Din nistgħu ninterpretawha fis-sens li anke jekk nibżgħu jew naqtgħu qalbna minħabba d-dalma tal-lejl, is-sebħ jasal żgur – anzi, is-sebħ wasal fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, rebbieħ fuq il-ħażen. Din hija l-konvinzjoni li għandu jkollna. Din hija l-konvinzjoni li tant inkunu persważi minnha li nwassluha bil-kuraġġ lil ħutna kollha, matul is-Sena tal-Fidi, u fis-snin li ġejjin. Imma kif? ... (1) Kemm-il darba nkunu tassew radikali/profetiċi, (2) għax nibqgħu f’relazzjoni mal-Mulej, u (3) għax kuljum ngħixu u nġeddu l-impenn tagħna fil-Knisja bħala komunita’ ta’ aħwa, dixxipli, qaddejja u profeti.

 

Dun Hector Scerri

 

Sit Uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta                                                                                                                                                         http://www.laikos.org      

 Link