Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 31 ta’ Mejju, 1978

 

Il-Missjoni edukattiva tal-Knisja fid-dinja

 

Wara ċ-ċerimonja sabiha tal-Ħadd li għadda, ad unur tal-“Corpus Domini”, iċċelebrata fil-Bażilika majestuża u kważi tal-ħolm ta’ San Pawl Barra l-Ħitan f’Ruma, morna nagħtu daqqa t’għajn minn barra, lill-binja tal-iskola professjonali, li għalkemm għadha mhix lesta, fil-verità dalwaqt tkun, u dedikata lill-Appostlu San Pawl, li hemm fuq art qrib il-Bażilika storika u monumentali li fiha hemm il-qabar tal-Imgħallem tal-Ġnus” (1 Tim 2,7), u ħassejna faraġ b’din in-novità promettenti, li diġà rċeviet mijiet ta’ applikazzjonijiet ta’ żgħażagħ mill-kwartieri popolari tal-inħawi, li għandhom xewqa jinkitbu fl-iskola l-ġdida biex b’hekk jagħtu lill-ħajjithom għan nobbli ta’ studju u xogħol.  Diż-żjara qasira tagħtna sodisfazzjon intimu kbir, kważi sens ta’ fiduċja ta’ ħbiberija maż-żgħażagħ, li nġabru bi ħġarhom madwarna, aħna li konna qiesna qed nagħmlu żjara bil-moħbi.

Ġo qalbna xegħlet mill-ġdid il-mistoqsija li titturmentana u prożajka: Illum x’siwi għandha l-Knisja?  U x’qed tagħmel?  Mistoqsija kważi aggressiva u sedizzjuża, mirfuda minn konvinzjoni ovvja iżda mhux ġustifikata, illi l-Knisja ta’ żmienna tilfet ir-raġuni tal-eżistenza tagħha għax inbelgħet mill-inutilità prattika u ekonomika tipika ta’ soċjetà li biex tgħid li hi moderna, tiddeskrivi lilha nfisha bħala materjalista.

Għalxiex tiswa, x’tagħmel il-Knisja fid-dinja tal-lum mhedija b’elf ħaġa, mitlufa fid-dagħdigħa tax-xogħol produttiv u utilitarju?  Dik il-binja sabiha u moderna dehret ittina tweġiba attwali u dejjiema; jiġifieri: il-Knisja tgħallem!  It-tagħlim: din hi l-funzjoni propja tal-Knisja; tippruvah l-istorja.  L-istorja tal-imgħoddi hija apoloġija ta’ din l-arti superjuri mħaddma mill-Knisja, spiss biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ maturità tas-soċjetà ċivili, iżda dejjem flimkien magħha, imma dejjem bi dritt speċjali tagħha, biex ma ngħidux, kif jistħoqq, li hu propju kompetenza esklussiva tagħha; u din hija l-verità reliġjuża illi la għadda żmienha, la hi żejda imma meħtieġa; u ngħiduha wkoll: meħtieġa għall-għan superjuri, traxxendenti u insostitwibbli propju tar-reliġjon: il-veru ħajja, il-ħajja spiritwali llum, u mbagħad fl-eternità li tiġi wara; imma meħtieġa wkoll għall-għanijiet temporali, tal-preżent, jekk dan għandu jinkiseb skont prinċipji veri, awtentiċi, sodi, bil-ħila li jesprimu ruħhom b’għamliet differenti u bil-liġijiet, imma mhux fi pluraliżmu  ekwivoku u stunat, li ma jagħtix wisa għal interpretazzjoni umanament konverġenti u sistema ġuridika loġika.  U dan hu esiġenza b’ riferiment għall-assolut, għall-meħtieġ, għal dak li hu reliġjuz.

“Morru u għallmu”, amar l-Imgħallem tal-umanità, Kristu l-Mulej; u din l-investitura tiġġustifika d-dritt/dover pedagoġiku u didattiku propju tal-Knisja.  Hu minnu li l-Knisja għandha kattedri oħra, li mhumiex dawk skolastiċi, biex tgħallem il-veritajiet tagħha; imma ħadd ma jista’ jmeri żewġ kriterji li jdawlu t-tagħlim tal-bniedem: l-ewwel kriterju hu l-unità, jew il-komplimentarjetà tad-duttrina li għandha tkun mgħallma, jekk irridu li l-ispirtu tal-istudent ikun armoniku u hieni; u t-tieni illi tagħlim purament didattiku la jistaħj bih l-għalliem veru u lanqas jeduka lill-bniedem u lill-istudent dment li t-tnejn ma jkunux ispirati mill-imħabba, kemm l-għalliem u wkoll l-istudent; u dan ifisser li skola, l-iskola nisranija, bis-suġġetti differenti tagħha, razzjonali, tax-xjenza, morali u reliġjużi, tgħaqqadhom flimkien fi djalogu sħiħ u organiku.

Għerf antik li ma jeqdiem qatt, illi jipperswadi lill-għalliem tar-reliġjon biex ifassal kurrikulu li jħaddan kollox u li l-iskola jagħmilha ġinnasju edukattiv bil-ħila li tgħallem kollox, anki s-suġġetti profani, bir-raġġ li jdawwalhom bid-dawl superjuri tal-fidi reliġjuża.

Dan jispiċċa biex isir apoloġija ta’ skola, kemm jekk pubblika jew privata, li lilha aħna nibgħatu, bħal dejjem, it-tislima tagħna u l-apprezzament, l-istima tagħna, l-inkoraġġiment tagħna, u issa wkoll il-Barka Appostolika tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....