Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

Aula Nervi

L-Erbgħa, 24 ta’ Mejju, 1978

 

Pawlu VI lill-Isqfijiet Taljani

 

Aħna ferħanin ħafna u hu unur għalina nilqgħu fost dawk li qed iżuruna waqt din l-udjenza ġenerali ta’ kull ġimgħa, lill-grupp kollu ta’ dawk li qed jieħdu sehem fl-Assemblea Plenarja tal-Konferenza tal-Episkopat Taljan, flimkien ma’ min jinsab magħhom, taħt il-presidenza tal-Kardinal Antonio Poma, Arċisqof ta’ Bologna, illi lilu kif ukoll lil dawk ta’ madwaru, aħna nsellmu bil-qalb u bil-qima, u nesprimu l-ferħ tagħna għall-komunjoni ekkleżjali li b’hekk tinsab qribna spiritwalment u uffiċjalment, u toffrielna okkażjoni f’waqtha biex nammirawha fil-milja morali u numerika tal-grupp u fil-ħin li qed tiddixxernu l-ħidma tagħkom, li aħna stess, mhux biss bħala Ragħaj tal-Knisja universali, imma wkoll bħala Isqof tal-Knisja ta’ Ruma, bit-titlu speċifiku, hu pjaċir tagħna li nieħdu sehem fiha.

Jidhrilna li dil-preżenza, li tispikka fost il-folla tal-viżitaturi li hawn għal din l-udjenza ġenerali, toffrielna l-ispunt, minkejja li hawn aħna nistgħu biss nagħtu ħjiel fi ftit kliem, għad-diskors li soltu nagħmlu.

Ibda biex, minħabba l-fatt uniku u straordinarju li l-Assemblea tal-Episkopat taljan minnha nfisha hi prova u turi ċar l-għaqda kanonika tal-Knisja fl-Italja.  Aħna għadna niftakru liema importanza storika u morali il-mibki dejjem u li ta’ min ifakkar, il-Kardinal Giovanni Mercati, kien jagħti lil din il-miġemgħa kanonika li qabel ma kinitx teżisti, u li issa hi riżultat kważi mhux mistenni tal-ġrajjiet tal-istorja ċivili ta’ dal-pajjiż, li mmaturat fid-destin providenzjali tagħha.

Huwa dmir tagħna u ta’ faraġ ninnutaw l-istruttura nfisha, hienja u promettenti li l-Konferenza Episkopali Taljana, speċjalment wara l-Konċilju, għamlet tagħha, saħansitra minn qabel ma ffurmat Satuti formali, b’organi ta’ ħidma distinta u kwalifikata, bi programmi prattiċi u mfasslin tajjeb favur pajnijiet ta’ għaqda aktar sempliċi u mifruxa.  Lil min mexxa u organizza l-ħidma ċentrali tal-Konferenza Episkopali Taljana aħna rridu nuruh l-approvazzjoni tagħna u s-sapport tagħna biex dan jibqa’ jisseddaq b’impenn organiku u effiċjenti; għat-talent paċenzjuż u dixxiplinat tal-Kardinal Poma u l-kollaboraturi tiegħu, b’mod speċjali nesprimulhom, f’isem kulħadd, ir-radd il-ħajr fratern tagħna.

Imbagħad id-djanjożi tal-qagħda reliġjuża tal-poplu taljan, werriet ta’ l-aħjar formazzjoni reliġjuża li forsi issa għejjiet xi ftit u saret drawwa, wasslet biex issir reviżjoni tal-metodi u tal-istrumenti tar-reliġjożità popolari.  Reviżjoni diffiċli ħafna u delikata, u mhux mitmuma, jekk issa, per eżempju, għadna qed nistennew il-Liber Pastralis imwiegħed mill-Konferenza u mistenni mill-poplu nisrani.  Imma l-fatt fih innifsu jistħoqqlu tifħir u attenzjoni; l-edukazzjoni reliġjuża, fidila lejn it-tradizzjonijiet, imma mġedda fi spirtu ta’ mħabba tad-don bla qies tar-rivelazzjoni u tal-ħila bla tarf tal-espressjoni didattika, lill-Knisja jqegħedha f’mixja biex iżżid aktar.  Fuq dal-punt ukoll, aħna nħossuna fid-dmir li rroddu ħajr għax-xogħol li sar u nawguraw għal dak li dejjem jibqa’ xi jsir.  Aħna m’aħniex se nkomplu d-diskors apoloġetiku tagħna dwar id-dmirijiet tar-Rgħajja tal-Knisja Taljana; dawn huma jafuhom: fil-qasam tat-tagħlim reliġjuż, fil-kamp tal-prattika reliġjuża, speċjalment fil-formazzjoni liturġika, għalhekk fil-kant sagru tal-ġemgħa; fil-qasam tal-assistenza u tal-promozzjoni soċjali, fil-qasam tal-edukazzjoni kattolika: l-iskejjel, l-oratorji, il-formazzjoni tal-adulti, eċċ; partikolarment il-familja u dejjem aktar!

Ħuti fl-episkopat! Kemm aħna henjin u fiduċjużi li nafu li intom ilkoll tisimgħu il-leħen ġdid, dejjem ġdid, tal-Knisja, u li nafu li intom impenjati b’dedikazzjoni eżemplari għall-uffiċċju pastorali tagħkom!  Kuraġġ!  Alla jberikkom!

U intom, fidili li qed tisimgħu, ma tħossux li dal-kliem jgħodd għalikom ukoll?

Imma aħna ma nistgħux inħallu okkażjoni bħal din taħarbilna bla ma nsemmu d-diffikultajiet partikolari li jiltaqa’ miegħu il-ministeru pastorali llum.

Min minnkom iħoss li l-mewġ taċ-ċaħda tar-reliġjon mhux qed iħabbat aktar bil-qawwa?

L-ewwel l-indifferenza, imbagħad il-kritika, imbagħad l-antiklerikaliżmu u l-mibegħda lejn ir-reliġjon.  Issa l-pluraliżmu ekwivoku, li jherri kull impenn spiritwali u morali wkoll.  Fejn jinsab dak il-poplu nisrani, mhux biss dak fidil li josserva xi preċett ‘l hawn u ‘l hinn, imma dak mitmugħ, li jgħix, li ferħan bi twemminu, li jitlob u li jistqarr għal Kristu imħabba qawwija li jagħraf iġorr is-salib miegħu?

Ma nistgħux inżommu fommna sieket dwar id-dmir aktar sfiq tal-fedeltà konjugali fil-familja, wara li minbarra d-divorzju ingħatat ukoll il-possibbiltà li dak li  jkun jingħaqad ma’ ħaddieħor mingħajr ebda konsegwenza; bl-istess mod ma nistgħux ninsew id-dmir ta’ kulħadd, tagħna r-Rgħajja speċjalment, li nikkundannaw il-liġi permissiva tal-abort!  Liema stqarrijiet morali nistgħu nagħmlu dwar is-sagralità li ma tistax tittiefes tal-ħajja umana sa mill-ġuf tal-omm; u liema attenzjoni diskreta għadna nagħtu lill-omm mifxula li għandha t-tentazzjoni tneħħi l-ħajja, ġdida, sagra, li qed tħabbat f’ġufha!  Problemi tal-lum li għandhom iseddqu ħafna l-karità tagħna, bl-istess qies li tkun kbira l-possibbiltà li joffrulha biex tagħmel delitt u toqtol ħlejqa innoċenti u bla difiża!  Dawn huma problemi tal-lum li jiżdiedu ma’ oħrajn bla għadd u bla qies, li jtaqqlu, itaqqlu dejjem aktar, id-dmirijiet pastorali, ir-responsabbiltà tal-poplu t’Alla, ta’ dak kollu li mhux ta’ Alla uffiċjalment, imma dejjem jibqa’ tagħna.

Imma mill-ġdid, aħna u nitolbu bil-ħerqa lill-Madonna u lill-Qaddisin tagħna, insellmulkom u nberkukom bi kliem Kristu: “Tibżgħu xejn: Jien hu!” (Ġw 6,20).  M’għandniex nibżgħu!  Kristu magħna.  Bil-Barka Appostolika tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....