Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 22 ta’ Ġunju, 1977

 

Il-misteru tal-Knisja

 

Hemm ħsieb li jiddomina, hawn qrib il-qabar tal-ewwel Appostlu, dak li lilu l-Mulej qallu b’solennità spiritwali l-kliem ċelebri, li ma jitħassar qatt: “Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16, 18); u dan hu li taħseb il-Knisja.

Nagħmlu sew jekk inħallu dan il-ħsieb jiddomina.  Jiġbor fih ħafna sigrieti: sigrieti li jolqtuna.  Qabel kollox is-sigriet tar-relazzjonijiet tagħna ma’ Alla li huma veri, li ma nistgħux niċħduhom, li ma jintemmu qatt.  Minnufih, il-misteru jiġbed u jgħammex ħarsitna.  Nistgħu aħna ninsewha din il-karatteristika li kollox jiddependi mis-soluzzjoni tagħha?  Il-mod kif naqraw id-dinja, iż-żmien, id-destin tagħna.  Bniedem jinjora, jinnega r-reliġjon, imma r-realtà tagħha, il-ħtieġa tagħha tibqa’, timponi ruħha; hi l-muftiħ biex nifhmu xi ħaġa  mit-tifsira tal-univers: hi dawl li jdawwal bħalma x-xemx iddawwal id-dinja, l-istorja, it-tajjeb u l-ħażen, l-ispirtu uman, il-ħajja, il-ħajja tagħna.  Kull ħaġa, fid-dawl tar-reliġjon, tikseb sens, anki jekk tmur ‘l hinn mill-għarfien tagħna u tiftaħ quddiemna dagħbien li jkabbar is-sens universali tal-misteru; imma mhuwiex aktar misteru tad-dlam, iżda misteru miftuħ għall-ħsieb, għat-tgawdija tal-għerf, għall-iskoperta tat-teżori tal-għerf li ma jintemmu qatt.  Ejjew nibdew billi nittimbraw qlubna b’dil-konvinzjoni: ir-reliġjon hi dawl.

Imbagħad il-ħsieb, kważi b’mod awtomatiku, ikabbar il-ġwienaħ u jtir fuq l-istorja, fuq l-umanità, fuq id-dinja u l-ġrajjiet tagħha.  U minn dil-ħarsa panoramika jitfassal profil preċiz: hi triq twila u mħattba imma li timxi dejjem f’direzzjoni waħda, imniżżla fi ktieb b’żewġ volumi, il-Bibbja biż-żewġ testmenti tagħha: hi l-poema kbira u drammatika tar-rivelazzjoni, li ddur kollha madwar Kristu.  Il-misteru juri ruħhu f’livell ġdid ta’ realtà.  Qatt m’aħna se ntemmu naqraw, nistudjaw, nimmeditaw fuq il-Kelma li ssir Bniedem, il-Verb li jsir laħam, u li qabel ma għeb qasir il-għomor mix-xena tal-istorja prodiġjuża tiegħu, ħallielna żewġ affarijiet:  il-Knisja u l-Ispirtu, illi jsiru r-ruħ ta’ storja bivalenti, l-istorja tal-umanità miġbura f’assemblea, fi Knisja, f’soċjetà umana, mhux aktar mifruda mill-postijiet u miż-żmien, iżda waħda, unika u universali, ġisem wieħed magħmul mill-bnedmin kollha li għandhom ix-xorti li huma sehem minnha, il-Knisja, miġbura, konna qed ngħidu, u nżidu, animata: animata iva, mill-Ispirtu s-Santu, Alla-Mħabba, li jagħti l-ħajja lill-Ġisem tal-Knisja, li hi l-Ġisem mistiku ta’ Kristu; “il-Christus totus”, kif kien jgħid Santu Wistin, u li hi aħna, fit-triq lejn il-ħajja ma’ Kristu, li tibqa’ mhux biss lil hinn mill-mewt tal-ġisem, imma għal dejjem.

U l-ħsieb hu mera tiegħu nnifsu, u jsir konxju.  Il-mistoqsija li tinterrogana minn ġewwa sa ma ġġagħalna nirtodu.  U aħna, aħna, verament insara? Liema relazzjonijiet ta’ fidi u ta’ grazzja jgħaqqduna ma’ dil-Knisja mbierka u profetika ta’ Alla?  Aħna tassew insara?  Tassew kattoliċi?  Tal-isem jew realment fil-ħajja tagħna?  Il-Knisja hi verament Ommna, l-Għalliema tagħna?  Hi verament il-bastiment li jbaħħar fuq il-firxa tal-baħar imqalleb tad-dinja tal-lum, il-fiduċja tagħna?

Ħuti, jalla dan ikun waqt deċisiv għal ħajjitna.  Hawnhekk, fuq il-qabar ta’ Pietru ejjew inġeddu l-impenn umli tagħna, qawwi, fidil: iva, aħna fidili!  Il-Knisja tiegħu se tkun l-għerf tagħna, l-armonija ta’ bejnietna, il-post fejn nitħarrġu fil-karità.

Kemm hena tul ħajjitna kollha!

Hekk ikun, bil-Barka Appostolika Tagħna

 

Miġjub għall Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....