Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

Pawlu VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 19 ta’ Jannar, 1977

 

It-tama hi r-ruħ tal-kawża ekumenika

 

Venerabbli ħuti u wliedi maħbubin,

 

Il-laqgħa tagħna tal-lum qed issir fil-ġimgħa dedikata għat-talb u l-meditazzjoni dwar l-għaqda fost l-insara.  Tixbaħ kor kbir li f’dawn il-ġranet, min-naħa ta’ kważi kull min jifforma parti mill-konfessjonijiet insara kollha, jerfa’ leħnu lejn il-Missier waħdieni ta’ kuħadd, bl-interċessjoni tal-Mulej Ġesù bir-rabta tal-Ispirtu s-Santu.  Infatti, fit-talb, it-tfittxija għall-għaqda ssib l-ispirazzjoni l-aktar profonda tagħha u l-orjentament preċiz, u tikseb ukoll il-qawwa u r-raġuni tat-tama.  L-għaqda hi aspett tal-Knisja ta’ Kristu u għandha sehem mill-misteru tiegħu.  Għalhekk, bħall-Knisja nfisha, l-għaqda wkoll hi don ta’ Alla u sinjal tal-ħniena tiegħu.  Infatti din timplika tisfija tal-qalb, konverżjoni tal-moħħ, maħfra tad-dnubiet, qdusija tal-ħajja: affarijiet li Alla biss jista’ jtihom lil uliedu, jekk iduru lejh b’qalb niedma u umli u b’fehma sinċiera li jerġgħu jibdew il-mixja fit-toroq li wriena hu.

Għalhekk hu ta’ ferħ tara li t-talb għall-għaqda hu mifrux madwar id-dinja fost l-insara kollha.  F’għadd dejjem jikber, Kattoliċi, Ortodossi u Protestanti, ilkoll mgħammdin f’isem it-Trinità Qaddisa, tul dil-ġimgħa jingħaqdu biex jimploraw l-għaqda sħiħa bejniethom.  Minn għaxar snin ‘l hawn, infatti, sar qbil biex it-talb kollu jkun fuq tema maqbula, magħżula bi qbil minn sena għal oħra.  Hu sinjal ċar li qed terġa’ tqum kuxjenza dwar l-importanza li ġġib l-għaqda fil-ħajja tal-Knisja u għall-missjoni tagħha fid-dinja.  B’hekk qed joħorġu aktar għad-dawl ir-rabtiet profondi li bihom l-insara huma marbutin bejniethom.  Fl-istess ħin qed jistqarru r-rieda komuni li flimkien jobdu lill-Mulej li jrid li l-Knisja tiegħu, waħda u unika, tkun miġbura f’armonija “fl-istqarrija ta’ fidi waħda, biċ-ċelebrazzjoni komuni tal-kult divin u tal-għaqda fraterna tal-familja t’Alla” (Unitatis Redintegratio, 2).  Imma s-supplika tagħna lil Alla la tista’ u lanqas għandha tkun ġimgħa li malajr tgħaddi darba f’sena.  Matul is-sena wkoll fi Knejjes differenti jibqa’ jsir talb bla heda għall-għaqda bejn l-insara.  Jeħtieġ li dan isir kuljum. Għax il-problema tal-firda hi tant gravi li qed therri l-istess opra ta’ Kristu, “hija skandlu għad-dinja u tagħmel ħsara lill-kawża mill-aktar qaddisa tal-predikazzjoni tal-Evanġelju lil kull maħluq” (ibid. 1).

Però, din il-ġimgħa tibqa’ tkun mument qawwi u ta’ tifsir sostanzjali.  Infatti tiġġenera komunjoni ta’ spirtu li jdewwaqna minn qabel il-jum li fih l-insara kollha, magħqudin sħiħ, jagħtu glorja b’vuċi waħda u b’qalb waħda lill-isem t’Alla u jkunu xhieda fidila u unanimi quddiem id-dinja (cfr Fil. 2, 15).  Ma dan il-kor ta’ invokazzjonijiet ma tistax ma tingħaqadx ukoll b’mod partikolari, il-vuċi tagħna ta’ Ragħaj universali (cfr Ġw, 21, 15-17), li għandu r-responsabbiltà, minkejja li mhux dehen, li “jikkonferma lill-aħwa” (Lq 22, 32).  Għalhekk it-talba tagħna għandha tkun awgurju u stedina lil ulied kollha tal-Knisja Kattolika biex jingħaqdu ħaġa waħda u minn qiegħ qalbhom, sabiex ikunu ġisem wieħed ikoll flimkien quddiem il-Mulej, ħalli Hu jisma’ t-talba urġenti tal-fidili tiegħu, li lkoll flimkien, u bi qbil bejniethom, jitolbuh id-dawl u l-qawwa biex jagħmlu r-rieda tiegħu u jimxu flimkien spalla ma’ spalla” (So 3, 9) fit-triqat tiegħu.

It-tema li dis-sena qed titqiegħed quddiemna għar-riflessjoni u t-talb tagħna lkoll, hi meħuda minn San Pawl: “It-tama ma tqarraqx” (Rum 5, 5).  Kemm hu floku dan l-appell, biex ma’ ninħakmux mid-delużjoni, biex ma nibqgħux maqbudin fix-xibka tad-drawwiet li writna u biex ma nieqfux nofs triq.  It-tama hi r-ruħ tal-kawża ekumenika.  Hi l-kewkba li tmexxi l-passi tagħna lejn il-post fejn żgur se nsibu lill-Mulej.  Lil min, sa mill-ewwel siegħa, kien impenjat fit-tfittxija għall-għaqda u, forsi b’kisja ta’ dwejjaq josserva li l-għaqda għadha ma seħħitx, San Pawl ifakkru li “t-tama ma tqarraqx” u hemm bżonn il-perseveranza.  Lil min l-interess tiegħu f’din l-opra hu aktar drawwa milli kreattività, San Pawl ifakkru li “t-tama ma tqarraqx” u hemm bżonn nibqgħu inħarsu lejn il-ġejjieni u nibqgħu fil-korsija li twassalna lejn l-għan li għandna quddiemna (cfr Fil 3, 13).  Lil min iġarrab it-tentazzjoni li jħossu sodisfatt bir-riżultati pożittivi milħuqa fir-relazzjonijiet bejn l-insara u għalhekk jirriskja li jitfa’ l-ankri fl-istadju tal-konvivenza paċifika, imma mhux ta’ għaqda sħiħa, San Pawl ifakkar li t-tġrija hi sal-aħħar, sa meta jintlaħaq l-għan muri mill-Mulej innifsu, li hu dak li “nkunu mqaddsin permezz tal-verità” (Ġw 17, 19) u “ħaġa waħda għal kollox” (ibid 17, 23).  Lil min, fl-aħħar ħin, jidħollu d-dubju jekk hux ta’ min jingħaqad ma’ dal-moviment, San Pawl iħabbarlu mill-ġdid b’konvinzjoni ħerqana li “t-tama ma tqarraqx” u li, f’għaqda mal-Mulej tista’ tingħeleb kull reżistenza u kull diffikultà.

Infatti, it-tama tagħna tistrieħ f’Alla u fil-pjan tas-salvazzjoni tiegħu.  Alla jista’ kollox u huwa fidil u l-wegħda tiegħu dejjem iżommha.  Kelmtu ma terġax lura qabel ma tkun wettqet l-għeġubijiet.  Kif ikanta s-salmista, il-Mulej hu “qawwa tiegħi, il-blata tiegħi, il-ħellies tiegħi, il-fortizza tiegħi, it-tarka tiegħi, is-salvazzjoni tiegħi” (Salm 18, 2-3; cfr. 17, 2; 17, 27-31; eċċ.).  Għalhekk, aħna ma nistrieħux bil-prużunzjoni fuq l-opri tagħna jew fuq l-aspirazzjonijiet tagħna, imma “niftaħru bit-tama li għandna li għad niskbu l-glorja t’Alla”, kif jgħidilna l-Appostlu (Rum 5, 2).  Din hi kelma żgura: il-glorja t’Alla fl-aħħar għad tiddi u Hu jittrasmetti qdusitu lil kulħadd.  Hu jkun “kollox f’kollox” (1 Kor 15, 28) u jissiġilla r-rebħa aħħarija tiegħu fuq kollox, “bil-misteru tal-ħażen” (2 Tess 2, 7), fuq kollox fuq il-ġrieħi ta’ bejnietna, il-polemiċi, il-vjolenza, li nirfsu fuq xulxin, l-għejra u kull għamla ta’ mibegħda.  Din hi t-tama suprema tan-nisrani, li hu jaf “li ma tqarraqx” għax fiha hemm il-preżenza attiva tal-Ispirtu s-Santu li ngħatalna (cfr Rum 5, 5).  Infatti dak li jsawwab l-Ispirtu s-Santu fil-qalb, lin-nisrani jibdlu mill-qiegħ u fiż-żgur, bidla li minkejja li hi bil-mod u ssib l-oppożizzjoni, tmexxi lejn il-formazzjoni ta’ bniedem il-ġdid, “sakemm aħna lkoll naslu biex insiru ħaġa waħda fil-fidi u fl-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu” (Ef  4, 13).  It-tfittxija għall-għaqda fost l-insara issir preċiżament b’dil-perspettiva: it-tkabbir tal-fidi, il-maturità fi Kristu, mixja lejn komunjoni sħiħa f’Alla.  Minħabba li mgħammdin, l-insara kollha individwalment huma “ġustifikati fil-fidi, għandhom is-sliem ma’ Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu” (Rum 5, 1); imma huma wkoll imsejħin biex jisiltu l-konsegwenzi ekkleżjali minn dak li tesiġi l-Magħmudija li tgħaqqadhom, biex Kristu jsir ukoll “il-paċi tagħna” bejn xulxin u ekumenika (Ef 2, 14).  Il-Konċilju Vatikan II wera dan ċar ħafna permezz ta’ din l-istqarrija: “Il-magħmudija tikkostitwixxi rabta sagramentali tal-għaqda li hemm bejn dawk kollha li permezz tagħha jitwieldu mill-ġdid. B'danakollu l-magħmudija fiha nnifisha hija biss il-bidu u d-dħul għaliex hija kollha kemm hi diretta biex tinkiseb il-milja tal-ħajja fi Kristu. B'hekk il-magħmudija hija ordinata għall-istqarrija sħiħa tal-fidi, għall-inkorporazzjoni sħiħa fl-istituzzjoni tas-salvazzjoni hekk kif ried Kristu nnifsu, u biex twassal fl-aħħarnett għal inseriment sħiħ fil-komunjoni ewkaristika.  (Unitatis Redintegratio, 22).

Għalhekk għad baqa’ ssir mixja ta’ fidi biex saflaħħar niksbu l-għaqda, magħqudin flimkien bis-sehem ta’ Ewkaristija waħda, li llum ma nistgħux nagħmluha minħabba li m’hemmx għaqda sħiħa bejnietna fil-fidi.  Imma għal darb’oħra l-ixprun tagħna hija t-tama.  L-istess diffikultajiet oġġettivi m’għandhomx ikunu xkiel biex nibqgħu mexjin.  Anzi għandna niksbu vantaġġ spiritwali minn dan l-iskabru, għaliex, kif jispjega mill-ġdid San Pawl, “is-sofferenza ġġib is-sabar, is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama” (Rum 5, 4)

It-tama tagħna sserraħ ukoll u hi mirfuda mir-riżultati pożittivi li dejjem qed tikseb it-tfittxija għall-għaqda fost l-insara.  Infatti ssawret atmosfera ġdida u l-ispirtu tal-fraternità vera qed jikkonsolida ruħu dejjem aktar u qed isir aktar għammiel.  Aħna stess qed inġarrbu dan fil-laqgħat li qed isiru aktar spissi u personali ma’ tant Venerabbli Ħutna, li jonorawna biż-żjajjar tagħhom hawn f’Ruma, u kif kellna prova tagħhom fil-pellegrinaġġi tagħna f’Ġerusalemm, f’Istanbul u f’Ġinevra.  Aħna niżżu ħajr lill-Mulej li għoġbu jagħmilna strument ta’ din il-laqgħa bejn l-insara ta’ denominazzjonijiet differenti u li b’hekk nagħtu sehemna f’din l-opra misterjuża tal-Ispirtu s-Santu, li jgħajjex il-Knisja ta’ żmienna.  Wara kollox aħna ma narawx is-Sede ta’ Pietru ħlief bħala forma ta’ servizz għall-għaqda tal-Knisja.  It-tfittxija għall-għaqda qed twassal ukoll biex isiru laqgħat dottrinali u qbil pożittiv li dejjem qed jissaħħu, anki fuq kwistjonijiet li fl-imgħoddi kienu wasslu biex l-insara jeħduha bl-aħrax kontra xulxin, bħalma huma dawk fundamentali dwar ir-realtà tal-Ewkaristija, dwar il-Ministeru u l-Awtorità fil-Knisja.   Id-djalogi bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes l-oħra u l-Komunitajiet Ekkleżjali, sostnuti bit-talb, għadhom sejrin bix-xogħol delikat tagħhom li nittamaw iwassal biex ikunu ċċarati darba għal dejjem il-kwistjonijiet kontroversjali kollha dwar il-fidi u għal qbil sħiħ fil-verità kollha kemm hi.  Għal dan ukoll għandna nitolbu bla heda.

Nixtiequ ntemmu billi ntennu mill-ġdid li t-tfittxija għall-għaqda mhix kompitu ta’ xi gruppi speċjali biss, bħalma hu s-Segretarjat imwaqqaf apposta, iżda hi responsabbiltà tal-imgħammdin kollha u b’mod partikolari tal-kattoliċi kollha.  “Il-ħerqa biex terġa ssir l-għaqda tolqot lill-Knisja kollha, - jafferma l-Konċilju Vatikan II - kemm lill-fidili kemm lir-rgħajja, u tinteressa lil kull wieħed skond il-ħila tiegħu kemm fil-ħajja nisrianija ta' kuljum kemm għal dawk li għandu x'jaqsam ma' l-istudji tat-teoloġija u ta' l-istorja”! (Unitatis Redintegratio, 5).  Infatti l-armonija fir-riċerka ma tistax ma twassalx ukoll għall-armonija fir-riżultat aħħari.  U dan hu l-awgurju tagħna lkoll f’isem il-Mulej.

L-għan tagħna hu li dawn l-awguri nsaħħuhom minn qalbna bil-Barka Appostolika Tagħna, sabiex jitħeġġu aktar l-għanijiet ekumeniċi ta’ kulħadd u jagħmluhom dejjem aktar għammiela, bil-grazzja t’Alla tant meħtieġa.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....