Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 14 ta’ Ġunju, 1978

 

Il-kuxjenza tqum mill-ġdid bir-relazzjoni ma’ Alla

 

Għadha ttektek f’moħħna dik il-mistoqsija sempliċi iżda fundametnali, li tinvolvi l-ġudizzju prattiku tagħna iżda radikat fi kwistjonijiet profondi u spekulattivi, ġudizzju li minnu l-mentalità moderna tislet l-orjentament deċisiv dwar ir-reliġjon, li dment li għadna ngħixu fid-dinja spiss ifisser: il-Knisja.  Mistoqsija bħal din tisfida hekk, kważi b’rabja: x’tagħmel il-Knisja?  Li fl-ispirtu marid ta’ min jagħmel dil-mistoqsija l-kwistjni kollha tfisser empirikament: X’siwi għandha l-Knisja?  U l-kwistjoni ssir iebsa  u radikali, minnufih materjalista: m’għadx hemm lok għar-reliġjon fil-mentalità moderna, mhedija għal kollox mir-realtà tas-sensi u xjentifika, li dejjem ħsiebha fl-utilità ta’ dak li jeħtieġ attenzjoni u tal-attivtà tal-bniedem. Hija pożizzjoni dejjem tbaqbaq.

Il-Knisja, għall-bidu mbeżża’ mill-ħruxija u l-indħil tal-mistoqsija, kultant tidher tittituba biex twieġeb; imma mbagħad, imfarrġa mill-kuxjena u mill-fidi tagħha, għal darb’oħra twieġeb: il-Knisja titlob!  U mill-ewwel tqum mistoqsija doppja, li aħna li nemmnu, għandna nkunu lesti nagħtu bħala tweġiba rebbieħa: xi jfisser li titlob?  U x’siwi għandu t-talb?  Huma mistoqsijiet elementari; imma tant aggressivi daqskemm huma perikolużi!  Iżda m’għandniex nibżgħu, anki jekk issa ma nkunux nistgħu, jew ma nkunux irridu nagħtu tweġiba razzjonali għall-oġġezzjonijiet formidabbli li mistoqsijiet bħal dawn iqanqlu fl-ispirtu uman.

Aħna nistgħu nduru madwar il-karattru negattiv ta’ dal-mistoqsijiet billi nosservaw li ma jolqtu ebda bersall perikoluz tal-iżvilupp normali tal-attivitajiet ċivili.  Il-bniedem li jitlob ma jagħmel ħsara lil  ħadd, u lanqas iwaqqaf jew ifixkel il-ħidma mentali jew fiżika tal-bniedem; anzi nistgħu niftakru kemm il-bniedem ħawtiel jikseb fekondità u jgawdi minn formola, li għadha dejjem taħdem fil-Knisja u flimkien magħha, li għaqqdet u kważi rifdet iż-żewġ mumenti karatteristiċi u supremi tal-attivita umana: talb u ħidma: (ora et labora), li San Benedittu għallem lid-dixxipli tiegħu, li fosthom nistgħu nqiegħdu wkoll lilna nfusna u l-Knisja kollha.

Għax fir-relazzjoni tagħha ma’ Alla, il-Knisja tfittex u ssib l-għala tal-eżistenza tagħha.  U l-istqarrija ta’ din ir-relazzjoni tifforma l-enċiklopedija tal-ispirtu uman, li nsjeħulu ‘talb’.  Insibuha fis-skiet tar-ruħ, f’dak is-skiet interjuri li fih il-Kelma t’Alla l-ewwel tinstama’ u tissawwar fi kwistjoniet fundamentali, li jitfgħu dubju fuq il-klixè tal-mentalità superfiċjali tagħna u jqanqlu fina awtokritika, li nistgħu ngħidu li hi l-qawmien mill-ġdid tal-kuxjenza, u li fl-istess ħin, ftit ftit juruna ċertezza dominanti ġdida dwar l-eżistenza, il-preżenza, l-azzjoni ta’ Alla fl-ispirtu tagħna.  U jixbaħ żerniq ix-xemx, li jifrex dawl interjuri, li minnu l-affarijiet, u ħajjitna qabel kollox, jiksbu sens ġdid, filosofija, għerf li jimponi ruħu u jiġġustifka lilu nnifsu, terribbli u ħabib fl-istess waqt, li minħabba fih l-ispirtu uman iħoss li hu dmir tiegħu jitkellem bil-verità.  Fl-aħħar mill-aħħar hi esperjenza li minħabba fiha fommna sieket jinfetaħ u jsib fih innifsu t-tifsira klassika tat-talb: irfigħ lejn Alla, jixbaħ impuls kuraġġuż mirfud fis mill-umiltà, mimli ħerqa u invokazzjoni għall-għajnuna (cfr. Dictionnaire de Théologie, XIII, 1, p. 169 ss.).  It-talb jirrivelalna dinja spiritwali, bla qies, meraviljuża, misterjuza bħas-sema ta’ fuq rasna u jiddeskrivi s-sema bla tarf tar-Realtà li fiha aħna ngħixu, wisq drabi fl-għama, b’vista qasira, insensibbli. 

Hawnhekk il-kelma ta’ Kristu hi l-għajnuna tagħna, tħeġġiġna, kważi biex isserħilna rasna, li ma nkunux qed noħolmu: “jeħtieġ titolbu bla taqtgħu” (Lq 18, 1), wara li kien għallimna t-talba li xejjen id-distanza infinita bejn iż-żewġ termini sproporzjonati u li ma jitgħux jitqabblu bejniethom: Alla, li qatt ma jintemm, il-mikrobu/bniedem; li tgħid u li aħna b’xorti kbira ntennu: “Itolbu hekk: Missierna li inti fis-smewwiet.....” (Mt 6, 9 ss).

Liema xenarju jinfetħa quddiemna!  X’realiżmu jikseb it-talb tagħna!  X’fiduċja ansjuża tikseb l-orazzjoni tagħna!

Iva, x’tagħmel il-Knisja?  Ma ninsewh qatt!  Il-Knisja, u l-Knisja hija aħna, titlob; u titlob hekk!

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....