Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

Pawlu VI

UDIENZA GENERALE

Mercoledì, 12 Jannar 1977

 

Wara l-Magħmudija

 

Il-preżenza għal din il-laqgħa ta’ grupp imdaqqas sew u dinjituz ta’ parteċipanti li jagħmlu sehem mill-“Komunità Neokatekumenali” joffrilna l-okkażjoni  biex niġbdu l-attenzjoni ta’ dawk li qed iżuruna u ta’ kull min jingħaqad magħna biex jisma’ din il-kelma familjari tagħna, dwar żewġ ġrajjiet tal-Knisja kattolika; jiġifieri dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1974, li kellu t-tema “l-evanġelizzazzjoni fi żmienna” u li nebbaħ l-Eżortazzjoni Appostolika tagħna ta’ wara, “Evangelii nuntiandi”, li kienet ippubblikata fit-8 ta’ Diċembru, 1975; u t-tieni ġrajja, is-Sinodu tal-Isqfijiet li, jekk il-Bambin irid, se jitlaqqa fil-ħarifa tal-1977, u jibda’ nhar it-30 ta’ Settmebru, li se jiddiskuti “l-katekeżi”, u b’hekk evidentement se jkun tkomplija tas-Sinodu ta’ qablu.  Dan juri kif il-kuxjenza tal-missjoni fundamentali tal-Knisja, dik li tħabbar il-messaġġ evanġeliku, skont l-aħħar kmand ta’ Ġesù fi tmiem il-preżenza viżibbli tiegħu fid-dinja: “Morru u għamlu dixxipli mill-ġnus kollha” (Mt 28, 19), għadha tishar u mħaddma fil-Knisja nfisha u hija mpenn għaliha kollha kemm hi, ministri u fidili, biex tħabbar l-Evanġelju, illum bħal qatt qabel, dan minkejja d-diffikultà, kif ukoll minħabba l-possibiltà li d-dinja moderna topponilha fit-tifrix ta’ din l-aħbar.  Ninsabu għalhekk fi żmien appostoliku, missjunarju, didattiku mill-aktar evidenti fil-ħajja tal-Knisja; dan hu impenn għalina lkoll: il-bini tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu fuq l-art, li hu l-Knisja tal-lum, hu dmir ta’ kulmin jemmen (cfr Lumen Gentium, 33).

F’dan id-dawl jidher ċar li jkun ta’ fejda li jiżdiedu qatigħ l-isforzi biex jitwettaq dan il-programm enormi u urġenti: nevanġelizzaw, nikkatekizzaw; filwaqt li qed naraw jinbtu opri u mezzi biex dal-messaġġ tat-tħabbira evanġelika jinfirex bl-aħjar mod possibbli.  Aħna se nosservaw kif dal-fenomenu ta’ għamliet differenti fil-Knisja Mqaddsa mhuwiex biss aspett skolastiku, didattiku, dwar il-ħidma tal-knisja, imma pjuttost dak aktar wiesa, pedagoġiku, vitali, li fih it-tagħlim tal-veritajiet tar-reliġjon jimxi id f’id, anzi hu ħaġa waħda, mal-istqarrija tal-ħajja, li n-norma u l-prinċipji tagħha huwa t-tagħlim. 

It-tieni ħaġa: aħna ninnutaw illi għal min iħaddmu, dan id-dmir ma jikkwalifikax bħala piż tqil u diffiċli kemm għal min jaqdih u anki għal min għalih ikun ta’ fejda, minkejja li fir-realtà hu iebes, imma pjuttost ikun għalih ġieħ, xorti tajba, vokazzjoni li tinnobilitah u tgħollih: it-twettiq tiegħu fih innifsu hu radd lura tal-għejja li jġib miegħu; jhenni lix-xhieda tiegħu, itihom is-serħan il-moħħ, itihom sehem minn qabel mill-ġid ta’ dik is-saltna t’Alla li huma jkunu jħabbru.

Imbagħad nistgħu ngħidu li kulmin b’qalb sempliċi u ġeneruża jkun ta’ servizz għall-evanġelizzazzjoni, iġarrab, ċertament bis-saħħa ta’ sigriet li qatt ma jonqos tal-kariżma tal-Ispirtu s-Santu, metamorfosi psikoloġika u morali karatteristika, dik li d-diffikultajiet tibdilhom fi stimoli, il-perikli f’attrazzjoni, it-telfiet infushom f’merti, u għalhekk f’paċi hienja.

Issa nistgħu nifhmu wkoll ix-xhieda li joffrulna l-viżitaturi tagħna tal-lum: din iddur madwar il-fus tal-ħajja nisranija, jiġifieri l-Magħmudija, is-sagrament tar-riġenerazzjoni nisranija, li għandu jerġa’ jsir dak li kien fil-kuxjenza u fid-drawwiet tal-ewwel ġenerazzjonijiet tal-kristjaneżmu.  It-tradizzjoni u n-normi tal-Knisja daħħlu d-drawwa qaddisa li jagħtu l-magħmudija lit-trabi tat-twelid, u wassal biex tintilef it-tħejjija liturġika tar-rit tal-magħmudija tal-ewwel żminijiet, meta s-soċjetà kienet profondament pagana, li kienu jsiru qabel il-magħmudija, dak li nsejħulu katekumenat.  Iżda fl-ambjent soċjali tal-lum dal-metodu hemm bżonn illi jkun integrat b’tagħlim, inizjazzjoni għall-istil propju tan-nisrani, wara l-magħmudija, jiġifieri assistenza reliġjuża, taħriġ prattiku tal-fedeltà nisranija, dħul effettiv fil-komunità ta’ min jemmen, jiġifieri l-Knisja.

Dan hu “t-twelid ġdid” tal-katekumenat, li żgur ma jridx la jħassar u lanqas inaqqas l-importanza tad-dixxiplina batteżimali kif inhi issa, imma jrid japplikaha b’metodu ta’ evanġelizzazzjoni gradwali u intensiva, li tfakkar u ġġedded b’xi mod, il-katekumenat ta’ żminjiet oħra.

Min kien mgħammed jeħtieġ jifhem, jagħrbel mill-ġdid, japprezza, jgħix ix-xorti bla tarf tas-sagrament li rċieva.  U aħna kuntenti naraw li llum dal-bżonn jifhmuh ukoll l-istrutturi ekkleżjastiċi istituzzjonali u fundamentali: il-parroċċi.  B’hekk qed tkun proposta katekeżi għal wara dik li ma saritx qabel il-Magħmudija; “il-pastorali mal-adulti”, kif qed ngħidu llum, li titfassal, toħloq metodi ġodda u programmi ġodda; imbagħad ministri ġodda ħalli jkunu ta’ spalla biex jassistu bl-aħjar mod possibbli lis-saċerdot u lid-djaknu fit-tagħlim u s-sehem fil-liturġija; għamliet ġodda ta’ karità, ta’ kultura u solidarjetà soċjali jseddqu d-dinamiżmu tal-komunità nisranija li quddiem id-dinja jkunu difiża, apoloġija u attrazzjoni.

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....