Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 10 ta' Mejju, 1978

 

Il-qtil ta' Aldo Moro xxokkja d-dinja kollha

 

Il-klima tal-laqgħa ta' kull ġimgħa tal-Papa mal-fidili u l-pellegrini tal-Erbgħa 10 ta' Mejju, kienet iddominata mir-regħxa u n-niket ta' Pawlu VI u ta' kulmin kien preżenti minħabba d-delitt li sar il-jum ta' qabel f'Ruma, jiġifieri  l-qtil tal-illustri statista taljan, l-Onorevoli Aldo Moro, president tad-Democrazia Cristiana.

Il-Qdusija Tiegħu beda l-laqgħa mal-assemblea ekkleżjali fil-Bażilika ta' San Pietru u wara, fl-Awla tal-Udjenzi.

Fil-ħdax ta' filgħodu, fil-Bażilika tal-Vatikan iltaqgħu mal-Papa erbat elef tfal minn djoċesijiet differenti tal-Italja li kienu għamlu l-ewwel tqarbina fil-jiem ta' qabel.

 

Għeżież tfal!

Kif żgur tafu, ilbieraħ hawn f'Ruma, seħħ fatt ta swied il-qalb kbir, delitt orribbli.  L-Onorevoli Aldo Moro safa maqtul vilment, u mitluq ġo karrozza.  Kien bniedem ta' awtorità kbira, politiku ta' importanza kbira u ta' karattru twajjeb u kalm.  Il-qtil tiegħu, li kien premeditat, ikkalkulat, li twettaq bil-moħbi u mingħajr ħniena, kexkex l-Italja kollha u qanqal l-istmerrija tad-dinja kollha.  Aħna konna nafuh minn żmien żgħożitu, saż-żmien li kien student fl-università.  Kien bniedem twajjeb u għaqli, ma kellu ħila jagħmel ħsara lil ħadd; kien professur bravu ħafna, bniedem tal-politika u tal-gvern, persuna ta' valur kbir, missier ta' familja eżemplari, u dak li l-aktar jgħodd, kien bniedem ta' sentimenti reliġjużi, soċjali u umani ta' sbuħija kbira.  Dan id-delitt ixxokkja lill-persuni onesti tad-dinja kollha, lis-soċjetà kollha; qiesu tebgħa demm li tagħmel diżunur lill-pajjiżna; kulħadd qed jitkellem dwarha, kulħadd hu diżgustat; u intom ukoll żgħażagħ u tfal miġburin f'dil-Bażilika, tħossukom imkexkxin u mnikktin minħabba dil-ġrajja.

Tajjeb, għeżież uliedi, u intom għalliema u qraba li tinsabu hawn magħhom għal dal-waqt ta' talb hieni u solenni flimkien, fl-okkażjoni tal-Ewwel Laqgħa ta' dawn it-tfal mal-Mulej Ġesù, erfgħu ħsiebkom flimkien magħna u għidu, issa, fil-bidu ta' diċ-ċerimonja qasira, talba għal Aldo Moro, għall-familja tiegħu li tinsab fil-għali u għan-nazzjon kollu.

 

Lit-tfal, Pawlu VI qalilhom hekk:

Saħħa lilkom, għeżież tfal li dalgħodu qed iġġibulna l-ferħ ta' dil-laqgħa ta' festa: riħ ta żgħożija daħal magħkom fin-navati solenni ta' dan it-tempju majestuz.  L-ispettaklu li qed toffru lill-ħarsa tagħna, ifakkarna f'dak tan-natura tul dan l-istaġun tar-rebbiegħa: is-seħer ta' firxa mlewna ta' fjuri, li l-għajn qatt ma tgħejja tikkunempla u l-ispirtu qatt ma jehda jammira, biex minnhom jixrob sensazjonijiet ta' hena, serenità u kalma li tagħti l-paċi.  Dawn huma, eżattament, is-sentimenti li jinbtu mill-qalb tagħna aħna u nħossu qribna l-vibrazzjoni ferrieħa tal-entużjażmu żgħażugħ tagħkom.  Għalhekk grazzi tal-faraġ li qed tnisslu fina.

Ġejtu biex taraw lill-Papa.  U liema kliem ta' tifkira se jgħidilkom il-Papa f'dil-laqgħa?  Dan hu: jalla Ġesù jkun l-ideal tagħkom!  Jalla jkun Hu l-mudell li jnebbaħ ħajjitkom,  is-Salvatur li tiggranfaw miegħu fil-waqtiet tad-dgħufija u meta tgħotru, il-ħabib li lilu tafdawlu l-weġgħat, il-proġetti, it-tamiet tagħkom.  Ħafna minnkom irċevewh fl-Ewkaristija għall-ewwel darba ftit ilu u f'qalbhom għad għandhom it-tifkira ta' dal-kuntatt personalissimu, li ta bidu għall-ħbiberija li, nittamaw, hi destinata li ma tintemm qatt.  L-oħrajn diġà jmantnu d-djalogu tagħhom ma' Kristu permezz tad-drawwa li jersqu spiss lejn il-Mejda ewkaristika, li minnha  jimtlew bl-enerġija meħtieġa biex bil-kuraġġ u l-koerenza jaffrontaw l-għażliet li ftit ftit dejjem isiru aktar impenjattivi.

Tajjeb, għeżież tfal, tinsewhx dan: ir-raġunijiet ewlenin għall-ħajja, għall-imħabba, għas-sofferenza, għat-tama, tistgħu ssibuhom biss f'Ġesù.  Hu biss jista' jeħliskom mill-ktajjen tad-dnub u minn kull għamla ta' jasar li jhedded il-veru libertà tagħkom; Hu jista' jimla qlubkom bl-Ispirtu tal-għerf, tal-qawwa, tal-imħabba biex b'hekk itikom il-ħila tagħtu sehem effikaċi għall-ġejjien ta' dinja aktar ġusta u fraterna.  Jalla Ġesù jibqa' magħkom tul it-toroq tal-ħajja.  Jalla jtikom il-faraġ fit-twettiq tad-dmirijiet tagħkom ta' kuljum; jalla jiddefendikom mis-seher fieragħ ta' eżistenza xettika u edonistika;  jalla jweżinkom fl-impenn tagħkom biex tikkontrollaw il-passjonijiet, fit-tkabbir personali, intom u tagħtu s-sehem kostruttiv tagħkom fil-kuntest soċjali u u ekkleżjali.

F'ismu, Aħna nakkumpanjawkom b'Barka Appostolika speċjali, li minn qalbna nagħtu wkoll lill-għalliema tagħkom, lill-ġenituri tagħkom u lill-għeżież tagħkom kollha.

 

* * *

Aktar tard, fil-11.30, Pawlu VI ltaqa’ ma’ għadd kbir ta’ pellegrini minn kull rokna tad-dinja fis-sala tal-udjenzi.  Fid-diskors tiegħu  reġa’ fakkar il-ġrajja ta’ niket, qabel ma tkellem dwar il-festa qrib tal-Pentekoste

 

Uliedi għeżież u fidili li qed iżżuruna,

Jidhrilna li jkun nuqqas ta’ sinċerità u ħniena jekk qabel ma ngħaddielkom il-messaġġ spiritwali mħejji għal din l-udjenza, ma ngħaqqdux ma’ tagħkom in-niket li nifdilna qalbna minħabba l-qtil barbaru tal-Onorevoli Aldo Moro, li intom żgur smajtu dwaru mill-aħbarijiet.  Aħna issa se ngħidulkom biss li dal-fatt omiċida hu gravi fih innifsu, u wkoll minħabba r-riperkussjonijiet morali u soċjali li jista’ jħalli warajh.  Iżda aħna nixtiequ li l-istess riflessjoni dwar dil-ġrajja tkun sejħa għal kulħadd biex jirrifletti serjament u bil-prattika dwar is-sehem, privat jew pubbliku, hu x’inhu, fil-ħajja soċjali ta’ żmienna, li permezz tiegħu għandna nħossu li mhux biss qed nagħtu sehemna imma wkoll inħossuna b’xi mod responsabbli dwar kif qed tissawwar, fis-sens li lkoll kemm aħna għandna naraw li l-mentalità u d-drawwiet tagħna jkunu mmexxijin minn kuxejnza morali qawwija.

Hemm bżonn li l-ideat u l-opri tajba ta’ kulħadd ikunu aktar preżenti u ta’ fejda akbar fid-dinja tagħna, biex  nevitaw id-deġenerazzjoni li t-tmien inġust u traġiku ta’ Statista, twajjeb, seren, kolt u qaddis bħalma kien Aldo Moro ma terġax isseħħ u tkun għalina sinjal li jbeżżana u li jħammrilna wiċċna.  Għaldaqstant aħna nixtiequ nitolbu għalih, għall-familjari tiegħu u għal din is-soċjetà kollha li aħna mdawrin biha u li tagħha aħna għandna interess pastorali u mħabba paterna daqskemm jidher li se jkunu ta’ swied il-qalb iż-żminijiet li ġejjin.  Itolbu, sofru u ħobbu intom ukoll.

 

* * *

 

Katekeżi tal-Papa

 

Uliedi u ħuti!

Aħna ninsabu fi żmien ta’ tifkira importanti ħafna, li tifred u tgħaqqad flimkien żewġ ġrajjiet kapitali għall-istorja tar-reliġjon fid-dinja, it-Tlugħ fis-Sema, jiġifieri t-tluq glorjuz u misterjuz ta’ Ġesù Kristu, wara l-qawmien, mix-xena ta’ did-dinja, u l-Pentekoste, jiġifieri, għalina l-insara, il-miġja tal-Ispirtu s-Santu fuq il-miġemgħa tas-segwaċi tal-Mulej, bnedmin li bħala fidili li semgħu l-aħħar rakkomandazzjni li għamlilhom Hu, kienu miġburin f’Ġerusalemm jistennew, illi fi ftit ġranet kien se jkollhom “il-Magħmudija tal-Ispirtu s-Santu”, li huma ma kellhomx idea ċara min hu, iżda li żgur kienu jiftakru u kienu jixtarru l-kliem li kien qalilhom Ġesù: “Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1, 8).

Il-Pentekoste nisranija hi data deċisiva għall-istorja tal-umanità.  Hi t-twelid tal-Knisja.  Santu Wistin jgħid: “bħalma hi r-ruħ għall-ġisem tal-bniedem, l-istess huwa l-Ispirtu għall-ġisem (mistiku) ta’ Kristu, li hu l-Knisja” (PL 38, 1321); huwa t-tiswib tal-Ispirtu t’Alla, l-ixprunar sopranaturali tal-umanità, mwettaq mill-Knisja, il-preżenza tal-azzjoni tal-Paraklitu mwiegħed, tat-tielet persuna tat-Trinità l-aktar qaddisa, Alla wieħed, kif nafu, fi tliet persuni distinti minn xulxin, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

L-Ispirtu s-Santu!  Huwa “Ir-Rigal ta’ Alla” (cfr Santu Wistin: De Trinitate, V, 15: PL 38, 921); huwa l-imħabba t’Alla li tiġi għandna u li tkattar is-sinjali tal-preżenza tiegħu u tal-azzjoni tiegħu: id-doni tal-Ispirtu s-Santu, li jitfakkru fis-Sagrament tal-Griżma (għerf, fehma, kunsill, qawwa, xjenza, pjetà u biża’ t’Alla).  U lill-Galatin San Pawl jiktbilhom: “Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal. 5, 22-23).

Il-ħajja tan-nisrani li jkun fil-grazzja t’Alla tixbaħ ġnien iwarrad.  Dejjem għandna nfaħħru lill-Ispirtu s-Santu billi naraw li nkunu aħna stess il-ġnien li fih Huwa jwarrad.  B’din in-nota dwar il-ħidma spiritwali tal-Paraklitu (kif isejħilha San Ġwann) (Cfr. Io. 14, 26; 15, 26; 16, 2) fir-ruħ nisranija, permezz tal-azzjoni sagramentali: “il-Magħmudija tagħti l-Ispirtu s-Santu bħala qawwa li tqaddes, forza interjuri li lin-nisrani tagħnih bl-Ispirtu ta’ Kristu u tgħinu jgħix bħalu.  Il-Konfermazzjoni, il-Griżma, hija l-Pentekoste l-ġdida ta’ kull nisrani, li jingħata l-Ispirtu biex isir bniedem sħiħ; huwa ma jibqax jgħix biss għalih innifsu, qiesu tifel, iżda jikseb missjoni fi ħdan il-Knisja, il-missjoni ta’ kull nisrani li jaħdem għas-Saltna t’Alla” (P. BENOÎT, Il-Passjoni u l-Qawmien tal-Mulej; Cerf, 1966, p. 368).

B’hekk il-Pentekoste ma tgħaddix minn fuqna qiesu qatt ma kien xejn! “Ixxekklux l-Ispirtu!” intennu flimkien ma’ San Pawl (1 Tess 5, 19), imma nirrikmandaw lil kulħadd biex jixgħel jew jixgħel mill-ġdid il-fjamma ħajja tal-karità, li hi appuntu dik tal-Ispirtu s-Santu.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

  

Minn Papiet oħra ....