Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 7 ta’ Ġunju 1978

 

L-imħabba lejn il-ħajja li se titwieled

 

Fi qlubna llum hemm żewġ ħsibijiet: id-dehra tal-Bażilika ta’ San Pietru, mimlija qiesha xheda tan-naħal ferrieħ bit-tfal, adoloxxenti, żgħożija innoċenti f’festa; imbagħad it-tifkira tal-liġi li tippermetti l-abort li għaddiet fl-Italja propju lbieraħ.

Aħna ma nistgħux inżommu fommna sieket dwar id-dmir li nesprimu l-opinjoni negattiva tagħna dwar dil-liġi favur l-abort, li mill-bieraħ, kif konna qed ngħidu, daħlet fis-seħħ fl-Italja wkoll, b’offiża gravi lejn il-liġi t’Alla fuq suġġett ta’ importanza estrema dwar il-ħarsien tal-ħajja innoċenti tat-tarbija sa mill-ġuf tal-omm.  Aħna issa se nsemmu biss dak li l-Knisja bħala interpretu naturali fuq dal-punt u tal-liġi divina bħal dejjem (cfr Ittra ad Diognetum, 8,6), dejjem affermat b’awtorita li “l-ħajja innoċenti, hi f’liema kundizzjoni hi, sa mill-ewwel waqtiet tal-eżistenza tagħha qatt m’għandha tisfa attakkata direttament b’att volontarju.  Dan hu dritt fundamentali tal-persuna umana.... kif kien jgħid il-venerabbli predeċesur tagħna Piju XII (Piju XII Diskorsi u messaggi bir-radju, XIII, p. 415) u kif tfakkarna l-kelma meqjuma u pubblika, bid-data tal-bieraħ, tal-Vigarju Ġenerali tagħna għad-djoċesi ta’ Ruma, il-Kardinal Ugo Poletti.  Se jkun dmir ta’ kulħadd, speċjalment ta’ min jistqarr li hu kattoliku, jagħti importanza assoluta biex dat-tagħlim jibqa’ jkun osservat.

Dan hu tagħlim tqil imma għadu, daqs qatt qabel, tagħlim ta’ mħabba.  Imħabba lejn il-ħajja umana fiha nfisha.  L-awtorità li Kristu, u miegħu l-Knisja, għandhom fuq il-ħajja umana, hi stqarrija ta’ stima lejn il-ħajja tal-bniedem fiċ-ċokon tiegħu, fit-tfulitu, fl-innoċenza tiegħu.  Min ma jiftakarx l-episodju tant sabih, tant ġentili, li jirrakkonta l-evanġelista San Mark, bil-ħeġġa tiegħu: “Ġabulu quddiemu  xi tfal biex iberikom, iżda d-dixxipli bdew iċanfruhom.  Meta Ġesù ra dan, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha.  Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom (Mk 10, 14).

U San Mattew ma jonqosx li juri ċar is-simpatija, l-għozza preferenzjali tal-Mulej lejn iċ-ċkejknin.  Hekkhu: “Dak iż-żmien Ġesù qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ (jiġifieri l-misteri tar-rivelazzjoni tiegħu) ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11, 25-26).

Dan hu ħsieb li jaqleb ta’ taħt fuq il-primat tas-setgħana favur l-umli, b’tant qawwa kif stqarret il-Madonna fil-Magnificat: “Xerred il-qawwa ta’ driegħu, niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla liċ-ċkejknin; mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn” (Lq 1, 51-53).  Dal-ħsieb jerġa’ jfiġġ fix-xena drammatika tal-ġudizzju tal-aħħar: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja.......Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25, 34-40).  Il-veru ħniena għad-diffikultajiet u l-ansjetajiet tal-ħajja umana mhix li ttemm li min hu frott l-iżball jew in-niket uman, imma filli terfa’, tfarraġ, ittaffi t-tbatija, il-miżerja, il-mistħija mid-dgħufija, jew tal-passjonijiet umani: imma qatt li toqtol! Aħna qed ikollna nagħmlu dir-riflessjoni minħabba li hemm min qed idur għall-abort infami legalizzat.  Infakkru liż-żgħażagħ, lil kulħadd, fil-perikli u d-diżastri tal-passjonijiet li jieħdu post l-imħabba; fid-dinjità umana qatt mittiefsa, ukoll fil-fażijiet l-aktar moħbija u umli tagħha; immexxu ‘l quddiem kull assistenza possibbli u denja lill-maternità fil-bżonn.  Kulma għad isir f’das-sens ta’ mħabba, ħniena, ħarsien tal-ħajja anki ta’ wieħed mill-iċkem u forsi l-aktar imnikket fost ħutna, “bl-umanità”, niftakru, li Kristu jqiesu li sar miegħu stess!

Bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....