Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAPA PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 5 ta’ Lulju, 1978

 

Il-vaganzi: żmien ta’ formazzjoni

 

Aħna se nerġgħu nitkellmu dwar il-vaganzi.  Dawn, minkejja li għandhom żmien limitat fil-ħajja normali ta’ min qed jikber, jiġifieri t-tfulija u ż-żgħożija, huma ta’ importanza kbira fl-iżvilupp fiżiku u spiritwali tagħhom, għax meta spontanjament jużaw il-ħiliet tagħhom ikunu qed jinvestu fl-enerġiji fiżiċi u mentali tagħhom, forsi xejn anqas minn meta jkunu mmexxijin mid-dixxiplina tal-obbligu.  Kulħadd jafu dan; u għalhekk aħna nawguraw mill-ġdid “il-vaganzi t-tajba” lil kulmin għandu x-xorti li jgawdihom b’mod sân.

Iżda rridu nfakkru li l-vaganzi, speċjalment għal min dieħel jew diġà jgawdi maturità fiżika u jġarrab il-potenzjal tal-għana tal-fakultajiet spiritwali tiegħu, għandhom importanza kbira ħafna, spiss deċisiva, għall-iżvilupp intellettwali u morali tal-bniedem.  Il-qari ta’ xi ktieb, li wieħed imur jara xi spettaklu, xi vjaġġ imfassal b’intelliġenza, il-bidu ta’ xi ħbiberija u wkoll, f’ċerti każi, l-esperjenza ta’ xi diżgrazzja jew xi marda, jistgħu jħallu effett pedagoġiku ta’ siwi li minxidaqqiet jissupera dak tat-tagħlim regolari.  Hawnhekk aħna se nillimitaw ruħna biex ngħidu li l-għan tal-vaganzi mhux biss l-użu dehni sabiex bniedem jistrieħ u jikseb lura l-forza fiżika u lanqas xi virtù ta formazzjoni permezz tal-kuntatt sensibbli mad-dinja fiżika li l-vaganzi joffru lill-bniedem, meta jiftħulu xi ħaġa ġdida mill-paġni tan-natura, minħabba sbuħithom, il-firxa tagħhom, il-kumplessità tagħhom, għax min-natura tagħhom huma inkredibbli, imma għandhom ukoll għan spiritwali.  Meta qatt il-bniedem jaħseb fih innifsu, jagħraf persuntu, meta mqar imiss, biex iħoss id-dehxa jew il-biża’, il-fond, il-problemi ta’ ħajtu, jekk mhux fil-waqtiet meta jkun liberu, waħdu mal-kuxjenza tiegħu?  Il-vaganzi mhumiex biss waqfa sabiha ħafna li bit-tgawdija fiżika u esterjuri, tikser il-monotonija tat-twettiq tax-xgħol normali, imma huma wkoll u aktar u aktar, laqgħa tal-bniedem miegħu innifsu, mal-eżistenza tiegħu.

Dwar dan l-aspett ta’ żmien il-mistrieħ u l-irkupru tal-enerġiji karatteristiku tal-vagnazi, l-aspett interjuri, l-aspett spiritwali, għandhom kelma xi jtarrfulna.  Mhux biex itaqqlu l-vaganzi nfushom, iżda biex jiftħulhom it-tiweqi għall-fewġa tal-ispirtu.

Per eżempju, u bħala l-ewwel ħaġa: forsi dan mhux iż-żmien li tulu l-bniedem jinqata’ mill-mitt ħaġa li titturmentalu l-ispirtu biex jagħmel riflessjoni fundamentali dwar kif se jimpenja ħajtu?, kif qed tintiseġ din ħajtu fuq dak il-kmand fundamentali li jikklassifika l-intelliġenza, il-mertu, it-tama?, jiġifieri fuq il-linja tad-dmirijiet?, tal-Liġi t’Alla, tal-imħabba sħiħa l-ewwel u qabel kollox, li fid-dinja ttina l-għerf u wara ż-żmien, is-salvazzjoni?  Min isolvi dil-problema intima u ta’ turment diġà jkun tejjeb il-vaganzi tiegħu.

It-tieni ħaġa.  Fil-programm tal-vaganzi ma jistax ikun hemm mument ta’ tnejn jew tliet ijiem, ta’ ġabra spiritwali?, ta’ riflessjoni?, ta’ rtir spiritwali?, ta’ xi żjara/pellegrinaġġ lejn xi santwarju, jew għal xi laqgħa ta’ talb, inkella, ngħidu aħna wkoll, ta’ penitenza?, mument ta’ twelid ġdid?.  Kemm tifkiriet, kemm wegħdiet ġenerużi ma jġorrx miegħu l-bniedem?, mejta, minsija, miċħuda? U dawn il-waqtiet profondament personali forsi ma jistgħux jerġgħu jfiġġu, fil-ħajja ta’ għada, u jibdlulha l-proża ċatta u ordinarja f’poeżija qawwija u tjubija mgħexja kif jistħoqq?

U t-tielet.  Imma din jisħoqqilha diskors għaliha.  Forsi l-vaganzi ma jiġux ukoll għall-qari?  Fil-jiem tax-xita, meta xi ħarġa ma tistax issir, jew fil-ġranet ta’ waqfa wara xi passiġġatta twila, ktieb, ktieb tajjeb forsi ma jimliehomx dawn il-waqfiet tul il-vaganzi?  Iva, ktieb tajjeb ta’ qari ħafif hu ħabib li lill-vaganzi jista’ jtihom valur ġdid.  Imma għandu jkun verament ħabib, jiġifieri ktieb li joffri serħan lill-moħħ u jkun żerriegħa fertili u sana, li joffri ħsibijiet pjaċevoli u stimolanti.   Sfortunatament, is-suq tal-kotba mhux dejjem jaqbel mal-ħtiġijiet tal-ispirtu, anzi...!  Imma ejjew nagħżlu; illum hemm għażla tajba.

L-awgurju tagħna ta’ xewqat għall-vaganzi t-tajba jintrabat ma’ din l-għażla li tkun addattata għall-età u l-personalità tal-qarrejja, filwaqt li ntukom

il-Barka Appostolika tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....