Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

 L-Erbgħa, 4 ta' Jannar, 1978

 

Fil-Milied tinsab l-għajn tal-hena nisranija

 

Hemm bżonn nerġgħu niftakru fil-Milied. Hekk konna qed ngħidu fl-udjenza ġenerali li għaddiet lil min kien qed iżurna; u ntennuh ukoll f'dil-laqgħa ta' wara l-Milied, għax aħna konvinti li minn dil-ġrajja evanġelika, - u jkun aħjar jekk niddeskrivuha bħala 'misteru' evanġeliku -, titnissel għamla ta' ħsieb u stil ta' ħajja, li l-fedeltà tagħna lejn il-Milied innifsu tqis li hi novità ta' ferħ, li hu l-kristjaneżmu li nħaddnu.  U r-riflessjoni li qed inkomplu dwar din il-ġrajja sseħħ permezz ta' żewġ toroq li essenzjalment huma ugwali għax kemm il-waħda kif ukoll l-oħra jinstiltu minn dak Ġesù li qed niċċelebraw it-twelid tiegħu, jiġifieri l-miġja tiegħu fid-dinja, li, però jintisġu b'mod differenti minn xulxin; waħda, nistgħu ngħidu, timxi mill-aspett narrattiv u morali taċ-ċelebrazzjoni tal-Milied u li teħodna lejn il-grotta ta' Betlem; filwaqt li l-oħra titfa' l-attenzjoni tagħna fuq l-aspett dottrinali u teoloġiku taċ-ċelebrazzjoni nfisha, u ddaħħalna fl-iskola tal-analiżi tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, li l-Knisja Kattolika prinċipalment fuqu tefgħet l-attenzjoni spekulattiva tagħha permezz tal-ewwel Konċilji li kienu ċelebrati fl-Orjent.   Il-karatteristika tal-ewwel triq hi l-liturġija tal-Milied tagħna, imdawla mill-punt ewlieni tagħha: it-twelid ta' Ġesù fid-dinja, fil-post u fiż-żmien kif irrakkuntat lilna mill-Evanġelju; it-tieni triq hi dik li ssib l-espressjoni karatteristika tagħha fl-Epifanija, jiġifieri, kif konna qed ngħidu, fil-'misteru' tal-Inkarnazzjoni tal-Verb t'Alla, li sar bniedem.

Aħna llum se nieqfu fuq l-ewwel triq, dik deskrittiva li lkoll nafuha sewwa u li lilna ttina l-punt tat-tluq: it-tħabbira tal-Milied ta' Ġesù, kif irrakkuntata lilna fl-Evanġelju ta' San Luqa, u li tesprimi ruħha fil-kliem li ma jintesa qatt li l-Anġlu qal lir-rgħajja, l-ewwel rappreżentanti tal-umanità li kienu mgħarrfa u b'hekk sehem mill-ewwel effetti tal-miġja ta' Kristu fid-dinja. Aħna niftakru mill-ġdid dak il-kliem li jelevaw ruħhom u jsiru tħabbira tal-programm tal-kristjaneżmu.  Kliem l-Anġlu: "Tibżgħux; jien ġejt inħabbrilkom ferħ kbir li se jkun għall-poplu kollu: illum twieled  għalina, fil-Belt ta'David, Salvatur, li hu Kristu l-Mulej... ."

Pawsa.  Aħna għandna nagħmlu tagħna dal-messaġġ li niżel mis-sema mill-fomm anġeliku misterjuz.  Dan hu messaġġ ta' ferħ.  L-ewwel minħabba mnejn jiġi: jiġi mis-sema; jiġi mix-xefaq misterjuz u bla tarf "tas-saltna tas-smewwiet"; hi ekonomija ġdida, reġim ġdid li qed jitnieda fuq wiċċ id-dinja; relazzjoni sopranaturali mibdija bejn is-sema u l-art; relazzjoni, - it-tieni element li għandu jitniżżel fil-paġna tal-istorja umana -, relazzjoni ta' ferħ.  Hu x'inhu l-iżvilupp spiritwali u storiku tiegħu li jwettaq dir-relazzjoni, il-kristjaneżmu hu fatt sostanzjalment ta' ferħ; u, aktar minn hekk, b'bixra universali "omni populo" (għall-poplu kollu).

Ħuti u wliedi!  ejjew minnufih nagħtu importanza lil dil-miġja ta' Kristu fid-dinja; dan hu fatt traxxendentali, f'qafas normattiv u interpretattiv, tad-dinja reliġjuża kollha li tnisslet minnu.  Il-vokazzjoni kristjana hi vokazzjoni ta' ferħ essenzjali għal min jilqagħha.  Il-kristjaneżmu hu fortuna, sħuħija, hena.  Nistgħu ngħidu aktar: huwa beatitudni li ma tqarraqx biha nfisha; in-nisrani hu maħtur għall-hena li ebda għajn oħra mhi awtentika bħalha.  L-Evanġelju hu "l-aħbar tajba", hu saltna li fiha l-hena ma jistax jonqos.  Nisrani li dejjem bil-geddum, mhux nisrani awtentiku.  Aħna msejħin biex ngħixu u nkunu xhieda ta' dil-klima ta' ħajja ġdida, mżoqqa minn hena traxxendentali, li n-niket u t-tbatija ta' kull xorta fl-eżistenza tagħna ta' issa ma jistgħux jifgawha, imma aktarx li fl-istess ħin jipprovokaw espressjoni ta' rebħa.

Dwar il-vokazzjoni tagħna għal hena akbar, spiritwali u li m'għandniex nitilfuha, diġà tkellimna d-darba l-oħra u tkellimna solennement dwarha fl-Eżortazzjoni Appostolika Tagħna "Gaudete in Domino" (Ifirħu fil-Mulej), fis-Sena tal-Ġublew (9 ta'Mejju, 1975).  Aħna rridu niġbdu l-attenzjoni ta' kulħadd biex jimmedita dwar dik il-kelma li minnha u mill-Milied li għadna kif iċċelebrajna, issa bi pajċir nxtiequ nixorbu mill-għajn bla tmiem tagħha.

U nixtiequ li f'din l-istess għajn jinstab rimedju u faraġ għas-swied il-qalb taż-żmien li ninsabu fih, għad-diffikultajiet ta' kull għamla li qed jinfluwenzaw il-ħajja li qed ngħixu tul jiemna li jwelldu mill-ġdid riżultati ta' niket akbar: jew imilu lejn pessimiżmu sfiduċjat tal-għerf qarrieqi tad-dinja, irrassenjat li d-disperazzjoni interna ma tistax titfejjaq; inkella li lill-psikoloġija moderna jissuġġerilha ddur lejn rimedji qarrieqa bħalma huma l-edoniżmu u l-egoiżmu, li spiss insinwaw ruħhom fiż-żgħażagħ tal-lum, li dejjem qed iduqu l-esperjenza illużorja u qarsa tagħhom..., rimedju u faraġ speċjalment għal dik il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' żgħażagħ, li nsellmulhom huma u jersqu qrib il-presepju ta' Betlem, bil-kant ta' poeżija ġdida, it-tislima antika iżda dejjem ġdida lis-Salvatur tad-dinja.

Hekk ikun.  Bil-Barka Appostolika Tagħna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

Minn Papiet oħra ....