Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa, 2 ta’ Frar, 1977

 

Is-sens tal-offerta lil Alla fil-ħajja nisranija

 

Din il-festa solenni li tagħlaq iż-żmien tal-Milied, tissejjaħ b’ismijiet differenti u għandha wkoll tifsiriet differenti: Il-Purifikazzjoni ta’ Marija, skont ir-rit tal-Liġi l-Qadima (cfr Eż 13, 2. 12. 15; Nu 8, 17; Lev 2, 6. 8); il-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju (Lq 2, 22 ss.); Laqgħa, Hypapante bil-Grieg, ta’ Ġesù max-xwejjaħ Xmun u mal-profetessa Anna li kellha aktar minn tmenin sena, jew fi kliem ieħor il-laqgħa tat-Testment l-Antik mal-Ġdid, inawgurat bit-twelid ta’ Ġesù (ibid.); il-Gandlora, b’tifkira tal-purċissjoni li kienet issir f’Ġerusalemm fir-raba’ seklu li niftakruha permezz tad-dekrizzjoni dwar il-Liturġiji lokali mill-pellegrina Eteria (cfr DUCHENSE, Oriġini tal-kult nisrani, p, 519); u f’Ruma, f’dak l-istess żmien, imma b’tifsira differenti, penitenzjali u ta’ tisfija, bil-purċissjoni luminarja (fcr. PL 96, 277; POLYCARPS RADÒ, Enchir. Litur., II, 1139); f’Milan permezz tal-letania, li mill-Knisja ta’ Santa Maria Beltrade sal-Katidral kienet takkumpanja l-purċissjoni ġġorr portatorium bl-idea, jiġifieri bix-xbieha tal-Madonna bil-Bambin Ġesù f’dirgħajha (cfr. MARIO RIGHETTI, Manuale di St. lit., II, 87).  Ġabra mill-isbaħ ta’ riti diversi u devoti li fl-aħħar, fil-liturġija tal-lum, li nistgħu nqisuha awtentika u ċentrali vis-à-vis l-oħrajn kollha, hija l-punt fokali: l-offerta biblika ta’ Ġesù lil Alla, Missier u sid tal-ħajja umana, fl-istqarrija finalment messjanika li tinsab fil-qalba tal-istorja tal-umanità, u tad-destin tas-salvazzjoni, li hu “sinjal li jmeruh” (Lq 2, 34)

Jikkummenta dwar dan Bousset: “Aħna nafu li l-ewwel att ta’ Ġesù meta daħal fid-dinja, kien li jingħata lil Alla u jieħu post il-vittmi kollha, kienu ta’ liema natura kienu, biex iwettaq ir-rieda tiegħu, kienet x’kienet” (Bousset, Elévations sur les mystères, «Œuvres», II, 336).  F’dan l-episodju evanġeliku hemm l-istqarrija reliġjuża fundamentali: il-filosofija tal-ħajja hekk tibda’: il-bniedem m’għamilx lilu nnifsu; hu maħluq; jitwieled ħieles imma fil-qafas ta’ pjan divin marbut mad-destin tiegħu u mad-dmir radikali tiegħu (cfr Ef 1, 3 ss).  Kelma magħrufa sew għal min skopra x’inhi l-vokazzjoni umana, li hi dik ta’ Kristu nnifsu: “Hekkhu, jien ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (Lhud 10, 7.9; cfr Salm 39, 8; Iż 53.7).  Minn dan, ir-relazzjoni bejn Alla u l-bniedem tiżviluppa f’serje ta’ passi ‘l fuq li jsiru talb, djalogu, ubbidjenza, imħabba, offerta; isiru sagrifiċċju wkoll, imma (sagrifiċċju) destinat li jitferra’ fl-oċejan tal-ħajja u tal-beatitudni.  Dan l-impenn tal-bidu, din l-offerta tagħna għar-rieda t’Alla jistħoqqilha l-meditazzjoni kbira ta’ din il-festa partikolari, tal-fidi tagħna f’Alla u fi Kristu mgħallem u salvatur tagħna.

Aħna l-poplu t’Alla; u kważi mmexxijin minn drawwa storika, li qatt ma nistgħu nagħrfu biżżejjed u nbierku l-fortuna gratwita tagħha, wasalna biex niltaqgħu mad-dinja reliġjuża, bis-saltna tal-fidi u tad-dawl.  Fhimniha aħna x-xorti reliġjuża tagħna?, ikkollaborajna mad-dinjità ta’ din l-għażla komunitarja, li tħaddan fiha l-eżistenza mikroskopika tagħna flimkien ma’ dik universali, ta’ Kristu sħiħ, li tissejjaħ il-Ġisem Mistiku, il-Knisja?  Ħassejna aħna li f’din l-għaqda bla qies li tagħmilna lkoll ħaġa waħda fi Kristu, il-ħajja ċkejkna tagħna, aktar milli titlef il-personalità tagħha, isseddaqha u teżaltaha?  Dak li hu tagħna jitkattar bla qies u jgawdi minn “xirka fl-ispirtu” (Fil 2, 1). li tittrasfigura, biex jasal għal dik il-milja li aħna nfittxu bla fejda fis-saltna tad-dinja, tan-natura, tas-sensi, tal-ħsieb innifsu; u li profondament, u forsi anki fis-subkonxju, nixtiequ, li jkun tagħna għal dejjem Alla l-ħaj?  Noffru lilna nfusna lil Kristu u nirċevuh.  Meta bla heda nżommu f’moħħna lil Kristu nkunu qed niksbu lil Alla infinit.

Henjin aħna jekk din l-offerta li tiġi mill-Magħmduija tagħna, baqgħet dejjem fidila, jekk daħlet aktar fil-fond fl-għarfien tal-qies sproporzjonat tagħha; u jekk, minflok tkun sforz biex issir minima jew xħiħa, saret aktar ġeneruża u ħawtiela!  Sabet il-milja u saret nisranija!

F’dan il-ħin ikun ta’ għajnuna għalina, qiesu biex jimliena bil-ferħ, li llum, propju llum, madwar tletin sena ilu, kienet iċċelebrata ġrajja fil-Knisja katolika, li lil bosta minn uliedha wasslitilhom il-kariżma ta’ dil-festa tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-Tempju, jiġifieri l-offerta ta’ Kristu għar-rieda tal-Missier.

Infatti nixtiequ nfakkru anniversarju li jaħbat illum: tletin sena ilu, nhar it-2 ta’ Frar, 1947, il-Knisja tat għarfien li għamla ġdida ta’ ħajja konsagrata, meta l-Predeċessur tagħna Piju XII, kien ħareġ il-Kostituzzjoni Appostolika “Provida Mater”.

Għamla ġdida, differenti minn dik tal-ħajja reliġjuża mhux biss minħabba d-differenzi ta’ kif isseħħ is-“sequela Christi”, imma wkoll għal-mod differenti li kisbet dir-relazzjoni bejn il-Knisja u d-dinja, li hi essenzjali għal kull vokazzjoni nisranija (cfr Gaudium et spes) 1).

Tletin sena mhumiex ħafna imma l-preżenza tal-istituti sekulari għandha tifsir kbir fil-ħajja tal-Knisja, u aħna nitolbukom tingħaqdu magħna fir-radd il-ħajr lill-Missier tas-sema għal dan id-don tiegħu.

U nxtiequ nibgħatu lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda, raġel jew mara, tislima ta’ barka li naturalment nestendu lil kulmin illum ġab miegħu x-xema’ mbierka, simbolu ta’ ħajjithom u ta’ dik ta’ ħuthom magħqudin f’offerta simili għall-Mulej; u li minn qalbna niftħuha għall-Poplu t’Alla kollu fidil lejn l-offerta, lejn l-isem u l-stqarrija nisranija.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

 

Minn Papiet oħra ....