Laikos

 

Aktar mill-Papa Pawlu VI...

 

PAWLU VI

UDJENZA ĠENERALI

L-Erbgħa 1 ta' Frar, 1978

 

Impenn sfiq għall-ġid soċjali

 

Il-ħajja nisranija hija vokazzjoni soċjali.  Din tidher qiesha affermazzjoni qawwija wisq u fil-prattika għandha tingħad mod ieħor, jiġifieri: il-ħajja nisranijs hija ħajja personali, interjuri; biex issib kemm hi awtentika trid tiżola ruħha, tinqata' għaliha waħedha, tiddefendi ruħha mit-tinġis tal-kuntatti profani, tkun idealiżżata skont kif dak li jkun jesprimi ruħu u taħrab it-tentazzjonijiet ġejjin minn konversazzjonijiet esterjuri, titlaqqam kontra kull influwenza tal-moda u tad-drawwiet soċjali.  Dan hu minnu imma mhux għalkollox għax il-bnidem jeħtieġ lill-oħrajn, anzi hu fid-dmir li jieħu ħsieb l-oħrajn, għandu obbligu lejn il-preċett il-kbir  tal-imħabba, li għandu firxa ferm aktar wiesa minn dik magħluqa tal-imħabba fil-familja, tal-qraba, taċ-ċittadinanza; dan jespandi l-isfera tal-imħabba istintiva, tal-imħabba naturali, tal-imħabba, nistgħu ngħidu, egoista. Anki l-monaku, jiifieri dak li b'għaqal ifittex il-perfezzjoni personali aktar minn kollox, u li minħabba f'hekk jiċċaħħad minn relazzjonijiet soċjali li mhumiex indispensabbli, fl-ispirtu tiegħu għandu jsib spajzu għall-proxxmu biex iħobbu u jaqdih b'xi mod, sabiex jitħares il-preċett evanġeliku tal-karità ma' kulħadd anki mal-għedewwa (Mt 5, 44-48).

Għalhekk aħna għandna nżommu f'moħħna dil-liġi suprema, karatteristika tal-kristjaneżmu ħaj, mhux dak tad-drawwa biss, jew imħaddem b'mod li jkun antidotu għall-fastidju u t-toqol tal-konvivenza soċjali.  Għandna nitħarsu mit-tentazzjonijiet li nkunu antisoċjali, li l-ħajja tista' tnissel anki f'dawk li jkunu wegħedu li jgħixu l-konvivenza soċjali b'mod onest, imma mbagħad dejjem lesti biex jiddefendu ruħhom mil-ksir ir-ras tad-dmirijiet li r-relazzjoni komunitarja tista' ġġib magħha.  Forsi dan hu żmien li fih ħafna nsara tajbin iħossu tentazzjoni illi jkunu anti-soċjali għax hu  waqt li fih is-soċjetà tinsab f'bidla; u tajjeb jew diskutibbli, it-tibdil jista' jġib miegħu sens ta' fastidju, jew ta' offiża, li lil dak li jkunu iġġagħalu jirreaġixxi jew ikun indifferenti għal dak li jkun qed itih fastidju, li jkun ġdid jew dominanti.  Il-ħajja komunitarja donnha ssir insopportabbli.  Hemm il-periklu ta' "strike" taċ-ċittadini t-tajbin, li l-appartenenza għall-kollettivtà jibqgħu jgħixuha imma fis-skiet jaħarbu minn dawk il-piżijiet li ma jaqblux mal-interessi tagħhom, mad-drawwiet tagħhom, mal-ideat tagħhom.

Jekk għalina wkoll din hi tentazzjoni, naraw li negħlbuha bi sforz ta' rieda tajba soċjali.  U fil-programm tagħna ndaħħlu proponimenti ta' ħarsien akbar, ta' aktar ħidma għall-ġid soċjali daqskemm dawn il-prinċipji jidhru neqsin mill-interessi u l-gosti tagħna.  It-tajjeb, bil-magħmudija tas-sinjal nisrani, għandu juri aktar ħerqa bil-preżenza tiegħu, bil-kreattività tiegħu aktar ma' l-kundizzjonijiet esterjuri jkunu lesti biex jilqgħuh u jiżviluppawh.  Intennu: "vince in bono malum" (negħlbu l-ħażen bit-tajjeb).  Anki jekk il-kwadru soċjali jipprova jsikktu, jirriduċih bħala wieħed mill-massa, jitfi fih ix-xrara tal-fidi u tal-imħabba, in-nisarni dejjem iħaddan fih innifsu prinċipju oriġinali ta' tjubija u ta' azzjoni, li spiss, kif jgħallimna l-eżempju tal-Qaddisin u ta' min hu tajjeb, mill-kuntrast taż-żmien jagħraf jislet l-idea u l-qawwa biex jippreżenta ruħhu b'mod ġdid u ta' fejda għal kulħadd.  Għalhekk id-dehen ma jkunx ta' min jaħrab jew li jirrinuzja b'rassenjazzjoni, imma ta' min bil-preżenza siekta u tenaċi jkun jinsab fl-ambjent li ma tantx jidher favorevoli sabiex l-inizjattiva nisranija tirnexxi.  "Patientia vobis necessaria est", tassew teħtieġu s-sabar (Lhud  10, 36. 101).  Aħna ntennu dan għal ħbiebna u l-fidili li kultant jisfaw imġarrbin minħabba d-diffikultà tal-azzjoni fl-għalqa tal-attività libera u onesta, li madnakollu għandha tkun miftuħa għar-rieda tajba ta' kulħadd.

Għalhekk, kuraġġ, bil-Barka Appostolika Tagħna.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

  

Minn Papiet oħra ....