Jum il-Lajċi 2009

                      Ara wkoll id-Diskors tal-Arċisqof Pawl Cremona.                                                                            Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

 

Fi Kristu Ġesù: l-attitudnijiet fundamentali

tan-nisrani  skont San Pawl

 

Diskors ta’ Prof. A. Frendo f’Jum il-Lajċi  - 13 ta’ Frar 2009

 

 

Eċċellenzi, Monsinjur u Sinjuri,

 

                                                  Meta ġejt avviċinat biex nagħti din it-tema tal-lejla,  fil-bidu għidt: is-sena Pawlina, mela allura nagħmlu xi ħaġa fuq x’jgħid San Pawl dwar l-attitudnijiet bażiċi tan-nisrani. U ftakart li waħda mill-frażijiet  importanti tiegħu hija: “fi Kristu Ġesù”.  Il-problema ġrat li meta ġejt biex nara t-testi bir-reqqa,   it-test li fil-memorja tiegħi kien  l-aktar importanti,  kellu s-sinifikat tal-frażi “fi Kristu Ġesù” imma  ma kellux  il-kliem “fi Kristu Ġesù”.   U nqlejt.  Imbagħad għidt: mela ħalli naraw dasqxejn. Meta tmur għall-oriġinal fil-Grieg, tinduna li hemm żewġ prepożizzjonijiet  - ħa nibda b’dan mhux biex noqogħdu nagħmlu lecture fuq il-Grieg, imma biex, kif  kienu jtambrulna f’moħħna l-għalliema meta kont tifel jien,  nagħmlu l-affarijiet bir-reqqa.  U sibt li fil-Grieg il-prepożizzjoni “en” li tfisser “ġo”, kultant jista’ jkollha l-istess sinifikat ta’ "lejn".   U  bil-maqlub -  li hu interessanti għalina - il-prepożizzjoni "eis" li tfisser "lejn" jista’ xi drabi jkollha s-sinifikat ta’  "fi, ġo".  U din il-ħaġa interessatni  ħafna, għax rajt b’għajn ġdida s-sinifikat tal-magħmudija tagħna.

 

Il-passaġġi  li ser nieħu l-lejla kollha  fihom il-frażi "fi Kristu Ġesù". L-ewwel wieħed biss ma fihx din il-frażi, imma għandu dan is-sinifikat.  U ser nibda bih.

 

Il-passaġġ hu mill-ittra lir-Rumani (Kap6 v3-4) fejn Pawlu jgħidilna:  "Ma tafux intom li lkoll kemm aħna, aħna ġejna mgħammdin ġo Kristu Ġesù, mgħammdin fil-mewt tiegħu? Għalhekk aħna konna midfunin miegħu permezz tal-magħmudija fil-mewt, u  bħalma Kristu kien imqajjem mill-imwiet bil-glorja tal-Missier, hekk aħna, allura, għandna nimxu f’ħajja ġdida."

 

Il-frażi ‟mgħammed fi Kristu Ġesù", fl-oriġinal hija mgħammed "lejn Kristu Ġesù" biex tibqa’ ġo fiH. F’dan il-kuntest,  San Pawl kien  qed jiddiskrivi eżatt dak li kien jiġri fil-magħmudija. U għalhekk il-battisteri ta’ dak iż-żmien kienu li tinżel it-taraġ, tidħol ġo l-ilma u terġa’ toħroġ.  Dak li rrid ngħid  hu, li s-sinifikat ta’ dan il-passaġġ (Rum6 v3-4) hu li wieħed ser jgħaddi min-naħa għall-oħra biex jibqa’ ġon-naħa l-oħra. Jiġifieri l-magħmudija hija li jiena ser nitlaq minn point A, ngħaddi għal ġo  point B biex nibqa’ ġo fih. U għalhekk it-tradizzjonijiet ivarjaw: "mgħammed lejn Kristu Ġesù", "mgħammed ġo Kristu Ġesù", "mgħammed fi Kristu Ġesù". Fil-qosor: il-magħmudija hija passaġġ mill-point A tal-mewt tagħna għall-point B, il-ħajja tagħna, li huwa Kristu Ġesù. U għalhekk San  Pawl juża l-frażi  "eis", "lejn"  li tfisser biex nibqa’ "ġo".

 

F’dan il-kuntest, mela, issa nistgħu nibdew it-topic tagħna ‟fi Kristu Ġesùˮ.

 

Il-kuntest globali huwa tal-magħmudija. San Pawl ħa l-magħmudija bis-serjetaˋ.  U  wara dak il-passaġġ tar-Rumani li rajna bħala background,   issa nistgħu nieħdu bejn wieħed u ieħor 5 testi oħra, fejn il-frażi Pawlina "fi Kristu Ġesù" għandha dejjem sinifikat ftit  differenti  minn passaġġ għall-ieħor li ser insemmi.

 

Is-sinifikat globali jinsab fl-ewwel l-ittra lit-Tessalonkin (Kap5 v16-26), fejn San Pawl juża  l-frażi teknika tiegħu "fi Kristu Ġesù" biex ifisser li għandu jkollna ħajja ġdida, kompletament ġdida. U jelenka x’inhuma dawn l-affarijiet ġodda:  għandkom tkunu dejjem ferħanin, dejjem titolbu, dejjem troddu ħajr f’kull ċirkustanza, m’għandkomx toħonqu l-Ispirtu, m’għandkomx tiddisprezzaw il-profeti (li fil-kuntest ta’ San Pawl ifisser il-qalba tal-Antik Testment), għandkom tiggranfaw  ma’ dak li hu tajjeb u tevitaw il-ħażin. Imbagħad  jagħti summary  billi jgħid  li  "din hi l-volonta ta’ Alla għalikom fi Kristu Ġesù".  Mela, il-frażi "fi Kristu Ġesù",  li nsibuha f’vers 18 ta’ dan il-passaġġ, tfisser li jkollna ħajja ġdida, skond il-ħames kwalitajiet li għadni kif semmejt, fosthom li nirringrazzjaw lil Alla dejjem, f’kull ċirkustanza,  li nitolbu dejjem u li  nevitaw il-ħażin u nagħmlu t-tajjeb.

 

It-tieni kuntest: F’sens kemmxejn differenti mill-ewwel wieħed, imma dejjem summarized bil-frażi "fi Kristu" jew "fi Kristu Ġesù",  San Pawl jagħti żewġ affarijiet li  għalih  jmorru flimkien: id-dixxerniment  u Kristu bħala l-metru tal-verità. San Pawl jgħid ċar fl-ittra lir-Rumani (Kap14, v14 ): "Jiena naf u  persważ fil-Mulej Ġesù, li xejn ma hu impur minnu nnifsu. Imma jekk xi ħadd jidhirlu li  ħaġa hi impura, għalih tkun impura". Lilna tinteressana l-ewwel biċċa: "Jiena naf u persważ fil-Mulej Ġesù".  Għal  San Pawl, l-għerf u d-dixxerniment  jista’ jseħħ biss, jekk iseħħ fi Kristu. U dan jispjegahulna aħjar fl-ittra lill-Efesin. Għal San Pawl hemm żewġ affarijiet importanti fit-tiftix tal-verità: l-ewwelnett li wieħed għandu bl-onestaˋ kollha jfittex il-verità, jiġri warajha; u t-tieni ħaġa hi li l-verità mhux li nikkostruwiha jew nivvinta jien, imma hemm metru biex inkejjel jekk jiniex fil-verità jew le. U għal San Pawl dan il-kejl hu l-persuna ta’ Kristu stess.

 

Fl-ittra lill-Efesin hemm frażi interessanti li grammatikalment, fl-ilsiena moderni tagħna, - sew Ingliż, Malti, u Taljan - tinstema’ kemmxejn mhux normali. Imma San Pawl kien jaf x’ qed jgħid u fil-fatt hija normali ħafna. Fl-Efesin (Kap4 v20-21) jgħid hekk: "Dan ma kienx il-mod kif intom tgħallimtu il-Kristu, għax żgur li intom smajtu fuqu u  kontu mgħallma fih, għax il-verità hija Ġesù” .  Interessanti li jgħid: “Dan ma kienx il-mod u manjiera kif intom tgħallimtu il-Ġesù”. San Pawl ma jgħidx “tgħallimtu fuq Ġesù” imma “kontu tafu il-Ġesù”.  Ġesù huwa l-oġġett tat-tagħlim f’dan il-passaġġ, għalkemm imbagħad jgħid “smajtu fuqu”.  Fl-opinjoni tiegħi, San Pawl qed jgħid żewġ affarijiet: qed jgħid li inti ser tisma’ fuq Ġesù biex tkun taf  il-Ġesù bħala oġġett tal-għarfien tiegħek. U nafu li fil-Bibbja l-kelma ‟tagħrafˮ mhijiex xi ħaġa astratta, imma tmur mill-astratt għall-prattiku. Per eżempju, li tagħraf huwa wkoll li tesperjenza, għalhekk il-Madonna qalet lill-anġlu: ‟Jiena ma nagħrafx raġelˮ- jiġifieri “ma kellix x’naqsam ma’ raġel”. U hawnhekk, fil-kuntest ta’ San Pawl, il-konoxxenza fuq Kristu trid twassal għal konoxxenza ta’ Kristu, fis-sens li huwa l-oġġett li n-nisrani jisperjenzah.  Meta wieħed ipoġġi r-Rumani Kap14 v14 flimkien ma’ Efesin Kap 4 v20-21, li għadna kemm rajna, il-konklużjoni hija li għan-nisrani d-dixxerniment u t-tiftix tal-verità wkoll irid isir fi Kristu Ġesù. U hawnhekk għandna sinifikat li hu kemmxejn differenti minn dak ta’ l-ewwel frażi. Kollha jaqgħu taħt l-istess umbrella ta’ ħajja ġdida, imma San Pawl qed jelenka x’jiġifieri.

 

 Sens ieħor - it-tielet wieħed -  li  nistgħu nsibuh  fil-frażi  ‟fi Kristu Ġesù”  huwa  li fi Kristu  aħna ħolqien ġdid  plus li għandna l-moħħ, l-attitudni u l-mentalita’ ta’ Kristu. U hawnkekk hawn xi ftit passaġġi li ta’ min jarahom. L-ewwelnett għandna t-tieni ittra lill-Korintin (Kap5 v17). San Pawl jgħid: ‟Għalhekk, jekk xi ħadd huwa fi Kristu  - ninnotaw il-frażi ‟fi Kristuˮ–  huwa jsir ħolqien ġdid,  il-qadim  għadda u daħal il-ġdidˮ. F’dan il-kuntest hemm shade of meaning ġdid, jiġifieri li jkun hemm kreazzjoni ġdida fi Kristu. U  hawnhekk San Pawl għandu f’moħħu dak li sekli wara Sant Anselmu fehem meta qal: ‟Inti li ħlaqtni u erġajt ħlaqtniˮ, meta indirizza lil Kristu msalleb.  Dan ifisser li bil-miġja tad-dnub fid-dinja, il-ħolqien kif riedu Alla b’xi mod iġġarraf, u dan reġa’ ġie maħluq mill-ġdid.

 

Fl-ittra lill-Efesin (Kap 2 v10), San Pawl hu aktar speċifiku u jgħidilna xinhu l-ħolqien ġdid. Il-ħolqien ġdid hija ħajja ġdida li tiġi – kif insibu fl-ittra lit-Tessalonkin - mill-ħniena ta’ Alla li jirnexxilha tittrasformana f’persuni li noperaw l-opri tajba. Hawnhekk San Pawl semma  b’mod speċifiku l-kelma “opri tajba”. Jiġifieri, skont hu, li nkunu fi Kristu Ġesù huwa li permezz tal-ħniena ta’ Alla nkunu mogħtija l-kapaċita’ li nagħmlu opri tajba. F’dan il-passaġġ lill-Efesin jgħid: “Għax aħna huma dak li Huwa għamilna, maħluqa fi Kristu Ġesù għall-opri tajbin li Alla pprepara għalina minn qabel biex ikunu l-mod ta’ għixien tagħna”. Dan kollu jista’ jiġi miksub jekk in-nisrani, skont San Pawl, ikollu l-istess attitudnijiet u l-istess mentalitaˋ li kellu Kristu.

 

 U hawnhekk, ma’ dawn il-passaġġi li semmejt wieħed ma jistax ma jsemmix l-innu liturġiku  li San Pawl kellu f’moħħu meta kiteb it-tieni Kap lill-Filippin minn vers 5 ‘l quddiem: “Ħa jkollkom intom l-istess attitudnijiet/mentalita’ li kienet fi Kristu Ġesù: Hu li kien Alla ma ddejjaqx li jitbattal minnu nnifsu….” – dak il-passaġġ famuż li naqrawh ukoll fil-Ġimgħa l-Kbira.  Dan il-ħolqien ġdid, fl-aħħar mill-aħħar, meta wieħed jieħu t-testi li semmejt: lill-Korintin, lill-Filippin u lill-Efesin, dan  ma jfisser xejn għajr li wieħed jinfetaħ biex jitwaħħad ma’ Kristu li għadda mill-mewt għall-għixien. Tant hu hekk, li fl-ewwel ittra lill-Korintin (Kap4,v17) San Pawl jgħid lill-komunitaˋ “Nixtieq infakkarkom fit-triqat tiegħi fi Kristu Ġesù kif jiena għallimtom kullimkien u f’kull knisja”. It-triqat  ta’ San Pawl huma  l-way of procedure tiegħu – il-mod ta’ bniedem maħluq ġdid minħabba l-magħmudija fi Kristu.

 

 Ir-raba’ sinifikat, magħqud mal-oħrajn imma kemmxejn differenti, li l-frażi “fi Kristu Ġesù” jista’ jkollha, skont San Pawl,   huwa  li  min hu fi Kristu Ġesù hu “ħaj għal Alla u mejjet għad-dnub”.  Fl-ittra lir-Rumani (Kap 6 v11), San Pawl jgħidilna li jekk in-nisrani hu verament fi Kristu,  in-nisrani huwa mejjet għad-dnub u ħaj għal Alla.  “Ħaj  għal Alla” jfisser  “ħaj lejn Alla”, jiġifieri ggerjat lejn Alla, interessat f’Alla,  ifittex lil Alla,  l-orjentament tiegħu  kollu  huwa Alla.  Fi kliem sempliċi huwa dak li s-Salmista jgħid: “Ruħi għatxana għalik o Alla”.  Il-passaġġ lir-Rumani (Kap 6, v11) b’mod preċiż jgħid: “Għalhekk intom  għandkom tqisu ruħkom mejtin għad-dnub u ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù”. Dan ifisser li n-nisrani jista’ jkun ħaj għal Alla biss permezz tar-rigal ta’ Kristu li huwa mogħti b’xejn ( kif Fr. Karm qalilna fl-innijiet li kantajna). Fl-istess kap (Rum. 6 v23), fil-waqt li  juża l-frażi teknika tiegħu, San Pawl ifakkarna  li l-ħlas tad-dnub huwa l-mewt, imma  li r-rigal b’xejn ta’ Alla  huwa l-ħajja eterna fi Kristu Gesù, il-Mulej tagħna.  Aktar ċar minn hekk ma setax ikun. Qed isemmi  “li tkun fi Kristu Ġesù” jfisser li jkollok il-ħajja li ma tintemm qatt, imma li  hija rigal  b’xejn, mhux mistħoqq, ta’ Alla.

 

Sibt sinifikat ieħor li naħseb li l-frażi teknika “fi Kristu Ġesù” jista’ jkollha.  Hija aktar kwestjoni ta’ konsegwenza.   Jekk in-nisrani huwa fi Kristu Ġesù, San Pawl  jislet żewġ  konsegwenzi  importanti u juża termini tekniċi għalihom. L-ewwel waħda hija  dik li diffiċli nispjegawha kemm bl-ingliż kif ukoll bil-Malti . Bl-Ingliż hija li jkollok “a bold entry to God” –aċċess kważi ardit lejn Alla, b’wiċċek minn quddiem, bis-sigurta’ kollha, bil-fiduċja kollha. F’dan il-kuntest li ser insemmi hawnhekk San Pawl juża kelma Griega ‟parresia” li tfisser fiduċja, sigurtaˋ, libertaˋ ta’ kelma, frankness, openness; tfisser dawn kollha. Ma tistax tittraduċihom f’kelma waħda u dawn huma kollha konsegwenza tal-frażi ‟fi Kristu Ġesùˮ. Fl-ittra lill-Efesin (Kap3 v12) San Pawl jgħid: ‟Fi Kristu aħna għandna aċċess lejn Allaˮ – (issa hawnhekk ma tistax tgħidha) – "bil-parresia", jiġifieri, kważi b’mod ardit (f’sens tajjeb), b’wiċċna minn quddiem, b’fiduċja, nistgħu nitkelllmu kif irridu permezz tal-fidi fih. U din jerġa’ jużaha fl-ittra lil  Filemon  Vers 8 fejn San Pawl jgħid lil Filemon biex jaċċetta lill-iskjav bħala ħuh u jgħidlu: jiena ser nipperswadik bl-imħabba biex inti tagħmel hekk, imma kieku rrid jien għandi "parresia" biżżejjed fi Kristu, nista’ nkun ardit biżżejjed fi Kristu, jew "bold" biżżejjed fi Kristu, kuraġġjuż biżżejjed fi Kristu, liberu biżżejjed fi Kristu, fiduċjuż biżżejjed fi Kristu. Dak ried ifisser bil-kelma "jiena għandi l-"parresia" fi Kristu".

 

U konsegwenza oħra tal-frażi "fi Kristu Ġesù" hija li San Pawl jasal biex jgħid li "jiftaħar fi Kristu".  Dan il-kliem ifixkel ħafna nies, speċjalment fl-operat pastorali tagħhom.  Iżda wieħed irid jiftakar li l-frażi "niftaħar fi Kristu" hija teknika, hija konsegwenza ta̛ dak li għidt qabel ta̛̛  xi tfisser il-frażi "fi Kristu Ġesù".

  

Fil-fatt, jekk naraw tajjeb it-testi tal-ittri ta’ San Pawl, meta hu jsemmi il- "ftaħir fi Kristu", nintebħu li dan il-kliem ifisser fiduċja assoluta f’Alla. Nieħdu per eżempju l-ittra lir-Rumani (Kap 15 v17-18); Pawlu jiftaħar għal dak li hu għamel għal Alla veru, imma mbagħad iżid “għax Kristu wettqu dan permezz tiegħi”. U l-frażi li hu juża  hi “ftaħir fi Kristu Ġesù”. Allura l-konklużjoni hija waħda: li San Pawl huwa biss strument f’idejn Kristu.  U forsi l-passaġġ isir aktar ċar meta npoġġu ħdejh dak li Pawlu jgħid fl-ittra lill-Filippin (Kap3,v3) fejn wieħed jista’ jara b’mod ċar daqs il-kristall li "tiftaħar fi Kristu Ġesù" hija frażi teknika li tfisser u hija identika għall-frażi “li ma jkollok l-ebda fiduċja fil-ġisem”. Irridu noqogħdu attenti li il-kelma "ġisem" ma tfissirx dak li normalment nifhmu biha; l-oriġinal hija sarks li tfisser flesh, li ma tfissirx laħam bħala oppost għall-ispirtu, imma l-bniedem iddivorzjat mill-ispirtu ta’ Alla. Jiġifieri l-frażi teknika “tiftaħar fi Kristu Ġesù tfisser li ma jkollok l-ebda fiduċja fil-bniedem, imma fiduċja f’Alla. U dan huwa dak li jgħid is-Salm: ‟Imbierek huwa l-bniedem li jafda f’Alla, misħut huwa l-bniedem li jafda fil-bniedemˮ; fis-sens li l-fiduċja trid tkun b’mod assolut f’Alla l-imbierek.

Mela issa ħa nippruvaw niġbru dawn l-affarijiet kollha flimkien.

 

L-ewwelnett paradoss: hemm xi żewġ frażijiet fl-ittri ta’ San Pawl li jgħidulna ċar għaliex huwa possibbli għalina l-insara li nkunu "fi Kristu Ġesù". L-ewwel risposta ovvja hija għax aħna mgħammdin u hekk qalilna f’dak il-passaġġ: għaddejna minn A għall-B u ser nibqgħu f’B. Imma mbagħad hemm frażi oħra: fit-tieni ittra lill-Korintin (Kap13, V5) San Pawl ifakkarna - u dan hu minħabba l-għotja ta’ Kristu fuq il-Kalvarju, li mbagħad tiġi applikata fil-magħmudija - u jgħidilna: "Intom ma tafux illi Kristu Ġesù qiegħed fikomˮ. Mela qegħdin fi Kristu għax hu ġa qiegħed fina. U din jirrepetiha fl-ittra lill-Kolossin (Kap1 v27): il-glorja ta’ dan il-misteru. Frażi oħra teknika ta’ San Pawl: misteru. Misteru mhux għax ma nistgħux nifhmu; għalih misteru huwa Kristu stess, il-pjan ta’ Alla li ġie rrivelat fi Kristu. U fl-ittra lill-Kolossin (Kap1 v27) jgħid: ‟il-glorja ta’ dan il-misteru li huwa Kristu ġo fikom, it-tama tal-glorjaˮ.

 

Biex intemmu: jiena naħseb illi għalkemm semmejt l-ewwel test fundamentali tar-Rumani li jitkellem fuq il-magħmudija li huwa l-kuntest globali ta’ xi tfisser "fi Kristu Ġesù", hemm test wieħed li naħseb li jispjega b’mod l-aktar ċar x’ifisser San Pawl f’din il-frażi u jiġbor flimkien forsi il-ħames sinifikati differenti li tajt qabel. U dan huwa l-ittra lill-Filippin (Kap 3 v8-9) fejn San Pawl jgħidilna b’mod l-aktar ċar, juża l-frażi "misjub fi Kristu Ġesù". U din il-frażi li hu jgħid għalih  innifsu: "jien misjub fi Kristu Ġesù" jidentifikaha  mal-frażi "li aħna ġġustifikati bil-fidi fi Kristu". Ħa naqra l-passaġġ li semmejt: "Minħabba fih  jiena sofrejt it-telfa ta’ kollox u nara kollox  bħala knis sabiex jiena jkolli niggwadanja lil Kristu u nkun misjub fih, mhux li jkolli ġustifikazzjoni tiegħi nnifsi li tiġi mil-liġi iżda waħda li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu, il-ġustifikazzjoni minn Alla bbażata fuq il-fidi".  Hawnhekk hawn fejn wieħed jagħmel serata oħra fuq din. Imma ser ngħid xi ħaġa fil-qosor. Din hija t-teżi fundamentali ta’ San Pawl: li l-bniedem ma jsalvax lilu nnifsu, imma hu salvat mill-ħniena gratwita ta’ Alla li tantiċipa n-nuqqasijiet tagħna kollha. U ħaġa oħra, meta huwa jgħid: il-fidi fi Kristu, nafu li fil-Grieg din il-frażi għandha żewġ sinifikati li mhumiex kontradittorji u nistgħu niġbruhom flimkien. Tista’ tgħid: il-fidi fi Kristu; jiġifieri jiena għandi fidi fi Kristu. Imma tista’ tgħid ukoll: il-fidi ta’ Kristu. Jiġifieri Hu li kien Alla, bħala bniedem kellu wkoll jagħmel fidi f’Alla u jabbanduna lil nnifsu f’Alla b’mod assolut fuq is-salib. U għalhekk San Pawl ġabarhom flimkien: il-fidi tiegħu (ta’ San Pawl) fi Kristu li permezz tal-opra tiegħu ta’ fidi f’Alla l-Missier, bħala bniedem, Hu li kien Alla veru, xorta ntelaq fir-rieda tal-Missier u b’hekk salvana.

 

Qabel ma nagħlaq insemmi f’dan il-kuntest l-ittra lill-Galatin Kap2,v 20 fejn San Pawl jilgħab bil-kliem fuq din it-tema – mhux biex joqgħod jaħli l-ħin – imma biex itambrilna f’moħħna dak li jrid jgħid: Jiena ma nixtieqx inġib fix-xejn il-grazzja ta’ Alla, għax kieku il-ġustifikazzjoni, jiġifieri l-ħbiberija tagħna ma’ Alla, tiġi mill-opri tagħna kieku Kristu jkun miet għalxejn.  Il-kelma oriġinali hija l-istess – dorean - li tfisser għalxejn u b’xejn. Hawnhekk San Pawl qed jgħidilna:  Ma nħallux aħna  lil Kristu li tana kollox b’xejn li jkun għamel dan għalxejn. Jiġifieri jekk aħna ma nafdawx fih ikun qisu insult kbir.

 

B’dan kollu għal wieħed li jrid ikun operatur pastorali xinhi l-attitudni li jrid ikollu? Waħda primarja li tiġbor dan kollu, inkluż dak li għadna kemm għidna, naħseb hija l-attitudni li tiġbor fiha naħat ta’ l-istess munita: is-sens ta’ gratitudni u s-sens ta’ umilta’. U naħseb li wieħed ma jistax jispiċċa ħlief billi jikkwota lil San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korintin Kap 4 v7: Intom x’għandkom li ma rċevejtux u jekk irċevejtuh għaliex tiftaħru bħallikieku ma kienx rigal?

 

 

 

 

 

 

 

                      Ara wkoll id-Diskors tal-Arċisqof Pawl Cremona.                                                                            Sit uffiċċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta