Messaġġ
ta’ Mons. Arċisqof
Pawl Cremona O.P.
f’laqgħa
mal-Lajċi
Impenjati
Auditorium tad-Dar Ċentrali tal-MUSEUM fil-Blata l-Bajda - 13 Frar
2009
Biex
lajk jagħmel il-mixja kollha

Nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi għal din is-serata li għamilna
flimkien għaliex fiha, b’diversi modi, bit-talb u bir-riflessjoni
aħna stajna niġu iktar qrib ta’ dak li aħna: persuni mgħammdin
fis-servizz tal-Mulej.
Jien
għamilt mistoqsija: kif ikun hemm lajk kompit, li jagħmel il-mixja
kollha?
Ħriġt
ħames punti. Se nsemmihom wara xulxin biex imbagħad tkunu tistgħu
tirriflettu fuqhom fid-diversi realtajiet.
q
Il-Magħmudija u l-presuppost tal-ġenituri
L-ewwel pass, fil-każ ta’ Malta, għax barra jista’ jkun mod
differenti, huwa l-magħmudija. U għandek il-presuppost
tal-ġenituri. Magħmudija vera li permezz tagħha l-ġenituri jieħdu
r-responsabbiltà fuq spallejhom li huma jrabbu, għall-inqas fl-ewwel
snin, lil uliedhom.
Din
hija importanti għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett, fl-aħħar Sinodu
tal-Isqfijiet, kien hemm Isqof li qal li meta neħħewlhom kollox u ma
kien baqagħlhom la knejjes u lanqas saċerdoti, l-unika ħaġa li kien
għad fadlilhom kienu l-istejjer żgħar mill-Iskrittura u t-talbiet li
kienu jgħallmuhom il-ġenituri; xejn iktar. B’dak żammew il-fidi.
Mela
rridu nemmnu, irridu ngħidu dan b’mod speċjali lil tal-familja.
It-tieni ħaġa, jista’ jiġrilna bħall-Iben il-Ħali. Min jitbiegħed,
jista’ jiġrilu bħalma għamel dak: ‘Kemm kont tajjeb; kemm kelli
esperjenza sabiħa meta kont ma’ missieri!’ Allura se jkollok
il-presuppost li tkun ħadt, li jerġa’ jiġi meta inti titbiegħed
minnu u tħoss il-vojt;, u għandek il-presuppost fuq xiex tagħmel din
il-mixja.
q
Laqgħa personali ma’ Ġesù
It-tieni punt – qed nitkellem fuq x’naħseb li huma l-punti
prinċipali fil-lajk nisrani – hija laqgħa personali ma’ Ġesù.
Illum
trid tkun taf il-Ġesù, mhux tkun taf fuq Ġesù. Fil-ħajja ta’ kull
wieħed u waħda minna hemm mument - li jien ngħidlu
tat-trasfigurazzjoni – li fih iltqajt mal-Mulej Ġesù. Qiegħed jew
qiegħda hawn għax kellek mument qawwi li fih iltqajt ma’ Ġesù u ridt
tkompli fil-mixi tiegħu. Allura b’dan il-mod tkun qed tgħix dak li
għex Indri: ‘Sibna l-Messija’. Imbagħad tkun tista’ titkellem.
Sibna – mhux smajna – sibna l-Messija: laqgħa personali ma’ Ġesù.
q
Nimxi wara Ġesù
It-tielet hija d-deċiżjoni li nimxi wara Ġesù. Huwa ċar li
fis-soċjetà ta’ llum, li ovvjament hija dejjem challenge –
in-nisrani ma jibżax - jiena d-deċiżjoni trid tkun konxja. Ma
nistgħux nibqgħu li jiena nserraħ rasi għaliex darba tgħammidt. Min
ma ħax deċiżjoni personali, konxja, li jimxi wara Ġesù, x’aktarx li
f’xi mument se jsib lilu nnifsu vojt. Allura d-deċiżjoni li timxi
wara Ġesù trid tkun iċċentrata fuq il-kelma.
Ħaġa
oħra tas-Sinodu tal-Isqfijiet kienet li aħna m’aħniex persuni
tal-ktieb, imma aħna persuni tal-kelma. Dan għaliex l-ewwel mhux
il-ktieb kien, mhux il-Bibbja. L-ewwel kien Ġesù. Mela kelma kien
hemm – meta beda jitkellem. Imbagħad inkitbet. L-Ispirtu s-Santu
kien jaf li aħna nitfixklu bit-tradizzjoni biss. Allura nkitbet,
biex imbagħad terġa’ ssir kelma fina.
Allura
t-tieni: ‘Ejja warajja. Ejja ara’. Iċċentrata fil-kelma, għaliex
f’xi mument aħna rridu nibdew nirraġunaw bħal Ġesù. Jekk inti ma
tafx il-kelma. Kif se tirraġuna bħal Ġesù? Per eżempju, kif naraw
in-nies ta’ madwarna. Jekk ma qrajtx il-kelma u wasalt biex tgħid
li persuna ma tarax ix-xbiha ta’ Alla fiha, hi x’inhi – antipatika,
kontra l-Knisja, tippersegwita l-Knisja – l-aħħar kelma tiegħek ma
tkunx bħal ta’ Ġesù, għax il-kelma ta’ Ġesù hija li dik xorta bint
Alla, dik xorta xbiha. Din bil-kelma trid teħodha. Ftakru li Ġesù
dam tliet snin bil-paċenzja mal-appostli: tliet snin dam jipprova
jbiddlilhom il-mod ta’ ħsieb tagħhom.
q
Inklużjoni fil-komunità tal-Knisja
Ir-raba punt hu l-inklużjoni fil-komunità tal-Knisja.
Illum,
ir-realtà tagħna hija li rridu nħarsu barra minna u nistennew
il-mument fejn ħaddieħor jitlobna, wara li jkun sab lil Ġesù, biex
jerġa’ jinkludi ruħu fil-komunità tal-Knisja.
Xi
tfisser din l-inklużjoni fil-komunità tal-Knisja? Naħseb li tfisser
tliet affarijiet.
L-ewwelnett, il-bniedem ikun wasal biex ma jiddejjaqx jintagħraf.
Hemm komunità biex tifred – mhux fis-sens ikrah tal-kelma – biex
tifred dawk li hemm barra u dawk li hemm ġewwa. Fil-każ tagħna biex
ikollok iżjed x’tagħti – mhux biex tifred għax ‘huma inqas minna’.
Tibda tintagħraf. Mela persuna f’daqqa waħda sabet li trid tinkludi
ruħha fil-komunità: irid ikollha identità fi ħdan il-komunità.
It-tieni, huwa importanti, f’dan il-kuntest, li l-komunità
parrokkjali tipprepara kif se nilqgħuhom u nagħtuhom esperjenza ta’
komunità. Din hija waħda miċ-challenges kbar tagħna. Hemm
bżonn li naraw kif nippreparaw lilna nfusna biex dawk li se
jirritornaw – jekk il-Bambin irid – u jitolbuna biex jerġgħu jidħlu
fil-komunità, mhux ngħidulhom: ‘u iva, inti mur il-quddies
fil-massa’. Le; aħna rridu nagħtuhom esperjenza ta’ komunità.
Nibnuhom fil-parroċċi; jgħinuna l-movimenti. Dan mhux bħala
movimenti, imma bħala qaddejja tal-Knisja kollha. Mela mhux
għalihom, imma biex lill-oħrajn iwassluhom biex ikollhom esperjenza
ta’ komunità.
It-tielet, hemmhekk, f’dik il-komunità li jkollhom esperjenza fiha,
ikollhom riskoperta tas-sagramenti, din id-darba b’mod adult.
Skoperta ta’ x’jiġifieri tirċievi l-Ispirtu s-Santu fil-Griżma -
tiftakru li fil-Vġili ta’ Pentekoste tas-sena l-oħra aħna lqajna
b’ferħ persuni li reġgħu sabu l-Ispirtu li qed ikellimhom;
riskoperta tas-Sagrament tal-Penitenza; riskoperta tal-Quddiesa
bl-Ewkaristija. F’dan il-punt, naħseb li jkunu skoprew dak li
l-Mulej Ġesù qal fl-Aħħar Ċena. Il-Mulej Ġesù ħalliha għall-aħħar,
għal meta tahom l-Ewkaristija: ‘Minn hemm jagħrfukhom li intom
dixxipli tiegħi, jekk tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien’.
Hemmhekk issir riskoperta tal-komunità bħala komunità ta’ mħabba.
Parti
mill-missjoni tal-Knisja
q
L-aħħar pass huwa li ssir parti mill-missjoni tal-Knisja.
F’dan
il-kuntest, tkun skoprejt dak li Ġesù verament ħalla
għall-aħħarnett: l-Axxensjoni. Meta kien se jitla’ s-sema,
lill-appostli qalilhom: ‘Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara
t-Tajba’. Fil-fatt, kellhom jiskopruha fil-Pentekoste, imma l-aħħar
kelma kienet din. Allura l-ħames punt huwa meta inti tiskopri
l-Axxensjoni tal-Mulej: tela’ s-sema, issa f’idejna; m’hemmx mod
ieħor.
Fis-Sinodu Djoċesan issemma x’inhu r-rwol tal-lajċi: il-lajċi huma
l-Knisja f’nofs is-soċjetà - hHekk hemm miktub – u s-soċjetà f’nofs
il-Knisja permezz tal-lajci, li għandhom sejħa partikolari.
F’dan
il-kuntest, naħseb li nkunu qegħdin nagħmlu dak li qalilna
l-Konċilju Vatikan II: li l-istorja tagħna trid tkun ingastata
mal-istorja tad-dinja. Qabel il-Konċilju Vatikan II, qiesu konna
nifirduhom: id-dinja miexja u l-Knisja miexja. Le; il-Konċilju
qalilna li mhux hekk. Ovvjament, il-Konċilju ma bbażahiex fuq xi
ħaġa fl-ajru, għax Ġesù ġie fid-dinja. L-istorja tiegħu bħala
bniedem għamilha ħaġa waħda mad-dinja. Kif nistgħu aħna ngħixu
l-ħajja għalina waħedna u ma nagħmluhiex ħaġa waħda ma’ dik li hija
d-dinja? Inkunu wasalna li nifhmu x’jiġifieri l-ġisem ta’ Ġesù li
ġie biex jgħammar fostna.
Nistedinkom biex dawn il-ħames punti nippruvaw nirriflettu fuqhom
fid-diversi realtajiet tagħna.
Auditorium tal-MUSEUM, Blata l-Bajda
13 ta’
Frar 2009
Jum
il-Lajċi
Nsara 2009
|