Laikos

 

L-Enċiklika

L-Enċiklika Moqrija

L-Enċiklika fil-Qosor

 

 

Ħarsa ġenerali lejn l-Enċiklika Laudato si

Dan it-test joffri strument ta’ sapport għall-ewwel daqqa t’għajn lill-Enċiklika u jgħin biex wieħed jifhem kif tiżviluppa fil-globalità tagħha u biex jislet il-linji prinċipali tagħha.  L-ewwel parti tippreżenta l-Enċiklika “Laudato Si’ fil-globalità tagħha imbagħad ikunu eżaminati wieħed wieħed is-sitt kapitli bil-kwotazzjoni ta’ siltiet ewlenin minnhom u l-għan tagħhom.  In-numri bejn qawsejn jindikaw il-paragrafu tal-Enċiklika.  Fl-aħħar hemm is-sommarju sħiħ tagħha.

 

Ħarsa globali

«Xi kwalità ta’ dinja nixtiequ nħallu għal dawk li ġejjin warajna lil uliedna li qed jikbru?» (160).  Din il-mistoqsija hija l-qofol tal-Laudato Si’, l-Enċiklika tant mistennija tal-Papa Franġisku dwar il-kura tad-dar komuni.  Il-Papa jkompli jikteb: «Din il-mistoqsija ma tolqotx lill-ambjent b’mod iżolat għax il-kwistjoni ma nistgħux inħarsu lejha b’għajn parzjali» u dan iwassalna biex nistaqsu lilna nfusna dwar is-sens tal-eżistenza u l-valuri li hemm fl-għeruq tal-ħajja soċjali: «Għal liema raġuni ġejna f’dil-ħajja?  Għal liema għan qed naħdmu u nitħabtu?  Għaliex din l-art għandha bżonna?»: jekk aħna ma nagħmlux dawn il-mistoqsijiet fundamentali – jgħid il-Papa - «ma naħsibx li l-preokkupazzjoniet ekoloġiċi tagħna jistgħu jiksbu effetti importanti»

L-Enċiklika tieħu isimha mill-invokazzjoni ta’ San Franġisk , «Laudato su’, mi’ Signore», li fil-Kantiku tal-Ħolqien ifakkar li l-art, id-dar komuni tagħna, « qisha wkoll oħtna, li magħha naqsmu ħajjitna, u bħal omm sabiħa li tilqagħna f’dirgħajha» (1).  Aħna stess magħmulin mill-art (cfr Ġen 2,7).  Ġisimna stess hu msawwar minn elementi tal-pjaneta, l-arja tagħha hi dik li tagħtina n-nifs, u l-ilma tagħha jaħjina u jsaħħaħna » (2).  Issa, din l-art maltratta u ssakkeġġjata qed tilmenta u l-krib tagħha qed jingħaqad ma ta’ dawk kollha li fid-dinja huma abbandunati.  Il-Papa Franġisku jagħmel stedina biex lil dawn nisimgħuhom u jħeġġeġ lil kulħadd – singoli, familji, għaqdiet lokali, nazzjonali u internazzjonali - «għall-konverżjoni ekoliġika», skont l-espressjoni ta’ San Ġwanni Pawlu II, ċioè, li «nibdlu r-rotta», billi nieħdu fuqna s-sbuħija u r-responsabbiltà ta’ impenn «għall-kura tad-dar komuni».  Fl-istess ħin, il-Papa Franġisku jagħraf li «Qed tinħass sensibbiltà li qed tiżdied dwar l-ambejnt u l-kura tan-natura, u qed timmatura preokkupazzjoni sinċiera u doloruża għal dak li qed jiġri lill-pjaneta tagħna» (19), b’mod li jidher xaqq ta’ tama leġittimu li jinvadi l-Enċiklika kollha u li qed jibgħat lil kulħadd messaġġ ċar u mimli tama: «Aħna l-bnedmin għad għandna fina dik il-ħila li nikkollaboraw biex nibnu d-dar komuni tagħna» (13); «mhuwiex kollox mitluf, għax l-istess bnedmin li kapaċi jfarrku lilhom infushom sal-iktar punt estrem, jistgħu anki jirbħu lilhom infushom, u jerġgħu lura għall-għażla tat-tajjeb u jfittxu ħajja ġdida» 205).

Ċertament, il-Papa Franġisku qed jindirizza lill-fidili Kattoliċi billi jikkwota kliem San Ġwanni Pawlu II:  l-Insara, b’mod partikulari, iħossu li l-missjoni tagħhom fi ħdan il-ħolqien, id-dmirijiet tagħhom fil-konfront tan-natura u tal-Ħallieq jagħmlu parti mill-fidi tagħhom» (64), imma hemm proposta biex «b’mod speċjali nidħol fi djalogu ma’ kulħadd dwar din id-dar komuni tagħna» (3): id-djalogu jiġri tul it-test kollu tal-Enċiklika u fil-kapitlu 5 jsir l-istrument biex bih naffrontaw u nsolvu l-problemi.

Sa mill-bidu l-Papa Franġisku jfakkar li «fi ħdan Knejjes u Komunitajiet Insara oħra – kif ukoll reliġjonijiet oħra – kibru tħassib qawwi u riflessjoni prezzjuża» dwar it-tema tal-ekoloġija (7).  Anzi, l-Papa jieħu espliċitament il-kontribut ta’ dawn il-Knejjes mingħand «l-għażiż Patrijarka Ekumeniku Bartilmew» (7), li hu kkwotat ħafna fil-paragrafi 8 u 9.  Diversi drabi l-Qdusija Tiegħu jirringrazzja lill-protagonisti għal dan l-impenn – kemm lill-individwi kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet u istituzzjonijiet – billi jagħraf li «r-riflessjonijiet ta’ għadd kbir ta’ xjenzati, filosfi, teologi u organizzazzjonijiet soċjali li għanew il-ħsieb tal-Knisja fuq dawn il-kwistjonijiet» (7) u jistieden lil kulħadd biex jagħti għarfien «tal-għana li r-reliġjonijiet jistgħu joffru lil ekoloġija integrali u lill-iżvilupp sħiħ tal-ġeneru uman» (62).

L-itinerarju tal-Enċiklika nsibuh imfassal f’paragrafu 15, imbagħad jinqa’ jiżviluppa tul il-kapitli.  Il-vjaġġ jibda mis-smigħ dwar kif inhi s-sitwazzjoni, ibda mill-aħjar akkwisti xjentifiċi li għandna disponibbli (kap. 1), sal-konfront mal-Bibbja u t-tradizzjoni Ġudeo/Kristjana (kap. 2), u jidentifika l-għerq tal-problemi (kap. 3) fit-teknokrazija u fl-eċċessi tal-iżolament awtoreferenzjali tal-bniedem.

L-Enċiklika tipproponi (kap. 4) «ekoloġija integrali, li kjarament tiġbor fiha d-dimensjonijiet umani u soċjali» (137), li huma marbutin b’mod inseparabbli mal-kwistjoni tal-ambjent.

Fil kapitlu 5 l-Papa Franġisku jagħmel proposta biex f’kull livell soċjali, ekonomiku u politiku, jinbeda proċess ta’ djalogu onest, li jagħti struttura lill-proċessi deċiżjonali trasparenti, u jfakkar (kap. 6) li ebda proġett ma jista’ jkun effikaċi jekk ma jkunx imqanqal minn kuxjenza ffurmata u responsabbli, jissuġġerixxi punti biex nikbru f’din id-direzzjoni fuq il-livell edukattiv, spiritwali, ekkleżjali, politiku u teoloġiku.

It-test itemm b’żewġ talbiet, waħda offruta biex tinqasam ma’ dawk kollha li jemmnu« f’Alla l-ħallieq» (246) u l-oħra proposta lil dawk li jistqarru l-fidi f’Ġesù Kristu, li għandha r-ritmu tar-rtornell «Laudato si’» li biha tibda u tintemm l-Enċiklika.

Matul it-test insibu xi assi tematiċi studjati minn varjetà ta’ perspettivi differenti, li jagħmlu d-dokument wieħed omoġenju: «ir-relazzjoni intima bejn il-foqra u d-dgħufija tal-pjaneta; il-konvinzjoni li fid-dinja kollox hu marbut sfiq ma’ xulxin; il-kritika tal-paradigma ġdida u tax-xejriet ġodda ta’ poter li ġejjin mit-teknoloġija; l-istedina biex infittxu modi oħra ta’ kif nifhmu l-ekonomija u l-progress; il-valur propju ta’ kull ħlejqa; is-sens uman tal-ekoloġija; il-ħtieġa ta’ dibattiti sinċiera u onesti; ir-responsabbiltà serja tal-politika internazzjonali u lokali; il-kultura tal-iskart u l-proposta ta’ stil ġdid ta’ ħajja» (16).

 

 

L-ewwel kapitlu -  Dak li qed jiġri lid-dar komuni tagħna

 

Il-kapitlu jagħraf l-akkwisti xjentifiċi reċenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-ambjent bħala mod li bih nisimgħu l-għajta tal-ħolqien, «dak li qed jiġri lid-dinja nindenjaw nagħmluh it-tbatija personali tagħna, ħalli hekk nagħrfu liema hu l-kontribut li kull wieħed u waħda minna jista’ jagħti» (19).  B’hekk qed ikunu affrontati «id-diversi aspetti tal-kriżi ekoloġika tal-lum» (15).

 

It-tibdil fil-klima: « Il-bidliet fil-klima huma problema globali b’implikazzjonijiet ambjentali, soċjali, ekonomiċi, distributtivi u politiċi kbar, u huma waħda mill-isfidi prinċipali li għandu l-bniedem fi żmienna » (25).  Jekk «il-klima hija ġid komuni, ta’ kulħadd u għal kulħadd» (23), l-itqal impatt jaqa’ fuq l-aktar foqra, «imma ħafna minn dawk li jżommu għalihom iżjed riżorsi u setgħa ekonomika jew politika donnhom ħsiebhom fuq kollox kif jgħattu l-problemi u jaħbu s-sintomi tagħhom » (26) «In-nuqqas ta’ reazzjonijiet quddiem dawn il-ġrajjiet traġiċi ta’ ħutna hu sinjal ta’ kemm tlifna dak is-sens ta’ responsabbiltà għal min hu bħalna, li fuqu suppost tinbena kull soċjetà ċivili» (25)

 

Il-kwistjoni tal-ilma: il-Papa jafferma ċar u tond li «l-aċċess għall-ilma nadif u tajjeb għax-xorb hu dritt uman essenzjali, fundamentali u universali, għax minnu jiddependi l-għajxien tan-nies, u għalhekk hu kundizzjoni għat-tħaddim tad-drittijiet umani l-oħra.  Din id-dinja għandha dejn soċjali għoli mal-foqra li m’għandhomx aċċess għall-ilma tax-xorb, għax dan ifisser li qed iċċaħħadhom mid-dritt għall-ħajja li għandu l-għeruq tiegħu fid-dinjità inaljenabbli tagħhom» (30).

 

Il-ħarsien tal-biodiversità: «Kull sena qed jgħibu eluf ta’ speċi ta’ pjanti u annimali li qatt m’aħna sa nsibuhom iżjed, li wliedna mhu sa jkunu jistgħu jarawhom qatt, mitlufin għal dejjem» (33).  Dawn ma jkunux riżorsi li eventwalment jistgħu jiġu “sfruttati” imma għandhom valur fihom infushom.  F’din il-perspettiva «ta’ min ifaħħar u xi drabi anki jammira l-isforzi ta’ xjenzati u tekniċi li jfittxu kif isewwu l-problemi maħluqa mill-bniedem stess», iżda meta l-intervent uman ikun imqiegħed għas-servizz tal-finanza u l-konsumiżmu, «fir-realtà qed ifaqqar id-dinja li fiha ngħixu u jagħmilha inqas sabiħa, dejjem iżjed limitata u mudlama» (34).

 

Id-dejn ekoloġiku: fil-qafas ta’ etika ta’ relazzjonijiet intenazzjonali, l-Enċiklika turi li jeżisti 

«“dejn ekoloġiku” reali» (51), l-aktar fit-tramuntana tad-dinja fil-konfront tan-nofsinhar.  Quddiem it-tibdil tal-klima hemm «responsabbiltajiet diversifikati» (52) u dawk tal-Pajjiżi żviluppati huma akbar.  Bl-għarfien tad-diverġenzi  profondi rigward dawn il-problemi, il-Papa Franġisku jistqarr li hu milqut profondament «mid-dgħufija tar-relazzjonijiet» quddiem id-drammi ta’ tant persuni u popolazzjonijiet.  Minkejja li l-eżempji pożittivi mhumiex neqsin (58), il-Papa jiġbed l-attenzjoni dwar min «jibqa’ jdaħħal rasu fir-ramel u jaħseb li kollox miexi sew jew jaġixxi b’mod irresponsabbli » (59).

Hemm nuqqas ta’ kultura adegwata (53) u ta’ disponibbiltà li nibdlu l-istili tal-ħajja, tal-produzzjoni u tal-konsum (59), filwaqt li huwa urġenti li «tinħoloq sistema normattiva (....) li tiżgura l-ħarsien tal-ekosistemi» (53).

 

It-tieni kapitlu L-Evanġelju tal-ħolqien

 

Sabiex ikunu affrontati l-problemi mfissra fil-kapitlu ta’ qabel, il-Papa Franġisku jerġa’ jżur ir-rakkonti tal-Bibbja, joffri viżjoni kumplessiva li titnissel mit-tradizzjoni Ġudeo/Kristjana u jartikola «ir-reponsabbiltà tremenda» (90) tal-bniedem fil-konfront tal-maħluq, ir-rabta intima bejn il-kreaturi kollha u l-fatt li «l-ambjent hu ġid kollettiv, wirt tal-bnedmin kollha u responsabbiltà ta’ kulħadd» (95).  Fil-Bibbja «dak Alla li jeħles u jsalva hu l-istess wieħed li ħalaq l-univers» u «ħlewwa u qawwa huma ħaġa waħda» (73).  Ir-rakkont tal-ħolqien hu ċentrali biex nirriflettu fuq ir-relazzjoni bejn il-bniedem u l-ħlejjaq l-oħra u fuq kif id-dnub ikisser l-ekwilibriju tal-kreazzjoni kollha fit-totalità tagħha: «Dawn ir-rakkonti jissuġġerixxu li l-ħajja tal-bniedem tissejjes fuq tliet relazzjonijiet fundamentali u marbuta sfiq ma’ xulxin: ir-relazzjoni ma’ Alla, dik mal-proxxmu u dik mal-art.  Skont il-Bibbja, dawn it-tliet relazzjonijiet vitali sfaw imfarrka, mhux biss barra minna, imma anki ġo fina.  Dan it-tifrik hu d-dnub» (66).  Għaldaqstant «imqar jekk hu minnu li xi drabi l-Insara fehmu l-Iskrittura b’mod ħażin, illum għandna nirrifjutaw bil-qawwa li mill-fatt li ġejna maħluqa xbieha ta’ Alla u mill-mandat biex naħkmu l-art nistgħu noħorġu xi ħakma assoluta fuq il-ħlejjaq l-oħra» (67).

Ir-responsabbiltà tal-bniedem hi li «“jikkoltiva u jħares” il-ġnien tad-dinja (cfr Ġen. 2,15)» (67) għax konxju li  «l-għan aħħari tal-ħlejjaq mhuwiex aħna.  Anzi, kollox hu miexi, flimkien magħna u permezz tagħna, lejn destinazzjoni komuni, li hu Alla» (83).

Li l-bniedem mhux il-padrun tal-univers « ma jfissirx li npoġġu fuq l-istess livell lill-ħlejjaq kollha ħajjin u nneħħu lill-bniedem dak il-valur partikulari li fl-istess ħin jimplika responsabbiltà tremenda» li jikkaratteriżżahom; u lanqas «lanqas ifisser li nagħmlu lill-art qisha xi alla, ħaġa li mbagħad ixxekkilna mis-sejħa li nikkollaboraw magħha u nħarsu d-dgħufija tagħha» (90).

F’din il-perspettiva, « Kull moħqrija ta’ xi ħlejqa “hi kontra d-dinjità tal-bniedem”» (92) imma «Ma jistax ikun awtentiku sentiment ta’ għaqda intima mal-ħlejjaq l-oħra tan-natura, jekk fl-istess ħin fil-qalb tagħna m’hemmx ħlewwa, kompassjoni u tħassib għall-bnedmin» (91).  Hemm bżonn li nkunu konxji ta’ kull ma’ hu komuni universalment: «la ġejna maħluqa mill-istess Missier, aħna lkoll essri tal-univers, aħna magħqudin flimkien b’rabtiet li ma jidhrux u nsawru għamla ta’ familja universali, komunjoni għolja li tmexxina lejn rispett qaddis, maħbub u umli» (89).

Tmiem il-kapitlu huwa r-ruħ tar-rivelazzjoni Nisranija:  «It-Testment il-Ġdid mhux biss ikellimna dwar Ġesù ta’ din l-art u fuq ir-relazzjoni tiegħu hekk konkreta u kollha mħabba mad-dinja» «Jurih ukoll irxoxt u glorjuż, preżenti fil-ħolqien kollu bis-sinjorija universali tiegħu » (100).

 

 

It-tielet Kapitlu L-għeruq umani tal-kriżi ekoloġika

 

Dan il-kapitlu jippreżenta analiżi tas-sitwazzjoni attwali « hekk li nkunu nistgħu nifhmu mhux biss is-sintomi imma wkoll il-kawżi l-iżjed qawwija » (15), fi djalogu mal-filosofija u max-xjenzi umani.   L-ewwel fus tal-kapitlu huma riflessjonijiet fuq it-tekonoloġija:  bi gratitudni jingħata għarfien lill-kontribut li tagħti lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja (102-103).  Madankollu din tagħti ukoll «dawk li għandhom f’idejhom dan l-għarfien u fuq kollox il-poter ekonomiku biex jisfruttawh, jagħtuhom setgħa tal-għaġeb fuq il-bnedmin kollha u fuq id-dinja sħiħa» (104).  Hija propju din il-loġika tad-dominanza li twassal għall-qerda tan-natura u tisfrutta lill-bnedmin u lill-popolazzjonijiet l-aktar debboli.  «Il-mudell teknokratiku għandu tendenza li jifrex id-dominju tiegħu anki fuq l-ekonomija u fuq il-politika» (109), u dan itellef milli nifhmu li «s-suq waħdu ma jistax jiggarantixxi l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u l-inklużjoni soċjali» (109).  Fl-għeruq ta’ kollox naraw li fl-epoka moderna hemm antropoċentriżmu eċċessiv (116): il-bniedem m’għadux jagħraf il-pożizzjoni propja tiegħu fid-dinja u qed jassumi pożizzjoni awtoreferenzjali, iċċentrata esklussivament fuqu nnifsu u fuq is-setgħa li jista’ jħaddem.  Minn dan toħroġ il-loġika ta’ «uża u armi» li tiġġustifika kull tip ta’ skart kemm jekk ambjentali u wkoll uman, li tittratta lill-ieħor bħala sempliċi oġġett u tressaq lejn għadd bla qies ta’ forom ta’ dominju.  Hija l-loġika li biha jkunu sfruttati t-tfal, jisfaw abbandunati l-anzjani, li tirriduċi lill-oħrajn fi skjavi u tagħti valur aktar mill-jistħoqqilha lill-ħila tas-suq li jirregola lilu nnifsu, li tinnegozja l-bejgħ tal-bnedmin, il-kummerċ tal-ġlud ta’ annimali li waslu biex jgħibu u tad-“djamanti mdemmija”.  Hija l-istess loġika ta’ ħafna “mafji”, tat-traffikanti tal-organi, tat-traffikanti tad-droga u tal-qerda tat-trabi għax ma jidħlux fil-pjanijiet tal-ġenituri tagħhom (123).  F’dan id-dawl, l-Enċiklika taffronta żewġ problemi kruċjali għad-dinja tal-lum.  Qabel kollox ix-xogħol: « bżonn li niddefendu x-xogħol

124. «F’kull impostazzjoni ta’ ekoloġija integrali, li ma tħallix barra lill-bniedem, bilfors irridu ndaħħlu l-valur tax-xogħol» (124), u fl-istess waqt, «jekk nirrifjutaw li ninvestu fil-persuni biex niksbu profitt immedjat akbar, inkunu nagħmlu ħsara kbira lis-soċjetà» (128).

It-tieni waħda tirrigwarda l-limitazzjonijiet tal-progress xjentifiku b’riferiment ċar għall-OGM (132-136), li huma «kwistjoni ta’ karattru kumpless» (135).  Minkejja li  f’xi reġjun l-użu tagħhom ipproduċa tkabbir ekonomiku li għen biex jissolvew ċerti problemi, hemm bosta diffikultajiet serji li ma għandhomx jiġu sottovalutati» (134), ibda mill-«konċentrazzjoni ta’ artijiet produttivi f’idejn il-ftit» (134).  Il-Papa Franġisku jaħseb partikolarment fil-produtturi ż-żgħar u l-ħaddiema rurali, fil-biodiversità, fix-xibka tal-ekosistemi.  Għalhekk hu meħtieġ «dibattitu xjentifiku u soċjali li jkun responsabbli u wiesa’, li kapaċi jqis it-tagħrif kollu disponibbli u jsejjaħ l-affarijiet b’isimhom» ibda «mill-linji tar-riċerka awtonoma u inter-dixxiplinari» (135).

 

 

Ir-raba’ kapitlu Ekoloġija integrali

 

Il-qofol tal-proposta li qed tagħmel l-Enċiklika hija l-ekoloġija integrali bħala mudell ġdid ta’ ġustizzja. Ekoloġija «ekoloġija li, fid-diversi dimensjonijiet tagħha, tħares il-post speċifiku li għandu l-bniedem f’din id-dinja u r-relazzjonijiet tiegħu mar-realtà ta’ madwaru» (15).  Infatti, ma nistgħux «inqisu n-natura bħala xi ħaġa maqtugħa minna jew bħala sempliċi sfond ta’ ħajjitna» (139).  Dan jgħodd għal dak li qed ngħixu f’oqsma diversi: fl-ekonomija u fil-politika, fil-kulturi diversi, partikolarment dawk li huma mhedda, u saħansitra f’kull waqt tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Il-perspettiva integrali żżeffen fin-nofs anki l-ekoloġija tal-istituzzjonijiet: « Jekk kollox hu marbut ma’ xulxin, anki l-istat tas-saħħa tal-istituzzjonijiet ta’ soċjetà jġib miegħu konsegwenzi fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tal-bniedem:Kull vjolazzjoni tas-solidarjetà u l-ħbiberija ċivili tagħmel ħsara lill-ambjent» (142).  Bil-ħafna eżempji konkreti li jġib, il-Papa Franġsiku ma jagħmel xejn aktar ħlief itenni l-fehma tiegħu: hemm rabta bejn il-kwistjonijiet ambjentali u l-kwistjonijiet soċjali u umani li qatt ma tista’ tinkiser.  B’hekk «l-analiżi tal-problemi ambjentali ma tistax tifridha mill-analiżi tal-kuntesti tal-bniedem, tal-familja, tax-xogħol, u mir-relazzjoni ta’ kull persuna magħha nfisha» (141), għaliex «m’għandniex żewġ kriżijiet separati, waħda ambjentali u oħra soċjali, imma kriżi waħda u kumplessa soċjo-ambjentali» (139).  Din l-ekoloġija integrali «l-ekoloġija umana ma tistax tifridha mill-kunċett tal-ġid komuni» (156), imma trid tkun mifhuma b’mod konkret: fil-kuntest tal-lum li fih «ninnnutaw tant inegwaljanzi u naraw li l-għadd tan-nies li qed jiġu skartati, li huma mċaħħdin mid-drittijiet umani fundamentali, dejjem qed jiżdied».  L-impenn lejn il-ġid komuni jfisser li nagħmlu għażliet solidali fl-isfond «tal-għażla preferenzjali l-aktar favur il-foqra» (158).  Dan hu l-aħjar mod biex inħallu warajna dinja sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, mhux bil-proklami, imma b’impenn li nieħdu kura tal-foqra tal-lum, kif kien diġà saħaq Benedittu XVI: «barra s-solidarjetà leali bejn il-ġenerazzjonijiet, jeħtieġ inwieġbu mill-ġdid għall-ħtieġa morali urġenti ta’ solidarjetà mġedda bejn il-ġenerazzjonijiet”» (162).  L-ekoloġija integrali tolqot ukoll il-ħajja ta’ kuljum.  L-Enċiklika tagħti attenzjoni speċifika lil dan partikolarment lill-ambjent urban.  Il-bniedem għandu ħila kbira biex jadatta ruħu u hija «ta’ min jammira l-kreattività u l-ġenerożità ta’ persuni u gruppi li kapaċi jtaffu l-limiti ambjentali, jibdlu l-effetti koroh tal-kundizzjonamenti, u jitgħallmu jagħtu sens lil ħajjithom imqar qalb id-diżordni u l-inċertezza» (148).  Madankollu, l-iżvilupp awtentiku hu kundizzjonat minn titjib integrali tal-kwalità tal-ħajja umana: l-ispazji pubbliċi, id-djar, it-trasport eċċ. (150-154).  Anki «hemm bżonn nagħrfu li ġisimna jqegħidna f’relazzjoni diretta mal-ambjent u mal-ħlejjaq ħajjin l-oħra.  Jeħtieġ naċċettaw lil ġisimna bħala don ta’ Alla biex nistgħu nilqgħu u naċċettaw id-dinja kollha bħala don tal-Missier u dar komuni tagħna; min-naħa l-oħra, loġika ta’ ħakma fuq ġisimna tinbidel f’loġika kultant sottili ta’ ħakma fuq il-ħolqien» (155)

 

 

Il-ħames kapitlu Xi linji ta’ orjentament u azzjoni

 

Dan il-kapitlu jaffronta l-mistoqsija dwar x’nistgħu u x’għandna nagħmlu.  L-analiżi waħedha mhix biżżejjed: jeħtieġ proposti «ta’ djalogu u azzjoni li jinvolvu kemm lil kull wieħed u waħda minna, kemm il-politika internazzjonali» (15), u li «jgħinuna noħorġu minn dan il-garigor ta’ qerda tagħna nfusna li fih qed negħrqu ftit ftit» (163).  Għall-Papa Franġisku huwa essenzjali d-djalogu, li l-bini ta’ toroq konkreti ma jkunux affrontati bl-ideoloġiji, b’mod superfiċjali u riduzzjonista.  Għaldaqstant hu indispensabbli d-djalogu, kelma preżenti fit-titlu ta’ kull taqsima ta’ dan il-kapitlu: « Hemm diskussjonijiet, fuq kwistjonijiet marbuta mal-ambjent, fejn hu diffiċli tilħaq kunsens.  (....)  il-Knisja mhix tippretendi li tagħti definizzjoni hi tal-kwistjonijiet xjentifiċi, lanqas li tieħu post il-politika, imma nistieden għal dibattitu onest u trasparenti, biex il-ħtiġijiet partikulari u l-ideoloġiji ma jagħmlux deni lill-ġid komuni» (188).  Fuq din il-bażi l-Papa Franġsiku ma jibżax jgħaddi ġudizzju iebes dwar id-dinamiċi internazzjonali ta’ dan l-aħħar: «il-Laqgħat Dinjija dwar l-ambjent fl-aħħar snin ma weġbux għal dak li kien mistenni għax, minħabba f’nuqqas ta’ deċiżjoni politika, ma laħqu ebda ftehim ambjentali globali sinifikattiv u li ħalla xi effett importanti» (166).  U, jistaqsi, «Għaliex illum il-ġurnata għad hemm min irid jibqa’ mkaħħal ma’ poter li sa jibqa’ mfakkar għal kemm ma kienx kapaċi jindaħal meta kien tant urġenti u meħtieġ li jagħmel dan?» (57).  Hemm bżonn, kif qalu diġà Papiet oħra aktar minn darba, ibda mill-Pacem in terris, forom u strumenti effikaċi ta’ governanza globali (175): «għandna bżonn ta’ ftehim fuq sistema ta’ governanza għall-firxa sħiħa tal-hekk imsejjaħ ġid komuni globali» (174), ġaladarba “l-ħarsien ambjentali ma nistgħux niżgurawh biss bil-kalkolu finanzjarju ta’ spejjeż u qligħ.  “il-ħarsien ambjentali ma nistgħux niżgurawh biss bil-kalkolu finanzjarju ta’ spejjeż u qligħ.  L-ambjent hu ġid li l-mekkaniżmu tas-suq mhux kapaċi jiddefendi jew jippromovi kemm għandu jkun» (190  dan ifakkar il-kliem tal-Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja).

Dejjem f’dal-kapitlu, il-Papa Franġisku jinsisti dwar żvilupp ta’ proċessi deċiżjonali onesti u trasparenti biex «niddixxernu» liema politika u inizjattivi imprenditorjali jistgħu jwasslu għal « żvilupp sħiħ» (185).  B’mod partikolari, studju dwar l-impatt ambjentali ta’ xi proġett ġdid «jitlob proċess politiku trasparenti u sottopost għad-djalogu, waqt li l-korruzzjoni li taħbi l-impatt ambjentali veru ta’ proġett imħallas bil-favuri spiss twassal għal xorta ta’ ftehim stramb li jippruvaw jaħarbu milli jinfurmaw lill-pubbliku jew minn dibattitu iktar fil-fond» (182).

Partikolarment inċisiv hu l-appell magħmul lil min għandu rwoli politiċi biex dan “, ma jweġibx għal-loġika tal-ekonomija u tal-politika tal-lum, li tfittex l-effiċjenza u l-immedjat» (181) li tiddomina llum: «jekk isib il-kuraġġ jagħmel dan, ikun jista’ jagħraf mill-ġdid id-dinjità li Alla tah bħala persuna u, wara żmienu f’din l-istorja, ikun ħalla xhieda ta’ responsabbiltà ġeneruża» (181).

 

 

Is-sitt kapitluEducazzjoni u spiritwalità ekoloġika

 

L-aħħar kapitlu jmur dritt lejn il-qofol tal-konverżjoni ekoloġika li għaliha qed tistedinna l-Enċiklika.  L-għeruq tal-kriżi kulturali jħaffru fil-fond u mhux faċli li jitfasslu mill-ġdid drawwiet u atteġġjamenti. L-edukazzjoni u l-formazzjoni jibqgħu jkunu l-isfidi ċentrali: «kull bidla titlob motivazzjonijiet u mixja edukattiva» (15): dan jidħlu fih l-ambjenti edukattivi kollha, primarjament « l-iskola, il-familja, il-mezzi ta’ komunikazzjoni, il-katekeżi, u oħrajn» (213).  Il-bidu hu «li nimmiraw lejn stil ieħor tal-ħajja» (203-208), li jiftaħ il-possibiltà li «nagħmlu pressjoni fuq dawk li għandhom f’idejhom il-poter politiku, ekonomiku u soċjali» (206).  «Dan li jiġri meta l-movimenti tal-konsumaturi jirnexxilhom isibu mod kif in-nies tieqaf tixtri ċerti prodotti u hekk isiru effettivi biex ċerti kumpaniji kbar jibdlu mġibithom, u jġagħluhom jagħtu kas tal-impatt ambjentali u jerġgħu jqisu x’mudelli ta’ produzzjoni jħaddmu» (206).  Ma nistgħux innaqqsu l-valur ta’ kemm huma importanti l-programmi tal-edukazzjoni ambjentali li jkollhom ħila jħallu impatt fuq il-ġesti u d-drawwiet tal-ħajja ta’ kuljum, ibda mit-tnaqqis fil-konsum tal-ilma, sal-ġbir differenzjat tal-iskart u spiċċa fit-tifi tad-dwal li mhux meħtieġ (211): «Ekoloġija integrali hi magħmula wkoll minn ġesti sempliċi ta’ kuljum li fihom inkissru l-loġika tal-vjolenza, l-abbuż, l-egoiżmu» (230).  Dan kollu jkun aktar faċli jekk nibdew minn ħarsa kontemplativa li tiġi mill-fidi: «Min jemmen, id-dinja ma jikkontemplahiex minn barra imma minn ġewwa, għax jagħraf ir-rabtiet li bihom il-Missier sensilna mal-ħlejjaq l-oħra kollha.  Fuq kollox, meta sseddaq il-ħiliet partikulari li Alla ta lil kull min jemmen, il-konverżjoni ekoloġika twasslu biex jikber fil-kreattività u l-ħeġġa tiegħu» (220).

Mill-ġdid tirritorna l-linja mibdija fl-Evangelii Gaudium:  «Is-sobrjetà, jekk ngħixu b’libertà u għarfien, tista’ teħlisna» (223), l-istess bħalma «Il-kuntentizza titlob minna li nagħrfu nillimitaw ċerti bżonnijiet li jistorduna, u hekk nibqgħu miftuħa għall-għadd ta’ possibbiltajiet li toffri l-ħajja» (223):  b’hekk isir possibbli li « neħtieġu wieħed tal-ieħor, li għandna responsabbiltà lejn l-oħrajn u lejn id-dinja, li jiswa għal xi ħaġa li nkunu tajbin u onesti» (229).  Il-qaddisin jgħinuna f’din il-mixja.  San Franġisk, li kemm-il darba hu kkowtat, «huwa l-mudell pereċċellenza ta’ kif għandna nieħdu ħsieb tad-dgħajjef u kif ngħixu l-ekoloġija integrali bil-ferħ u b’mod awtentiku» (10), mudell ta’ kif « kemm ma jistgħux jinfirdu minn xulxin l-għożża għan-natura, il-ġustizzja mal-foqra, l-impenn fis-soċjetà u s-sliem ġewwieni. (10).  Imma l-Enċiklika tfakkar ukoll lil San Benedittu, lil Santa Tereża ta’ Lisieux u l-Beatu Charles de Foucauld.

Wara l-Enċiklika Laudato si’, l-eżami tal-kuxjenza, l-istrument li l-Knisja minn dejjem irrikmandat biex torjenta ħajjitha lejn id-dawl tar-relazzjoni tagħha mal-Mulej, jeħtieġ li jkun jinkludi ukoll dimensjoni ġdida, u jikkunsidra mhux biss kif wieħed ikun għex il-komunjoni tiegħu ma’ Alla, mal-oħrajn u miegħu nnnifsu, imma ukoll mal-kreaturi kollha u man-natura.

 

 

INDIĊI

LAUDATO SI’, mi’ Signore [1-2]

Xejn fid-dinja m’għandu jħallina indifferenti [3-6]

Magħqudin bl-istess preokkupazzjonijiet [7-9]

San Franġisk ta’ Assisi [10-12]

L-appell tiegħi [13-16]

 

L-EWWEL KAPITLU

DAK LI QED JIĠRI FID-DAR TAGĦNA.

Tniġġiż u tibdil fil-klima

Tniġġiż, skart u kultura tal-iskart [20-22]

Il-klima bħala ġid komuni [23-26]

II. IL-KWISTJONI TAL-ILMA [27-31]

III. L-GĦAJBIEN TAL-BIODIVERSITA’ [32-42]

IV. ID-DETERJORAMENT TAL-KWALITA’ TAL-ĦAJJA UMANA U D-DEGRADAZZJONI SOJĊALI [43-47]

V. INĠUSTIZZJA PLANETARJA [48-52]

VI. ID-DGĦUFIJA TAR-RELAZZJONIJIET [53-59]

VII. ID-DIVERSIA’ TAL-OPINJONIJIET [60-61]

 

IT-TIENI KAPITLU

IL-VANGELU TAL-ĦOLQIEN [62]

I. ID-DAWL LI TOFFRI L-FIDI [63-64]

II. L-GĦERF TAR-RAKKONTI BIBLIĊI [65-75]

III.IL-MISTERU TAL-UNIVERS [76-83]

IV. IL-MESSAGG TA’ KULL ĦLEJQA FL-ARMONIJA TAL-ĦOLQIEN KOLLU [84-88]

V. KOMUNJONI UNIVERSALI [89-92]

VI. ID-DESTINAZZJONI TAL-ĠID KOMUNI [93-95]

VII. IL-ĦARSA TA’ GESU’ [96-100]

 

IT-TIELET KAPITLU

L-GĦERUQ UMANI TAL-KRIŻI EKOLOĠIKA [101]

I. IT-TEKNOLOĠIJA: KREATTIVITA’ U POTER [102-105]

II. IL-GLOBALIŻŻAZZJONI TAL-MUDELL TEKNOKRATIKU [106-114]

III. KRIŻI U KONSEGWENZI TAL-ANTROPOĊENTRIŻMU MODERN [115-121]

Ir-relattiviżmu prattiku [122-123]

Il-ħtieġa li niddefendu x-xogħol [124-129]

L-innovazzjoni bioloġika ibda mir-riċerka [130-136]

 

IR-RABA’ KAPITLU

EKOLOĠIJA INTEGRALI [137]

I. EKOLOĠIJA AMBJENTALI, EKONOMIKA U SOĊJALI [138-142]

II. EKOLOĠIJA KULTURALI [143-146]

III. EKOLOĠIJA TAL-ĦAJJA TA’ KULJUM [147-155]

IV. IL-PRINĊIPJU TAL-ĠID KOMUNI [156-158]

V. IL-ĠUSTIZZJA BEJN IL-ĠENERAZZJONIJIET [159-162]

 

IL-ĦAMES KAPITLU

XI LINJI TA’ ORJENTAMENT U TA’ AZZJONI [163]

I. ID-DJALOGU DWAR L-AMBJENT FIL-POLITIKA INTERNAZZJONALI [164-175]

II. ID-DJALOGU MMIRAT LEJN POLITIKA ĠDIDA NAZZJONALI U LOKALI [176-181]

III. DJALOGU U TRASPARENZA FIL-PROĊESSI DEĊIŻJONALI [182-188]

IV. IL-POLITIKA U L-EKONOMIJA FI DJALOGU GĦALL-MILJA UMANA [189-198]

V.IR-RELIĠJONIJIET FID-DJALOGU MAX-XJENZI [199-201]

 

IS-SITT KAPITLU

EDUKAZZJONI U SPIRITWALITA’ EKOLOĠIKA [202]

I. NIMMIRAW GĦAL STIL ĠDID TA’ ĦAJJA [203-208]

II. NEDUKAW GĦAL ALLEANZA BEJN L-UMANITA’ U L-AMBJENT [209-215]

III. IL-KONVERŻJONI EKOLOĠIKA [216-221]

IV. HENA U PAĊI [222-227]

V. IMĦABBA ĊIVILI U POLITIKA [228-232]

VI.IS-SINJALI SAGRAMENTALI U L-MISTRIEĦ ĊELEBRATTIV [233-237]

VII. IT-TRINITA’ U R-RELAZZJONI BEJN IL-KREATURI [238-240]

VIII. L-OMM TAL-ĦOLQIEN KOLLU [241-242]

IX. ‘L HINN IX-XEMX [243-246]

 

Talba għall-art tagħna

Talba Nisranja flimkien mal-ħolqien

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.