| 
												  
												  
												
												
												
												ITTRA 
												ENĊIKLIKA 
												
												
												UT UNUM SINT 
												
												
												TAL-PAPA 
												ĠWANN PAWLU II 
												
												
												
												
												
												DWAR 
												
												
												
												L-IMPENN FL-EKUMENIŻMU 
												
												
												
												15 ta' Mejju 1995 
												  
												  
												  
												
												
												Ħajr lil Myriam Buttigieg tal-għajnuna 
												tagħha fir-reviżjoni tat-test 
												Malti.  | 
												
												   
												
												
												  
												  
												
												
												
												ITTRA 
												ENĊIKLIKA 
												
												
												
												UT UNUM SINT 
												
												
												
												TAL-PAPA ĠWANN PAWLU II 
												
												
												
												DWAR L-IMPENN FL-EKUMENIŻMU 
												
												
												  
												
												
												
												DAĦLA 
												
												
												1.  UT 
												UNUM SINT 
												– Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda.  
												Is-sejħa għall-għaqda tal-Insara 
												li l-Konċilju Vatikan II għamel 
												b’impenn hekk ħerqan qed issib 
												tweġiba dejjem aktar qawwija fi 
												qlub dawk li jemmnu, speċjalment 
												issa li qed toqrob dejjem iżjed 
												is-sena 2000, sena li l-Insara 
												se jiċċelebraw bħala Ġublew 
												imqaddes, b’tifkira 
												tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ 
												Alla li sar bniedem biex isalva 
												l-ġens kollu tal-bnedmin. 
												
												
												Ix-xhieda qalbiena ta’ tant 
												martri ta’ żmienna, li fosthom 
												hemm ukoll il-membri tal-Knejjes 
												u tal-Komunitajiet Ekklesjali li 
												mhumiex f’xirka sħiħa mal-Knisja 
												Kattolika, tagħti qawwa ġdida 
												lis-sejħa tal-Konċilju u 
												tfakkarna li hu dmirna nagħtu 
												widen u nagħmlu bil-fatti dak li 
												ħeġġiġna għalih.  Dawn ħutna, 
												magħqudin magħna, bl-offerta ta’ 
												ħajjithom għas-Saltna ta’ Alla, 
												huma l-prova l-aktar qawwija li 
												kull ħaġa li ġabet il-firda 
												tista’ tingħeleb u tintrebaħ 
												fl-għoti sħiħ tiegħek innifsek 
												f’ġieħ l-Evanġelju. 
												
												
												
												Kristu qiegħed isejjaħ 
												għall-għaqda d-dixxipli kollha 
												tiegħu, 
												ix-xewqa kbira tiegħi llum hi li 
												nġedded din is-sejħa, u 
												nipproponiha mill-ġdid 
												b’determinazzjoni sħiħa, billi 
												ntenni dak li għidt fil-Kolossew 
												ta’ Ruma nhar il-Ġimgħa Mqaddsa 
												1994, fi tmiem il-meditazzjoni 
												tal-Via Crucis, 
												meditazzjoni mħejjija 
												mill-Venerabbli Hija Bartilmew, 
												Patrijarka Ekumeniku ta’ 
												Kostantinopli.  Hemm għidt li 
												dawk li jemmu fi Kristu, 
												magħqudin flimkien fil-mixi 
												tagħhom wara l-martri, ma jistax 
												ikun li jibqgħu mifrudin minn 
												xulxin.  Jekk tassew iridu 
												bil-fatti jmorru kontra 
												t-tendenza tad-dinja li ġġib 
												fix-xejn il-Misteru tal-Fidwa, 
												għandhom flimkien 
												jistqarru l-istess verità dwar 
												is-Salib.  
												Is-Salib!  Fehma kontra 
												l-Kristjaneżmu trid iġġib 
												fix-xejn is-Salib, tneħħilu 
												t-tifsir kollu tiegħu, tiċħad li 
												fih il-bniedem għandu l-għeruq 
												ta’ ħajja ġdida.  Din il-fehma 
												tippretendi li s-Salib la jista’ 
												jagħti prospetti u lanqas 
												tamiet.  Il-bniedem, skont din 
												il-fehma, mhuwiex ħlief esseri 
												tal-art, li għandu jgħix qisu 
												m’hemmx Alla. 
												
												
												2.  Kulħadd jagħraf li din hi 
												sfida għal kull min jemmen.  U 
												dawn ma jistgħux ma 
												jaċċettawhiex.  Kif jistgħu ma 
												jaċċettawx li jagħmlu kull ma 
												jista’ jkun, bl-għajnuna ta’ 
												Alla, ħa jġarrfu l-ħitan 
												tal-firda u ta’ suspetti, 
												jegħlbu t-tfixkil u 
												l-preġudizzji li qed iżommu 
												t-tħabbira tal-Evanġelju 
												tas-salvazzjoni fis-Salib ta’ 
												Ġesù, il-Feddej waħdieni 
												tal-bniedem, ta’ kull individwu? 
												
												
												Inrodd ħajr lill-Mulej għaliex 
												mexxiena ’l quddiem fit-triq 
												tal-għaqda u tax-xirka bejn 
												l-Insara, triq iebsa iżda 
												mimlija ferħ.  Id-djalogu 
												interkonfessjonali fuq livell 
												teoloġiku ta riżultati pożittivi 
												li jista’ jarahom kulħadd:  dan 
												iqawwilna qalbna biex nimxu ’l 
												quddiem. 
												
												
												Iżda barra d-differenzi 
												duttrinali li jridu jiġu 
												maħlulin, l-Insara ma jistgħu ma 
												jqisux sewwa t-toqol tas-suspetti 
												li wiritna mill-imgħoddi, u tan-nuqqas 
												ta’ ftehim u ta’ 
												preġudizzji li hemm 
												bejnietna.  Sodisfatti bina 
												nfusna, indifferenti u neqsin 
												mill-għarfien ta’ xulxin 
												spiss nagħmlu agħar din 
												il-qagħda.  Għalhekk l-impenn 
												favur l-ekumeniżmu irid jimbena 
												fuq il-konverżjoni tal-qlub u 
												fuq it-talb, li jwassal wkoll 
												għat-tisfija meħtieġa 
												tat-tifkiriet tal-imgħoddi.  
												Bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, 
												id-dixxipli tal-Mulej, ispirati 
												mill-imħabba, mill-qawwa 
												tal-verità u minn xewqa sinċiera 
												għall-maħfra ta’ xulxin u 
												għar-rikonċiljazzjoni, huma 
												msejħin biex jerġgħu 
												jeżaminaw flimkien l-imgħoddi 
												kollu niket tagħhom, dan 
												l-imgħoddi li għadu jweġġa’ llum 
												ukoll.  Il-qawwa dejjem ġdida 
												tal-Evanġelju qed issirilhom 
												biex jagħrfu flimkien 
												sinċerament u b’mod oġġettiv 
												l-iżbalji li saru u l-fatturi 
												l-oħra kollha li wasslu għal 
												dawn il-firdiet tassew ta’ min 
												jistmerrhom.  Dan li hu 
												meħtieġ hi ħarsa ħienja, ċara, 
												skont il-verità, ħarsa 
												mqawwija mill-ħniena ta’ Alla u 
												kapaċi tagħmel ħielsa l-fehmiet 
												tan-nies, u tispira f’kull 
												wieħed rieda ġdida, propju 
												bil-ħsieb li jixxandar 
												l-Evanġelju lill-irġiel u 
												lin-nisa ta’ kull poplu u 
												nazzjon. 
												
												
												3.  Fil-Konċilju Vatikan II, 
												il-Knisja Kattolika mpenjat 
												ruħha, b’mod li ma tistax 
												terġa’ lura minn dan 
												l-impenn tagħha, li timxi 
												fit-triq tal-ekumeniżmu, u hekk 
												tagħti widen għall-Ispirtu 
												tal-Mulej, li jgħallem lin-nies 
												jaqraw sewwa s-“sinjali 
												taż-żminijiet”.  L-esperjenzi 
												ta’ dawn l-aħħar snin wasslu 
												lill-Knisja biex tagħraf aktar 
												fil-fond x’inhi l-identità 
												tagħha u l-missjoni tagħha 
												fl-istorja.  Il-Knisja Kattolika 
												tagħraf u tistqarr 
												id-dgħufija ta’ wliedha, taf 
												li dnubiethom huma tant u tant 
												ċaħdiet u tfixkil ħa jseħħ 
												il-pjan tal-Feddej.  Għax hi 
												tħoss li hija bla heda msejħa 
												biex tiġġedded fl-ispirtu 
												tal-Evanġelju, ma tieqaf qatt 
												milli tagħmel penitenza.  
												Fl-istess waqt, tagħraf u 
												tgħolli dejjem aktar il-qawwa 
												tal-Mulej, li jimlieha 
												bid-don tal-qdusija, imexxiha ’l 
												quddiem, u jagħmilha xebħ 
												mal-Passjoni u l-Qawmien tiegħu. 
												
												
												Mgħallma mill-ġrajjiet 
												tal-istorja tagħha, il-Knisja hi 
												mpenjata li teħles lilha nfisha 
												minn kull għajnuna kollha kemm 
												hi tal-bniedem, biex  tgħożż 
												għal kollox il-liġi Evanġelika 
												tal-Beatitudnijiet.  Għaliex taf 
												li l-verità ma timponix ruħha 
												“jekk mhux bil-qawwa tagħha 
												stess, hija u fl-istess waqt 
												tidħol fil-moħħ bil-kwiet u 
												bil-qawwa”, 
												ma tfittix għaliha xejn ħlief li 
												tkun tista’ b’mod ħieles tħabbar 
												l-Evanġelju.  Fil-fatt hi 
												tħaddem l-awtorità tagħha 
												għall-qadi tal-verità u 
												tal-imħabba. 
												
												
												Jien 
												stess għandi l-ħsieb li 
												nġib 
												il-quddiem kull 
												inizjattiva adatta biex 
												ix-xhieda tal-komunità Kattolika 
												kollha kemm hi tiftiehem 
												fis-safa u l-koerenza kollha 
												tagħha, speċjalment meta nqis 
												l-impenn li qed jistenna 
												lill-Knisja fuq l-għatba 
												tat-tielet elf sena.  Din tkun 
												okkażjoni eċċezzjonali u 
												għalhekk qed titlob lill-Mulej 
												biex ikabbar l-għaqda tal-Insara 
												kollha sakemm jilħqu xirka sħiħa 
												bejniethom.  
												Din l-enċiklika għandha titqies 
												bħala kontribut għal dan 
												il-ħsieb hekk nobbli.  Hi 
												enċiklika essenzjalment 
												pastorali u trid tqawwi l-qalb 
												ta’ dawk kollha li qed jaħdmu 
												favur l-għaqda. 
												
												
												4.  Dan hu dmir speċifiku 
												tal-Isqof ta’ Ruma, bħala 
												Suċċessur tal-Appostlu San 
												Pietru.  Qed naqdi dan id-dmir 
												b’konvinzjoni sħiħa li hekk qed 
												nobdi lill-Mulej u b’sens ċar 
												ħafna tad-dgħufija tiegħi.  Jekk 
												Kristu nnifsu ta lil Pietru din 
												il-missjoni speċjali fil-Knisja 
												biex iwettaq lil
												ħutu, 
												urieħ ċar ukoll 
												id-dgħufija tiegħu bħala 
												bniedem, u l-ħtieġa speċjali li 
												jikkonverti:  “Meta terġa’ lura 
												għas-sewwa, wettaq lil ħutek” 
												(Lq 22:32).  Hu propju 
												fid-dgħufija ta’ San Pietru 
												bħala bniedem, li l-Papa, biex 
												jaqdi dan il-ministeru speċjali 
												tiegħu fil-Knisja, jiddependi 
												għal kollox mill-grazzja 
												tal-Mulej u mit-talb:  “Jien 
												tlabt għalik, biex il-fidi 
												tiegħek ma tiġix nieqsa” (Lq 
												22:32).  Il-konverżjoni ta’ San 
												Pietru u tas-Suċċessur tiegħu hi 
												mwettqa mit-talba stess 
												tal-Feddej, u l-Knisja bla heda 
												tagħmel tagħha din it-talba.  
												F’dan iż-żmien ekumeniku tagħna, 
												immarkat mill-Konċilju Vatikan 
												II, il-missjoni tal-Isqof ta’ 
												Ruma hi b’mod partikulari 
												diretta biex tfakkar il-ħtieġa 
												ta’ għaqda sħiħa bejn 
												id-dixxipli kollha ta’ Kristu. 
												
												
												L-isqof ta’ Ruma nnifsu għandu 
												bil-ħeġġa kollha jagħmel tiegħu 
												t-talba ta’ Kristu għal din 
												il-konverżjoni, li “Pietru” ma 
												jistax jgħaddi mingħajrha, jekk 
												irid jaqdi lil ħutu.  Bil-ħeġġa 
												kollha nistieden lill-Insara 
												tal-Knisja Kattolika u l-Insara 
												kollha biex jissieħbu f’din 
												it-talba.  Jalla kulħadd 
												jissieħeb miegħi fit-talb għal 
												din il-konverżjoni. 
												
												
												Nafu li l-Knisja 
												fil-pellegrinaġġ tagħha 
												fid-dinja ġarrbet u għad 
												iġġarrab oppożizzjoni u 
												persekuzzjoni, iżda t-tama li 
												twettaqha hi soda fuq li soda 
												kif il-ferħ li jiġi minn din 
												it-tama ma jinqered qatt.  Dan 
												għaliex il-blata li fuqha hi 
												mibnija hu Ġesù Kristu Sidna u 
												hi soda u tibqa’ għal dejjem.
												 
												
												
												  
												
												
												
												KAP I 
												
												
												
												L-IMPENN TAL-KNISJA KATTOLIKA 
												FL-EKUMENIŻMU 
												
												
												
												Il-pjan ta’ Alla u l-għaqda 
												
												
												5.  Flimkien mad-dixxipli kollha 
												ta’ Kristu, il-Knisja Kattolika 
												tibni l-impenn tagħha ħa twassal 
												l-Insara kollha għall-għaqda 
												skont il-pjan ta’ Alla.  Dan 
												għaliex il-Knisja mhijiex xi 
												realtà li tingħalaq fiha 
												nnifisha. 
												Anzi 
												hi dejjem miftuħa għall-ħidma 
												missjunarja u ekumenika, għax 
												intbagħtet fid-dinja biex 
												tħabbar u tagħti xhieda, biex 
												twassal u xxerred il-misteru 
												tal-għaqda li hu essenzjali 
												għaliha, u biex tiġbor 
												il-bnedmin kollha u kull ħaġa fi 
												Kristu, ħalli tkun għal kulħadd 
												“sagrament ta’ għaqda li qatt ma 
												tiġi fix-xejn”.
												 
												
												
												Sa mit-Testment il-Qadim, 
												il-profeta Eżekjel, huwa u 
												jsemmi l-qagħda tal-Poplu ta’ 
												Alla f’dak iż-żmien, jagħmel użu 
												mill-eżempju sempliċi ta’ żewġ 
												injamiet, l-ewwel mifrudin minn 
												xulxin u mbagħad magħqudin 
												bejniethom, biex ifisser 
												ir-rieda ta’ Alla li “jiġbor 
												minn kull naħa” l-membri 
												tal-poplu tiegħu li kienu 
												xterdu.  “Jiena nkun Alla 
												tagħhom u huma jkunu l-poplu 
												tiegħi.  Imbagħad jagħarfu 
												l-ġnus li jiena l-Mulej li 
												nqaddes lil Israel” (ara Eżek 
												37:16-28).  L-Evanġelju ta’ San 
												Ġwann, min-naħa tiegħu, huwa u 
												jqis il-qagħda tal-Poplu ta’ 
												Alla fiż-żmien li fih inkiteb, 
												jara fil-mewt ta’ Ġesù r-raguni 
												tal-għaqda ta’ wlied Alla.  
												“Ġesù kellu jmut għall-ġens 
												kollu, u mhux għall-ġens tiegħu 
												biss, imma wkoll biex jiġbor 
												ġemgħa waħda l-ulied Alla li 
												kienu mxerrdin” (11:51-52).  
												Fil-fatt, kif tfisser l-Ittra 
												lill-Efesin, Ġesù “ġarraf 
												il-ħajt li kien jifridna...  
												permezz tas-Salib li bih qered 
												il-mibegħda ta’ bejnietna”; fejn 
												kien hemm il-firda, ġieb 
												l-għaqda (ara, 2:14-16). 
												
												
												6.  L-għaqda tal-ġens mifrud 
												tal-bnedmin iridha Alla.  
												Għalhekk bagħat ’l Ibnu biex 
												bil-mewt u l-qawmien tiegħu 
												għalina jagħtina l-Ispirtu 
												tal-imħabba.  Lejlet 
												is-sagrifiċċju tiegħu fuq 
												is-Salib, Ġesù talab 
												lill-Missier għad-dixxipli 
												tiegħu u għal dawk kollha li 
												jemmnu fih, biex ikunu 
												ħaġa waħda, għaqda ħajja.  
												Dan hu l-pedament mhux biss 
												tad-dmir imma wkoll 
												tar-responsabbilità, quddiem 
												Alla, quddiem il-pjan tiegħu, 
												ta’ dawk kollha li 
												bil-Magħmudija saru membri 
												tal-Ġisem ta’ Kristu, Ġisem li 
												fih trid tidher il-milja 
												tar-rikonċiljazzjoni u 
												l-għaqda.  Kif jista’ jkun li 
												nibqgħu mifrudin, aħna li 
												bil-Magħmudja “ndfinna” fil-mewt 
												tal-Mulej, f’dak l-għemil stess 
												li bih Alla, bil-mewt ta’ Ibnu, 
												ġarraf il-ħitan tal-firda?  
												Il-firda tmur “direttament 
												kontra r-rieda ta’ Alla, hi 
												skandlu għad-dinja, u hi ta’ 
												ħsara kbira għat-tħabbira 
												mqaddsa tal-Bxara t-Tajba 
												lill-ħolqien kollu”. 
												
												
												
												It-triq tal-ekumeniżmu:  it-triq 
												tal-Knisja 
												
												
												7.  “Is-Sid taż-żminijiet kollha 
												bl-għerf u s-sabar kollu jfassal 
												il-pjan tal-grazzja tiegħu 
												għalina l-midinbin.  F’dawn 
												l-aħħar żminijiet, b’id aktar 
												miftuħa, beda jagħti sogħba 
												lill-Insara mifrudin minħabba 
												l-firdiet tagħhom u ħerqa 
												għall-għaqda.  Kullimkien għadd 
												kbir ta’ nies ħassew il-qawwa 
												ta’ din il-grazzja, u fost ħutna 
												l-mifrudin ukoll minn jum 
												għall-ieħor qed jikber 
												moviment, imqanqal 
												mill-grazzja tal-Ispirtu 
												s-Santu, biex terġa sseħħ 
												l-għaqda bejn l-Insara kollha.  
												Huma mseħbin f’dan il-moviment, 
												imsejjaħ ekumeniku, dawk kollha 
												li jitolbu ’l Alla wieħed fi 
												Tliet Persuni, u jistqarru li 
												Ġesù hu Mulej u Salvatur.  
												Jissieħbu magħna mhux biss bħala 
												individwi imma wkoll bħala 
												membri u gruppi kostitwiti, fejn 
												jisimgħu l-Evanġelju, u kull 
												wieħed iqishom bħala l-Knisja 
												tiegħu u l-Knisja wkoll ta’ 
												Alla.  U madankollu tista’ tgħid 
												kulħadd, għalkemm mhux bl-istess 
												mod, jixtieq li jkun hemm 
												Knisja waħda ta’ Alla li tidher, 
												Knisja verament universali, 
												mibgħuta fid-dinja kollha biex 
												id-dinja ddur lejn l-Evanġelju u 
												ssalva, għall-glorja ta’ Alla.” 
												
												
												8.  Kliem id-Digriet Unitatis 
												Redintegratio jrid jinqara 
												skont il-ħsieb kollu tat-tagħlim 
												tal-Konċilju Vatikan II.  
												Il-Konċilju juri d-deċiżjoni 
												tal-Knisja li tindaħal 
												għall-ħidma ekumenika biex iġġib 
												l-għaqda bejn l-Insara u 
												tipproponiha b’konvinzjoni u 
												qawwa.  “Il-Konċilju mqaddes 
												iħeġġeġ lill-fidili Kattoliċi 
												kollha biex jagħrfu s-sinjali 
												taż-żminijiet u jissieħbu 
												b’ħeġġa fil-ħidma 
												tal-ekumeniżmu”. 
												 
												
												
												Id-Digriet Unitatis 
												Redintegratio, meta juri 
												liema huma l-prinċipji Kattoliċi 
												tal-ekumeniżmu, ifakkar qabel 
												kollox, it-tagħlim tal-Knisja 
												kif hu mfisser fil-Kostituzzjoni 
												Dommatika Lumen Gentium 
												fil-kapitlu dwar il-Poplu ta’ 
												Alla.  
												Fl-istess waqt iqis ukoll kull 
												ma ntqal fid-Dikjarazzjoni 
												tal-Konċilju dwar il-Libertà 
												Reliġjuża Dignitatis Humanae. 
												
												
												Il-Knisja Kattolika tħaddan 
												bit-tama l-impenn 
												għall-ekumeniżmu bħala dmir 
												tal-kuxjenza nisranija, mdawwla 
												bil-fidi u mmexxija 
												mill-imħabba.  Hawn ukoll 
												nistgħu nużaw kliem San Pawl 
												lill-ewwel Insara ta’ Ruma: 
												“L-imħabba ta’ Alla ssawwbet fi 
												qlubna permezz tal-Ispirtu 
												s-Santu, li kien mogħti lilna”, 
												għalhekk “it-tama ma tqarraqx 
												bina” (Rum 5:5).  Hi t-tama 
												tal-għaqda tal-Insara li għandha 
												l-bidu tagħha fl-għaqda 
												tat-Trinità Qaddisa tal-Missier, 
												tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. 
												
												
												9.  Ġesù nnifsu, fil-ħin 
												tal-Passjoni tiegħu, talab:  “Ha 
												jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17: 
												21).  Din l-għaqda li l-Mulej ta 
												lill-Knisja tiegħu u li biha 
												jrid iħaddan il-ġnus kollha, 
												mhijiex xi ħaġa żejda, imma hi 
												fil-qalba tal-missjoni ta’ 
												Kristu.  U lanqas hi xi kwalità 
												sekondarja tal-komunità 
												tad-dixxipli tiegħu, imma hi 
												parti essenzjali ta’ din 
												il-komunità.  Alla jrid 
												il-Knisja, għax irid l-għaqda, u 
												l-għaqda hija l-espressjoni 
												l-aktar għolja tal-agape 
												tiegħu.        
												
												
												Fil-fatt, l-għaqda mogħtija 
												mill-Ispirtu s-Santu mhijiex 
												biss ġemgħa ta’ nies miġburin 
												flimkien bħala individwi.  Hija 
												għaqda li sseħħ bir-rabtiet 
												tal-istqarrija tal-fidi, 
												tas-sagramenti, u tax-xirka 
												ġerarkika.  
												L-Insara huma ħaġa waħda 
												għaliex, fl-Ispirtu, huma f’għaqda 
												mal-Iben, u fih għandhom sehem 
												fl-għaqda tiegħu 
												mal-Missier: 
												“L-għaqda tagħna tkun 
												mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù 
												Kristu” (1 Gw 1:3).  
												Għall-Knisja Kattolika mela, l-għaqda 
												tal-Insara mhijiex ħlief 
												id-dehra fihom tal-grazzja li 
												biha Alla jagħtihom sehem fl-għaqda 
												tiegħu li hi l-ħajja ta’ dejjem 
												tiegħu.  Kliem Kristu, “ha jkunu 
												lkoll ħaġa waħda”, hu għalhekk 
												talba lill-Missier biex il-pjan 
												tal-Missier iseħħ kollu kemm hu, 
												b’mod li kulħadd ikun jista’ 
												jara “il-pjan tal-misteru li 
												kien moħbi sa minn mijiet ta’ 
												snin f’Alla li ħalaq kollox” (Ef 
												3:9).  Temmen fi Kristu jfisser 
												tixtieq l-għaqda:  tixtieq 
												l-għaqda jfisser tixtieq 
												il-Knisja; tixtieq il-Knisja 
												jfisser tixtieq ix-xirka 
												tal-grazzja li hi l-pjan ta’ 
												Alla minn dejjem ta’ dejjem.  
												Dan tfisser it-talba ta’ 
												Kristu:  ut umun sint. 
												
												
												10.  Fil-qagħda ta’ llum, 
												bin-nuqqas tal-għaqda bejn 
												l-Insara u t-tħabrik kollu tama 
												ha sseħħ għaqda sħiħa, l-Insara 
												Kattoliċi jħossu li s-Sid 
												tal-Knisja qed jimpenjaha 
												bil-qawwa kollha.  Il-Konċilju 
												Vatikan II saħħaħ dan l-impenn 
												permezz ta’ dehra ekkleżjoloġika 
												ċara, miftuħa għall-valuri 
												Ekkleżjali kollha li jinsabu 
												fost l-Insara l-oħra.  L-Insara 
												Kattoliċi jħarsu lejn 
												il-kwistjoni ekumenika bi spirtu 
												ta’ fidi.  Il-Konċilju jgħid li 
												l-Knisja ta’ Kristu “issib 
												il-milja tagħha fil-Knisja 
												Kattolika mmexxija mis-Suċċessur 
												ta’ San Pietru u mill-Isqfijiet 
												f’xirka miegħu” u fl-istess waqt 
												tagħraf li “ħafna elementi ta’ 
												qdusija u ta’ verità jinsabu 
												barra l-istruttura visibbli 
												tagħha:  dawn l-elementi bħala 
												doni tal-Knisja ta’ Kristu, 
												iwasslu għall-għaqda fil-Knisja 
												Kattolika”. 
												
												
												“Minn dan joħroġ li l-Knejjes u 
												l-Komunitajiet mifrudin minna, 
												għalkemm aħna nemmu li huma 
												mġarrbin minn xi nuqqasijiet, 
												bl-ebda mod ma ġew imċaħħdin 
												mit-tifsir u s-siwi tagħhom 
												fil-misteru tas-salvazzjoni.  
												Għax l-Ispirtu ta’ Kristu ma 
												ċaħadx jużahom bħala mezzi ta’ 
												salvazzjoni, li jiksbu l-qawwa 
												kollha tagħhom mill-milja 
												tal-grazzja u tal-verità fdata 
												lill-Knisja Kattolika”. 
												
												
												11.  Għalhekk il-Knisja 
												Kattolika ttenni li tul l-elfejn 
												sena tal-istorja tagħha żammet 
												l-għaqda, bil-mezzi kollha li 
												bihom Alla jogħġbu jagħni 
												l-Knisja tiegħu, u dan minkejja 
												l-kriżijiet spiss kbar li 
												ġarrbuha, l-infedeltà ta’ xi 
												whud mill-ministri tagħha, u 
												l-ħtijiet li fihom jaqgħu kuljum 
												il-membri tagħha.  Il-Knisja 
												Kattolika taf li, bil-qawwa li 
												tiġi mill-Ispirtu, id-dgħufija 
												tagħha, il-medjokrità, 
												id-dnubiet u xi drabi 
												t-tradimenti ta’ xi wħud minn 
												uliedha ma jistgħu qatt jeqirdu 
												dak li Alla taha bħala parti 
												mill-pjan tiegħu ta’ grazzja.  
												“Is-setgħat tal-infern ma 
												jegħelbuhiex” (Mt 16:18).  
												Madankollu, il-Knisja Kattolika 
												ma tinsiex li ħafna fost 
												il-membri tagħha qed idallmu 
												l-pjan ta’ Alla.  Id-Digriet 
												dwar l-Ekumeniżmu, meta 
												jitkellem dwar in-nuqqas ta’ 
												għaqda fost l-Insara ma jiċħadx 
												li l-ħtija hi ta’ “nies miż-żewġ 
												naħat”, 
												u jammetti li r-responsabbiltà 
												tal-firda m’għandhiex taqa’ fuq 
												“l-oħrajn” biss.  Iżda, 
												bil-grazzja ta’ Alla, la dak li 
												hu parti mill-istruttura 
												tal-Knisja ta’ Kristu u lanqas 
												ix-xirka li għad hemm 
												mal-Knejjes u mal-Komunitajiet 
												Ekkleżjali l-oħra ma nqerdux. 
												
												
												Anzi l-elementi ta’ qdusija u 
												ta’ verità li jinsabu 
												fil-Komunitajiet Insara l-oħra, 
												elementi li jvarjaw fil-grad 
												minn Komunità għall-oħra, huma 
												l-pedament oġġettiv tal-għaqda 
												li, għalkemm mhux perfetta, 
												teżisti bejniethom u mal-Knisja 
												Kattolika. 
												
												
												Il-Knisja ta’ Kristu hi 
												effettivament preżenti 
												fil-Komunitajiet Insara l-oħra, 
												daqskemm jinsabu fihom dawn 
												l-elementi.  Hu għalhekk li 
												l-Konċilju Vatikan II jitkellem 
												dwar ċerta għaqda, għalkemm mhux 
												perfetta.  Il-Kostituzzjoni 
												Dommastika Lumen Gentium 
												tinsisti li l-Knisja Kattolika 
												“tagħraf li hi marbuta b’ħafna 
												modi” 
												ma’ dawk il-Komunitajiet 
												b’għaqda fl-Ispirtu s-Santu. 
												
												
												12.  Din l-istess Kostituzzjoni 
												Dommatika semmiet fit-tul 
												“l-elementi ta’ qdusija u ta’ 
												verità” li b’ħafna modi jinsabu 
												u qed jaħdmu barra l-limiti 
												tal-Knisja Kattolika.  “Għax 
												hemm ħafna li jagħtu ġieħ 
												lill-Iskrittura Mqaddsa u 
												jqisuha bħala norma ta’ twemmin 
												u ta’ ħajja, u juru vera ħeġġa 
												reliġjuża.  Jemmnu b’imħabba 
												fil-Missier Alla li jista’ 
												kollox u fi Kristu, l-Iben ta’ 
												Alla u Salvatur.  Huma 
												kkonsagrati bil-Magħmudija li 
												biha huma magħqudin ma’ Kristu.  
												Jagħarfu u jirċievu sagramenti 
												oħra fi ħdan il-Knejjes jew 
												Komunitajiet Ekkleżjali 
												tagħhom.  Ħafna minnhom jifirħu 
												fl-episkopat, jiċċelebraw 
												l-Ewkaristija, jgħożżu 
												d-devozzjoni lejn il-Verġni Omm 
												Alla.  Hemm għaqda magħna 
												fit-talb u f’ġid spiritwali 
												ieħor.  Nistgħu ngħidu wkoll li 
												huma marbutin magħna fl-Ispirtu, 
												għax lilhom ukoll jagħti d-doni 
												u l-grazzji tiegħu, u hekk qed 
												jaħdem fosthom bil-qawwa tiegħu 
												li tqaddes.  Lil xi wħud minnhom 
												qawwihom tant li xerrdu 
												demmhom.  Fid-dixxipli kollha 
												ta’ Kristu l-Ispirtu jqanqal 
												ix-xewqa biex jingħaqdu 
												fis-sliem flimkien, kif Kristu 
												jrid, bħal merħla waħda taħt 
												ragħaj wieħed”. 
												
												
												Id-Digriet tal-Konċilju dwar 
												l-Ekumeniżmu, meta tkellem dwar 
												lill-Knejjes Ortodossi, wasal 
												biex jgħid li “permezz 
												taċ-ċelebrazzjoni 
												tal-Ewkaristija tal-Mulej f’kull 
												waħda minn dawn il-Knejjes, 
												il-Knisja ta’ Alla tinbena u 
												tikber”.  
												Il-verità titlob li dan kollu 
												jkun magħruf. 
												
												
												13.  L-istess dokument 
												Unitatis Redintegratio juri 
												fil-qosor x’tifsir għandha din 
												l-għaqda għad-duttrina.  Meta 
												jitkellem dwar il-membri ta’ 
												dawn il-Komunitajiet jgħid:  
												“Dawk li kisbu l-ġustifikazzjoni 
												bil-fidi permezz tal-Magħmudija, 
												saru ġisem wieħed ma’ Kristu.  
												Għandhom għalhekk id-dritt li 
												jissejħu Insara u, bir-raġun 
												kollu għandhom jitqiesu bħala 
												aħwa fil-Mulej minn ulied 
												il-Knisja Kattolika”. 
												
												
												Dwar il-ħafna elementi pożitivi 
												li jinsabu fil-Knejjes u 
												l-Komunitajiet Ekkleżjali 
												l-oħra, id-Digriet iżid jgħid:  
												“Dan kollu, kull ma jiġi minn 
												Kristu u jwassal lura
												lejh, 
												hu bid-dritt kollu tal-Knisja 
												waħda ta’ Kristu.  L-aħwa 
												mifrudin ukoll jagħmlu mhux ftit 
												għemejjel mqaddsa tar-reliġjon 
												Nisranija.  Hu żgur li dawn 
												l-għemejjel, li, jvarjaw skont 
												il-qagħda ta’ kull Knisja u 
												Kommunità, jistgħu jnisslu 
												l-ħajja tal-grazzja u bir-raġun 
												kollu nistgħu ngħidu li kapaċi 
												jagħtu d-dħul fix-xirka 
												tas-salvazzjoni”. 
												
												
												Dawn huma siltiet ekumeniċi 
												importanti ħafna.  Ma hemmx xi 
												vojt ekkleżjali barra l-limiti 
												tal-komunità Kattolika.  Ħafna 
												elementi ta’ siwi kbir li 
												fil-Knisja Kattolika huma parti 
												mill-milja ta’ mezzi ta’ 
												salvazzjoni u tad-doni 
												tal-grazzja li jagħmlu l-Knisja, 
												insibuhom ukoll fil-Komunitajiet 
												Insara l-oħra. 
												
												
												14.  Dawn l-elementi minnhom 
												infushom jiġbdu lejn l-għaqda, 
												għax fl-għaqda tinsab il-milja 
												kollha tagħhom.  Hawn mhux 
												ngħoddu l-għana kollu li jinsab 
												imxerred fil-ħafna Komunitajiet 
												Insara biex naslu għal dik 
												il-Knisja tal-ġejjieni li Alla 
												għandu fi ħsiebu.  Skont 
												it-Tradizzjoni kbira, li tagħha 
												huma xhieda Missirijiet 
												il-Knisja tal-Lvant u 
												tal-Punent, il-Knisja Kattolika 
												temmen li fil-ġrajja ta’ Għid 
												il-Ħamsin, Alla ġa wera l-Knsija 
												fir-realtà eskatoliġika tagħha, 
												li hu ħejja “sa minn żmien Abel, 
												il-ġust”.  
												Din ir-realtà hi ħaġa li ġa ġiet 
												mogħtija.  Għalhekk issa ġa 
												qegħdin fl-aħħar żminijiet.  
												Dawn l-elementi ta’ din 
												il-Knisja li ġa ġew mogħtija 
												jinsabu fil-milja kollha tagħhom 
												fil-Knisja Kattolika u mingħajr 
												din il-milja, fil-Komunitajiet 
												l-oħra, 
												fejn ċerti aspetti tal-misteru 
												nisrani xi drabi dehru b’mod 
												aktar effikaċi.  L-għan 
												tal-ekumeniżmu hu propju dak li 
												jwassal għall-għaqda sħiħa 
												fil-verità u l-imħabba, l-għaqda 
												parzjali li ġa teżisti bejn 
												l-Insara. 
												
												
												
												Tiġdid u konverżjoni 
												
												
												15.  Il-Konċilju Vatikan II, 
												wara li semma’ l-prinċipju u 
												d-dmirijiet tal-kuxjenza 
												Nisranija, għadda biex isemmi 
												l-mixi tal-ekumeniżmu lejn 
												l-għaqda.  U nsista l-aktar 
												fuq il-ħtieġa tal-konverżjoni 
												tal-qalb.  It-tħabbira 
												messjanika li ż-żmien huwa 
												mitmum u s-Saltna ta’ Alla 
												waslet, u mbagħad is-sejħa ta’ 
												wara:  “Indmu  u emmnu fil-Bxara 
												t-Tajba” (Mk 1:15), li biha Ġesù 
												beda l-missjoni tiegħu, juru 
												liema hu l-element essenzjali 
												ta’ kull bidu ġdid:  il-ħtieġa 
												fundamentali 
												tal-evanġelizzazzjoni f’kull 
												pass tal-mixja tas-salvazzjoni 
												tal-Knisja.  Dan b’mod speċjali 
												hu veru għall-proċess mibdi 
												mill-Konċilju Vatikan II meta 
												wera, bħala dimensjoni 
												għat-tiġdid, il-ħidma ekumenika 
												għall-għaqda tal-Insara 
												mifrudin.  “Ma jistax ikun 
												hemm veru ekumeniżmu 
												mingħajr bidla fil-qlub”.
												 
												
												
												Il-Konċilju jistieden kemm 
												għall-konverżjoni individwali u 
												kemm għall-konverżjoni 
												komunitarja.  Ix-xewqa ta’ kull 
												Komunità Nisranija għall-għaqda 
												trid tmur id f’id mal-fedeltà 
												tagħha lejn l-Evanġelju.  
												Fil-każ ta’ individwi li qed 
												jgħixu l-vokazzjoni Nisranija 
												tagħhom, il-Konċilju jitkellem 
												dwar konverżjoni tal-qalb, dwar 
												tiġdid fil-fehmiet. 
												
												
												Mela kull individwu jrid ikun 
												konvertit b’mod aktar radikali 
												għall-Evanġelju, u jbiddel 
												il-mod kif iħares lejn kull 
												ħaġa, mingħajr qatt ma jinsa 
												l-pjan ta’ Alla.  Permezz 
												tal-ekumeniżmu, 
												il-kontemplazzjoni tagħna 
												“tal-għemejjel kbar ta’ Alla 
												“stagħniet b’orizzonti ġodda, li 
												għalihom Alla wieħed fi Tliet 
												Persuni qed jistedinna nroddu 
												ħajr:  l-għarfien li l-Ispirtu 
												qed jaħdem f’Komunitajiet Insara 
												oħra, l-iskoperta ta’ eżempji 
												ta’ qdusija, l-esperjenza 
												tal-għana bla qies li tinsab 
												fix-xirka tal-Qaddisin, u 
												l-kuntatti ma’ dimensjonijiet 
												ta’ mpenn Nisrani li ma kinux 
												mistennija.  Min-naħa l-oħra, 
												hemm sentiment dejjem akbar 
												tal-ħtieġa tal-indiema:  
												l-għarfien ta’ ċertu twarrib li 
												jagħmel ħsara sewwa lill-imħabba 
												bejn l-aħwa, ċerti ċaħdiet ta’ 
												maħfra, ċerta suppervja, 
												insistenza xejn evanġelika biex 
												tiġi kkundannata “n-naħa 
												l-oħra”, stmerrija ġejja minn 
												prużunżjoni li ma hi xejn 
												sabiħa.  Hekk, il-ħajja kollha 
												kemm hi tal-Insara tingħaraf 
												minn ħerqa għall-ekumeniżmu, u 
												huma msejħin, biex ngħid hekk, 
												ħa jiġu ffurmati minnha. 
												
												
												16.  Fit-tagħlim tal-Konċilju 
												Vatikan II hemm rabta ċara bejn 
												tiġdid, ekumeniżmu u riforma.  
												Il-Konċilju jgħid li “qed 
												isejjaħ lill-Knisja, 
												fil-pellegrinaġġ tagħha 
												fid-dinja, għal dak it-tiġdid 
												dejjem sejjer u dejjem meħtieġ, 
												għax hi istituzzjoni ta’ bnedmin 
												hawn fuq l-art.  Għalhekk, jekk 
												xi ħwejjeġ ma tħarsux bir-reqqa 
												kollha... dawn għandhom jiġu 
												korretti sewwa u meta jkun 
												il-waqt”.  
												Ebda Komunità Nisranija ma 
												tista’ tħoss li mhux imsejħa 
												għal dan. 
												
												
												Permezz ta’ djalogu sinċier u 
												ħieles il-Komunitajiet jistgħu 
												jgħinu biex jagħarfu ’l xulxin 
												fid-dawl tat-Tradizzjoni 
												tal-Appostli.  Din twassalhom 
												biex jistaqsu lilhom infushom 
												jekk tassew humiex ifissru sewwa 
												kull mal-Ispirtu Qaddis 
												għaddielna permezz tal-Appostli.  
												Dwar il-Knisja Kattolika jien 
												fakkart spiss dawn il-ħtiġijiet 
												u dawn il-prospetti, kif 
												għamilt, biex insemmi eżempju, 
												fl-anniversarju tal-Magħmudija 
												tar-Rus ta’ Kiev 
												jew meta fakkart il-ħdax-il mitt 
												sena mill-ħidma evanġelika ta’ 
												San Ċirillu u San Metodju.  
												Aktar qrib illum id-Direttorju 
												għall-applikazzjoni 
												tal-Prinċipji u n-Normi dwar 
												l-Ekumeniżmu, ħareġ, 
												bl-approvazzjoni tiegħi, 
												mill-Kunsill Pontifiċju biex 
												iġġib il-quddiem l-Għaqda 
												tal-Insara ħalli dawn 
												il-ħtiġijiet u dawn il-prospetti 
												jseħħu fit-prattika. 
												
												
												17.  Dwar l-Insara l-oħra 
												d-dokumenti ewlenin 
												tal-Kummissjoni dwar Fidi u 
												Xirka, 
												u d-dikjarazzjonijiet li ħarġu 
												minn ħafna djalogi bilaterali ġa 
												taw lill-Komunitajiet Insara 
												għodda mill-aħjar biex jagħarfu 
												dak li hu meħtieġ għall-moviment 
												ekumeniku u għall-konverżjoni li 
												għandu jħajjar għaliha.  Dawn 
												l-istudji huma importanti għal 
												żewġ raġunijiet:  juru 
												x’progress kbir sar u huma għajn 
												ta’ tama għaliex juru pedament 
												sod għal aktar studju u studju 
												aktar fil-fond. 
												
												
												It-tisħib dejjem aktar jiżdied 
												f’tiġdid ma jieqaf qatt u 
												magħmul fid-dawl tat-Tradizzjoni 
												tal-Appostli, huwa żgur, 
												fiċ-ċirkostanzi ta’ llum 
												tal-Insara, wieħed mill-aspetti 
												l-aktar singulari u l-aktar 
												importanti tal-ekumeniżmu.  U 
												huwa wkoll garanżija essenzjali 
												għall-ġejjieni.  Il-fidili 
												tal-Knisja Kattolika ma jistgħux 
												jinsew li l-moviment ekumeniku 
												tal-Konċilju Vatikan II huwa 
												l-frott ta’ dak kollu li dak 
												iż-żmien il-Knisja Kattolika 
												impenjat li tagħmel biex 
												tgħarbel lilha infisha fid-dawl 
												tal-Evanġelju u tat-Tradizzjoni 
												kbira.  Il-Papa ta’ qabli, 
												Ġwanni XXIII fehem dan b’mod 
												tassew ċar:  meta sejjaħ 
												il-Konċilju, u ma riedx jifred 
												l-aġġornament mill-ftuħ 
												ekumeniku.  
												Fl-għeluq tal-Konċilju, il-Papa 
												Pawlu VI b’mod solenni ssiġilla 
												l-impenn tal-Konċilju favur 
												l-ekumeniżmu billi ġedded 
												id-djalogu ta’ mħabba 
												mal-Knejjes li huma f’xirka 
												mal-Patrijarka ta’ 
												Kostantinopli, u ngħaqad 
												mal-Patrijarka biex, b’għemil li 
												jfisser ħafna, “jikkundanna 
												b’mod li tintesa għal kollox” u 
												li “titneħħa mit-tifkira 
												l-Knisja” l-iskomunika 
												tal-imgħoddi.  Ta’ min ifakkar 
												li t-twaqqif ta’ kummissjoni 
												speċjali għall-kwistjonijiet 
												ekumeniċi ħabtet mal-bidu 
												tat-tħejjijiet għall-Konċilju 
												Vatikan II.  
												U permezz ta’ din il-Kummissjoni 
												l-fehmiet u l-ġudiżżji 
												tal-Komunitatjiet Insara l-oħra 
												kellhom sehem 
												fid-diskussjonijiet kbar li sar 
												fil-Konċilju dwar 
												ir-rivelazzjoni, il-Knisja, 
												in-natura tal-ekumeniżmu u 
												l-libertà reliġjuża. 
												
												
												
												L-importanza fondamentali 
												tad-duttrina 
												
												
												18.  Id-Digriet dwar 
												l-Ekumeniżmu għamel tiegħu 
												l-ħsieb tal-Papa Ġwanni XXIII 
												fil-ftuħ tal-Konċilju 
												u jsemmi l-mod kif għandha tiġi 
												mfissra d-duttrina bħala wieħed 
												mill-elementi ta’ tiġdid dejjem 
												sejjer.  
												Din mhijiex kwistjoni dwar bdil 
												tad-depożitu tal-fidi, bdil 
												fit-tfissir tad-dommi, tneħħija 
												ta’ kliem essenzjali minnhom, 
												adattament tal-verità 
												għal-preferenzi ta’ żmien 
												partikulari, tneħħija ta’ xi 
												artikoli tal-Kredu bl-iskuża li 
												llum ma jiftehmux aktar.  
												L-għaqda li jrid Alla tinkiseb 
												biss billi kulħadd iħaddan 
												il-verità rivelata kollha kemm 
												hi b’kull ma fiha. 
												
												F’materja ta’ fidi, kull 
												kompromess imur kontra r-rieda 
												ta’ Alla li huwa l-Verità fih 
												innifsu.  Fil-Ġisem ta’ Kristu, 
												li hi “t-Triq, il-Verità u 
												l-Ħajja” (Ġw 14:6) min se jqis 
												ġusta rikonċiljazzjoni li 
												tinkiseb bis-sagrifiċċju 
												tal-verita?  Id-Dikjarazzjoni 
												tal-Konċilju dwar il-libertà 
												tal-bniedem Dignitatis 
												Humanae tgħid li hu dmir 
												id-dinjità tal-bniedem 
												it-tfittix tal-verità 
												speċjalment “dwar dak kollu li 
												għandu x’jaqsam ma’ Alla u 
												l-Knisja tiegħu” 
												u r-rabta ma’ dak li titlob 
												il-verità.  Il-fatt “li nkunu 
												flimkien” b’mod li nkunu niċħdu 
												l-verità kontra kemm in-natura 
												ta’ Alla li jagħtina l-għaqda 
												tiegħu, u kemm kontra l-ħtieġa 
												tal-verità li tinsab fil-fond 
												tal-qalb ta’ kull bniedem. 
												
												
												19.  Iżda d-duttrina trid tiġi 
												preżentata b’mod li tista’ 
												tiftiehem minn dawk li Alla 
												jridha għalihom.  Fl-Enċiklika 
												tiegħi Slavorum Apostoli 
												fakkart li propju din kienet 
												ir-raġuni għaliex San Ċirillu u 
												San Metodju ħabirku biex l-ideat 
												bibliċi u l-fehmiet teoloġiċi 
												Griegi jiġu mfissra b’mod 
												korrett lil nies li kienu jaħsbu 
												mod ieħor u kellhom esperjenza 
												storika oħra.  Riedu jwasslu 
												l-Kelma waħdanija ta’ Alla 
												“bil-mod kif kull kultura 
												tesprimi ruħha”.  
												Għarfu li ma setgħux “jimponu 
												fuq il-ġnus li fosthom intbagħtu 
												jxandru l-Evanġelju, l-ilsien 
												Grieg u l-kultura Biżantina, li 
												żgur kienu aqwa mill-ilsien u 
												l-kultura tas-Slavi, u jdaħħlu 
												fosthom id-drawwiet u s-sura ta’ 
												ħajja tas-soċjetà aktar 
												progredita li fiha trabbew”.  
												B’dan il-mod wettqu “dik 
												ix-xirka sħiħa fl-imħabba li 
												tħares lill-Knisja minn kull 
												sura ta’ partiġjaniżmu, ta’ 
												esklusiviżmu etniku, ta’ 
												preġudiżżji razzjali, u minn 
												nazzjonaliżmu esaġerat”.  
												Bl-istess spirtu ma ħsibtiex 
												darbtejn biex ngħid lill-Popli 
												Aboriġeni tal-Awstralja:  “Ma 
												għandkomx tkunu maqsumin f’żewġ 
												partijiet... Ġesù jsejħilkom 
												biex tilqgħu kliemu u l-valuri 
												tiegħu fil-kultura propja 
												tagħkom”.  
												Minħabba n-natura tal-fidi, kull 
												ma fiha hu għall-umanità kollha, 
												u jrid jidħol f’kull kultura.  
												Fil-fatt, l-element li jġib 
												l-għaqda fil-verità, hu t-tifsir 
												tal-verità.  Il-mod kif 
												tfisser il-verità jista’ jkun 
												ta’ ħafna suriet.  It-tiġdid ta’ 
												dawn is-suriet ta’ espressjoni 
												hu meħtieġ biex lin-nies ta’ 
												llum jitwassal il-messaġġ 
												tal-Evanġelju fit-tifsir tiegħu 
												li ma jinbidel qatt.
												 
												
												
												“Dan it-tiġdid għalhekk għandu 
												tifsir ekumeniku importanti 
												ħafna”.  
												Hu tiġdid meħtieġ 
												mhux biss fil-mod kif titfisser 
												il-fidi, imma wkoll fl-istess 
												ħajja tal-fidi.  U għalhekk 
												nistgħu nistaqsu:  Min hu 
												responsabbli ħalli dan isir?  
												Għal din il-mistoqsija 
												l-Konċilju wieġeb b’mod tassew 
												ċar:  “It-tħassib ħa terġa’ 
												sseħħ l-għaqda hu dmir 
												tal-Knisja kollha, kemm 
												tal-fidili u kemm tal-kleru.  
												Jorbot lil kulħadd, skont 
												il-ħila ta’ kull wieħed kemm 
												jekk jintwera fil-ħajja 
												Nisranija ta’ kuljum, u kemm 
												fl-istudji teoloġiċi u storiċi”. 
												
												
												20.  Dan kollu hu importanti 
												ħafna u għandu tifsir 
												fondamentali għall-ħidma 
												ekumenika.  Hu għalhekk ħaġa 
												tassew ċara li l-ekumeniżmu, 
												il-moviment ħa tiġi ’l quddiem 
												l-għaqda tal-Insara, mhuwiex 
												xi “appendiċi”, xi żieda 
												mal-ħidma tas-soltu tal-Knisja.  
												Iżda l-ekumeniżmu hu parti 
												organika tal-ħajja u tal-ħidma 
												tal-Knisja, u għalhekk irid 
												jidħol f’dak kollu li hi u li 
												tagħmel; qisu l-frott ta’ siġra 
												b’saħħitha u għammiela li tasal 
												għall-kobor sħiħ tagħha. 
												
												
												Dan emmen il-Papa Ġwanni XXIII 
												dwar l-għaqda tal-Knisja u dwar 
												kif kien jara l-għaqda Nisranija 
												sħiħa.  Dwar l-Insara l-oħra, 
												dwar li familja Nisranija kollha 
												kemm hi, hu nnota li “dak li 
												jgħaqqadna hu wisq akbar minn 
												dak li jifridina”.  Il-Konċilju 
												Vatikan II, min-naħa tiegħu, 
												ħeġġeġ “lill-fidili kollha ta’ 
												Kristu biex jiftakru li aktar ma 
												jħabirku biex jgħixu b’mod safi 
												skont l-Evanġelju, aktar qed 
												iġibu ’l quddiem u jippratikaw 
												l-għaqda tal-Insara, għaliex 
												b’hekk ikunu qed isaħħu bla 
												tfixkil u sal-fond il-fraternità 
												bejniethom hekk li jaslu biex 
												igawdu xirka sħiħa mal-Missier, 
												il-Verb u l-Ispirtu s-Santu”. 
												
												
												
												Il-primat tat-talb 
												
												
												
												Il-bidla tal-qlub u l-qdusija 
												tal-ħajja, flimkien ma’ talb 
												komunitarju u privat 
												għall-għaqda tal-Insara 
												għandhom jitqiesu bħala r-ruħ 
												tal-moviment ekumeniku kollu 
												kemm hu, u bir-raġun kollu 
												jista’ jissejjaħ “ekumeniżmu 
												spiritwali”. 
												
												
												Numxu ’l quddiem fit-triq li 
												twassal għall-konverżjoni 
												tal-qlub jekk ikunu mmexxijin 
												mill-imħabba għal Alla u, 
												fl-istess waqt, għal ħutna 
												wkoll, għal dawk ukoll li 
												mhumiex f’għaqda sħiħa magħna.  
												L-imħabba tqanqal ix-xewqa 
												għall-għaqda, f’dawk ukoll li 
												qatt ma ntebħu bil-ħtieġa 
												tagħha.  L-imħabba ġġib xirka 
												bejn l-individwi u bejn 
												il-Komunitajiet.  Jekk inħobbu 
												lil xulxin, inħabirku biex 
												insaħħu x-xirka tagħna u 
												nwassluha għall-perfezzjoni.  
												L-imħabba nuruha ’l Alla 
												għaliex hu l-għajn perfetta 
												tal-għaqda — l-għaqda 
												tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu 
												s-Santu — biex minn dik il-għajn 
												niksbu l-qawwa ħa nwaqqfu għaqda 
												bejn l-individwi u 
												l-Komunitajiet, jew inġibuha 
												mill-ġdid fost l-Insara li 
												għadhom mifrudin bejniethom.  
												L-imħabba hija l-kurrent moħbi 
												li jagħti l-ħajja u jsaħħaħ 
												l-qawwa tal-moviment lejn 
												l-għaqda. 
												
												
												Din l-imħabba ssib 
												l-espressjoni sħiħa tagħha 
												fit-talb flimkien.  Meta 
												l-aħwa li mhumiex f’għaqda sħiħa 
												bejniethom, jiltaqgħu flimkien 
												biex jitolbu, il-Konċilju 
												Vatikan II ifisser it-talb 
												tagħhom bħala r-ruħ 
												tal-moviment ekumeniku kollu 
												kemm hu.  Din it-talba hija 
												“mezz tassew effettiv biex 
												tintalab il-grazzja tal-għaqda”
												espressjoni vera tar-rabtiet 
												li minn issa stess jorbtu 
												l-Kattoliċi ma’ ħuthom mifrudin”.  
												Ukoll meta t-talb ma jsirx 
												speċifikament għall-għaqda 
												tal-Insara, imma 
												għall-intenzjonijiet oħra, 
												bħalma hi l-paċi, fil-fatt 
												ifisser u jwettaq l-għaqda.  
												It-talb flimkien tal-Insara hu 
												stedina lil Kristu nnifsu biex 
												iżur lill-komunità ta’ dawk li 
												qed isejħulu:  “Fejn tnejn jew 
												tlieta jkunu miġburin f’ismi, 
												hemm inkun jien f’nofshom (Mt 
												18:20). 
												
												
												22.  Meta l-Insara jitolbu 
												flimkien, l-għan tal-għaqda 
												jidher aktar qrib li jintlaħaq.  
												L-istorja twila tal-Insara 
												bil-ħafna firdiet li seħħu 
												matulha, tidher li qed tersaq 
												mill-ġdid għall-għaqda għax qed 
												tfittex dak li hu l-għajn 
												tal-għaqda tagħna, Ġesù Kristu.  
												Hu “dak li kien, fl-imgħoddi, 
												issa u għal dejjem” (Lhud 
												13:8).  Fit-talb flimkien Ġesù 
												hu tassew preżenti, jitlob 
												“fina”, “magħna” u “għalina”.  
												Ħuwa hu li jmexxi t-talb tagħna 
												fl-Ispirtu Paraklitu li wiegħed 
												u mbagħad ta lill-Knisja, 
												fiċ-Ċenaklu f’Ġerusalemm, meta 
												waqqafha fl-għaqda tal-bidu 
												tagħha. 
												
												
												Fil-mixja ekumenika lejn 
												l-għaqda żgur għandu l-aqwa post 
												it-talb flimkien, 
												l-għaqda fit-talb ta’ dawk li 
												jinġabru flimkien madwar Kristu 
												nnifsu.  Jekk l-Insara, minkejja 
												l-firdiet tagħhom, jaslu biex 
												ikunu aktar magħqudin fit-talb 
												flimkien madwar Kristu dejjem 
												aktar jintebħu kemm ftit hu dak 
												li jifridhom meta hu mqabbel ma’ 
												dak kollu li jgħaqqadhom.  Jekk 
												jiltaqgħu aktar ta’ spiss u 
												aktar regolarment quddiem Kristu 
												fit-talb, ikunu jistgħu jiksbu 
												l-kuraġġ biex iqisu sewwa 
												r-realtà umana tal-firdiet 
												tagħhom u jerġgħu jsibu ruħhom 
												flimkien f’dik il-komunità 
												tal-Knisja li Kristu bla heda 
												jibni fl-Ispirtu s-Santu, 
												minkejja d-dgħufija u l-limiti 
												kollha tal-bnedmin. 
												
												
												23.  Fl-aħħarnett it-tisħib
												fit-talb iwassal lin-nies 
												biex iħarsu lejn il-Knisja u 
												lejn il-Kristjaneżmu mod ieħor.  
												M’għandniex ninsew li Kristu 
												talab lill-Missier biex 
												id-dixxipli tiegħu jkunu ħaġa 
												waħda bejniethom ħalli l-għaqda 
												tagħhom tkun xhieda tal-missjoni 
												tiegħu u d-dinja temmen li 
												l-Missier bagħtu (Ara Ġw 
												17:21).  Nistgħu ngħidu li 
												l-moviment ekumeniku f’ċertu 
												sens twieled mill-esperjenza 
												negattiva ta’ kull waħda 
												mill-Knejjes jew Komunitajiet 
												Ekklesjali li, huma u jħabbru 
												l-Evanġelju, ħarsu lejn 
												il-Knisja jew Komunità 
												Ekklesjali tagħhom biss.  Din 
												kienet kontradizzjoni li ma 
												setgħux ma jintebħux biha dawk 
												li semgħu l-bxara 
												tas-salvazzjoni u f’din il-ħaġa 
												raw tfixkil għalihom biex 
												jaċċettaw l-Evanġelju.  
												Diżgrazzjatament dan it-tfixkil 
												kbir għadu hemm.  Veru li għad 
												m’aħniex f’għaqda sħiħa 
												bejnietna... iżda, minkejja 
												l-firdiet tagħna, aħna mexjin 
												lejn l-għaqda sħiħa, dik 
												l-għaqda li kellha l-Knisja 
												tal-Appostli fil-bidu tagħha u 
												li aħna qed infittxu 
												bis-sinċerità kollha.  It-talb 
												tagħna flimkien, imnebbaħ 
												mill-fidi, jipprova dan.  F’din 
												it-talba ningħaqdu flimkien 
												f’isem Kristu li hu Wieħed.  Hu 
												l-għaqda tagħna. 
												
												
												It-talb “Ekumeniku” hu 
												għall-qadi tal-missjoni 
												Nisranija u għall-kredibbiltà 
												tagħna.  Għalhekk b’mod 
												speċjali jrid ikun preżenti 
												fil-ħajja tal-Knisja u f’kull 
												ħidma li ssir bil-għan li tiġi 
												l-quddiem l-għaqda tal-Insara.  
												Qisna qed inħossu bla heda 
												l-ħtieġa li nerġgħu lura u 
												niltaqgħu fiċ-Ċenaklu ta’ Ħamis 
												ix-Xirka, ukoll jekk il-preżenza 
												tagħna f’dak il-post ma tistax 
												tkun perfetta, qabel ma 
												jingħeleb it-tfixkil li hemm 
												għall-għaqda ekkleżjali sħiħa u 
												l-Insara kollha jkunu jistgħu 
												jinġabru għaċ-ċelebrazzjoni 
												flimkien tal-Ewkaristija”. 
												
												
												24.  Hi ħaġa ta’ ferħ tara li 
												ħafna laqgħat ekumeniċi kważi 
												dejjem idaħħlu t-talb, anżi 
												jilħqu l-qofol tagħhom 
												fit-talb.  L-Ottavarju ta’ 
												Talb u għall-Għaqda tal-Insara 
												li jiġi ċelebrat f’Jannar, u 
												f’xi pajjiżi, qrib Għid 
												il-Ħamsin, sar tradizzjoni 
												mxerrda ma’ kullimkien u 
												twaqqfet sewwa.  Iżda hemm ħafna 
												okkażjonijiet oħra matul is-sena 
												meta l-Insara jistgħu jaslu biex 
												jitolbu flimkien.  Dwar dan, 
												nixtieq insemmi l-esperjenza 
												speċjali tal-pellegrinaġġi 
												tal-Papa lil Knejjes 
												fil-kontinenti u l-pajjiżi tal-oikomene 
												ta’ llum.  Nagħraf sewwa li kien 
												il-Konċilju Vatikan II li wassal 
												lill-Papa biex jaqdi l-ministeru 
												appostoliku tiegħu b’dan il-mod 
												partikulari.  U nista’ ngħid 
												wisq aktar.  Il-Konċilju għamel 
												dawn iż-żjajjar tal-Papa bħala 
												responsabbilità speċifika 
												tal-ħidma tal-Isqof ta’ Ruma 
												għall-qadi tal-għaqda.  
												Iż-żjajjar tiegħu kważi dejjem 
												qed ikollhom laqgħa ekumenika u
												talb flimkien ma’ ħutna li 
												qed ifittxu l-għaqda fi Kristu u 
												fil-Knisja.  B’emozzjoni 
												mill-aqwa, niftakar it-talb 
												flimkien mal-Primat tal-Knisja 
												Anglikana fil-Kattidral ta’ 
												Canterbury (29 ta’ Mejju 1982); 
												f’dak il-bini hekk tal-għaġeb 
												jein rajt “xhieda titkellem 
												ħafna sew tal-ħafna snin 
												tal-qsim tal-wirt flimkien u sew 
												tas-snin kollhom niket tal-firda 
												li ġiet wara.  
												U lanqas nista’ ninsa l-laqgħat 
												li saru fil-pajjiżi Skandinavi u 
												Nordiċi (l-10 ta’ Ġunju 1989) 
												fl-Amerika ta’ fuq u fl-Amerika 
												t’Isfel, fl-Afrika u 
												fil-kwartieri ġenerali tal-Work 
												Council of Churches (12 ta’ 
												Gunju 1984), l-organiżmu mpenjat 
												li jsejjaħ il-Knejjes u 
												l-Komunitajiet Ekkleżjali membri 
												tiegħu ha jfittxu “l-għan ta’ 
												għaqda li tidher fil-fidi waħda 
												u f’tisħib Ewkaristiku wieħed, 
												imfissrin fil-qima u fil-ħajja 
												flimkien fi Kristu”.  
												U kif qatt nista’ ninsa s-sehem 
												tiegħi fil-Liturġija Ewkaristika 
												fil-Knisja ta’ San Ġorġ 
												fil-Patrijarkat Ekumeniku (30 
												ta’ Novembru 1979) u fis-servizz 
												li sar fil-Bażilika ta’ San 
												Pietru waqt iż-żjara f’Ruma 
												tal-Venerabbli Hija, 
												il-Patrijarka Dimitrios I (6 ta’ 
												Diċembru 1987)?  Dak in-nhar fuq 
												l-Artal tal-Konfessjoni għidna 
												flimkien il-Kredu 
												Niċenu-Kostantinopolitan 
												fil-verżjoni oriġinali Griega 
												tiegħu.  Diffiċli tfisser bi 
												ftit kliem in-natura waħdanija 
												ta’ kull waħda minn dawn 
												l-okkażjonijiet ta’ talb.  
												Minħabba s-suriet differenti li 
												għandha kull waħda minn dawn 
												il-laqgħat għax kundizzjonata 
												mill-ġrajjiet tal-imgħoddi, kull 
												darba kull waħda tkellmet 
												bil-mod propju tagħha.  Kollha 
												huma parti mit-tifkiriet 
												tal-Knisja kif hi mmexxija 
												mill-Ispirtu Paraklitu ha 
												tfittex l-għaqda sħiħa ta’ dawk 
												kollha li jemmnu fi Kristu. 
												
												
												25.  Mhux il-Papa biss sar 
												pellegrin.  F’dawn l-aħħar snin, 
												ħafna mexxejja magħrufin 
												tal-Knejjes u tal-Komunitajiet 
												Ekkleżjali ġew iżuruni f’Ruma u 
												jien stajt ningħaqad magħhom 
												fit-talb, kemm pubblikament u 
												kemm privatament.  Semmejt 
												iż-żjara tal-Patrijarka 
												Ekumeniku Dimitrios I, u issa 
												nixtieq infakkar il-laqgħa ta’ 
												talb li saret ukoll fil-Bażilika 
												ta’ San Pietru meta isseħħibt 
												mal-Arċisqfijiet Luterani 
												Primati tal-Isverzja u 
												tal-Finlandja għaċ-ċelebrazzjoni 
												tal-Għasar fl-okkażjoni tas-sitt 
												mitt sena mill-Kanonizzazzjoni 
												ta’ Santa Briġida (5 ta’ 
												Ottubru, 1991).  Dan hu biss 
												eżempju wieħed għaliex 
												l-għarfien tad-dmir li nitolbu 
												għall-għaqda sar parti integrali 
												tal-ħajja tal-Knisja.  M’hemmx 
												ġrajja importanti jew ġrajja li 
												tfisser ħafna, li ma tiksibx ġid 
												mill-fatt li l-Insara jiltaqgħu 
												flimkien u jitolbu.  Ma jistax 
												ikun li nagħti lista sħiħa ta’ 
												dawn il-laqgħat kollha, ukoll 
												jekk kull laqgħa jistħoqqilha li 
												tiġi mfakkra.  Tassew li l-Mulej 
												qabadna minn idejna u qed 
												imexxina.  Dan il-bdil u dan 
												it-talb kollu ġa kiteb paġni fuq 
												paġni fil-“Ktieb tal-għaqda” 
												tagħna, “Ktieb” li rridu spiss 
												neħduh f’idejna u naqrawh u 
												nerġgħu naqrawh biex minnu 
												niksbu ispirazzjonijiet u tamiet 
												ġodda. 
												
												
												26.  It-talb, it-talb 
												tal-komunità dejjem jgħinna 
												nsibu mill-ġdid il-verità 
												tal-kelma tal-Evanġelju:  “Il-Missier 
												tagħkom wieħed hu” (Mt 
												23:9), il-Missier – Abba 
												– li lilu Kristu talab, Kristu, 
												l-Iben imnissel mill-Missier u 
												ta’ natura waħda mal-Missier.  U 
												aktar:  “L-imgħallem 
												tagħkom wieħed hu, u intom 
												ilkoll aħwa” (Mt 23:8).  
												It-talb “Ekumeniku” juri din 
												id-dimensjoni ta’ fraternità fi 
												Kristu, li miet biex jiġbor 
												flimkien l-ulied Alla li kienu 
												xterrdu, biex ikunu “għalih 
												ulied” (Ef 1:5), u nkunu nistgħu 
												nuru aħjar kemm ir-realtà 
												misterjuża tal-paternità ta’ 
												Alla u kemm il-verità dwar 
												in-natura umana li fiha għandhom 
												sehem kull individwu u 
												l-individwi kollha. 
												
												
												It-talba “Ekumenika” bħala talba 
												tal-aħwa tfisser dan kollu.  
												Propju għax mifrudin minn 
												xulxin, jiltaqgħu fi Kristu, 
												b’tama aqwa, huma u jafdawlu 
												l-ġejjieni tal-għaqda tagħhom u 
												x-xirka tagħhom.  Hawn ukoll 
												nistgħu napplikaw it-tagħlim 
												tal-Konċilju.  “Il-Mulej Ġesù 
												meta talab lill-Missier biex 
												ilkoll inkunu ħaġa waħda... 
												bħalma aħna ħaġa waħda” (Gw 
												17:21-22) fetaħ wesgħat 
												magħluqin għar-raġuni 
												tal-bniedem, għax ta x’wieħed 
												jifhem li hemm ċertu xebħ bejn 
												l-għaqda tat-Tliet Persuni 
												Divini u l-għaqda ta’ wlied Alla 
												fil-verità u l-imħabba”. 
												
												
												Il-bidla 
												tal-qlub li hi kondizzjoni 
												essenzjali għal kull tfittix 
												awtenitku u tal-għaqda, toħroġ 
												mit-talb, u s-sħubija 
												tagħha tiddependi mit-talb:  
												“Mill-qagħda ġdida tagħna, 
												miċ-ċaħda tagħna nfusna u minn 
												imħabba bla qies, joħorġu 
												x-xewqat għall-għaqda u jaslu 
												għall-kobor sħiħ tagħhom.  
												Irridu għalhekk nitolbu 
												lill-Ispirtu s-Santu 
												l-grazzja biex tassew niċħdu 
												lilna nfusna, inkunu umli u nuru 
												ħlewwa fil-qadi tal-oħrajn u 
												qagħda ta’ ġenerożità fraterna 
												mal-oħrajn”. 
												
												
												27.  It-talb għall-għaqda 
												mhuwiex xi ħaġa riżervata biss 
												għal dawk li qed iħossu n-nuqqas 
												tal-għaqda bejn l-Insara.  
												Fid-djalogu personali ħerqan li 
												kull wieħed u waħda minna għandu 
												jkollu mal-Mulej fit-talb, 
												il-ħerqa għall-għaqda 
												m’għandhiex tonqos. 
												
												
												Hekk biss din il-ħerqa tista’ 
												ssir kollha kemm hi parti minn 
												ħajjitna u mill-impenji li 
												għalihom dħalna fil-Knisja.  
												Propju biex ninsisti fuq dan 
												id-dmir li jien ippreżentajt 
												lill-Insara tal-Knisja 
												Kattolika l-ħajja li nqis 
												eżemplari ta’ Soru Trappista, 
												il-Beata Marija Gabriella 
												tal-Għaqda, li jien 
												ibbeatifikajt fil-25 ta’ Jannar 
												1983.  
												Suor Marija Gabriella, li kellha 
												l-vokazzjoni li tinfatam 
												mid-dinja, għaddiet ħajjitha 
												timmedita u titlob il-kap sbatax 
												tal-Evanġelju ta’ San Ġwann u 
												titlob u toffri ħajjitha 
												għall-għaqda tal-Insara.  Din hi 
												tassew il-ġebla tax-xewka 
												tat-talb kollu, l-offerta sħiħa 
												tal-ħajja bla ebda kondizzjoni 
												ta’ xejn lill-Missier, b’Ibnu, 
												fl-Ispirtu s-Santu.  L-eżempju 
												ta’ Swor Marija Gabriella 
												jgħallimna; jgħinna nifhmu li ma 
												hemmx mumenti speċjali, qagħdiet 
												jew postijiet ta’ talb għal 
												għaqda.  It-talba ta’ Kristu 
												lill-Missier tingħatalna bħala 
												eżempju għal kulħadd, dejjem u 
												kullimkien. 
												
												
												
												Djalogu ekumeniku 
												
												
												28.  Jekk it-talb hu r-“ruħ” 
												tal-tiġdid ekumeniku u tal-ħerqa 
												għall-għaqda, hu l-pedament u 
												l-għajnuna ta’ kull 
												mal-Konċilju jifhem bi “djalogu”.  
												Din il-fehma żgur mhijiex illum 
												kontra s-sura personalistika 
												tal-ħsieb.  Il-ħila 
												għad-“djalogu” għandha l-għeruq 
												tagħha fin-natura tal-persuna u 
												fid-dinjità tagħha.  Kif taraha 
												l-filosofija, din il-qagħda hi 
												marbuta mal-verità Nisranija 
												dwar il-bniedem u mfissra 
												mill-Konċilju:  “il-bniedem hu 
												l-kreatura waħdanija fuq l-art 
												li Alla riedha għaliha nfisha”; 
												għalhekk il-bniedem “ma jistax 
												isib b’mod sħiħ lilu nnifsu jekk 
												mhux bl-għoti sinċier tiegħu 
												nnifsu”.  
												Id-djalogu hu pass li ma tistax 
												tgħaddi mingħajru fil-mixja 
												lejn il-kobor sħiħ tal-bniedem 
												fih innifsu, kemm ta’ 
												kull individwu u kemm ta’ 
												kull komunità
												ta’ 
												bnedmin.  
												Għalkemm il-ħsieb ta’ “djalogu” 
												jista’ jidher li qed tingħatalu 
												preferenza fuq id-dimensjoni 
												konoxxitiva, (dia-logos), 
												iżda kull djalogu għandu 
												dimensjoni globali, 
												eżistenzali.  Jimpenja l-bniedem 
												kollu kemm hu, u d-djalogu bejn 
												komunitajiet jimpenja b’mod 
												partikulari is-soġġettività ta’ 
												kull komunità. 
												
												
												Din il-verità dwar id-djalogu, 
												imfissra hekk fil-fond mill-Papa 
												Pawlu VI fl-Enċiklika tiegħu 
												Ecclesiam Suam, 
												ittieħdet ukoll mill-Konċilju 
												fit-tagħlim u l-ħidma ekumenika 
												tiegħu.  Id-djalogu mhuwiex biss 
												bdil ta’ fehmiet.  B’xi mod hu 
												dejjem “bidl ta’ doni”. 
												
												
												29.  Hu għalhekk li d-Digriet 
												tal-Konċilju dwar l-ekumeniżmu 
												jagħti importanza wkoll lil 
												“kull sforz biex jitwarrbu 
												kliem, ġudizzji, u għemil li ma 
												jkunux iwieġbu skont il-verità u 
												s-sewwa għall-qagħda tal-aħwa 
												mifrudin u hekk jagħmlu aktar 
												diffiċli r-relazzjonijiet ma’ 
												xulxin”.  
												Id-Digriet iqis il-kwistjoni 
												fid-dawl tal-qagħda tal-Knisja 
												Kattolika u jsemmi l-kriterji li 
												trid tħares fir-relazzjonijiet 
												tagħha mal-Insara l-oħra.  Iżda 
												f’dan kollu meħtieġa 
												reċiproċità.  Il-ħarsien ta’ 
												dawn il-kriterji hu mpenn ta’ 
												dawk kollha li jridu jidħlu fi 
												djalogu bejniethom, u hi 
												kondizzjoni meħtieġa qabel jibda 
												d-djalogu.  Jeħtieġ ngħaddu minn 
												qagħda ta’ antagoniżmu u ġlied 
												għall-qagħda fejn kull parti 
												tqies lill-ieħor bħala sieħeb.  
												Meta jidħlu għad-djalogu, 
												kull parti għandha tissopponi li 
												hemm ix-xewqa 
												tar-rikonċiljazzjoni fil-parti 
												l-oħra, hemm ix-xewqa 
												għall-għaqda fil-verità.  
												Biex dan iseħħ, kull sinjal ta’ 
												oppożizzjoni kontra xulxin irid 
												jispiċċa.  Hekk biss id-djalogu 
												jista’ jgħin biex tingħeleb 
												il-firda u tressaqna aktar lejn 
												l-għaqda. 
												
												
												30.  Nistghu ngħidu, b’sens 
												ta’ ħajr liema bħalu lil-Ispirtu 
												tal-Verità, li l-Konċilju 
												Vatikan II kien żmien ta’ barka, 
												li matulu tqiegħdu l-pedamenti 
												għat-tisħib tal-Knisja Kattolika 
												fid-djalogu ekumeniku.  
												Fl-istess waqt, il-presenza ta’ 
												tant osservaturi mill-ħafna 
												Knejjes u Komunitajiet 
												Ekkleżjali, l-impenn tagħhom 
												fil-fond fil-ġrajjiet kollha 
												tal-Konċilju, il-ħafna laqgħat u 
												t-talb flimkien li l-Konċilju 
												wassal biex setgħu jsiru, kollox 
												għen biex ikun hemm il-kondizzjonijiet 
												għad-djalogu ma’ xulxin.  
												Tul il-Konċilju, 
												ir-rappreżentanti tal-Knejjes u 
												l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra 
												bl-esperjenza taghhom raw kemm 
												l-Episkopat Kattoliku mad-dinja 
												kollha, u b’mod partikulari, 
												is-Santa Sede, kienu lesti ha 
												jibdew id-djalogu. 
												
												
												
												Strutturi lokali għad-djalogu 
												
												
												31.  L-impenn tal-Knisja 
												għad-djalogu ekumeniku, kif 
												deher ċar mill-Konċilju ’l hawn, 
												mhuwiex responsabbiltà tas-Sede 
												Appostolika biss, imma hu dmir 
												ukoll ta’ kull Knisja 
												individwali lokali jew 
												partikulari.  Kummissjonijiet 
												speċjali ha jġibu ’l quddiem 
												l-ispirtu u l-ħidma ekumenika 
												twaqqfu mill-Konferenzi 
												tal-Isqfijiet u mis-Sinodi 
												tal-Knejjes Kattoliċi 
												Orjentali.  Strutturi adatti 
												bħalhom qed jagħmlu ħidma fi 
												Djoċesijiet individwali.  Dawn 
												l-iniżjattivi huma sinjal 
												tal-impenn prattiku mxerred ma’ 
												kullimkien tal-Knisja Kattolika 
												biex tapplika n-normi 
												tal-Konċilju dwar l-ekumeniżmu:  
												dan hu aspett essenzjali 
												tal-moviment ekumeniku”.  
												Id-djalogu mhux biss beda, imma
												sar ħtieġa mill-aqwa, wieħed 
												mill-prioritajiet 
												tal-Knisja.  Bħala frott ta’ 
												dan, il-“metodi” tad-djalogu 
												ttejbu, u dan għen biex jikber 
												l-ispirtu tad-djalogu.  Hawn ta’ 
												min isemmi l-ewwelnett 
												“id-djalogu bejn esperti 
												tal-affari tagħhom minn Knejjes 
												u Komunitajiet differenti.  
												Fil-laqgħat tagħhom li jiġu 
												organizzati bi spirtu reliġjuż, 
												kull wieħed ifisser it-tagħlim 
												tal-Komunità tiegħu aktar 
												fil-fond u joħroġ sewwa 
												l-karatteristiċi distintivi 
												tiegħu”.  
												Iżda mbagħad jiswa ħafna li 
												l-Insara jkunu midħla tal-metodu 
												li bih id-djalogu seta jseħħ. 
												
												
												32.  Kif tgħid id-Dikjarazzjoni 
												tal-Konċilju dwar il-Libertà 
												Reliġjuża:  “il-verità wieħed 
												għandu jfittixha b’mod li jkun 
												jaqbel mad-dinjità tal-persuna 
												umana, u man-natura soċjali 
												tagħha.  It-tfittix irid isir 
												b’mod ħieles, bl-għajnuna 
												tal-maġisteru jew tat-tagħlim, 
												jew ta’ komunikazzjoni 
												istruttiva jew ta’ djalogu.  
												Bihom in-nies ifehmu lil xulxin 
												il-verità li sabu jew jaħsbu li 
												sabu biex jgħinu lil xulxin 
												fit-tfittix tal-verità.  Iżda, 
												meta tingħaraf il-verità, 
												titħaddan bil-kunsens personali 
												ta’ kull individwu”. 
												
												
												Id-djalogu ekumeniku għandu 
												importanza essenzjali.  “B’dan 
												id-djalogu kulħadd jista’ jikseb 
												tagħrif aktar eżatt tat-tagħlim 
												u tal-ħajja reliġjuża ta’ kull 
												waħda mill-Komunitajiet, u jibda
												japprezzahom iżjed.  
												Barra minn hekk, dawn 
												il-Komunitajiet jaslu għall-kooperazzjoni 
												aqwa f’kull proġett li 
												l-kuxjenza Nisranija titlob 
												għall-ġid komuni.  Jiltaqgħu 
												wkoll għal talb flimkien, fejn 
												dan hu permess.  Fl-aħħarnett 
												ilkoll jitwasslu biex jeżaminaw 
												il-fedeltà tagħhom lejn ir-rieda 
												ta’ Kristu għall-Knisja u, fejn 
												meħtieġ, jidħlu bil-ħeġġa kollha 
												għall-ħidma ta’ tiġdid u ta’ 
												riforma”.  
												     
												
												
												 Djalogu bħala eżami ta’ 
												kuxjenza 
												
												
												35.  Fil-ħsieb tal-Konċilju, 
												id-djalogu ekumeniku għandu juri 
												t-tfittix flimkien tal-verità, 
												b’mod partikulari tal-verità 
												dwar il-Knisja.  Fil-fatt, 
												il-verità tifforma l-kuxjenzi, u 
												tiddirieġi l-isforzi biex 
												l-għaqda tiġi ’l quddiem.  
												Fl-istess waqt, titlob li 
												l-kuxjenzi u l-għemil 
												tal-Insara, bħala aħwa mifrudin 
												minn xulxin, għandhom ikunu 
												mnebbħin mit-talba ta’ Kristu 
												għall-għaqda, u joqogħdu 
												għaliha.  Hemm relazzjoni 
												stretta ħafna bejn talb u 
												djalogu.  Aktar mat-talb ikun 
												fil-fond u aktar jinħass, aktar 
												jagħti frott id-djalogu.  Jekk 
												min-naħa d-djalogu jiddependi 
												mit-talb, min-naħa l-oħra, 
												it-talb ukoll ikun frott aktar 
												misjur tad-djalogu. 
												
												
												34.  Minħabba d-djalogu 
												ekumeniku nistgħu nitkellmu 
												b’maturità aqwa dwar it-talb 
												flimkien u għal xulxin.  Dan 
												seta’ jkun għaliex id-djalogu 
												jaqdi wkoll, u l-istess 
												waqt, id-dmir ta’ eżami 
												tal-kuxjenza.  Dwar dan kif 
												ma niftakrux il-kliem tal-Ewwel 
												Ittra ta’ San Ġwann:  “Jekk 
												ngħidu li m’għandniex dnub, 
												inkunu qegħdin inqarrqu bina 
												nfusna, u l-verità ma tkunx 
												fina.  Jekk nistqarru dnubietna, 
												hu fidil hekk li jaħfrilna 
												dnubietna u jnaddafna minn kull 
												ħażen” (1:8-9).  San Ġwann iżid 
												jgħid ukoll; “Jekk ngħidu li ma 
												dnibniex, inkunu qegħdin 
												ingiddbuh, u kelmtu ma tkunx 
												fina” (1:10). 
												Eżortazzjoni hekk qawwija 
												biex nagħrfu l-qagħda tagħna ta’
												midinbin, għandha tkun 
												l-ispirtu li biħ aħna nidħlu 
												għad-djalogu ekumeniku.  Jekk 
												dan l-eżami tal-kuxjenza 
												ma jsirx “djalogu bejn 
												il-kuxjenzi” nistgħu nkunu żguri 
												minn dak li tgħidilna din 
												l-Ittra?  “Uliedi, dan qed 
												niktibulkom, biex ma tidinbux, 
												imma jekk xi ħadd jidneb għandna 
												Difensur quddiem il-Missier, 
												lil Ġesù Kristu l-ġust.  U 
												hu ħallas għal dnubietna, u mhux 
												għal tagħna biss, imma wkoll 
												għal dawk tad-dinja kollha” 
												(2:1-2).  Id-dnubiet 
												kollha tad-dinja tħaddnu 
												mis-sagrifiċċju ta’ Kristu 
												għas-salvazzjoni, u għalhekk 
												id-dnubiet ukoll li saru kontra 
												l-għaqda tal-Knisja:  id-dnubiet 
												tal-Insara sew tal-isqfijiet u 
												sew tal-fidili.  Iżda wkoll wara 
												tant dnubiet li wasslu għal dawn 
												il-firdiet kollha, l-għaqda tal-Insara 
												għad tista’ tkun, 
												jekk aħna bl-umiltà kollha 
												magħarfu li dnibna u nifhmu li 
												jeħtieġ li jinħafru u jiġu 
												megħluba d-dnubiet personali, 
												imma wkoll id-dnubiet soċjali, 
												dawk l-“istrutturi” stess 
												tad-dnub li wasslu għall-firda u 
												għenuha u wettquha. 
												
												
												35.  Għal darb’oħra l-Konċilju 
												Vatikan II jgħinna.  Nistgħu 
												ngħidu li d-Digriet dwar 
												l-Ekumeniżmu, kollu kemm hu, hu 
												mimli bi spirtu ta’ konverżjoni.  
												Id-djalogu ekumeniku f’dan 
												id-Dokument jikseb 
												karatteristika propja:  jinbidel 
												fi djalogu ta’ konverżjoni 
												u għalhekk, skont kliem Pawlu 
												VI, jinbidel f’veru “djalogu ta’ 
												salvazzjoni”.  
												Id-djalogu ma jistax jibqa’ 
												sejjer permezz ta’ laqgħat 
												flimkien, bi bdil ta’ fehmiet u 
												bl-għoti ta’ doni propji lil 
												kull komunità.  Iżda għandu 
												jfittex ukoll, anżi fuq kollox, 
												direzzjoni oħra, ’il fuq, lejn 
												il-Feddej tad-dinja u s-Sid 
												tal-istorja, li Hu l-paċi 
												tagħna.  Din id-dimensjoni 
												tad-djalogu ekumeniku hi 
												l-għarfien flimkien u ta’ xulxin 
												bħala irġiel u nisa midinbin.  
												Dan l-għarfien jiftaħ għall-aħwa 
												li qed jgħixu f’komunitajiet li 
												mhumiex f’xirka waħda 
												bejniethom, dak l-ispazju intern 
												li fih Kristu, il-bidu 
												tal-għaqda fil-Knisja, jista’ 
												jaħdem b’mod effikaċi bil-qawwa 
												kollha tal-Ispirtu Paraklitu. 
												
												
												
												Djalogu biex jintemm in-nuqqas 
												ta’ ftehim 
												
												
												36.  Id-djalogu hu wkoll 
												strument naturali biex bih 
												jitqabblu bejniethom fehmiet 
												differenti, u l-ewwelnett biex 
												jitqiesu dawk in-nuqqasijiet ta’ 
												ftehim li qed ifixklu għaqda 
												sħiħa bejn l-Insara.  Id-Digriet 
												dwar l-Ekumeniżmu jinsisti 
												l-ewwel nett fuq 
												id-dispożizzjoni morali meħtieġa 
												biex jibdew diskussjonijiet 
												dottrinali. 
												
												
												“Fid-djalogu ekumeniku, 
												it-teoloġi Kattoliċi, huma u 
												jħaddnu d-duttrina tal-Knisja, u 
												huma u ifittxu flimkien mal-aħwa 
												mifrudin, li jistudjaw 
												il-misteri qaddisa, għandhom 
												ifittxu li jimxu ’l quddiem 
												b’imħabba għall-verità, b’karità 
												u umiltà”. 
												
												
												L-imħabba għall-verità hija 
												d-dimensjoni l-aktar għolja ta’ 
												tħabrik veru hu jkun hemm għaqda 
												sħiħa bejn l-Insara kollha.  
												Mingħajr din l-imħabba ma jistax 
												ikun li wieħed jitkellem dwar 
												id-diffikultajiet teoloġiċi, 
												kulturali, psikoloġiċi u soċjali 
												li juri ruħhom meta jiġi studjat 
												oġġettivament in-nuqqas ta’ 
												ftehim li jkun hemm.  Ma dan 
												id-dimensjoni interna u 
												personali għandu jkun hemm 
												imseħbin, b’qawwa liema bħala, 
												spirtu ta’ karità u ta’ umiltà:  
												ta’ karità ma min qed jitkellem, 
												u ta’ umiltà lejn il-verità li 
												tingħaraf u li forsi tista’ 
												titlob li wieħed jirrivedi 
												l-affermazzjonijiet u d-drawwiet 
												tiegħu. 
												
												
												Meta jiġu studjati l-firdiet, 
												il-Konċilju jitlob li d-duttrina 
												kollha tiġi mfissra b’mod 
												l-aktar ċar.  Jitlob ukoll li 
												l-mod u l-metodu kif tiġi 
												mfissra l-fidi Kattolika ma 
												jkunux ta’ tfixkil għad-djalogu 
												mal-aħwa.  
												Żgur li wieħed jista’ jagħti 
												xhieda tad-duttrina propja 
												tiegħu u jfissirha b’mod 
												korrett, leali u jiftiehem, u 
												fl-istess waqt iqis kemm il-mod 
												kif jaħseb l-ieħor u kemm 
												l-esperjenza storika li għadda 
												minnha l-ieħor. 
												
												
												Hi ħaġa ċara li l-għaqda sħiħa 
												sseħħ meta titħaddan il-verità 
												kollha li lejha l-Ispirtu 
												s-Santu qed iwassal id-dixxipli 
												tal-Mulej.  Għalhekk irid jiġi 
												evitat kull tnaqqis u kull xorta 
												ta’ kunsens malajr.  Iridu 
												jinħallu problemi kbar:  inkella 
												aktar tard f’xi żmien ieħor 
												jerġgħu jidhru fl-istess sura 
												jew f’xi sura oħra. 
												
												
												37.  Id-Digriet Unitatis 
												Redintegratio jgħid ukoll 
												liema kriterji wieħed għandu 
												juża meta jiġi biex ifisser jew 
												iqabbel id-duttrina Kattolika:  
												“Wieħed għandu jiftakar li hemm 
												ordni jew ġerarkija 
												fil-veritajiet tad-duttrina 
												Kattolika, minħabba r-rabta 
												diversa li għandhom mal-pedament 
												tal-fidi Kattolika.  B’dan 
												il-mod titħejja t-triq biex 
												ilkoll, f’sura ta’ pika bejn 
												l-aħwa, jitħeġġu għall-għarfien 
												aktar fil-fond u 
												għall-manifestazzjoni aktar ċara 
												tal-għana bla qjies ta’ Kristu”. 
												
												
												38.  Fid-djalogu bilfors 
												titfaċċa l-problema tal-formuli 
												diversi li l-Knejjes u 
												l-Komunitajiet Ekkleżjali 
												għandhom biex ifissru 
												d-duttrina; dan għandu aktar 
												minn konsegwenza waħda 
												għall-ħidma tal-ekumeniżmu. 
												
												
												Qabel xejn, 
												fil-formuli duttrinali li ma 
												jaqblux ma’ dawk li għandha 
												l-komunità li tagħha wieħed hu 
												membru, wieħed għandu minnufih 
												jara jekk il-kliem użat fl-aħħar 
												mill-aħħar ma jfissirx l-istess 
												ħaġa, kif ġara, biex insemmi 
												eżempju, f’dikjarazzjonijiet li 
												saru dan l-aħħar u li jiena u 
												l-Papiet ta’ qabli ffirmajna 
												mal-Patrijarki ta’ Knejjes li 
												għall-mijiet ta’ snin kellna 
												bejnietna nuqqas ta’ ftehim dwar 
												il-Kristoloġija. 
												
												
												Id-Dikjarazzjoni Mysterium 
												Ecclesiae tgħid:  “Għalkemm 
												il-veritajiet li l-Knisja trid 
												tassew tgħallem bil-formuli 
												dommatiċi tagħha, jintgħażlu 
												mill-fehmiet li jistgħu jinbidlu 
												maż-żmien u jkun u jistgħu jiġu 
												mfissrin mingħajrhom, jista’ 
												jiġri wkoll li l-Maġisteru 
												Mqaddes jgħallem dawn 
												il-veritajiet bi kliem li b’xi 
												mod juru l-fehmiet taż-żmien li 
												jkun.  Meta nqisu dan, nistgħu 
												ngħidu li l-formuli 
												dommatiċi tal-Maġisteru 
												tal-Knisja fil-bidu fissru sewwa 
												l-verità rivelata u jibqgħu 
												dejjem adatti biex iwassluha lil 
												dawk li jifhmuha sewwa”.  
												Dwar dan, id-djalogu ekumeniku 
												jwassal lil dawk li qed jieħdu 
												sehem fih biex jistaqsu lil 
												xulxin, jifhmu lil xulxin, 
												ifissru lil xulxin, u 
												jippermetti wkoll li jinstabu 
												affarijiet mhux mistennija.  
												Il-polemika intolleranti u 
												l-kontroversji biddlu 
												f’dikjarazzjonijiet li wieħed ma 
												jistax jaċċettahom, dak li 
												fil-fatt ma kienx ħlief żewġ 
												suriet kif wieħed iħares lejn 
												l-istess verità minn żewġ naħiet 
												differenti.  Jeħtieġ illum li 
												tinsab formula li hija u tħaddan 
												il-verità sħiħa, tmur ’l hemm 
												mill-qari parżjali tagħha jew 
												mit-tifsiriet qarrieqa tagħha.  
												Wieħed mill-vantaġġi 
												tal-ekumeniżmu hu dak li permezz 
												tiegħu l-Komunitajiet Insara 
												jiksbu għajnuna biex jagħrfu 
												l-għana bla qies tal-verità.  
												F’dan il-qasam ukoll dak li 
												l-Ispirtu jagħmel fl-“oħrajn” 
												jista’ jkun ta’ ġid għal kull 
												komunità 
												u b’xi mod jgħallimha l-misteru 
												ta’ Kristu.  L-ekumeniżmu veru 
												hu grazzja ta’ verità. 
												
												
												39.  Fl-aħħarnett id-djalogu 
												jwassal lil dawk li qed 
												jiddjalogaw bejniethom biex 
												ikollhom quddiemhom in-nuqqas 
												veru ta’ ftehim li jkun hemm 
												dwar il-fidi.  Dawn 
												in-nuqqasijiet ta’ ftehim 
												għandhom l-ewwelnett jitqiesu bi 
												spirtu ta’ mħabba fraterna 
												sinċiera, b’rispett sħiħ 
												għall-kuxjenza propja u 
												tal-oħrajn, b’umiltà kbira u 
												mħabba għall-verità.  F’dan 
												il-każ il-konfront għandu żewġ 
												elementi essenzjali li għalihom 
												għandha ssir riferenza:  
												l-Iskrittura u t-Tradizzjoni.  
												Għall-Kattoliċi hemm ukoll 
												l-għajnuna vitali tal-Maġisteru 
												ħaj tal-Knisja. 
												
												
												
												Kooperazzjoni fil-prattika 
												
												
												40.  Ir-relazzjonijiet bejn 
												l-Insara ma jwasslux  biss 
												għall-għarfien aħjar ta’ xulxin, 
												għat-talb flimkien u 
												għad-djalogu; jaħsbu wkoll 
												għall-kooperazzjoni fil-prattika 
												u jitolbuha fl-oqsma kollha 
												pastorali, kulturali u soċjali u 
												wkoll fix-xhieda għat-tħabbira 
												tal-Evanġelju. 
												
												
												“Il-kooperazzjoni bejn l-Insara 
												kollha turi b’mod ħaj dik 
												l-għaqda li ġa hemm fosthom, u 
												turi f’dawl aħjar il-wiċċ ta’ 
												Kristu Qaddej”.  
												Din il-kooperazzjoni li għandha 
												l-għeruq tagħha fl-istess fidi, 
												hi mhux biss mimlija b’imħabba 
												bejn l-aħwa imma hija wkoll 
												manifestazzjoni ta’ Kristu 
												nnifsu. 
												
												
												Barra dan il-kooperazzjoni 
												ekumenika hija skola ta’ 
												ekumeniżmu, it-triq dinamika li 
												twassal għall-għaqda.  Il-ħidma 
												flimkien twassal għall-għaqda 
												fil-fidi:  “Permezz ta’ din 
												il-kooperazzjoni dawk kollha li 
												jemmnu fi Kristu malajr 
												jitgħallmu kif jistgħu jsiru 
												jafu aħjar lil xulxin u jistmaw 
												aktar lil xulxin, u kif iwittu 
												t-triq għall-għaqda tal-Insara”. 
												
												
												Quddiem id-dinja l-kooperazzjoni 
												bejn l-Insara qisha xhieda 
												nisranija flimkien u ssir mezz 
												ta’ evanġelizzazzjoni li jkun 
												ta’ ġid għal wieħed u 
												għall-ieħor.  
												
												
												  
												
												
												
												KAP II 
												
												
												
												IL-FROTT TAD-DJALOGU 
												
												
												
												Il-Fraternità misjuba mill-ġdid 
												
												
												41.  Dak li għidna hawn fuq dwar 
												id-djalogu ekumeniku minn mindu 
												ntemm il-Konċilju Vatikan II 
												iwassalna biex inroddu ħajr 
												lill-Ispirtu tal-Verità, 
												imwiegħed minn Kristu l-Mulej 
												lill-Appostli u lill-Knisja (ara 
												Ġw 14:26). 
												Din 
												hi l-ewwel darba fl-istorja 
												li l-ħidma għall-għaqda 
												tal-Insara kibret daqshekk u 
												xterdet b’dan il-mod.  Dan huwa 
												don kbir mogħti minn Alla li 
												jistħoqqlu li jitfakkar b’radd 
												ta’ ħajr liema bħala.  
												Mill-milja ta’ Kristu aħna lkoll 
												ħadna, “grazzja fuq grazzja” (Ġw 
												1:16).  L-għarfien ta’ kull ma 
												ġa tana Alla hi l-kundizzjoni 
												meħtieġa biex tħejjina ħa 
												nirċievu d-doni li għad neħtieġu 
												biex tasal għat-tmiem tagħha 
												l-ħidma ekumenika għall-għaqda 
												tal-Insara. 
												
												
												Ħarsa lejn dak li sar f’dawn 
												l-aħħar tletin sena twassalna 
												biex nifhmu aħjar il-ħafna frott 
												li nkiseb minn din 
												il-konverżjoni tagħna lkoll lejn 
												l-Evanġelju li l-Ispirtu ta’ 
												Alla ġieb permezz tal-moviment 
												ekumeniku. 
												
												
												42.  Ġara li — biex insemmi 
												eżempju — skont l-istess spirtu 
												tad-Diskors tal-Muntanja, 
												l-Insara ta’ xi waħda 
												mill-konfessjonijiet m’għadhomx 
												aktar iqisu l-Insara l-oħra 
												bħala għedewwa u barranin, imma 
												jaraw fihom ħuthom.  Fl-aħħar 
												mill-aħħar illum it-tendenza hi 
												li l-istess kliem l-aħwa 
												mifrudin jiġu mibdula ma’ 
												kliem aktar adatt biex ifisser 
												kemm hi kbira l-għaqda — marbuta 
												mal-karattru tal-magħmudija — li 
												lilha l-Ispirtu s-Santu qiegħed 
												jagħti l-ħajja, minkejja li 
												mhumiex neqsin firdiet storiċi u 
												kanoniċi.  Illum id-diskors qed 
												ikun dwar “l-Insara l-oħra”, 
												“l-Imgħammdin l-oħra”, “l-Insara 
												tal-Komunitajiet l-oħra”;  waqt 
												li d-Direttorju dwar 
												Prinċipji u Normi fl-Ekumeniżmu 
												jsejjaħ il-Komunitajiet li 
												tagħhom dawn l-Insara huma 
												membri Knejjes u Komunitajiet 
												Ekkleżjali li “mhumiex f’xirka 
												sħiħa mal-Knisja Kattolika”.  
												Dan il-mod aktar wiesgħa ta’ 
												diskors juri bidla kbira ta’ 
												mentalità.  L-għarfien 
												mill-Insara kollha li lkoll huma 
												ta’ Kristu qed isir dejjem aktar 
												sħiħ.  Dan rajtu jiena stess 
												personalment 
												fiċ-ċelebrazzjonijiet ekumeniċi, 
												li huma wieħed mill-ġrajjiet 
												importanti tal-Vjaġġi 
												Appostoliċi tiegħi f’naħat 
												diversi tad-dinja, jew f’laqgħat 
												u ċelebrazzjonijiet ekumeniċi 
												f’Ruma.  Il-“fraternità 
												universali tal-Insara” saret 
												konvinzjoni ekumenika tassew 
												soda.  Issa li ntessew 
												l-iskomuniki tal-imgħoddi, 
												il-Komunitajiet li dari kienu 
												għedewwa ta’ xulxin, illum qed 
												jgħinu lil xulxin; xi kultant 
												jisilfu ’l xulxin il-postijiet 
												tal-kult; qed jiġu offerti boroż 
												ta’ studju għall-formazzjoni 
												tal-ministri tal-Komunitajiet 
												neqsin mill-mezzi; jed jiġu 
												avviċinati l-awtoritajiet ċivili 
												biex Insara oħra mixlija 
												nġustament ikunu mħarsin; qed 
												jintwerew kemm huma fiergħa 
												l-kalunnji li tagħhom xi gruppi 
												jsibu ruħhom vittmi. 
												
												
												F’kelma waħda, l-Insara 
												kkovertew għall-imħabba li 
												tħaddan id-dixxipli kollha ta’ 
												Kristu.  Jekk jiġri li, minħabba 
												rvellijiet politiċi imseħbin 
												mal-vjolenza, tidher ċerta 
												aggressività jew spirtu ta’ 
												vendetta, l-awtoritajiet 
												għandhom ifittxu li toħroġ 
												rebbieħa l-“Liġi Ġdida” 
												tal-ispirtu tal-imħabba.  Dan 
												l-ispirtu, jiddispjaċini ngħid, 
												ma rnexxilux ibiddel il-qagħdiet 
												kollha ta’ ġlied brutali.  
												F’dawn iċ-ċirkostanzi d-dmir 
												ekumeniku spiss jistenna minn 
												dawk li qed jaqduh għażliet li 
												jitolbu qawwa ta’ eroiżmu. 
												
												
												Hawnhekk jeħtieġ intenni li 
												l-ispirtu ta’ fraternità mhux 
												frott ta’ xi filantropija 
												liberali jew ta’ xi spirtu mhux 
												ċar ta’ familja.  
												Għall-kuntrarju rrid ngħid li 
												l-għarfien ta’ din il-fraternità 
												hu frott tal-għarfien ta’ 
												Magħmudija waħda u għalhekk hemm 
												il-ħtieġa li jissebbaħ il-Mulej 
												fl-għemejjel tiegħu.  
												Id-Direttorju dwar Prinċipji u 
												Normi fl-Ekumeniżmu juri 
												x-xewqa li jkun hemm għarfien 
												pubbliku tal-Magħmudija ta’ 
												xulxin minn kulħadd; 
												dan imur ’l hemm minn kull 
												għemil ta’ kortesija ekumenika, 
												u hu dikjarazzjoni 
												ekklesjoloġika fundamentali. 
												
												
												Tajjeb li wieħed jiftakar li 
												l-karattru fundamentali 
												tal-Magħmudija għall-bini 
												tal-Knisja ħareġ ċar ukoll 
												mid-djalogu bejniethom ta’ ħafna 
												mill-partijiet impenjati. 
												
												
												
												Solidarjetà għall-qadi tal-ġens 
												kollu tal-bnedmin 
												
												
												43.  Dejjem aktar ta’ spiss qed 
												jiġri li dawk li qed imexxu 
												l-Komunitajiet Insara jieħdu 
												qagħda waħda flimkien, f’isem 
												Kristu, quddiem problemi serji 
												li għandhom x’jaqsmu 
												mal-vokazzjoni tal-bniedem:  
												il-libertà, il-ġustizzja, 
												il-paċi, il-ġejjieni tad-dinja.  
												Huma u jagħmlu dan, huma jkunu 
												“qed jingħaqdu” flimkien 
												għall-qadi ta’ wieħed 
												mid-dmirijiet Insara:  jiġifieri 
												dak li jfakkru lis-soċjetà b’mod 
												realistiku r-rieda ta’ Alla, 
												huma u jħeġġu lill-awtoritajiet 
												u liċ-ċittadini biex ma jaqbdux 
												it-triq tan-niżla li twassal 
												għat-tkasbir tad-drittijiet 
												tal-bniedem.  Jidher — u dan 
												tikkonfermah l-esperjenza — li 
												f’xi ċirkostanzi leħen l-Insara 
												kollha flimkien għandu qawwa 
												akbar minn leħen wieħed. 
												
												
												Iżda mhux il-mexxejja biss 
												tal-Komunitajiet qed jingħaqdu 
												f’dan l-impenn għall-għaqda.  
												Ħafna Insara mill-Komunitajiet 
												kollha, minħabba l-fidi tagħhom, 
												qed jissieħbu flimkien 
												f’proġetti qalbiena ħa tinbidel 
												id-dinja, biex jirbaħ ir-rispett 
												għad-drittijiet u 
												għall-ħtiġijiet ta’ kulħadd u 
												speċjalment għal dawk tal-foqra, 
												tal-imċaħħdin u ta’ dawk li ma 
												għandhom lil ħadd li jidħol 
												għalihom.  Fl-Enċiklika 
												Sollicitudo Rei Socialis 
												bil-ferħ faħħart din 
												il-kollaborazzjoni, u wrejt li 
												l-Knisja Kattolika
												ma 
												setghetx tibqa’ lura 
												minnha.  
												L-Insara, li dari kienu jaħdmu 
												kull wieħed għal rasu, illum 
												huma mpenjati flimkien fil-qadi 
												ta’ din il-kawża biex tissebbaħ 
												il-ħniena ta’ Alla. 
												
												
												Il-mod tal-ħsieb u tal-għemil hu 
												ġa dak tal-Evanġelju.  
												Għalhekk, jiena u nwettaq 
												dak li ktibt fl-ewwel Enċiklika 
												tiegħi Redemptor Hominis, 
												kelli l-okkażjoni li “ninsisti 
												fuq din il-ħaġa u ninkoraġġixxi 
												kull sforz li sar f’din 
												id-direzzjoni, fil-livelli 
												kollha fejn niltaqgħu ma’ ħutna 
												l-Insara l-oħra 
												u raddejt ħajr lil Alla għal dak 
												li għamel fil-Knejjes u 
												l-Komunitajiet Ekkleżjali 
												l-oħra, u għal dak li għamel 
												permezz tagħhom”, kif għamel 
												ukoll permezz tal-Knisja 
												Kattolika. 
												 Illum bil-ferħ kollu qed naraw 
												kemm in-nisġa tal-kooperazzjoni 
												ekumenika dejjem aktar qed 
												tinxtered.  Permezz tal-“World 
												Council of Churches” ukoll qed 
												issir ħidma kbira f’dan 
												il-qasam. 
												
												
												
												Qed nersqu lujn xulxin permezz 
												tal-Kelma ta’ Alla u tal-Kult 
												divin 
												
												
												44.  Il-progress li sar 
												fil-kooperazzjoni ekumenika 
												b’mod liema bħalu jidher ukoll 
												f’qasam ieħor, dak tal-Kelma ta’ 
												Alla.  Ħsiebu l-ewwel imur lejn 
												il-fatt, hekk importanti 
												għall-gruppi ta’ ilsna 
												differenti, tat-traduzzjonijiet 
												ekumeniċi tal-Iskrittura.  Wara 
												li l-Konċilju Vatikan II ħareġ 
												il-Kostituzzjoni Dei Verbum, 
												il-Knisja ma setgħetx ma tilqax 
												bil-ferħ dan il-fatt.  
												Dawn 
												it-traduzzjonijiet, magħmulin 
												minn esperti, joffru 
												pedament żgur 
												għall-predikazzjoni u 
												għall-ħidma pastorali 
												tad-dixxipli kollha ta’ Kristu.  
												Min jiftakar x’influwenza 
												kellhom fuq il-firda, 
												speċjalment fil-punent, 
												id-diskussjonijiet dwar 
												l-Iskrittura, jifhem xi progress 
												sar permezz ta’ dawn 
												it-traduzzjonijiet flimkien. 
												
												
												45.  Għat-tiġdid liturġiku li 
												seħħ fil-Knisja Kattolika 
												wieġbet l-iniżjattiva ta’ xi 
												Komunitajiet Ekkleżjali oħra 
												biex iġeddu l-kult tagħhom.  Xi 
												wħud minnhom, fuq bażi ta’ xewqa 
												espressa fuq livell ekumeniku,  
												warrbu d-drawwa tagħhom li 
												jiċċelebraw l-Ikla tal-Mulej 
												darba fit-tant biss, u għażlu li 
												jiċċelebrawha kull nhar ta’ 
												Ħadd.  Imbagħad, jekk inqabblu 
												flimkien iċ-ċikli tal-qari 
												liturġiku ta’ ħafna Komunitajiet 
												Insara tal-Punent, insibu li 
												jaqblu flimkien f’dak li hu 
												essenżjali.  F’livell ekumeniku 
												wkoll, 
												ingħatat importanza għal kollox
												
												speċjali lil-liturġija, 
												lill-ikoni, lill-paramenti, 
												lid-dwal, lill-inċenz, lil 
												ġesti.  Barra dan, fl-istituti 
												teoloġiċi fejn jiġu ppreparati 
												l-ministri ta’ għada, l-istudju 
												tal-istorja u tat-tifsir 
												tal-liturġija sar parti 
												mill-programm tal-istudji bħala 
												ħtieġa li qed tinħass mill-ġdid. 
												
												
												Dan hu sinjal ta’ qbil dwar 
												ħafna aspetti tal-ħajja 
												sagramentali.  Veru li, minħabba 
												nuqqas ta’ ftehim dwar il-fidi, 
												għad ma tistax tiġi ċċelebrata 
												l-istess Liturġija Ewkaristika, 
												iżda hemm ħerqa kbira li 
												niċċelebraw flimkien 
												l-Ewkaristija waħda tal-Mulej, u 
												din il-ħerqa hi ġa tifħir 
												flimkien, hi talba.  Flimkien 
												qed induru lejn il-Missier u dan 
												dejjem aktar qed nagħmlu “qalb 
												waħda”.  Xi kultant jidher li 
												aħna aktar qrib għall-mument li 
												fih nistgħu nwettqu din l-għaqda 
												“vera għalkemm mhux sħiħa”.  Min 
												qatt kien jaħseb li se sseħħ 
												ħaġa bħal din mitt sena ilu? 
												
												
												46.  Meta din hija l-qagħda, 
												tajjeb infakkru li l-ministri 
												Kattoliċi f’każijiet 
												partikulari, ċerti u definiti, 
												jistgħu jamministraw 
												is-Sagramenti tal-Ewkaristija, 
												tal-Penitenza, tad-Dlik 
												tal-Morda lill-Insara oħra, li 
												mhumiex f’għaqda sħiħa 
												mal-Knisja Kattolika, iżda 
												għandhom ħerqa kbira li jirċievu 
												dawn is-sagramenti, qed 
												jitolbuhom minn rajhom u juru li 
												għandhom il-fidi li l-Knisja 
												Kattolika tistqarr dwar dawn 
												is-sagramenti.  Min-naħa l-oħra, 
												x’ċerti każijiet partikulari, 
												l-Kattoliċi ukoll jistgħu 
												jitolbu dawn is-sagramenti 
												mingħand ministru ta’ dawk 
												il-Knejjes li fihom dawn 
												is-sagramenti huma validi.  Ġew 
												stabbiliti n-normi dwar dan 
												kollu, u dawn in-normi jeħtieġ 
												li jkunu mħarsin f’ġieħ 
												il-progress ekumeniku. 
												
												
												
												Stima tal-ġid li jinsab fost 
												l-Insara l-oħra 
												
												
												47.  Id-djalogu mhuwiex biss 
												dwar duttrina, 
												imma jimpenja l-persuna kollha, 
												għax hu djalogu ta’ mħabba.  
												Il-Konċilju Vatikan II jgħid:  
												“Jeħtieġ li l-Kattoliċi bil-ferħ
												
												jagħrfu u japprezzaw 
												il-ġid tassew Nisrani, li jinsab 
												fost ħutna mifrudin, li hu frott 
												wirt komuni.  Hi ħaġa xierqa u 
												sewwa tagħraf l-għana ta’ Kristu 
												u l-għemejjel ta’ virtù 
												fil-ħajja tal-Insara l-oħra li 
												qed jagħtu xhieda ta’ Kristu xi 
												kultant bit-tixrid ta’ demmhom.  
												Alla hu dejjem tal-għaġeb u 
												jgħaġġeb fl-għemejjel tiegħu”. 
												
												
												48.  Ir-relazzjonijiet li 
												l-membri tal-Knisja Kattolika 
												waqfu mal-Insara l-oħra 
												mill-Konċilju ’l hawn, urew dak 
												li Alla jagħmel f’dawk li huma 
												membri tal-Knejjes u 
												tal-Komunitajiet Ekkleżjali 
												l-oħra.  Dawn il-kuntatti 
												mill-qrib, f’ħafna livelli, bejn 
												ragħajja u membri tal-Komunitajiet, 
												wasluna biex nagħrfu x-xhieda li 
												l-Insara l-oħra jagħtu għal Alla 
												u għal Kristu.  Hekk infetaħ 
												qasam tassew wiesgħa 
												għall-esperjenza ekumenika 
												kollha, li fl-istess waqt hu 
												sfida għal żmienna.  Mhux forsi 
												s-seklu għoxrin żmien ta’ xhieda 
												kbira, “sat-tixrid tad-demm”?  U 
												dan ma jgħoddx ukoll 
												għall-Knejjes u l-Komunitajiet 
												Ekkleżjali l-oħra, li jieħdu 
												isimhom minn Kristu msallab u 
												mqajjem mill-imwiet? 
												
												
												Din ix-xhieda komuni ta’ 
												qdusija, bħala xhieda ta’ 
												fedeltà lejn Mulej wieħed, hi 
												qawwa ekumenika, għanja 
												bil-grazzja b’mod tassew 
												tal-għaġeb.  Il-Konċilju Vatikan 
												II tenna li l-ġid li hemm fost 
												l-Insara l-oħra, jista’ jkun ta’ 
												edifkazzjoni għall-Kattoliċi:  
												“Lanqas għandna ninsew li kull 
												ma jsir mill-aħwa mifrdua 
												bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu 
												jista’ jgħin ukoll 
												għall-edifikazzjoni tagħna.  
												Kull ma hu tassew Nisrani, 
												mhuwiex kuntrarju għall-ġid veru 
												tal-fidi, iżda dejjem jista’ 
												jwassal biex jintlaħaq b’mod 
												aktar perfett il-misteru ta’ 
												Kristu u tal-Knisja.  
												Id-djalogu ekumeniku, bħal veru 
												djalogu ta’ salvazzjoni, mhux se 
												jonqos li jġib il-quddiem dan 
												il-proċess, li ġa mexa sewwa, 
												biex inkompli miexi lejn 
												l-għaqda sħiħa. 
												
												
												
												It-tkabbir tal-għaqda 
												
												
												49.  Frott mill-aqwa 
												tar-relazzjonijiet bejn l-Insara 
												u tad-djalogu li qed ikollhom 
												bejniethom hu t-tkabbir 
												tal-għaqda.  Dawn 
												ir-relazzjonijiet u dan 
												id-djalogu
												
												wasslu lill-Insara biex 
												jagħrfu l-elementi tal-fidi li 
												għandhom flimkien bejniethom.  
												Dan wassal biex isaħħaħ dejjem 
												aktar l-impenn tagħhom 
												għall-għaqda sħiħa. 
												
												
												F’dan kollu, il-Konċilju Vatikan 
												II jibqa’ ċentru qawwi ta’ 
												inċentivi u orjentament.  
												Il-Kostituzzjoni Dommatika 
												Lumen Gentium tgħaqqad 
												id-duttrina dwar il-Knisja 
												mal-għarfien tal-elementi ta’ 
												salvazzjoni li jinsabu 
												fil-Knejjes u l-Komunitajiet 
												Ekkleżjali l-oħra.  
												Mhux qed nitkellem dwar għarfien 
												ta’ elementi statiċi li huma 
												preżenti passivament f’dawn 
												il-Knejjes u f’dawn 
												il-Komunitajiet.  Għax dawn huma 
												ġid tal-Knisja ta’ Kristu, u 
												min-natura tagħhom stess 
												jimbuttaw biex l-għaqda sseħħ. 
												
												
												Minn dan jiġi, li t-tfittix 
												tal-għaqda tal-Insara mhuwiex xi 
												għemil fakultattiv jew opportun, 
												imma hu esigenża li toħroġ 
												min-natura stess tal-komunità 
												Nisranija. 
												
												
												Hekk ukoll, id-djalogi teoloġiċi 
												bilaterali mal-Komunitajiet 
												Insara kbar jibdew mill-għarfien 
												tal-grad ta’ għaqda li ġa hemm, 
												biex imbagħad ftit ftit 
												jisħarrġu u jiġu studjati dawk 
												l-elementi li ma hemmx qbil 
												fuqhom, ma’ kull waħda 
												mill-Komunitajiet.  Lill-Insara 
												ta’ żminijietna l-Mulej taħom li 
												jkunu jistgħu jnaqsu l-għadd ta’ 
												elementi tal-fidi li dwarhom ma 
												kienx hemm qbil. 
												
												
												
												Id-djalogu mal-Knejjes tal-Lvant 
												
												
												50.  Dwar dan, qabel xejn irridu 
												nammettu, b’radd ta’ ħajr
												
												partikulari lil Providenza ta’ 
												Alla, li r-rabtiet 
												mal-Knejjes tal-Lvant, 
												imdgħajfin tul mijiet ta’ snin, 
												reġgħu ssaħħu permezz 
												tal-Konċilju Vatikan II.  
												L-osservaturi ta’ dawn 
												il-Knejjes li ħadu sehem 
												fil-Konċilju, flimkien 
												mal-legati tal-Knejjes u 
												tal-Komunitajiet Ekkleżjali 
												tal-Punent, urew pubblikament, 
												f’mument hekk solenni tal-Knisja 
												Kattolika r-rieda komuni 
												għat-tfittix tal-għaqda. 
												
												
												Il-Konċilju, min-naħa tiegħu, 
												ħares lejn il-Knejjes tal-Lvant 
												oġġettivament u b’tjieba liema 
												bħalha, u wera ċar il-karattru 
												ekkleżjali tagħhom u r-rabtiet 
												veri ta’ għaqda li jorbtuhom 
												mal-Knisja Kattolika.  
												Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu 
												jgħid: “Biċ-ċelebrazzjoni 
												tal-Ewkaristija tal-Mulej f’kull 
												waħda minn dawn il-Knejjes, 
												il-Knisja ta’ Alla tinbena u 
												tikber”, u jżid jgħid li 
												għalhekk dawn il-Knejjes 
												għalkemm mifrudin għandhom “veri 
												sagramenti, u speċjalment, 
												bil-qawwa tas-suċċessjoni 
												appostolika, dawk tas-saċerdożju 
												u tal-Ewkaristija, u permezz 
												tagħhom huma marbutin magħna 
												b’rabta liema bħalha”.  
												    
												
												
												Tal-Knejjes tal-Lvant huma 
												magħrufin it-tradizzjoni 
												liturġika u spiritwali kbira li 
												għandhom, il-karattru speċifiku 
												tal-iżvilupp storiku tagħhom, 
												id-dixxiplina li huma ħarsu sa 
												mill-bidu u li ġiet imwettqa 
												minn Missirijiet Qaddisa u minn 
												Sinodi, u minn Konċilji 
												Ekumeniċi wkoll, u l-mod propju 
												tagħhom kif jgħallmu 
												d-duttrina.  Dan kollu qed 
												jingħad b’konviżjoni li 
												d-differenzi li għandhom ma 
												jmorrux kontra l-għaqda 
												tal-Knisja, anżi jżidulha l-ġieħ 
												u jgħinu mhux ftit ha sseħħ 
												il-missjoni tagħha.  Il-Konċilju 
												Vatikan II ried jibni d-djalogu 
												fuq l-għaqda li ġa hemm, u 
												jfakkar propju l-għana li hemm 
												fil-Knejjes tal-Lvant.  
												“Il-Konċilju Mqaddes għalhekk 
												iħeġġeġ lil kulħadd, u 
												speċjalment lil dawk li qed 
												jaħdmu bil-ħsieb li seħħ 
												l-għaqda sħiħa tant mixtieqa 
												bejn il-Knejjes tal-Lvant u 
												l-Knisja Kattolika, biex iqisu 
												sewwa din il-qagħda speċjali 
												tal-bidu tal-kobor tal-Knejjes 
												tal-Lvant, u s-sura 
												tar-relazzjonijiet li kien hemm 
												bejnhom u bejn is-Sedi ta’ Ruma 
												qabel il-firda, u jiffurmaw 
												ġudizzju dwar dan kollu.” 
												
												
												51.  Din il-fehma tal-Konċilju 
												kienet ta’ siwi kemm 
												għar-relazzjonijiet fraterni li 
												ġew il-quddiem permezz ta’ 
												djalogu ta’ mħabba, u permezz 
												tad-diskussjonijiet dottrinali 
												li seħħu fi ħdan il-Kummissjoni 
												Internazzjonali Mista biex iġġib 
												il-quddiem id-djalogu bejn 
												il-Knisja Kattolika u 
												l-Knisja Ortodossa kollha kemm 
												hi.  Din il-fehma tat kotra 
												ta’ frott ukoll 
												fir-relazzjonijiet mal-Knejjes 
												Antiki tal-Lvant. 
												
												
												Kien proċess tqil li mexa 
												bil-mod, iżda kien għajn ta’ 
												ferħ liema bħalu u qanqal 
												il-qlub għax biż-żmien wassal 
												għall-għarfien ftit ftit li aħna 
												lkoll aħwa. 
												
												
												
												Kuntatti mill-ġdid 
												
												
												52.  Għal dak li għandu x’jaqsam 
												mal-Knisja ta’ Ruma u 
												mal-Patrijarkat Ekumeniku ta’ 
												Kostantinopli, il-proċess li 
												għadni kemm semmejt, beda 
												bil-ftuħ għal xulxin mill-Papiet 
												Ġwanni XXIII u Pawlu VI 
												min-naħa, u l-Patrijarka 
												Athenagoras u s-suċċessuri 
												tiegħu min-naħa l-oħra.  
												Il-bidla li seħħet ġiet imfissra 
												storikament permezz ta’ att 
												ekkleżjali li bih “tneħħiet 
												it-tifkira minn ħdan dawn 
												il-Knejjes” 
												tal-iskomunika li disa’ mitt 
												sena ilu, is-sena 1054, saret 
												simbolu tax-xiżma bejn is-Sede 
												ta’ Ruma u dik ta’ 
												Kostantinopli.  Din il-ġrajja 
												ekkleżjali hekk mimlija b’impenn 
												ekumeniku, seħħet fl-aħħar jiem 
												tal-Konċilju, nhar is-7 ta’ 
												Diċembru 1965. 
												
												
												U hekk il-Konċilju ntemm b’att 
												solenni li fl-istess waqt kien 
												tisfija ta’ tifkira storika u 
												maħfra għal xulxin u mpenn sħiħ 
												għat-tfittix tal-għaqda. 
												
												
												Il-Laqgħa tal-Papa Pawlu VI 
												mal-Patrijarka Athenagoras I 
												f’Ġerusalemm fix-xahar ta’ 
												Jannar 1964 kienet seħħet ftit 
												qabel, tul il-pellegrinaġġ 
												tal-Papa fl-Art Imqaddsa.  F’dik 
												l-okkażjoni l-Papa seta’ 
												jiltaqa’ wkoll ma’ Beneditt, 
												il-Patrijarka Ortodoss ta’ 
												Ġerusalemm.  Imbagħad il-Papa 
												Pawlu VI fil-15 ta’ Lulju 1967 
												għamel żjara lill-Patrijarka 
												Athenagoras fil-Phanar, is-Sede 
												tiegħu fil-belt ta’ 
												Kostantinopli; fix-xahar ta’ 
												Ottubru tal-istess sena 
												il-Patrijarka ġie milqugħ 
												mill-istess Papa b’solennità 
												kbira.  Dawn il-laqgħat fit-talb 
												urew liema hi t-triq 
												għar-rikonċiljazzjoni bejn 
												il-Knisja tal-Lvant u l-Knisja 
												tal-Punent u biex jerġa’ jkun 
												hemm dik l-għaqda li kienet 
												teżisti bejnhom tul l-ewwel elf 
												sena. 
												
												
												Wara l-mewt ta’ Pawlu VI u 
												l-pontifikat qasir ta’ Ġwann 
												Pawlu I, meta ġie fdat lili 
												l-ministeru ta’ Isqof ta’ Ruma, 
												deherli li l-ewwel dmir tiegħi 
												fil-qadi pontifiċju tiegħi kien 
												li nġedded il-kuntatti personali 
												tiegħi mal-Patrijarka Ekumeniku 
												Dimitrios I, li kien issa laħaq 
												flok il-Patrijarka Athenagoras 
												fis-Sede ta’ Kostantinopli.  
												Meta mort inżuru fil-Phanar 
												fid-29 ta’ Novembru 1979, 
												flimkien ftehemna li nibdew 
												djalogu teoloġiku bejn il-Knisja 
												Kattolika u l-Knejjes Ortodossi 
												kollha, li huma f’għaqda 
												kanonika mad-Sede ta’ 
												Kostantinopli.  Dwar dan, tajjeb 
												milli jidher, li nżid ngħid li 
												dak iż-żmien kienu ġa bdew 
												it-tħejjijiet għall-Konċilju 
												tal-Knejjes Ortodossi 
												fil-ġejjieni.  Il-ħidma biex 
												ikun hemm armonija bejniethom 
												ikun żgur ta’ għajnuna 
												għall-ħajja u għas-saħħa ta’ 
												dawk il-Knejjes ħutna u dan 
												ukoll jekk tqies il-ħidma li 
												jridu jagħmlu fil-mixi lejn 
												l-għaqda.  Il-Patrijarka 
												Ekumeniku ried ipatti ż-żjara li 
												għamiltlu u fix-xahar ta’ 
												Diċembru 1987 ferħan ilqajtu 
												f’Ruma b’imħabba sinċiera u 
												bis-solennità kollha li kienet 
												tixraqlu.  F’din il-qagħda ta’ 
												fraternità ekkleżjali ta’ min 
												ifakkar id-drawwa li issa ilha 
												ħafna snin li f’Ruma għall-Festa 
												tal-Appostli San Pietru u San 
												Pawl tiġi delegazzjoni 
												tal-Patrijarka Ekumeniku, u 
												tintbagħat fil-Phanar 
												delegrazzjoni tas-Santa Sede 
												għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ 
												San Andrija. 
												
												
												53.  Dawn il-kuntatti regolari 
												jgħinu, 
												fost affarijiet oħra, fil-bdil 
												dirett ta’ tagħrif u ta’ 
												opinjonijiet biex jiġi l-quddiem 
												ftehim fil-ħidma flimkien bħal 
												aħwa.  Fl-aħħar mill-aħħar 
												it-talb tagħna flimkien għal 
												xulxin darriena ngħixu qrib 
												xulxin u qed jimbuttana nilqgħu 
												flimkien ir-rieda tal-Mulej dwar 
												il-Knisja tiegħu u naraw li 
												sseħħ bil-fatti.  Fit-triq li 
												mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn 
												għaddejna minnha hemm almenu 
												żewġ ġrajjiet li għandhom ikunu 
												mfakkra sewwa, żewġ ġrajjiet li 
												jfissru ħafna u għandhom 
												importanza kbira 
												fir-relazzjonijiet bejn il-Lvant 
												u l-Punent:  l-ewwelnett hemm 
												il-Ġublew imniedi fl-1984 
												b’tifkira tal-ħdax il-mitt sena 
												tal-ħidma evanġelizzatriċi ta’ 
												San Ċirillu u San Metodju; dan 
												wassalni biex niddikjara bħala 
												kompatruni tal-Ewropa lil dawk 
												iż-żewġ Qaddisin Appostli 
												tal-Islavi u ħabbara tal-fidi. 
												
												
												Qabel dan, Pawl VI, fis-sena 
												1964 waqt il-Konċilju, 
												ipproklama lil San Benedittu 
												l-Patrun tal-Ewropa.  Meta 
												ssieħeb iż-żewġ Aħwa ta’ 
												Salonika mal-aqwa fundatur 
												tal-monakiżmu fil-Punent 
												indirettament tkun qed turi 
												l-importanza ta’ dik 
												it-tradizzjoni ekkleżjali u 
												kulturali tal-Lvant u tal-Punent 
												li għad għandha tifsir kbir 
												għall-elfejn sena ta’ 
												Kristjaneżmu, li kkaratterizzaw 
												l-istorja kollha tal-kontinent 
												tal-Ewropa.  Għalhekk mhijiex 
												ħaġa barra minn postha tfakkar 
												li San Ċirillu u San Metodju 
												kienu ġejjin minn ħdan il-Knisja 
												Biżantina ta’ dak iż-żmien, meta 
												dik il-Knisja kienet f’għaqda 
												mal-Knisja ta’ Ruma.  Meta 
												ddikjarajthom Patruni tal-Ewropa 
												flimkien ma’ San Benedittu mhux 
												biss xtaqt inwettaq il-verità 
												tal-istorja tar-Reliġjon 
												Nisranija fil-kontinent 
												tal-Ewropa, imma noffri wkoll 
												argument mill-aqwa għad-djalogu 
												bejn il-Lvant u l-Punent, li 
												qanqal tant tamiet wara 
												l-Konċilju.  L-Ewropa, kif issib 
												l-għeruq spiritwali tagħha f’San 
												Benedittu, issibhom ukoll f’San 
												Ċirillu u f’San Metodju.  Qrib 
												it-tmiem tat-tieni elf sena wara 
												t-twelid ta’ Kristu, dawn 
												il-Qaddisin għandhom jiġu 
												miqjuma flimkien sew 
												bħala Patruni ta’ żminijietna u 
												sew bħala Qaddisin li lilhom 
												il-Knejjes u n-Nazzjonijiet 
												tal-Ewropa jridu jafdawlhom 
												il-ġejjieni tagħhom. 
												
												
												54.  Il-ġrajja l-oħra li jidhili 
												li għandi nfakkar hi 
												ċ-ċelebrazzjoni tal-Elf Sena 
												tal-Magħmudija tan-Nazzjoni 
												tar-Rus’ (988-1988).  Il-Knisja 
												Kattolika, u b’mod speċjali 
												s-Sede Apostolika, riedu jieħdu 
												sehem f’dawn 
												iċ-ċelebrazzjonijiet Ġubilari u 
												riedu juru li l-Magħmudija li 
												ngħatat bil-belt ta’ Kiev lil 
												Vladimir kienet waħda 
												mill-ġrajjiet ewlenin 
												tal-evanġelizzazzjoni 
												tad-dinja.  Jafu l-fidi tagħhom 
												lil din il-ġrajja mhux biss 
												in-nazzjonijiet Slavi kbar 
												tal-Lvant tal-Ewropa, imma wkoll 
												dawk il-ġnus li jgħammru ’l hemm 
												mill-muntanji Urali sal-Alaska. 
												
												
												Fid-dawl ta’ dan kollu, 
												l-espressjoni li jien imdorri 
												nuża spiss tikseb it-tifsir sħiħ 
												tagħha.  Il-Knisja trid tieħu 
												n-nifs biż-żewġ pulmuni tagħha.  
												Fl-ewwel elf sena 
												tal-Kristjaneżmu l-espressjoni 
												tfisser l-aktar ir-relazzjoni
												bejn 
												Bisanżju u Ruma; wara 
												l-Magħmudija tan-Nazzjoni 
												tar-Rus’ it-tifsir tagħha 
												twessa’ aktar; 
												l-evanġelizzazzjoni xterdet tant 
												li l-espressjoni ħaddnet 
												il-Knisja kollha.  Jekk inqisu 
												mbagħad li l-missjoni 
												tas-salvazzjoni qrib ix-xmara 
												Dnieper, bdiet fi żmien meta 
												l-Knisja tal-Lvant u l-Knisja 
												tal-Punent ma kinux mifrudin 
												minn xulxin, joħroġ ċar li 
												l-għaqda sħiħa rridu nfittxuha 
												f’għaqda fejn huma mħarsin 
												diversitajiet leġittimi.  Dan 
												tennejtu bil-qawwa kollha 
												fl-Enċiklika Slavorum 
												Apostoli
												f’ġieħ San Ċirillu u San 
												Metodju u wkoll fl-Ittra 
												Appostolika Magnum Baptismi 
												Donum 
												li bgħatt lill-Insara kollha 
												tal-Knisja Kattolika biex 
												infakkar l-Elf Sena 
												tal-Magħmudija tar-Rus’ ta’ 
												Kiev. 
												
												
												
												Knejjes Aħwa 
												
												
												55.  Id-digriet tal-Konċilju 
												Unitatis Redintegratio, 
												fil-ħarsa tiegħu lejn l-istorja, 
												kellu quddiemu l-għaqda li, 
												minkejja l-ħafna 
												kuntrarjitajiet, kienet teżisti 
												fl-ewwel elf sena:  dan b’xi mod 
												jista’ jservi ta’ eżempju:  “Bi 
												pjaċir il-Konċilju... irid 
												ifakkar lil kulħadd li fil-Lvant 
												kienu qed jikbru u jissaħħu 
												ħafna Knejjes partikulari jew 
												lokali, u fost dan kellhom 
												l-ewwel post il-Knejjes 
												Patrijarkali, li ħafna minnhom 
												kellhom il-ġieħ li ġew imwaqqfa 
												mill-Appostli”.  
												Il-mixi tal-Knisja beda nhar 
												Għid il-Ħamsin fil-belt ta’ 
												Ġerusalemm u l-iżvilupp 
												oriġinali tagħha fl-oikoumene 
												ta’ dak iż-żmien kien madwar San 
												Pietru u l-Ħdax (ara Atti 2: 
												14).  Meta l-istrutturi 
												tal-Knisja kienu qed jitfasslu 
												skont dan il-partrimonju 
												Appostoliku.  L-għaqda 
												tal-Knisja, tul l-ewwel elf 
												sena, kienet imħarsa f’dawn 
												l-istess strutturi 
												mill-Isqfijiet, is-Suċċessuri 
												tal-Appostli, f’għaqda mal-Isqof 
												ta’ Ruma.  Jekk illum, qrib 
												it-tmiem tat-tieni elf sena, 
												irridu nfittxu l-għaqda sħiħa, 
												irridu nħarsu lejn l-istruttura 
												ta’ din l-għaqda. 
												
												
												Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu 
												jqiegħed fid-dawl aspett 
												karatteristiku ieħor, aspett li 
												bil-qawwa tiegħu l-Knejjes 
												partikulari kienu jżommu 
												l-għaqda bejniethom, jiġifieri 
												“il-ħerqa u l-ħsieb li jżommu 
												relazzjonijiet ta’ aħwa 
												bejniethom fil-fidi u 
												fl-imħabba, relazzjonijiet li 
												bħal aħwa għandu jkun hemm bejn 
												il-Knejjes lokali”. 
												
												
												56.  Wara l-Konċilju Vatikan II 
												seħħet sura ta’ rabta ma’ din 
												it-tradizzjoni, billi reġgħet 
												daħlet id-drawwa li nsejħu 
												“Knejjes Aħwa” il-Knejjes 
												partikulari jew lokali miġburin 
												madwar l-Isqof tagħhom.  
												It-tneħħija tal-iskomunika ta’ 
												xulxin, li biha twarrab tfixkil 
												kanoniku u psikoloġiku, kien 
												pass il-quddiem ifisser ħafna 
												lejn għaqda sħiħa. 
												
												
												L-istrutturi tal-għaqda li kien 
												hemm qabel il-firda huma 
												patrimonju ta’ esperjenza li 
												jurina t-triq li minnha għandna 
												ngħaddu ħa tinkiseb għaqda 
												sħiħa.  Kif kien jixraq, tul dan 
												it-tieni elf sena l-Mulej ma 
												waqafx ixerred fil-Knisja tiegħu 
												kotra frott ta’ grazzja u ta’ 
												kobor.  Iżda disgrazzjatament 
												it-tbegħid minn xulxin 
												tal-Knejjes tal-Lvant u 
												tal-Punent, tbegħid li kien 
												dejjem aktar jikber, ċaħħadhom 
												mill-għana ta’ dawn id-doni għal 
												xulxin.  “Jeħtieġ isir sforz 
												kbir bil-grazzja ta’ Alla biex 
												terġa’ sseħħ l-għaqda 
												bejniethom, għajn ta’ tant ġid 
												għall-Knisja ta’ Kristu.  Dan 
												l-isforz jitlob minna rieda 
												sħiħa bla ebda tnikkir ta’ xejn, 
												talb umli u kooperazzjoni dejjem 
												sejra li xejn ma hu se jżommha.  
												San Pawl iħeġġiġna għal dan:  
												“Erfgħu t-tagħbija ta’ xulxin” 
												(Gal 6:2).  Kemm tgħodd għalina 
												u kemm hi adatta l-eżortazzjoni 
												tal-Appostlu!  Is-sejħa 
												tradizzjonali ta’ “Knejjes Aħwa” 
												għandha dejjem tissieħeb magħna 
												f’dan il-mixi tagħna. 
												
												
												57.  Kif xtaq Pawlu VI l-għan 
												dikjarat tagħna hu li flimkien 
												insibu l-għaqda sħiħa waqt li 
												jibqgħu mħarsin id-diversitajiet 
												leġittimi tagħna.  Alla tana 
												s-setgħa li nilqgħu fil-fidi din 
												ix-xhieda tal-Appostli.  
												Bil-Magħmudija aħna ħaġa 
												waħda fi Kristu (ara Gal 
												3:28).  Bis-saħħa 
												tas-suċċessjoni appostolika 
												s-saċerdożju u l-Ewkaristija 
												jsieħbuna flimkien b’mod l-aktar 
												intimu; bit-tisħib tagħna 
												fid-doni li Alla jagħti 
												lill-Knisja tiegħu, aħna 
												f’għaqda mal-Missier, bl-Iben, 
												fl-Ispirtu s-Santu.  F’kull 
												Knisja lokali jseħħh dan 
												il-misteru tal-imħabba ta’ 
												Alla.  Mhux din hi r-raġuni 
												tal-espressjoni Tradizzjonali 
												hekk sabiħa li biha l-Knejjes 
												lokali jħobbu jsejħu lil xulxin 
												“Knejjes Aħwa”? (ara Digriet 
												Unitatis Redintegratio, 14). 
												  Għal mijiet ta’ snin għexna 
												din il-ħajja ta’ Knejjes waqt li 
												ċċelebrajna flimkien Konċilji 
												Ekumeniċi li ħarsu d-depositu 
												tal-fidi minn kull tibdil.  U 
												issa, wara żmien twil li fih ma 
												konniex qed nifhmu lil xulxin, 
												il-Mulej tana li mill-ġdid 
												insibu ruħna qisna Knejjes aħwa 
												minkejja d-diffikultajiet li 
												fl-imgħoddi inqalgħu bejnietna”.  
												Jekk illum, qrib il-bidu 
												tat-tielet elf sena, inħabirku 
												biex isseħħ għaqda sħiħa, 
												ħsiebna jrid ikun dejjem f’dan 
												il-għan, u għal dan il-għan 
												irridu nagħmlu kollox. 
												
												
												Ir-rabta ma’ din it-tradizzjoni 
												hekk ta’ ġieħ hi ta’ frott kbir 
												għall-Knisja.  Il-Konċilju jgħid 
												li “l-Knejjes tal-Lvant sa 
												mill-bidu kellhom teżor li minnu 
												l-Knisja tal-Punent ħadet ħafna 
												fl-oqsma tal-liturġija, 
												tat-tradizzjoni spiritwali u 
												tal-ordni ġuridiku”.  
												Ta’ dan it-“teżor” huwa wkoll 
												“l-għana ta’ dawk 
												it-tradizzjonijiet spiritwali li 
												l-aktar intwerew 
												fil-monakiżmu”.  Dan għaliex 
												fil-Lvant “sa minn iż-żminijiet 
												glorjużi tal-Missirijiet Qaddisa 
												dehret dik l-ispirtwalità 
												monastika li xterdet imbagħad 
												fil-Punent”.  
												Kif ġa wrejt fl-Ittra 
												Appostolika ta’ dan l-aħħar, 
												Orientale Lumen, 
												il-Knejjes tal-Lvant għexu 
												b’ġenerożità kbira l-impenn li 
												jiġi mill-ħajja ċenobitika, 
												“mill-evanġelizzazzjoni li hi 
												l-ogħla qadi li n-nisrani jista’ 
												jagħti lil ħutu, sa l-ħafna 
												suriet oħra ta’ qadi spiritwali 
												u materjali.  Anżi nistgħu 
												ngħidu li l-monakiżmu 
												fl-imgħoddi — u kemm-il darba 
												fiż-żminijiet ta’ wara — kien 
												strument privileġġjat 
												għall-evanġelizzazzjoni 
												tal-ġnus”. 
												  
												
												
												Il-Konċilju mhux biss juri sewwa 
												dak li jagħmel il-Knejjes 
												tal-Lvant u tal-Punent jixbħu 
												lil xulxin, imma, bl-ebda 
												eżitazzjoni ta’ xejn, b’fedeltà 
												sħiħa lejn l-istorja jgħid:  “Ma 
												għandniex għax nistagħġbu li xi 
												drabi xi aspetti tal-misteru 
												rivelat jistgħu jingħarfu aħjar 
												u jitqegħdu f’dawl aqwa issa 
												minn Knisja u issa minn oħra, 
												hekk li l-ħafna formuli 
												teoloġiċi ta’ spiss, aktar milli 
												huma kontra xulxin, nistgħu 
												ngħidu li jikkompletaw lil 
												xulxin”.  
												Il-bdil tad-doni bejn il-Knejjes 
												permezz ta’ din 
												il-komplementarjetà jwassal biex 
												l-għaqda tagħti kotra ta’ frott. 
												
												
												58.  Mill-għaqda fil-fidi li ġa 
												hemm u li ġiet imtennija 
												mill-Konċilju Vatikan II ħarġu 
												xi konsegwenzi pastorali li 
												jiswew ħafna għall-ħajja ta’ 
												kuljum tal-Insara u 
												għall-promozzjoni tal-Ispirtu 
												tal-għaqda.  Minħabba r-rabtiet 
												sagramentali tassew qawwija li 
												hemm bejn il-Knisja Kattolika u 
												l-Knejjes Ortodossi, id-Digriet
												Orientalium Eccelesiarum 
												jgħid dan:  “L-esperjenza 
												pastorali turi ċar li fil-każ 
												tal-aħwa Ortodossi jista’ jkun 
												hemm, u għandhom jitqiesu sewwa, 
												ċirkostanzi ta’ individwi li 
												fihom la se jsir xejn li jkun 
												ta’ ħsara għall-għaqda 
												tal-Knejjes u lanqas se jkun 
												hemm xi perikli li jridu jiġu 
												evitati, imma biss hemm ħtieġa 
												kbira għas-salvazzjoni u 
												għall-ġid spiritwali 
												tal-persuni.  Għalhekk il-Knisja 
												Kattolika, skont iċ-ċikostanzi 
												taż-żminijiet, spiss uriet u qed 
												turi mġiba inqas iebsa billi 
												offriet lill-Insara kollha 
												l-mezzi tas-salvazzjoni u 
												x-xhieda tal-imħabba permezz ta’ 
												tisħib fis-sagramenti u 
												f’funzjonijiet u għemil imqaddes 
												ieħor”. 
												 
												
												
												Din il-fehma teoloġika u 
												pastorali sabet postha fiż-żewġ 
												Kodiċijiet tal-Liġi Kanonika 
												wara li tqiset l-esperjenza li 
												nkisbet fis-snin ta’ wara 
												l-Konċilju.  
												L-aspett pastorali ta’ dan ġie 
												mfisser ċar fid-Direttorju 
												tal-Prinċipji u n-Normi 
												għall-Applikazzjoni 
												tal-Ekumeniżmu. 
												
												
												F’din il-ħaġa hekk importanti li 
												titlob ukoll għaqal kbir, 
												l-Isqfijiet huma fid-dmir li 
												jgħallmu lill-Insara ha jkunu 
												jafu sewwa r-raġunijiet eżatti 
												ta’ dan it-tisħib f’dak li 
												għandu x’jaqsam mal-kult 
												liturġiku u mal-ħafna 
												regolamenti li hemm dwaru.  Qatt 
												ma trid titħalla fil-ġenb 
												id-dimensjoni ekkesjoloġika 
												tat-tisħib fis-sagramenti, 
												speċjalment fl-Ewkaristija. 
												
												
												
												Progress fid-djalogu 
												
												
												59.  Wara li fl-1979 twaqqfet 
												il-Kummissjoni 
												Internazzjonali Mista 
												għad-Djalogu Teoloġiku 
												bejn il-Knisja Kattolika u 
												l-Knisja Ortodossa kollha kemm 
												hi; din ħadmet bla heda u 
												mexxiet l-istħarriġ tagħha lejn 
												l-oqsma li, bi qbil ma’ kulħadd, 
												intagħżlu minn qabel bil-ħsieb 
												li terġa’ sseħħ l-għaqda sħiħa 
												bejn iż-żewġ Knejjes.  Din 
												l-għaqda mibnija fuq fidi waħda, 
												miexja fuq il-passi 
												tal-esperjenza u t-tradizzjoni 
												tal-Knisja antika, issib 
												it-tifsir sħiħ tagħha 
												fiċ-ċelebrazzjoni 
												tal-Ewkaristija.  Bi spirtu 
												kollu kemm hu pożittiv, 
												il-Kummissjoni Mista bbażzat 
												ruħha fuq kull ħaġa li ġa hemm 
												qbil bejnietna, u hekk imxiet 
												fis-sod ħafna l-quddiem u, kif 
												stajt ngħid flimkien 
												mal-Venerabbli Hija, il-Qdusija 
												Tiegħu Dimitrios I, Patrijarka 
												Ekumeniku, waslet biex tgħid li 
												“l-Knisja Kattolika u l-Knisja 
												Ortodossa jistgħu jistqarru 
												flimkien bħala l-fidi komuni 
												tagħhom il-fidi fil-misteru 
												tal-Knisja u fir-rabta tal-fidi 
												u s-sagramenti”.  
												Il-Kummissjoni mbagħad għarfet 
												ukoll u qalet:  “fil-Knejjes 
												tagħna s-suċċessjoni appostolika 
												hi fundamentali għall-qdusija u 
												l-għaqda tal-Poplu ta’ Alla”.  
												Dawn huma fehmiet importanti 
												ħafna biex id-djalogu jkun 
												jista’ jkompli miexi ’l 
												quddiem.  U dan mhux kollox:  
												dawn id-dikjarazzjonijiet 
												magħmulin flimkien iwasslu biex 
												il-Kattoliċi u l-Ortodossi, sa 
												minn issa, fi żmienna, jistgħu 
												jagħtu xhieda flimkien, 
												bil-fedeltà kollha, ħalli isem 
												il-Mulej jitħabbar u jissebbaħ. 
												
												
												60.  Dan l-aħħar il-Kummissjoni 
												Internazzjonali Mista għamlet 
												pass ’l quddiem ifisser ħafna 
												fil-kwistjoni tassew diffiċli 
												ta’ kif u b’liema mod għandna 
												nfittxu t-triq li twassalna biex 
												isseħħ l-għaqda sħiħa bejn 
												il-Knisja Kattolika u l-Knisja 
												Ortodossa, kwistjoni li spiss 
												kienet ta’ tiġrib 
												fir-relazzjonijiet bejn 
												il-Kattoliċi u l-Ortodossi.  
												Il-Kummissjoni bniet 
												il-pedamenti duttrinali li 
												fuqhom tinsab soluzzjoni 
												pożittiva għall-kwistjoni li hi 
												bażata fuq id-duttrina taż-żewġ 
												Knejjes Aħwa.  F’dan ukoll deher 
												ċar li l-metodu li għandu 
												jintuża biex ikun hemm għaqda 
												sħiħa, u d-djalogu skont 
												il-verità, imwettaq u mogħti 
												l-ħajja minn djalogu 
												fl-imħabba.  L-għarfien 
												tad-dritt tal-Knejjes Kattoliċi 
												tal-Lvant li jorganizzaw u iġibu 
												’l quddiem l-appostolat tagħhom 
												u l-impenn ta’ dawn il-Knejjes 
												fid-djalogu tal-imħabba u 
												fid-djalogu teoloġiku jgħinu 
												mhux biss biex ikun hemm veru 
												rispett bħal aħwa bejn 
												l-Ortodossi u l-Kattoliċi li 
												jgħixu fl-istess pajjiż, imma 
												biex ikun hemm ukoll impenn 
												komuni għall-għaqda.  
												Ġa sar xi pass ’l quddiem.  
												L-impenn irid ikompli.  Iżda 
												minn issa wieħed qed jara spirtu 
												ta’ sliem u paċi li se jwassal 
												biex it-tħabrik għall-għaqda 
												jagħti aktar frott. 
												
												
												Dwar il-Knejjes 
												tal-Lvant li huma f’għaqda 
												mal-Knisja Kattolika, 
												il-Konċilju wera l-istima tiegħu 
												għalihom b’dan il-kliem:  
												“Dan il-Konċilju irodd ħajr 
												lil Alla li ħafna orjentali 
												ulied il-Knisja Kattolika... ġa 
												qed jgħixu f’għaqda sħiħa ma’ 
												ħuthom li jħaddnu t-tradizzjoni 
												tal-Punent u jiddikjara li dan 
												il-patrimonju kollu spiritwali u 
												liturġiku, dixxiplinaru u 
												teoloġiku fit-tradizzjonijiet 
												diversi tiegħu jappartjeni 
												lill-kattoliċità u 
												l-appostoliċità sħiħa 
												tal-Knisja.  
												Żgur li l-Knejjes Kattoliċi 
												tal-Lvant fl-Ispirtu tad-Digriet 
												tal-Ekumeniżmu, jagħrfu 
												jissieħbu b’mod pożittiv 
												fid-djalogu tal-imħabba u 
												fid-djalogu teoloġiku, sew 
												f’livell lokali u sew f’livell 
												internazzjonali u hekk jgħinu 
												għall-għarfien ta’ xulxin u 
												għall-ħidma ħerqana favur għaqda 
												sħiħa. 
												
												
												61.  Fid-dawl ta’ dan kollu, 
												il-Knisja Kattolika ma tridx 
												ħaġ’oħra ħlief li sseħħ għaqda 
												sħiħa bejn il-Knisja Kattolika u 
												l-Knisja tal-Lvant.  F’dan trid 
												timxi fuq l-esperjenza tal-ewwel 
												elf sena. 
												F’dak 
												iż-żmien “l-iżvilupp ta’ tant 
												esperjenzi ta’ ħajja 
												ekkleżjali ma kienx ta’ tfixkil 
												għall-Insara biex ikomplu jħossu 
												u jkunu żguri li qegħdin 
												f’darhom, huma f’liema Knisja 
												qegħdin, għaliex mill-Knejjes 
												kollha kienet titla’, b’varjetà 
												tassew tal-għaġeb ta’ ilsna, ta’ 
												melodiji, ta’ tifħir 
												lill-Missier wieħed, bi Kristu, 
												fl-Ispirtu s-Santu: ilkoll kienu 
												ġemgħa waħda għaċ-ċelebrazzjoni 
												tal-Ewkaristija, qalb u xbieha 
												għall-ġemgħa kollha, 
												mhux biss minħabba l-ispiritwalità 
												u l-ħajja morali, imma wkoll 
												minħabba l-istess struttura 
												tal-Knisja fil-varjetà 
												tal-ministeri u tal-qadi tagħha 
												taħt il-presidenza tal-Isqof, 
												is-suċċessur tal-Appostli.  
												L-ewwel Konċilji huma 
												xhieda qawwija ta’ din l-għaqda 
												li baqgħet isseħħ fost ħafna 
												diversitajiet”.  
												B’liema mod tista’ terġa’ sseħħ 
												din l-għaqda wara kważi elf 
												sena?  Din hi l-ħidma li trid 
												taqdi, ħidma wkoll li trid 
												timpenja l-Knisja Ortodossa.  
												Dan kollu jurina kemm hu floku 
												d-djalogu mwettaq bid-dawl u 
												l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. 
												
												
												
												Ir-relazzjonijiet mal-Knejjes 
												Antiki tal-Lvant 
												
												
												62.  Mill-Konċilju Vatikan II ’l 
												hawn b’ħafna manjieri u b’ritmu 
												mhux dejjem l-istess, il-Knisja 
												Kattolika reġgħet waqfet 
												relazzjonijiet fraterni 
												mal-Knejjes Antiku tal-Lvant li 
												rrifjutaw il-formoli dommatiċi 
												tal-Konċilji ta’ Efesu u ta’ 
												Kalċedonja.  Dawn il-Knejjes 
												kollha bagħtu l-legati tagħhom 
												għall-Konċilju Vatikan II; 
												il-Patrijarki tagħhom tawni ġieħ 
												biż-żjarat tagħhom u l-Isqof ta’ 
												Ruma seta’ jkellimhom bħala aħwa 
												li wara tant żmien bil-ferħ 
												jerġgħu jiltaqgħu flimkien.  
												Il-bidu mill-ġdid tar-rabtiet 
												ta’ fraternità ma’ dawn 
												il-Knejjes Antiki tal-Lvant, li 
												spiss kienu xhieda tal-fidi 
												Nisranija f’ċirkostanzi ostili u 
												traġiċi, juri ċar kif Kristu 
												qiegħed iseħibna, minkejja li 
												hemm fin-nofs tfixkil storiku u 
												politiku, soċjali u kulturali.  
												U propju fuq il-problema 
												Kristoloġiku stajna flimkien 
												mal-Patrijarki ta’ xi whud minn 
												dawn il-Knejjes inxandru l-fidi 
												komuni tagħna fi Kristu, veru 
												Alla u veru bniedem.  Pawlu VI 
												kien iffirma xi 
												dikjarazzjonijiet f’dan is-sens 
												mal-Qdusija Tiegħu Shenouda III, 
												Papa u Patrijarka Ortodoss 
												tal-Kopti, 
												u mal-Patrijarka Ortodoss 
												tas-Sirja ta’ Antjokja, 
												il-Qdusija Tiegħu Ġakbu III.  
												Jien stess stajt inwettaq dan 
												il-ftehim Kristoloġiku u ninqeda 
												bih biex inġib l-quddiem 
												id-djalogu mal-Papa Shenouda, 
												u biex tiġi l-quddiem ħidma 
												pastorali flimkien 
												mal-Patrijarka Siro-Antjoken Mor 
												Injażju Zakka I Iwas. 
												
												
												Mal-Venerabbli Patrijarka 
												tal-Knisja Etjopika Abuna Paulos 
												li ġie Ruma jżurni fil-11 ta’ 
												Lulju 1993 flimkien insistejna 
												fuq l-għaqda kbira li hemm bejn 
												iż-żewġ Knejjes tagħna:  
												“Għandna l-istess fidi li 
												rċevejna mill-Appostli, l-istess 
												sagramenti.  L-istess ministeru 
												li għandu l-għeruq tiegħu 
												fis-suċċessjoni appostolika.  
												Illum nistgħu ngħidu li għandna 
												l-istess fidi fi Kristu, fidi li 
												għal żmien twil ġabet firda 
												bejnietna”. 
												
												
												Fi żmien iktar qrib lejn illum, 
												il-Mulej tani l-ferħ kbir li 
												niffirma Dikjarazzjoni 
												Kristoloġika Komuni 
												mal-Patrijarka tal-Assirja 
												tal-Lvant, il-Qdusija Tiegħu Mar 
												Dinkha IV li għal dan il-għan 
												ġie jżurni f’Ruma fix-xahar ta’ 
												Novembru 1994.  “Wara li qisna 
												l-formularji teoloġiċi 
												differenti, stajna flimkien 
												nistqarru l-fidi vera fi Kristu.  
												Irrid nuri l-ferħ kollu tiegħi 
												għal dan kollu bi kliem 
												il-Verġni Marija:  “Ruħi tfaħħar 
												il-kobor tal-Mulej”(Lq 1:46). 
												
												
												63.  Għal dak li għandu x’jaqsam 
												mal-kontroversji Kristoloġiċi 
												tradizzjonali, 
												l-ħidma ekumenika wasslet 
												biex ikun hemm kjarifikazzjoni 
												f’dak li hu essenzjali f’din 
												il-ħaġa tant li fl-aħħar stajna 
												nagħtu xhieda tal-fidi li 
												għandna flimkien.  Irridu 
												nammettu għal darb’oħra li dan 
												kollu żgur inkiseb permezz ta’ 
												riċerka teoloġika u djalogu bejn 
												l-aħwa.  U mhux biss dan.  Dan 
												kollu jqawwilna qalbna; jurina 
												li t-triq li qbadna hija dik 
												tajba u bir-raġuni kollu nistgħu 
												nittamaw li flimkien nistgħu 
												ngħollu l-kwistjonijiet li għad 
												fadal bejnietna. 
												
												
												
												Djalogu mal-Knejjes u 
												l-Komunitajiet Ekkleżjali l-oħra 
												tal-Punent 
												
												
												64.  Fil-pjan tassew wiesgħa ħa 
												sseħħ l-għaqda sħiħa ta’ dawk 
												kollha li jemmnu fi Kristu, 
												id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu 
												iqies ukoll ir-relazzjonijiet 
												mal-Knejjes u l-Komunitajiet 
												Ekkleżjali tal-Punent.  
												Bil-ħsieb li joħloq 
												kundizzjonijiet għall-fraternità 
												Nisranija u għad-djalogu, 
												l-Konċilju jiġbor it-twissijiet 
												tiegħu f’żewġ 
												konsiderazzjonijiet ġenerali:  
												waħda ta’ karattru storiku u 
												psikoloġiku l-oħra ta’ natura 
												dottrinali u teoloġika.  Dwar 
												waħda d-dokument jgħid:  
												“Il-Knejjes u l-Komunitajiet 
												Ekkleżjali li, jew minħabba 
												t-taqlib kbir li seħħ fil-Punent 
												fiż-żminijiet tan-Nofs jew aktar 
												tard, infirdu mis-Sede 
												Appostolika Rumana, għandhom 
												rabta mal-Knisja Kattolika 
												minħabba ċerta affinità speċjali 
												u minħabba relazzjonijiet ħafna 
												fil-qrib tul iż-żmien twil ta’ 
												ħajja Nisranija li l-poplu 
												Nisrani għex f’għaqda 
												Ekkleżjastika”.  
												Dwar l-oħra, bl-istess realiżmu, 
												jgħid; “Iżda rridu nammettu li 
												bejn il-Knisja Kattolika u dawn 
												il-Knejjes u Komunitajiet 
												Ekkleżjali hemm differenzi kbar 
												ħafna, differenzi, mhux biss ta’ 
												natura storika, soċjoloġika, 
												psikoloġika u kulturali imma 
												wkoll, u fuq kollox, ta’ 
												interpretazzjoni tal-verità 
												rivelata”. 
												
												
												65.  Iżda l-għeruq huma komuni u 
												l-istess, minkejja d-differenzi 
												u l-orjentamenti li fil-Punent 
												mexxew l-iżvilupp tal-Knisja 
												Kattolika u tal-Knejjes u 
												tal-Komunitajiet li ħarġu 
												mir-riforma.  Għalhekk kollha 
												għandhom l-istess 
												karatteristika; huma kollha 
												“tal-Punent”.  “Id-differenzi”, 
												għalkemm kbar ħafna, ma jfixklux 
												l-influwenza tagħhom fuq xulxin 
												u lanqas il-komplementarjetà. 
												
												
												L-ewwel passi tal-Moviment 
												Ekumeniku bdew propju 
												mal-Knejjes u l-Komunitajiet 
												tar-Riforma.  Fl-istess żmien, 
												sa mix-xahar ta’ Jannar tas-sena 
												1920, il-Patrijarka Ekumeniku 
												wera x-xewqa li titwaqqaf xi 
												ħidma ta’ għajnuna, xi 
												ko-operazzjoni bejn 
												il-komunitajiet Insara.  Dan 
												ukoll juri li l-aspett kulturali 
												mhuwiex it-tfixkil prinċipali.  
												Il-kwistjoni essenzjali hi 
												kollha kemm hi kwistjoni dwar 
												il-fidi.  It-talb ta’ Kristu, 
												Sid waħdieni tagħna, Feddej u 
												mgħallem tagħna, hi talba li 
												timpenja lil kulhadd, sew 
												il-Lvant u sew il-Punent.  Hi 
												ordni u ħtieġa li jitwarrbu 
												l-firdiet biex tinsab u 
												titwaqqaf mill-ġdid l-għaqda 
												minn dawk li huma wkoll 
												imbuttati għaliha minħabba 
												l-esperjenza qarsa tal-firda. 
												
												
												66.  Il-Konċilju Vatikan II ma 
												riedx 
												jiddeskrivi r-reliġjon Nisranija 
												ta’ “wara r-Riforma”, għaliex 
												il-Knejjes u l-Komunitajiet 
												Ekkleżjali huma “different mhux 
												biss minna, imma huma differenti 
												wkoll u mhux ftit bejniethom” 
												minħabba li kellhom bidu 
												differenti u minħabba raġunijiet 
												ta’ duttrina u ta’ ħajja 
												spiritwali”.  
												Id-Dgiriet dwar l-Ekumeniżmu 
												jinnota wkoll li l-Moviment 
												Ekumeniku u x-xewqa għall-għaqda 
												mal-Knisja Kattolika għad ma 
												xterdux kullimkien.  
												Iżda minkejja dawn 
												iċ-ċirkostanzi, il-Konċilju 
												jħajjar għad-djalogu. 
												
												
												Id-Digriet tal-Konċilju mbagħad 
												ifittex li “juri ċar sewwa xi 
												punti” li jistgħu jkunu 
												l-pedament għal dan id-djalogu u 
												jħeġġu għalih”. 
												
												
												Ħsiebna l-ewwel imur 
												fuq l-Insara li bid-dieher 
												jistqarru li Ġesù Kristu hu Alla 
												u l-Mulej, Medjatur waħdieni 
												bejn Alla u l-bnedmin għas-sebħ 
												ta’ Alla wieħed, il-Missier, 
												l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. 
												
												
												Dawn l-aħwa għandhom imħabba u 
												qima kbira għall-Iskrittura; 
												“Huma u jitolbu lill-Ispirtu 
												s-Santu, fl-istess Kotba Mqaddsa 
												jfittxu ’l Alla li jkellimhom fi 
												Kristu, imħabbar mill-Profeti, 
												il-Verb ta’ Alla li sar bniedem 
												għalina.  Fil-Kotba Mqaddsa 
												jikkontemplaw il-ħajja ta’ 
												Kristu u kull ma l-Imgħallem 
												Divin għallem u temm 
												għas-salvazzjoni tal-bnedmin, 
												speċjalment il-misteri tal-mewt 
												u l-qawmien tiegħu mill-imwiet:  
												jistqarru l-awtorità divina 
												tal-Kotba Mqaddsa”.  
												Iżda fl-istess waqt “ma 
												jaħsbuhiex bħalna dwar 
												ir-relazzjoni bejn il-Kotba 
												Mqaddsa u l-Knisja, fejn skont 
												il-fidi Kattolika l-Magisteru 
												Awtentiku għandu post speċjali 
												fit-tifsir u x-xandir tal-kelma 
												ta’ Alla miktuba”.  
												Iżda minkejja dan, fid-djalogu 
												ekumeniku hu strument mill-aqwa 
												fl-id setgħana ta’ Alla biex 
												tinkiseb dik l-għaqda li 
												l-Feddej qed joffri lill-bnedmin 
												kollha. 
												
												
												Iżda s-Sagrament tal-Magħmudija 
												li għandna flimkien, hu rabta 
												sagramentali ta’ għaqda li 
												jinsab f’dawk kollha li twelidu 
												mill-ġdid bil-Magħmudija”.  
												Il-konsegwenzi teoloġiċi, 
												pastorali u ekumeniċi 
												tal-Magħmudija li għandna 
												flimkien huma ħafna u 
												mportanti.  Għalkemm 
												il-Magħmudija minnha nfisha 
												tagħti “biss il-bidu”, trid 
												twassalna għal stqarrija sħiħa 
												tal-fidi, għall-għaqda sħiħa 
												mal-istitut tas-salvazzjoni kif 
												riedu Kristu, għad-dħul 
												fix-xirka Ewkaristika”. 
												
												
												67.  Fi żmien ir-Riforma dehru 
												differenzi storiċi u dottrinali 
												dwar il-Knisja, is-sagramenti u 
												l-ministeru ordnat.  Għalhekk 
												il-Konċilju talab li 
												“id-duttrina dwar l-Ikla 
												tal-Mulej, is-sagramenti l-oħra, 
												u l-kult u l-ministeru 
												tal-Knisja jidħlu fid-djalogu.” 
												
												
												Waqt li d-Digriet Unitatis 
												Redintegratio jgħid kif 
												il-Komunitajiet ta’ wara 
												r-Riforma “m’għandhomx dik 
												l-għaqda sħiħa magħna li toħroġ 
												mill-Magħmudija”, juri li huma, 
												“l-aktar minħabba n-nuqqas 
												tas-Sagrament tal-Ordni, ma 
												żammewx ir-realtà ġenwina u 
												sħiħa tal-Misteru Ewkaristiku”, 
												ukoll jekk “huma jagħmlu tifkira 
												tal-Mewt u l-Qawmien tal-Mulej 
												fl-Ikla Mqaddsa, u jistqarru li 
												l-ħajja titfisser f’għaqda ma’ 
												Kristu u jistennew il-miġja 
												tiegħu fil-glorja”. 
												
												
												68.  Id-Digriet ma jinsiex 
												il-ħajja spiritwali u 
												l-konsegwenzi morali li jiġu 
												minnha:  “Il-ħajja Nisranija ta’ 
												dawn ħutna titmantna bil-fidi fi 
												Kristu, u tiġi l-quddiem 
												bil-grazzja tal-Magħmudija u 
												bis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla.  
												Turi ruħha fit-talb privat, 
												fil-meditazzjoni tal-Iskrittura, 
												fil-ħajja Nisranija tal-familja, 
												fil-kult tal-komunità miġbura 
												biex tfaħħar ’l Alla.  Barra 
												dan, il-kult tagħhom xi drabi 
												juri li għandu elementi 
												mportanti tal-liturġija komuni 
												tal-qedem”. 
												
												
												Dan id-dokument tal-Konċilju ma 
												jieqafx biss fuq dawn l-aspetti 
												spiritwali, morali, kulturali, 
												imma juri l-apprezzament tiegħu 
												għal dawk is-sentimenti ħajja 
												ta’ ġustizzja u ta’ mħabba vera 
												għall-proxxmu li jinsabu fost 
												dawn ħutna; id-Dokument ma 
												jinsiex lanqas l-inizjattivi 
												tagħhom biex itejbu 
												l-kundizzjonijiet soċjali 
												tal-ħajja ħa jkunu aktar umani, 
												u biex isseħħ il-paċi.  Dan 
												kollu jagħmluh b’rieda sinċiera 
												li jkunu magħqudin mal-Kelma ta’ 
												Kristu bħala għajn tal-ħajja 
												Nisranija kollha. 
												
												
												B’dan il-mod id-dokument iqanqal 
												għadd ta’ kwistjonijiet 
												fil-qasam etiku-morali li llum 
												qed isiru dejjem aktar urġenti:  
												“Fost l-Insara ħafna mhux dejjem 
												jifhmu l-Evanġelju 
												bħall-Kattoliċi fejn jidħlu 
												problemi morali”.  
												F’dan il-qasam hekk wiesgħa hemm 
												ħafna spazju għad-djalogu dwar 
												il-prinċipji morali 
												tal-Evanġelju u l-applikazzjoni 
												tagħhom.   
												
												
												69.  Ix-xewqat tal-Konċilju 
												Vatikan II u l-istedina li 
												għamel ġa seħħu u d-djalogu 
												teoloġiku bilaterali ġa beda 
												mal-ħafna Knejjes u Komunitajiet 
												Insara tad-dinja tal-Punent. 
												
												
												Madankollu għal djalogu 
												multilaterali sa mis-sena 1964 
												beda proċess biex jitwaqqaf 
												grupp imħallat ta’ ħidma 
												mal-“Kunsill Ekumeniku 
												tal-Knejjes”, u mis-sena 1968 xi 
												teoloġi Kattoliċi saru membri 
												effettivi tad-dipartiment 
												teoloġiku ta’ dan il-Kunsill, 
												magħruf bħala Kummissjoni “Faith 
												and Order”.  Id-djalogu ta’ u 
												qed jagħti frott, u huwa mimli 
												tamiet.  Is-suġġetti proposti 
												mid-Dokument tal-Konċilju bħala 
												materja għad-djalogu ġa bdew 
												jiġu trattati jew ma jdumux ma 
												jiġu trattati.  
												Id-deliberazzjonijiet ta’ ħafna 
												djalogi bilaterali, magħmulin 
												b’tant dedikazzjoni li 
												stħoqqilhom it-tifħir 
												tal-komunità ekumenika kollha, 
												kienu dwar ħafna kwistjonijiet 
												kontroversi, bħalma huma 
												l-Magħmudija, l-Ewkaristija, 
												il-ministeru ordnat, in-natura 
												sagramentali u l-awtorità 
												tal-Knisja, is-suċċessjoni 
												appostolika.  B’dan il-mod 
												tfaċċaw possibiltajiet ta’ xi 
												soluzzjonijiet li ħadd ma kien 
												jistenna, u fl-istess waqt 
												ingħarfet il-ħtieġa ta’ studju 
												aktar fil-fond ta’ ċerti 
												problemi. 
												
												
												70.  Dan l-istudju diffiċli, li 
												jitlob ukoll għaqal kbir, għax 
												jorbot problemi ta’ fidi u ta’ 
												rispett għall-kuxjenza ta’ dak 
												li jkun, tal-oħrajn ukoll, minn 
												dejjem kien imsieħeb u mwettaq 
												bit-talb tal-Knisja Kattolika u 
												tal-Knejjes u l-Komunitajiet 
												Ekkleżjali l-oħra.  It-talba 
												għall-għaqda li ġa għamlet 
												għeruq u hi mxerrda sewwa 
												fin-nisġa kollha tal-Knisja turi 
												li l-Insara kollha qed jagħrfu 
												l-importanza tal-kwistjoni 
												ekumenika.  U dan propju għax 
												it-tħabrik għall-għaqda sħiħa 
												jitlob li dawk kollha li jemmnu 
												u jagħrfu Mulej wieħed, jaraw 
												ma’ xulxin il-fidi tagħhom.  
												It-talba hi għajn ta’ dawl fuq 
												l-verità li trid tiġi milqugħa 
												kollha kemm hi. 
												
												
												Barra dan permezz ta’ din 
												it-talba, it-tfittix 
												għall-għaqda, flok li qed ikun 
												riżervat biss 
												għall-ispeċjalisti, qed 
												jinteressa lil kull min hu 
												mgħammed.  Kulħadd, ikun x’ikun 
												postu fil-Knisja u tkun xi tkun 
												il-formazzjoni kulturali tiegħu, 
												jista’ jagħti sehem attiv b’mod 
												sieket u intimu ħafna.  
												 
												
												
												
												Relazzjonijiet ekkleżjali 
												
												
												71.  Jeħtieġ  li nroddu ħajr 
												lill-Providenza ta’ Alla għal 
												kull ġrajja li tagħti xhieda 
												tal-progress li sar fit-triq 
												għat-tfittix tal-għaqda.  
												Flimkien mad-djalogu teoloġiku 
												jixraq li wieħed isemmi s-suriet 
												l-oħra ta’ laqgħat flimkien, 
												it-talb komuni u 
												l-kollaborazzjoni fil-prattika.  
												Il-Papa Pawlu VI, meta għamel 
												żjara lis-Sede tal-Kunsill 
												Ekumeniku tal-Knejjes f’Ginevra, 
												fl-għaxra ta’ Ġunju 1969, u 
												tkellem mad-delegati tal-ħafna 
												Knejjes u Komunitajiet 
												Ekkleżjali, mexxa sewwa 
												l-quddiem dan il-proċess.  Dawn 
												il-kuntatti jgħinu ħafna biex 
												jiġi l-quddiem l-għarfien ta’ 
												xulxin u tikber il-fraternità 
												Nisranija. 
												
												
												Tul il-Pontifikat qasir tiegħu 
												l-Papa Ġwanni Pawlu I mhux darba 
												qal li ried ikompli f’din 
												it-triq.  
												Lili l-Mulej tani li naħdem 
												f’din id-direzzjoni.  Barra 
												l-laqgħat ekumeniċi mportanti li 
												kien hemm Ruma, parti kbira 
												kbira mill-vjaġġi pastorali 
												tiegħi hi regolarment dedikata 
												għal xhieda favur l-għaqda 
												tal-Insara.  Anżi xi vjaġġi 
												tiegħi juru “prijorità” 
												ekumenika, l-aktar dawk 
												fin-nazzjonijiet fejn 
												il-Kattoliċi huma minoranza 
												ħdejn il-komunitajiet li ħarġu 
												mir-Riforma jew fejn dawn huma 
												parti kbira ta’ dawk li jemmnu 
												fi Kristu f’xi soċjetajiet. 
												
												
												72.  Dan jgħodd l-aktar 
												għall-bliet tal-Ewropa, fejn 
												kellhom bidu dawn il-firdiet, u 
												fl-Amerika ta’ Fuq.  F’din 
												il-ħaġa , mingħajr ma jnaqqsu 
												xejn mill-vjaġġi l-oħra tiegħi, 
												jistħoqqilhom attenzjoni 
												speċjali l-pellegrinaġġi tiegħi 
												fil-kontinent tal-Ewropa li 
												ħaduni darbtejn fil-Ġermanja, 
												f’Novembru tas-sena 1980 u 
												f’April u Mejju 1987, iż-żjara 
												tiegħi fir-Renju Unit 
												(Ingliterra, Skożja u Wales) 
												f’Mejju u Ġunju 1982 
												fl-Isvizzera f’Ġunju 1984, 
												fil-pajjiżi Skandinavi u Nordiċi 
												(Finlandja, Sveżja, Norveġja, 
												Danimarka u Izlanda) fejn jien 
												mort f’Ġunju tas-sena 1989.  
												Fil-ferħ, fir-rispett għal 
												xulxin fis-solidarjetà Nisranija 
												u fit-talb iltqajt ma’ tant u 
												tant aħwa lkoll impenjati 
												fil-fedeltà lejn l-Evanġelju.  
												Dan kollu naraħ li kien għalija 
												għajn ta’ inkoraġġament 
												mill-aqwa.  Ħassejt il-preżenza 
												tal-Mulej fostna. 
												
												
												Hawnhekk irrid insemmi qagħda 
												ġejja minn imħabba fraterna u 
												kollha mdawwla b’dija kbira ta’ 
												fidi, li għext b’tisħib liema 
												bħalu.  Qed itkellem dwar 
												iċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi 
												li ppresidejt fil-Finlandja u 
												fl-Isveżja, fil-vjaġġ tiegħi 
												fil-pajjiżi Skandinavi u 
												Nordiċi.  Waqt it-tqarbin 
												l-Isqfijiet Luterani resqu lejn 
												iċ-ċelebrant; f’ġest miftiehem 
												minn qabel riedu juru x-xewqa li 
												jasal il-waqt li fih Kattoliċi u 
												Luterani jkunu jistgħu jissieħbu 
												fl-istess Ewkaristija, u talbu 
												l-barka taċ-ċelebrant.  Bil-qalb 
												kollha tajthom il-barka tiegħi.  
												L-istess ġest hekk mimli tifsir 
												ġie mtenni f’Ruma waqt Quddiesa 
												li ċċelebrajt fi Pjazza Farnese 
												fl-okkażjoni tas-sitt ċentinarju 
												tal-kanonizzazzjoni ta’ Santa 
												Briġida fit-8 ta’ Ottubru 1991. 
												
												
												Hassejt l-istess sentimenti u 
												mħabba wkoll ’l hemm mill-oċeanu 
												fil-Kanada, f’Settembru 1984, u 
												l-aktar f’Settembru 1987 
												fl-Istati Uniti, fejn wieħed 
												jara ftuħ ekumeniku mill-aqwa.  
												Biex insemmi eżempju, dan ġara 
												fil-laqgħa ekumenika li saret 
												f’Columbia, f’South Carolina, 
												fil-11 ta’ Settembru 1987.  Hu 
												mportanti fih innifsu l-fatt 
												stess li dawn il-laqgħat 
												tal-aħwa “tar-Riforma” mal-Papa 
												qed isiru regolarment.  Inħossni 
												tassew grat li huma jilqgħuni 
												bil-qalb, kemm dawk li huma 
												responsabbli f’dawn 
												il-Komunitajiet u kemm 
												il-Komunità kollha kemm hi.  
												Għalhekk qist li kienet tfisser 
												ħafna ċ-ċelebrazzjoni ekumenika 
												tal-kelma li saret f’Columbia u 
												bħala suġġett kellha l-familja. 
												
												
												73.  U nifraħ ħafna wkoll nara 
												kif, fiż-żmien wara l-Konċilju u 
												fil-Knejjes lokali, qed isiru 
												ħafna iniżjattivi u ħidmiet 
												favur l-għaqda tal-Insara, li 
												qed iwasslu l-qawwa kbira 
												tagħhom fi ħdan il-Konferenzi 
												Episkopali, id-djoċesijiet u 
												l-komunitajiet parrokkjali, u 
												wkoll fl-ambjenti u l-moviment 
												Ekkleżjali kollha. 
												
												
												
												Kollobrazzjoni li ġa qed isseħħ 
												
												
												74.  “Mhux kull min jgħidli 
												Mulej, Mulej jidħol 
												fis-smewwiet, imma min jagħmel 
												ir-rieda ta’ Missieri li hu 
												fis-smewwiet” (Mt 7:21).  
												Il-konsistenza u l-onestà 
												tal-intenzjonijiet u ta’ 
												dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju 
												jidhru li huma veri meta jidhru 
												fil-ħajja ta’ kuljum.  
												Id-Digriet tal-Konċilju dwar 
												l-Ekumeniżmu jwissi: “il-fidi li 
												biha nemmnu fi Kristu tagħti 
												frott ta’ tifħir u ta’ radd 
												il-ħajr għall-ġid li jiġina 
												mingħand Alla; magħha jiżdied 
												sens ħaj ta’ ġustizzja u mħabba 
												sinċiera għall-proxxmu”. 
												
												
												Dak li għadna kemm urejna hu 
												għalqa għammiela mhux biss 
												għad-djalogu imma wkoll 
												għall-kollaborazzjoni attiva:  
												“Il-fidi attiva ħolqot mhux ftit 
												istituti għall-għajnuna fejn 
												hemm miżerja spiritwali u 
												materjali, għall-edukazzjoni 
												taż-żgħażagħ, għat-titjib 
												tal-qagħdiet soċjali biex ikunu 
												aktar jixirqu l-bniedem, u 
												għat-twaqqif tal-paċi 
												fid-dinja”. 
												
												
												Il-ħajja kulturali u soċjali 
												toffri wesgħat kbar 
												għall-kooperazzjoni ekumenika.  
												L-Insara dejjem aktar qed isibu 
												ruħhom flimkien biex iħarsu 
												d-dinjità tal-bniedem, iġibu ’l 
												quddiem il-ġid tal-paċi, 
												japplikaw Evanġelju fil-ħajja 
												soċjali u biex l-ispirtu Nisrani 
												jidher aktar fix-xjenżi u 
												fl-arti.  U spiss aktar qed 
												ikunu flimkien biex jinsab tarf 
												għall-ħtiġijiet u l-miżerji ta’ 
												żmienna:  il-ġuħ, id-diżgrazzji, 
												l-inġustizzja soċjali. 
												
												
												75.  Din il-kooperazzjoni, 
												ispirata mill-istess Evanġelju, 
												għall-Insara qatt ma hi biss 
												ħidma umanitarja.  L-għaliex 
												tagħha hu kliem il-Mulej:  “Kont 
												bil-ġuħ u tmajtuni” (Mt 25:35).  
												Kif ġa wrejt il-kooperazzjoni 
												tal-Insara kollha flimkien turi 
												ċar xi grad ta’ għaqda ġa hemm 
												bejniethom. 
												
												
												Quddiem id-dinja l-ħidma 
												flimkien tal-Insara kollha 
												fis-soċjetà għandha dehra 
												mill-aqwa ta’ xhieda mogħtija 
												flimkien lill-isem tal-Mulej.  
												Tieħu wkoll s-sura ta’ tħabbira 
												għax turi wiċċ Krsitu. 
												
												
												In-nuqqas ta’ ftehim dwar 
												duttrina li għad hemm jolqtu 
												ħażin u jillimitaw din 
												il-kooperazzjoni.  Iżda l-għaqda 
												li ġa hemm bejn l-Insara toffri 
												pedament sod mhux biss 
												għall-ħidma flimkien fil-qasam 
												soċjali imma wkoll f’dak 
												reliġjuż. 
												
												
												Din il-kooperazzjoni għandha 
												tħaffef il-ħidma għall-għaqda.  
												Id-Digriet dwar l-Ekumeniżmu 
												wera li minnha “dawk kollha li 
												jemmnu fi Kristu” malajr jistgħu 
												jitgħallmu, isiru jafu aħjar lil 
												xulxin u jistmaw aktar lil 
												xulxin u hekk iħejju t-triq 
												għall-għaqda tal-Insara”. 
												
												
												76.  U hawnhekk kif ma tiftakarx 
												fl-interess ekumeniku għall-paċi 
												li juri ruħu fit-talb u 
												fil-ħidma b’tisħib dejjem akbar 
												ta’ Insara u għal raġunijiet 
												teoloġiċi dejjem aktar għoljin?  
												Ma jistax isir mod ieħor.  Forsi 
												ma nemmnux fi Kristu, il-Prinċep 
												tas-Sliem?  L-Insara huma dejjem 
												aktar magħqudin flimkien kontra 
												kull sura ta’ vjolenza, 
												mill-gwerer għall-inġustizzji 
												soċjali. 
												
												
												Aħna msejħin għall-impenn dejjem 
												aktar attiv biex dejjem jidher 
												aktar ċar li l-ġlied li hemm 
												bħalissa mhuwiex għal raġunijiet 
												reliġjużi, ukoll jekk 
												dizgrazzjatament mhux bogħod 
												il-periklu li dawn ir-raġunijiet 
												jiġu strumentalizzati 
												għall-għanjiet politiċi u 
												polemiċi. 
												
												
												Fl-1986 f’Assisi waqt il-Jum 
												Dinji tat-Talb għall-Paċi 
												l-Insara ta’ ħafna Knejjes u 
												Komunitajiet Ekkleżjali talbu 
												b’leħen wieħed lil Sid l-istorja 
												l-paċi għad-dinja.  Dak in-nhar, 
												mod ieħor, imma bl-istess għan, 
												talbu wkoll għall-paċi l-Lhud u 
												r-rappreżentanti 
												tar-reliġjonijiet mhux Insara, 
												f’għaqda ta’ sentimenti li 
												qanqlu mill-qiegħ l-ispirtu 
												tal-bnedmin. 
												
												
												Ma rridx ninsa Il-Jum ta’ 
												Talb għall-Paċi fl-Ewropa 
												speċjalment fil-Balkani li 
												wassalni bħala pellegrin 
												fil-belt ta’ San Franġisk fid-9 
												u l-10 ta’ Jannar 1993 u 
												l-Quddiesa għall-Paċi 
												fil-Balkani u b’mod speċjali 
												fil-Bosnja-Erzegovina, li 
												ppresidejt fil-Bażilka ta’ San 
												Pietru fit-23 ta’ Jannar 1994, 
												waqt l-Ottavarju ta’ Talb 
												għall-Għaqda tal-Insara.  
												Meta nħarsu lejn id-dinja 
												l-ispirtu tagħna jimtela 
												bil-ferħ.  Dan għax naraw li 
												l-Insara qed jiġu mqanqlin 
												dejjem aktar favur il-paċi.  
												Jaraw li għandha rabta kbira 
												mat-tħabbira tal-Evanġelju u 
												mal-miġja tas-Saltna ta’ Alla. 
												
												
												  
												
												
												
												KAP III 
												
												
												
												KEMM GĦAD FADLILNA TRIQ? 
												
												
												
												Inkomplu nsaħħu d-djalogu 
												
												
												77.  Ilum nistgħu nistaqsu kemm 
												għad fadlilna triq x’nimxu sa ma 
												jasal dak il-jum imbierek li fih 
												isseħħ għaqda sħiħa fil-fidi u 
												nkunu nistgħu niċċelebraw 
												flimkien, b’qalb waħda, 
												l-Ewkaristija Imqaddsa 
												tal-Mulej.  L-għarfien aħjar ta’ 
												xulxin li ġa seħħ bejnietna, 
												il-ftehim duttrinali li ġa 
												ntlaħaq, bħala effett kellhom 
												it-tkattir tax-xirka bil-fatti u 
												b’rieda sħiħa, iżda mhumiex 
												biżżejjed għall-kuxjenza 
												tal-Insara li jistqarru Knisja 
												waħda, qaddisa, kattolika u 
												appostolika.  L-għan aħħari 
												tal-moviment ekumeniku hu 
												s-sħubija mill-ġdid b’mod li 
												jidher u tal-għaqda sħiħa 
												tal-imgħammdin kollha.  
												Quddiem dan il-għan kull ma 
												nkiseb sa issa hu biss parti 
												mit-triq, għalkemm parti li 
												ġġiegħelek tittama ħafna u hi 
												ta’ siwi kbir. 
												
												
												78.  Fil-moviment ekumeniku 
												mhijiex biss il-Knisja Kattolika 
												flimkien mal-Knejjes Ortodossi 
												li tħaddan din il-fehma.  
												It-tendenza għal din is-sura ta’ 
												għaqda qed juruha oħrajn ukoll.
												 
												
												
												L-ekumeniżmu jitlob li 
												l-Komunitajiet Insara jgħinu lil 
												xulxin biex fihom ikun hemm 
												tassew dak li fih u dak li 
												jitlob “il-wirt li waslilna 
												mill-Appostli”.  
												Mingħajr dan ma jistax ikun hemm 
												għaqda sħiħa.  Din l-għajnuna 
												lil xulxin fit-tfittix 
												tal-verità hi sura mill-aqwa ta’ 
												mħabba evanġelika.  It-tfittix 
												għall-għaqda ġie mfisser 
												fil-ħafna dokumenti ta’ tant 
												Kummissjonijiet Internazzjonali 
												Misti ħa jseħħ id-djalogu.  Dawn 
												id-dokumenti jitkellmu fuq 
												il-Magħmudija, l-Ewkaristija, 
												il-ministeru u l-awtorità, u 
												kollha telqu minn ċerta għaqda 
												fundamentali dwar duttrina.  
												Issa rridu ngħaddu minn dan 
												l-għaqda fundamentali tal-bidu, 
												iżda mhux sħiħa, għall-għaqda 
												viżibbli meħtieġa u biżżejjed, 
												li tidher hekk tassew bil-fatti, 
												biex il-Knejjes ikunu tassew 
												sinjal ta’ dik l-għaqda sħiħa 
												fil-Knisja waħda, qaddisa, 
												kattolika u appostolika, li 
												tidher fiċ-ċelebrazzjoni 
												Ewkaristika. 
												
												
												Dan il-mixi lejn għaqda viżibbli 
												meħtieġa u biżżejjed, f’għaqda 
												fil-Knisja waħda li Kristu ried, 
												titlob ħidma qalbiena dejjem 
												sejra.  Biex dan iseħħ jeħtieġ 
												li “ma ngħabbux ebda piż ieħor 
												aktar minn dak li hu meħtieġ” 
												(ara Atti 15:28). 
												
												
												79.  Minn issa stess nistgħu 
												naraw liema kwistjonijiet 
												jeħtiġilhom jiġu studjati aktar 
												fil-fond biex jintlaħaq kunsens 
												sħiħ fil-fidi: (1) ir-relazzjoni 
												lejn l-Iskrittura, li għandha 
												l-ogħla awtorità dwar il-fidi, u 
												t-Tradizzjoni, li (wieħed ma 
												jistax jgħaddi mingħajrha biex 
												ifisser il-Kelma ta’ Alla); (2) 
												l-Ewkaristija, is-Sagrament 
												tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, 
												offerta ta’ tifħir lill-Missier, 
												tifkira sagrifiċjali u Preżenza 
												Reali ta’ Kristu, tiswib 
												santifikanti tal-Ispirtu 
												s-Santu; (3) l-Ordinazzjoni 
												bħala Sagrament fit-tliet 
												ordnijiet tal-ministeru: 
												episkopat, presbiterat u 
												djakonat; (4) il-Maġisteru 
												tal-Knisja, fdat lill-Papa u 
												lill-Isqfijiet f’xirka miegħu, 
												miftiehem bħala responsabbilità 
												u awtorità f’isem Kristu 
												għat-tagħlim u l-ħarsien 
												tal-fidi; (5) il-Verġni Marija, 
												Omm Alla u Ikona tal-Knisja, Omm 
												spiritwali li tidħol 
												għad-dixxipli ta’ Kristu u 
												għall-umanità kollha. 
												
												
												F’din il-mixja qalbiena lejn 
												l-għaqda, it-trasparenza u 
												l-għaqal tal-fidi jridu li 
												nevitaw kull ireniżmu qarrieq u 
												li nittraskuraw in-normi 
												tal-Knisja.  
												Għall-kuntrarju mbagħad, 
												l-istess trasparenza u l-istess 
												għaqal iġagħluna naħarbu l-bruda 
												fl-impenn tagħna għall-għaqda, u 
												wisq aktar nevitaw oppożizzjoni 
												minħabba xi preġudizzji, jew dik 
												is-sura ta’ disfattiżmu li tara 
												f’kollox l-aspett negattiv biss. 
												
												
												Ikollok dehra tal-għaqda li 
												tħaddan kull ma titlob il-verità 
												rivelata kollha kemm hi, ma 
												jfissirx li tkun trid iżżomm 
												lura l-moviment ekumeniku.  
												Anżi trid li jiġu evitati 
												soluzzjonijiet taparsi li xejn 
												sod u żgur ma joħroġ minnhom.  
												Il-verità titlob li mmorru 
												sal-aħħar.  Mhux din hi l-liġi 
												tal-Evangelju? 
												
												
												
												L-aċċettazzjoni tar-riżultati li 
												jintlaħqu 
												
												
												80.  Waqt li jkun qed isir 
												djalogu fuq kwistjonijiet ġodda 
												jew qed jiġi l-quddiem djalogu 
												fuq livell aktar fil-fond, 
												għandna ħidma ġdida quddiemna: 
												kif se nilqgħu r-riżultati li ġa 
												nkisbu.  Ma jistgħux jibqgħu 
												biss tal-kummissjonijiet 
												bilaterali imma jridu jsiru 
												patrimonju ta’ kulħadd.  Biex 
												dan iseħħ u jissaħħu r-rabtiet 
												tal-għaqda jeħtieġ li jkun hemm 
												stħarriġ serju li, b’modi, 
												suriet u kompetenzi diversi, 
												jimpenja l-Poplu t’Alla kollu 
												kemm hu.  Huma kwistjonijiet li 
												għandhom x’jaqsmu mal-fidi u 
												għalhekk jeħtieġu l-kunsens ta’ 
												kulħadd, mill-Isqfijiet 
												sal-lajċi (ilkoll għandhom 
												l-unzjoni tal-Ispirtu s-Santu).  
												Hu l-istess Spirtu li jgħin 
												il-Maġisteru u jqanqal is-sensus 
												fidei. 
												
												
												Biex ikunu milqugħin 
												ir-riżultati tad-djalogu jeħtieġ 
												proċess kritiku u eżatt biex 
												jagħrbilhom sewwa u jara jekk 
												jaqblux sewwa mat-Tradizzjoni u 
												mal-fidi li rċevejna 
												mill-Appostli u qed tgħixha 
												l-komunità ta’ dawk li jemmnu, 
												miġbura madwar l-Isqof, 
												ir-Ragħaj leġittimu tagħha. 
												
												
												81.  Dan il-proċess li jrid isir 
												bil-għaqal kollu u b’qagħda ta’ 
												fidi, u jkollu l-għajnuna 
												tal-Ispirtu s-Santu, biex 
												jirnexxi jeħtieġ li r-riżultati 
												tiegħu jixxandru f’waqthom minn 
												persuni kompetenti.  F’din 
												il-ħaġa għandha importanza kbira 
												l-ħidma li jistgħu jagħmlu 
												t-teoloġi u l-fakultajiet 
												tat-teoloġija, huma u jħaddmu 
												l-kariżma tagħhom fil-Knisja.  
												Imbagħad hija ħaġa ċara ħafna li 
												l-kummissjonijiet ekumeniċi 
												f’din il-ħaġa għandhom 
												responsabbiltajiet u dmirjiet 
												għal kollox singulari. 
												
												
												L-Isqfijiet u s-Sede Appostolika 
												qed isegwu u jgħinu l-proċess 
												kollu.  L-awtorità li tgħallem 
												hi r-responsabbli li tgħid 
												l-aħħar kelma. 
												
												
												F’dan kollu jkun hemm għajnuna 
												kbira jekk issir distinzjoni 
												bejn id-depożitu tal-fidi u 
												l-mod kif tiġi formulata, kif 
												irrakkomanda l-Papa Ġwanni XXIII 
												fid-diskors li għamel fil-ftuħ 
												tal-Konċilju Vatikan II. 
												
												
												
												Tkun tingħata xhieda ta’ qdusija 
												meta jkompli l-ekumeniżmu 
												spiritwali 
												
												
												82.  Nifhmu sewwa kif il-ħidma 
												ekumenika timpenja sewwa 
												lill-Insara Kattoliċi.  
												L-Ispirtu jsejħilhom għall-eżami 
												attent tal-kuxjenza tagħhom.  
												Il-Knisja Kattolika trid tidħol 
												f’dak li nistgħu nsejħulu 
												“id-djalogu tal-konverżjoni”, li 
												fih jinsab il-pedament intern 
												tad-djalogu ekumeniku.  F’dan 
												id-djalogu li jseħħ quddiem 
												Alla, kull wieħed irid jagħraf 
												ħtijietu, jistqarrhom u jintelaq 
												f’idejn Dak li jidħol għalina 
												quddiem il-Missier, Ġesù Kristu. 
												
												
												Żgur li din il-qagħda ta’ 
												konverżjoni għar-rieda 
												tal-Missier, li hi fl-istess 
												waqt qagħda ta’ penitenza u ta’ 
												fiduċja sħiħa fil-qawwa 
												rikonċiljatriċi tal-verità li hi 
												Kristu, twassal għat-tmiem 
												tajjeb tiegħu l-pellegrinaġġ 
												twil u iebes tal-ekumeniżmu.  
												“Id-djalogu ta’ konverżjoni” ta’ 
												kull Komunità mal-Missier, bla 
												ebda skuża għaliha nfisha, hi 
												l-pedament tar-relazzjonijiet 
												fraterni li huma xi ħaġa wisq 
												aktar minn ftehim kordjali u 
												soċjabbiltà esterna biss.  
												Ir-rabtiet tal-koinonia 
												fraterna jridu jintisġu quddiem 
												Alla u f’Ġesù Kristu. 
												
												
												Il-waqfien quddiem Alla biss 
												jista’ jagħti pedament sod 
												għall-konverżjoni tal-individwi 
												Insara u għat-tiġdid dejjem 
												sejjer tal-Knisja bħala 
												istituzzjoni umana u tad-dinja 
												wkoll.  
												Dawn huma l-kondizzjonijiet 
												meħtieġa fil-bidu ta’ kull 
												impenn ekumeniku.  Wieħed 
												mill-ewwel ħidmiet fundamentali 
												tad-djalogu ekumeniku hi 
												l-isforz li jrid isir biex 
												il-Komunitajiet Insara jkunu 
												impenjati f’dan il-qasam kollu 
												kemm hu spiritwali, fejn Kristu, 
												bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu, 
												iġiegħel lil kulħadd biex bla 
												ebda eċċezzjoni, jagħrbel lilu 
												nnifsu quddiem il-Missier u 
												jistaqsi kienx fidil lejn 
												il-pjan tiegħu għall-Knisja. 
												
												
												83.  Tkellimt dwar ir-rieda 
												tal-Missier, dwar spażju 
												spiritwali fejn kull komunità 
												tisma’ s-sejħa biex tegħleb 
												it-tfixkil li hemm għall-għaqda 
												sħiħa.  Il-Komunitajiet Insara 
												kollha jafu li din il-ħaġa, 
												bil-qawwa li jagħtihom l-Ispirtu 
												s-Santu, mhijiex xi ħaġa li ma 
												jifilħuhiex.  Kollha għandhom 
												il-martri tal-fidi.  
												Minkejja li kienu jinsabu 
												fit-tiġrib tal-firda, dawn ħutna 
												żammew fihom infushom rabta ma’ 
												Kristu u ma’ Missieru hekk 
												fil-fond u hekk sħiħa li 
												waslithom sat-tixrid tad-demm.  
												U forsi mhijiex din ir-rabta li 
												ridt insemmi f’dak li sejjaħtlu 
												id-“djalogu tal-konverżjoni”?  U 
												mhux forsi dan id-djalogu li 
												jinsisti fuq il-ħtieġa li ninżlu 
												sal-għeruq tal-esperjenza 
												tal-verità ha jkollna għaqda 
												sħiħa? 
												
												
												84.  F’dehra tad-dinja li fiha 
												Alla jinsab f’nofsha, aħna 
												l-Insara ġa għandna 
												Martiroloġju komuni.  Jiġbor 
												fih ukoll il-martri ta’ żmienna, 
												wisq aktar milli wieħed qatt 
												jista’ jobsor, u dan juri 
												f’livell tassew għoli kif Alla 
												jħares l-għaqda fost 
												l-imgħammdin kollha fl-esiġenżi 
												l-aktar għoljin tal-fidi li juru 
												ruħhom bis-sagrifiċċju 
												tal-ħajja.  
												Jekk hu possibbli li wieħed imut 
												għall-fidi, dan juri li jista’ 
												jintlaħaq dan il-għan ukoll fejn 
												hemm esiġenżi oħra tal-fidi.  Ġa 
												wrejt, u dan għamiltu bil-ferħ 
												kollu tiegħi, li hemm u qed 
												tikber għaqda, imperfetta iva 
												imma vera, f’ħafna livelli ta’ 
												ħajja ekkleżjali.  Jidhirli li 
												din l-għaqda hi ġa perfetta 
												f’dak li aħna lkoll
												
												inqisu bħala l-qofol tal-ħajja 
												tal-grazzja, il-martyria 
												sal-mewt, għaqda ma’ Kristu li 
												aktar vera minnha ma jistax ikun 
												hemm, ma’ Kristu li xerred demmu 
												u b’dan is-sagrifiċċju qarreb 
												lejn xulxin dawk li darba kienu 
												mbegħdin (ara Ef 2:13). 
												
												
												Jekk għall-komunitajiet Insara 
												kollha, il-martri huma prova 
												tal-qawwa tal-grazzja, mhumiex 
												huma biss li jagħtu xhieda ta’ 
												din il-qawwa.  Għalkemm ma 
												tidhirx l-għaqda li għad mhijiex 
												sħiħa tal-komunitajiet tagħna, 
												hija mibnija fis-sod fl-għaqda 
												sħiħa tal-Qaddisin, jiġifieri 
												dawk li wara li temmew ħajja ta’ 
												fedeltà lejn il-grazzja fuq 
												l-art qegħdin issa f’għaqda ma’ 
												Kristu fil-glorja.  Dawn il-Qaddisin 
												jappartjenu għall-Knejjes u 
												għall-Komunitajjiet Ekkleżjali 
												kollha, li fetħulhom il-bieb 
												għall-għaqda tas-salvazzjoni.  
												Meta nitkellmu dwar patrimonju 
												komuni rridu ngħoddu mhux biss 
												l-istituzzjonijiet, ir-riti, 
												il-mezzi tas-salvazzjoni, 
												id-drawwiet tradizzjonali li 
												l-komunitajiet kollha baqgħu 
												jħarsu u li bihom ġew iffurmati, 
												imma l-ewwel u qabel kollox hemm 
												din il-verità tal-qdusija. 
												
												
												Fid-dinja li toħroġ 
												mill-“patrimonju tal-qaddisin” 
												li jappartjeni 
												għall-Komunitajiet kollha, 
												“id-djalogu ta’ konverżjoni” 
												lejn għaqda viżibbli sħiħa 
												jidher f’dawl ta’ tama.  Din 
												il-presenza universali 
												tal-Qaddisin turi l-qawwa 
												tal-Ispirtu.  Hi sinjal u prova 
												tar-rebħa ta’ Alla fuq 
												is-setgħat tal-ħażen, li jifirdu 
												l-ġens kollu tal-bnedmin.  Kif 
												tkanta l-liturġija “il-gieħ 
												mogħti lill-Qaddisin hi ġieħ 
												mogħti lill-istess doni 
												tiegħek”. 
												
												
												Fejn hemm rieda sinċiera 
												għall-mixi wara Kristu, 
												l-Ispirtu spiss isawwab 
												il-grazzja tiegħu fi triqat mhux 
												tas-soltu.  L-esperjenza 
												ekumenika waslitna biex nifhmu 
												dan aħjar.  Jekk fl-ispazju 
												spiritwali intern li ġa semmejt 
												il-Komunitajiet jagħarfu tassew 
												“jikkonvertu”, Alla jagħmel 
												magħhom dak li għamel 
												mal-Qaddisin tagħhom.  Iwarrab 
												it-tfixkil li tqiegħed 
												fl-imgħoddi u jmexxihom fi 
												triqatu, fejn irid: jiġifieri 
												lejn koinonia li tidher u 
												li fl-istess waqt hi tifħir 
												tas-sebħ tiegħu u qadi tal-pjan 
												tiegħu ta’ salvazzjoni. 
												
												
												85.  Għax fil-kobor bla qjies 
												tal-ħniena tiegħu Alla dejjem 
												jista’ joħroġ il-ġid minn 
												qagħdiet li jġarrbu l-pjan 
												tiegħu, nistgħu naraw li 
												bl-Ispirtu wassal biex f’xi 
												każijiet il-firdiet servew biex 
												jidhru aktar ċari xi aspetti 
												tal-ħajja Nisranija, kif ġara 
												fil-ħajja tal-Qaddisin.  
												Minkiejja li l-firda seħħet 
												f’ħafna biċċiet u minnhom irridu 
												nfiequ, seħħet sura ta’ tqassim 
												ta’ għana ta’ grazzja li għad 
												iżżejjen il-koinonia.  
												Il-grazzja ta’ Alla tkun ma’ 
												dawk kollha li jimxu fuq 
												l-eżempju tal-Qaddisin u 
												jimpenjaw ruħhom li jwieġbu għal 
												kull ma tkun trid.  Għaliex mela 
												aħna qed noqogħdu naħsbuha biex 
												nikkonvertu għat-tamiet 
												tal-Missier?  Hu magħna. 
												
												
												 Il-kontribut tal-Knisja 
												Kattolika ha sseħħ l-għaqda 
												tal-Insara 
												
												
												86.  Il-Kostituzzjoni Lumen 
												Gentium f’affermazzjoni 
												fundamentali li ġiet imtennija 
												mid-Digriet Unitatis 
												Redintegratio, 
												qalet li l-Knisja waħda ta’ 
												Kristu ssib il-milja tagħha 
												fil-Knisja Kattolika.  
												Id-Digriet tal-Ekumeniżmu jgħid 
												li fil-Knisja Kattolika hemm 
												il-milja tal-mezzi 
												tas-salvazzjoni.  
												L-għaqda sħiħa sseħħ meta 
												kulħadd jissieħeb fil-milja 
												tal-mezzi tas-salvazzjoni li 
												Kristu ħalla f’idejn il-Knisja. 
												
												
												87.  Tul il-mixi li jrid iwassal 
												għall-għaqda sħiħa, id-djalogu 
												ekumeniku qed ifittex li jqanqal 
												għajnuna għal xulxin bħal aħwa, 
												għajnuna li biha l-Komunitajiet 
												jimpenjaw ruħhom  li jagħtu lil 
												xulxin dak li kull waħda minnhom 
												teħtieġ biex skont il-pjan ta’ 
												Alla tikber sa ma tilħaq 
												il-kobor sħiħ tagħha (ara Ef 
												4:11-13).  Jien għidt li aħna 
												nħossu bħala Knisja Kattolka li 
												rċevejna ħafna mingħand 
												il-Knejjes u l-Komunitajiet 
												Ekkleżjali l-oħra mix-xhieda li 
												taw għal ċerti valuri Insara 
												komuni, mill-istudji tagħhom 
												dwar dawn il-valuri u wkoll 
												mill-mod kif stmawhom u 
												użawhom.  Fost il-progress kollu 
												li sar tul dawn l-aħħar tletin 
												sena, irridu nagħtu importanza 
												kbira għal din l-influwenza 
												fraterna li kellna fuq xulxin.  
												Issa li wasalna sa hawn 
												irridu nqisu bis-serjetà kollha 
												l-għana kollu li ksibna minn 
												għand xulxin.  Dan il-għana li 
												ġiena mill-fatt tal-għaqda li ġa 
												hemm bejnietna, minħabba 
												l-elementi ekkleżjali li ġa 
												jinsabu fil-Komunitajiet Insara, 
												żgur jimbuttana għal dik 
												l-għaqda sħiħa viżibbli li hi 
												l-għan mixtieq tal-mixi li qed 
												nagħmlu.  Hi s-sura ekumenika 
												tal-liġi Evanġelika dwar il-qsim 
												bejnietna.  Dan iwassalni biex 
												intenni “Jeħtieġ nuru f’kull 
												ħaġa l-ħerqa tagħna li nersqu 
												lejn dak li ħutna l-Insara 
												jixtiequ u jistennew minn 
												għandna, waqt li min-naħa tagħna 
												naslu biex inkunu nafu kif 
												jaħsbuha u xi jħossu.  Jeħtieġ 
												li d-doni ta’ kull Knisja u 
												Komunità jiġu l-quddiem ħa jkunu 
												ta’ siwi u ta’ vantaġġ għal 
												kulħadd”. 
												
												
												
												Il-ministeru tal-għaqda 
												tal-Isqof ta’ Ruma 
												
												
												88.  Fost il-Knejjes u 
												l-Komunitajiet Ekkleżjali 
												l-Knisja ta’ Ruma tħoss li 
												baqgħet iżżomm il-ministeru 
												tas-Suċċessur ta’ San Pietru, 
												l-Isqof ta’ Ruma, li Alla għamlu 
												ħa jkun “il-bidu u l-pedament 
												viżibbli u etern tal-għaqda”, 
												u li hu mwettaq mill-Ispirtu 
												biex jagħti sehem minn dan 
												il-ġid essenzjali lill-oħrajn 
												kollha.  Skont l-espressjoni 
												sabiħa tal-Papa San Girgor 
												il-Kbir, il-ministeru tiegħu hu 
												dak ta’ qaddej tal-qaddejja ta’ 
												Alla (servus servorum Dei).  
												Din l-espressjoni hi ħarsien 
												bl-aħjar mod mill-periklu li 
												tiġi mifruda s-setgħa, u b’mod 
												partikulari s-setgħa tal-primat, 
												mill-ministeru, ħaġa li tmur 
												kontra t-tifsir li l-Evanġelju 
												jagħti tas-setgħa: “Jien qiegħed 
												f’nofskom nagħmilha ta’ qaddej” 
												(Lq 22:27), qal Sidna Ġesù 
												Kristu, il-Kap tal-Knisja.  
												Min-naħa l-oħra, kif kelli 
												l-okkażjoni ngħid fil-laqgħa 
												mal-Kunsill Ekumeniku 
												tal-Knejjes f’Ġinevra fit-12 ta’ 
												Ġunju 1984, il-konvinzjoni 
												tal-Knisja Kattolka li żammet 
												b’fedeltà sħiħa t-Tradizzjoni 
												Appostolika u l-fidi 
												tal-Missirijiet tal-Knisja, li 
												fil-ministeru tal-Isqof ta’ Ruma 
												tara s-sinjal viżibbli u 
												l-garanzija tal-għaqda: hi 
												diffikultà għall-kotra l-kbira 
												tal-Insara l-oħra minħabba ċerti 
												tifkirijiet tassew ta’ niket.  
												Għal dak li aħna responsabbli 
												tiegħu flimkien mal-Papa ta’ 
												qabli Pawlu VI nitlob maħfra. 
												 
												
												
												89.  Ifisser ħafna, u dan 
												iqawwili qalbi l-fatt li 
												l-kwistjoni tal-primat tal-Isqof 
												ta’ Ruma issa saret suġġett ta’ 
												studju u studju li qed ikompli 
												sejjer; ifisser ħafna wkoll 
												il-fatt li din il-kwistjoni qed 
												titqies essenzjali mhux biss 
												fid-djalogi teoloġiċi li 
												l-Knisja Kattolka qed ikollha 
												mal-Knejjes u l-Komunitajiet 
												Ekkleżjali, imma wkoll, b’mod 
												aktar ġenerali, fil-moviment 
												ekumeniku kollu kemm hu.  Dan 
												l-aħħar dawk li ħadu sehem 
												fil-Ħames Assemblea Dinjija 
												tal-Kummissjoni “Faith and 
												Order” tal-Kunsill Ekumeniku 
												tal-Knejjes li saret f’Santiago 
												de Compostela, irrikmandaw li 
												“jibda studju mill-ġdid dwar din 
												il-kwistjoni ta’ ministeru 
												universali ta’ għaqda 
												Nisranija”.  
												Wara mijiet ta’ snin ta’ 
												polemika ħarxa l-Knejjes u 
												l-Komunitajiet Ekkleżjali dejjem 
												aktar qed iħarsu b’ħarsa ġdida 
												lejn dan il-ministeru 
												tal-għaqda. 
												
												
												90.  L-Isqof ta’ Ruma hu l-Isqof 
												tal-Knisja li tgħożż is-sinjali 
												tal-martirju ta’ San Pietru u 
												San Pawl.  “Bi pjan misterjuż 
												tal-Providenza kien f’Ruma li 
												San Pietru temm il-mixi tiegħu 
												wara Kristu u f’Ruma ta l-aqwa 
												xhieda tiegħu ta’ mħabba u 
												fedeltà.  Kien f’Ruma li San 
												Pawl, l-Appostlu tal-Ġnus, ta hu 
												wkoll l-ogħla xhieda tiegħu.  
												Hekk il-Knisja ta’ Ruma saret 
												il-Knisja ta’ San Pietru u San 
												Pawl. 
												
												
												Fit-Testment il-Ġdid, San Pietru 
												għandu post mill-aqwa.  Fl-ewwel 
												parti tal-Atti tal-Appostli 
												jidher bħala l-kap u kelliem 
												tal-Kulleġġ tal-Appostli, li hu 
												msejjaħ “Pietru mal-Ħdax l-oħra” 
												(2:14; ara wkoll 2:37; 5:29).  
												Il-post mogħti lil San Pietru hu 
												mibni fuq l-istess kliem ta’ 
												Kristu kif huma mfakkra 
												mit-tradizzjoni Evanġelika. 
												
												
												91.  L-Evanġelju ta’ San Mattew 
												juri x’inhi l-ħidma pastorali 
												ta’ San Pietru fil-Knisja u 
												jgħid sewwa x’inhi: “Hieni int, 
												Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem 
												tad-demm u l-laħam urik dan, 
												imma Missieri li hu 
												fis-smewwiet.  U jiena ngħidlek: 
												“Int Pietru u fuq din il-Blata 
												jien nibni l-Knisja tiegħi u 
												s-setgħat ta’ l-infern ma 
												jegħelbuhiex.  U jiena nagħtik 
												l-imfietaħ tas-saltna 
												tas-smewwiet u kull ma torbot 
												fuq l-art ikun marbut 
												fis-smewwiet u kull ma tħoll fuq 
												l-art ikun maħlul fis-smewwiet” 
												(16:17-19).  San Luqa juri b’mod 
												ċar li Kristu talab lil Pietru 
												biex iwettaq lil ħutu, imma 
												fl-istess ħin urieħ id-dgħufija 
												tiegħu, bħala bniedem u l-ħtieġa 
												li jikkonverti (ara Lq 
												22:31-32).  Dan propju qisu 
												tħabbira ċara quddiem 
												id-dgħufija umana ta’ San Pietru 
												li l-ministeru partikulari 
												tiegħu fil-Knisja hu kollu kemm 
												hu ġej mill-grazzja:  qisu li 
												l-Imgħallem innifsu qed iħabrek 
												għall-konverżjoni ta’ Pietru, 
												biex iħejjih għall-ministeru 
												fil-Knisja li kien se jafdalu u 
												li kien se jitlob ħafna minnu.  
												Il-ħidma ta’ San Pietru hi 
												dejjem marbuta mal-fatt 
												tad-dgħufija tiegħu; dan nerġgħu 
												narawh fir-raba’ Evanġelju:  
												“Xmun, bin Ġwanni, tħobbni int 
												aktar minn dawn?... Irgħa 
												n-ngħaġ tiegħi”(Ġw 21:15).  
												Ifisser ħafna wkoll li skont San 
												Pawl fl-Ewwel Ittra 
												lill-Korintin Kristu wara li qam 
												mill-imwiet l-ewwel deher lil 
												Ċefa u mbagħad lit-Tnax (ara 
												15:5). 
												
												
												Jiswa ħafna naraw kif 
												id-dgħufija ta’ San Pietru u dik 
												ta’ San Pawl juru li l-Knisja hi 
												mibnija fuq il-qawwa bla qjies 
												tal-grazzja (ara Mt 16:17; 2Kor 
												12:7-10).  San Pietru malli ġie 
												lilu mogħti d-dmir tiegħu, ġie 
												minnufih inċanfar bl-aħrax minn 
												Kristu:  “Int tfixkil għalija” 
												(Mt 16:23).  Ma nistgħux hawn ma 
												narawx, fil-ħniena li San Pietru 
												kien jeħtieġ, relazzjoni 
												mal-ministeru tal-ħniena li San 
												Pietru nnifsu kellu jkun l-ewwel 
												wieħed li jġarrbu.  Lil Ġesù 
												wkoll ċaħdu tliet darbiet.  U 
												l-Evanġelju ta’ San Ġwann ukoll 
												juri ċar li San Pietru rċieva li 
												d-dmir jirgħa l-merħla tal-Mulej 
												waqt stqarrija ta’ mħabba għal 
												tliet darbiet (ara Ġw 21:15-17), 
												stqarrija li twieġeb għat-tliet 
												ċaħdiet tiegħu (ara 13:38).  San 
												Luqa, min-naħa tiegħu, bi kliem 
												Kristu, li ġa semmejt kliem li 
												t-tradizzjoni tal-bidu miegħu 
												intrabtet biex turi x’kienet 
												il-missjoni ta’ San Pietru, 
												jwettaq il-fatt li San Pietru 
												għandu “jwettaq lil ħutu meta 
												jerġa’ lura għas-sewwa”(ara Lq 
												22:32). 
												
												
												92.  San Pawl imbagħad itemm 
												id-deskrizzjoni tal-ministeru 
												tiegħu b’dik id-dikjarazzjoni 
												tassew tal-għaġeb li kienet 
												waslitlu mingħand il-Mulej 
												innifsu:  “Biżżejjed għalik 
												il-grazzja tiegħi, għax il-qawwa 
												tiegħi tidher fl-aqwa tagħha 
												fejn hemm id-dgħajjaf”, u 
												għalhekk seta jgħid “meta nkun 
												dgħajjef, inkun qawwi”(2Kor 
												12:9-10). 
												
												
												Fil-Knisja, mqaddsa bid-demm 
												taż-żewġ Prinċpijiet 
												tal-Appostli, l-Isqof ta’ Ruma 
												hu l-werriet tal-missjoni ta’ 
												San Pietru u jaqdi ministeru li 
												għandu l-bidu tiegħu mill-ħniena 
												ta’ Alla li hi ta’ ħafna suriet, 
												ħniena li tikkonverti l-qlub u 
												tagħti l-qawwa tal-grazzja fejn 
												id-dixxiplu jagħraf l-imrar 
												kollu tad-dgħufija u tal-miżerja 
												tiegħu.  L-awtorità ta’ dan 
												il-ministeru hi kollha kemm hi 
												għall-qadi tal-pjan kollu ħniena 
												ta’ Alla, u trid dejjem 
												tiftiehem f’dan is-sens.  Biha 
												titfisser is-setgħa tiegħu; 
												f’dan is-sens tiftiehem 
												is-setgħa tiegħu. 
												
												
												93.  Is-Suċċessur ta’ San Pietru 
												huwa u jissieħeb mal-istqarrija 
												għal tliet darbiet tal-imħabba 
												ta’ San Pietru, stqarrija li 
												wieġbet għat-tliet ċaħdiet 
												tiegħu, jaf li għandu jkun 
												sinjal ta’ ħniena.  Il-ministeru 
												tiegħu hu ministeru ta’ ħniena, 
												li ħareġ minn att ta’ ħniena ta’ 
												Kristu.  Din il-parti 
												tal-Evanġelju kollha kemm hi 
												trid tinqara u terġa’ tinqara 
												biex il-ministeru ta’ San Pietru 
												ma jitlef xejn mill-verità u 
												t-trasparenża tiegħu. 
												
												
												Il-Knisja ta’ Alla hi msejħa 
												minn Kristu biex turi lid-dinja 
												imxekkla mill-ħafna ħtijiet u 
												mill-ħafna pjanijiet imdallma 
												tagħha, li minkejja dan kollu, 
												Alla jista, fil-ħniena tiegħu, 
												jikkonverti l-qlub lejn l-għaqda 
												u jwassalhom għal xirka miegħu. 
												
												
												94.  Dan il-qadi tal-għaqda, li 
												għandu l-għeruq tiegħu fil-ħidma 
												tal-ħniena ta’ Alla, ġie fdat 
												fl-istess Kulleġġ tal-Isqfijiet 
												lil wieħed minn dawk li rċevew 
												mill-Ispirtu d-dmir mhux biex 
												iħaddmu s-setgħa fuq il-poplu — 
												kif jagħmlu l-kapijiet 
												tan-nazzjonijiet u s-setgħanin 
												(ara Mt 30:25; Mk 10:42) — imma 
												biex imexxuh lejn mergħat 
												ħienja.  Dan id-dmir jista’ 
												jitolbu s-sagrifiċċju ta’ ħajtu 
												(ara Ġw 10:11-18).  Santu 
												Wistin, wara li wera li Kristu 
												hu “r-Ragħaj waħdieni li fih 
												huma lkoll ħaġa waħda” iħeġġeġ: 
												“Jeħtieġ li lkoll ikunu f’ragħaj 
												wieħed u jtennu l-leħen 
												tar-Ragħaj waħdieni li n-ngħaġ 
												jisimgħu leħnu u jimxu wara 
												r-Ragħaj tagħhom,
												mhux 
												wara dak jew wara l-ieħor, imma 
												wara r-ragħaj waħdieni.  Jeħtieġ 
												li lkoll itennu l-istess leħen u 
												ma jkollhomx ilħna li ma jaqblux 
												ma’ leħnu.  Jeħtieġ li n-ngħaġ 
												jisimgħu dan il-leħen 
												imsaffi minn kull firda, mnaddaf 
												minn kull għelt”.  
												Id-dmir tal-Isqof ta’ Ruma 
												fil-Ġemgħa tar-Ragħajja kollha 
												hu li jisħar (episkopein) bħala 
												għassies biex permezz 
												tar-Ragħajja fil-Knejjes 
												partikulari kollha jinstema’ 
												l-leħen veru ta’ Kristu 
												r-Ragħaj.  U hekk f’kull Knisja 
												partikulari fdata lilhom, isseħħ
												il-Knisja waħda qaddisa, 
												Kattolika u Appostolika.  
												Il-Knejjes kollha huma f’għaqda 
												sħiħa viżibbli meta r-Ragħajja 
												kollha huma f’xirka ma’ San 
												Pietru u hekk magħqudin ma’ 
												Kristu. 
												
												
												Bis-setgħa u l-awtorità li 
												mingħajrhom dan id-dmir hu 
												fieragħ, l-Isqof ta’ Ruma jrid 
												iħares l-għaqda tal-Knejjes 
												kollha.  F’din il-ħaġa hu 
												l-ewwel wieħed fost il-qaddejja 
												tal-għaqda.  Dan il-primat 
												jitħaddem fuq ħafna livelli 
												fil-ħarsien tax-xandir 
												tal-Kelma, fiċ-ċelebrazzjoni 
												Sagramentali u Liturġika, 
												fil-missjoni, fid-dixxiplina u 
												fil-ħajja Nsranija.  Hu dmir 
												is-Suċċessur ta’ San Pietru li 
												jfakkar x’jitlob il-ġid komuni 
												tal-Knisja, jekk lil xi ħadd 
												tiġih it-tentazzjoni li jużah 
												għall-interess propji tiegħu.  
												Hu fid-dmir li jwiddeb, iwissi u 
												xi drabi wkoll jgħid li dik 
												il-fehma jew dik il-fehma l-oħra 
												li qed tinxtered ma taqbel xejn 
												mal-fidi waħda.  Meta 
												ċ-ċirkostanzi jitolbuh hu 
												jitkellem f’isem l-Isqfijiet 
												kollha li huma f’għaqda miegħu.  
												Jistgħu wkoll — taħt ċerti 
												kondizzjonijiet iffissati 
												mill-Konċilju Vatikan I — 
												jiddikjara ex cathedra li 
												xi duttrina hi parti 
												mid-depositu tal-fidi.  
												Huwa u jagħti xhieda bħal din 
												għall-verità, ikun jaqdi 
												l-għaqda. 
												
												
												95.  Dan kollu jrid dejjem isir 
												f’xirka.  Meta l-Knisja 
												Kattolika tgħid li d-dmir 
												tal-Isqof ta’ Ruma hu li jwieġeb 
												għar-rieda ta’ Kristu ma tkunx 
												qed tifred dan id-dmir 
												mill-missjoni fdata 
												lill-Isqfijiet kollha flimkien, 
												għax huma wkoll huma “vigarji u 
												delegati ta’ Kristu”.  
												L-Isqof ta’ Ruma hu parti 
												mill-Kulleġġ tagħhom u huma ħutu 
												fil-ministeru.  Dak li għandu 
												x’jaqsam mal-għaqda 
												tal-komunitajiet Insara kollha, 
												hu kollu kemm hu parti 
												mill-ħerqa tal-Primat.  Bħala 
												Isqof ta’ Ruma, naf sewwa u 
												tennejt f’din l-Enċiklika li 
												l-għaqda sħiħa viżibbli 
												tal-Komunitajiet kollha li fihom 
												jgħammar l-Ispirtu, hi x-xewqa 
												ħerqana ta’ Kristu.  Jien 
												konvint li f’din il-ħaġa għandi 
												responsabbiltà speċjali, l-aktar 
												dik li nagħraf li t-tamiet 
												ekumeniċi tal-kotra kbira 
												tal-Komunitajiet Insara, u 
												nagħti kas tat-talba li qed 
												issirli li nsib sura tat-tħaddim 
												tal-Primat li mingħajr ma 
												jitwarrab xejn minn dak li hu 
												essenzjali fih, ikun miftuħ għal 
												din il-qagħda ġdida.  Għal elf 
												sena l-Insara kienu magħqudin 
												flimkien “f’għaqda fraterna ta’ 
												fidi u ta’ ħajja sagramentali u 
												bil-kunsens ta’ kulħadd is-Sede 
												ta’ Ruma kienet tagħmel ħidma 
												ta’ moderatur meta kienu 
												jinqalgħu differenzi bejniethom 
												dwar fidi u dixxiplina”.  
												B’dan il-mod kien jitħaddem 
												il-primat.  Meta kellimt 
												lill-Patrijarka Ekumeniku, 
												il-Qdusija Tiegħu Dimitrios I, 
												għidtlu li kont naf sewwa li 
												“għal ħafna raġunijiet diversi u 
												kontra r-rieda ta’ wieħed u 
												tal-ieħor, dak li kellu jkun 
												qadi spiss wera ruħu f’dawl għal 
												kollox differenti.  Iżda, 
												bix-xewqa li verament nobdi ’l 
												Kristu, nagħraf li jien bħala 
												Isqof ta’ Ruma ġejt imsejjaħ 
												biex naqdi dan il-ministeru.  
												Jalla jagħtina d-dawl tiegħu 
												l-Ispirtu s-Santu u jdawwal 
												l-Isqfijiet kollha u t-teoloġi 
												tal-Knejjes tagħna biex 
												flimkien, kif għandu jkun, 
												infittxu dawn is-suriet li fih 
												dan il-ministeru jista’ jkun 
												qadi ta’ mħabba magħruf min-naħa 
												u mill-oħra”. 
												
												
												96.  Hu dmir liema bħalu li ma 
												nistax nirrifjutaħ u ma nistax 
												intemmu waħdi.  L-għaqda vera, 
												għalkemm mhux perfetta, li hemm 
												bejnietna m’għandhiex twassal 
												lir-responsabbli tal-Knejjes u 
												lit-teoloġi tagħhom biex jibdew 
												miegħi fuq din il-kwistjoni 
												djalogu bejn l-aħwa, kollu 
												sabar, u nkunu nistgħu nisimgħu 
												’l xulxin ’il fuq minn kull 
												polemika, li ma tħalli ebda 
												frott, bil-ħsieb biss li nagħmlu 
												r-rieda ta’ Kristu għall-Knisja 
												tiegħu u nħalluh jinfidna 
												bl-għajta tiegħu “Ha jkunu huma 
												wkoll ħaġa waħda biex id-dinja 
												tagħraf li inti bgħattni”?(Ġw 
												17:21)? 
												
												
												
												Ix-xirka tal-Knejjes partikulari 
												kollha mal-Knisja ta’ Ruma biex 
												isseħħ l-għaqda 
												
												
												97.  Il-Knisja Kattolika, kemm 
												fil-prattika tagħha u kemm 
												f’dokumenti uffiċjali, dejjem 
												żammet li x-xirka tal-Knejjes 
												partikulari mal-Knisja ta’ Ruma 
												u tal-Isqfijiet tagħhom 
												mal-Isqof ta’ Ruma hi 
												kundizzjoni essenzjali — skont 
												il-pjan ta’ Alla — għall-għaqda 
												sħiħa viżibbli.  Jeħtieġ li 
												l-għaqda sħiħa li tagħha 
												l-Ewkaristija hi l-ogħla 
												manifestazzjoni sagramentali 
												jkollha t-tifsir viżibbli tagħha 
												f’ministeru li fih l-Isqfijiet 
												kollha jagħrfu li huma magħqudin 
												flimkien fi Kristu u li f’dan 
												il-fidili jsibu mwettqa l-fidi 
												tagħhom.  L-ewwel parti tal-Atti 
												tal-Appostli turi lil San Pietru 
												bħala l-kelliem f’isem 
												il-Kulleġġ tal-Appostli u qaddej 
												tal-għaqda tax-xirka — u dan 
												b’rispett għall-awtorità ta’ San 
												Ġakbu, il-kap tal-Knisja ta’ 
												Ġerusalemm.  Dan id-dmir ta’ San 
												Pietru irid jibqa’ fil-Knisja 
												biex, taħt Kap wieħed li hu 
												Kristu Ġesù, tidher quddiem 
												id-dinja bħala x-xirka 
												tad-dixxipli kollha tiegħu. 
												
												
												U mhux xi sura ta’ dan 
												il-ministeru juru li hi meħtieġa 
												dawk kollha li huma mpenjati 
												fl-ekumeniżmu?  Dan ifisser 
												tippresjedi fil-verità u 
												fl-imħabba biex id-dgħajsa — 
												sabiħa din ix-xbieha li 
												l-Kunsill ekumeniku tal-Knejjes 
												għażel bħala simbolu — ma 
												titfarrakx mit-tempesti u 
												fl-aħħar tkun tista’ tasal 
												sal-port tagħha. 
												
												
												
												Għaqda sħiħa u evanġelizzazzjoni 
												
												
												98.  Il-moviment ekumeniku ta’ 
												żmienna, aktar mill-isforzi 
												ekumeniċi tal-imgħoddi li 
												madankollu mhux ta’ min inaqqas 
												l-importanza tagħhom, jingħaraf 
												b’mod speċjali mill-aspett 
												missjunarju tiegħu.  Mill-kliem 
												San Ġwann li qed jittieħed bħala 
												ħsieb li jimbuttana — Ħa 
												jkunu lkoll ħaġa waħda biex 
												id-dinja temmen li inti bgħattni 
												(Ġw 17:21) — ingħatat importanza 
												hekk qawwija lill-kliem biex 
												id-dinja temmen, li hemm 
												il-periklu li xi drabi ninsew li 
												l-ħsieb tal-Evanġelista hu li 
												l-għaqda hi l-aktar għall-glorja 
												tal-Missier.  Iżda hi ħaġa ċara 
												li l-firda bejn l-Insara hi 
												kontra l-Verità li huma fid-dmir 
												li jxandru u għalhekk il-firda 
												ddgħajjef ħafna x-xhieda 
												tagħhom.  Il-Predeċessur tiegħi 
												l-Papa Pawlu VI dan għarfu sewwa 
												u qalu fl-Eżortazzjoni 
												Appostolika tiegħu Evangelii 
												Nuntiandi.  “Għaliex aħna 
												ħabbara tal-Evanġelju rridu 
												noffru lill-fidili ta’ Kristu 
												dehra mhux ta’ nies mifrudin 
												minn xulxin u mifrudin minħabba 
												kontroversji li bl-ebda mod ma 
												jedifikaw, imma nies sħaħ 
												fil-fidi li jafu jinġabru 
												flimkien, ’il fuq minn kull 
												tilwim li hemm illum, għax 
												flimkien iridu jfittxu l-verità 
												sinċerament u bla ebda interessi 
												partikulari.  Hekk hu: 
												l-evanġelizzazzjoni żgur 
												tirnexxi jekk tkun marbuta 
												max-xhieda tal-għaqda 
												tal-Knisja.  Hawnhekk jaqbel li 
												nuru li s-sinjal tal-għaqda bejn 
												l-Insara kollha huwa t-triq u 
												l-mezz tal-evanġelizzazzjoni.  
												Il-firda bejn l-Insara hi ħaġa 
												serja ħafna u tasal biex 
												iddgħajjef l-istess opra ta’ 
												Kristu”. 
												
												
												Kristu nistgħu nħabbru 
												l-Evanġelju tar-rikonċiljazzjoni 
												jekk fl-istess waqt ma nħabirkux 
												għar-rikonċiljazzjoni 
												tal-Insara?  Jekk hu minnu li 
												l-Knisja immexxija mill-Ispirtu 
												s-Santu u mwegħda li tibqa’ għal 
												dejjem, ħabbret u qed tħabbar 
												l-Evanġelju lin-nazzjonijiet 
												kollha, mhux inqas veru li 
												għandha quddiema u trid tegħleb 
												id-diffikultajiet kollha li jiġu 
												minn din il-firda.  Quddiem 
												ħabbara tal-fidi li ma jaqblux 
												ma’ xulxin, għalkemm kollha 
												jitkellmu fuq Kristu, dawk li ma 
												jemmnux jagħarfu jilqgħu 
												l-messaġġ veru?  Ma jaħsbux 
												forsi li l-Evanġelju hu għajn 
												ta’ firda, minkejja li jiġi 
												mxandar bħala liġi fundamentali 
												tal-imħabba? 
												
												
												99.  Meta ntenni li għalija, 
												bħala Isqof ta’ Ruma, l-impenn 
												ekumeniku hu fost il-ħidmiet 
												pastorali tal-Pontifikat tiegħi 
												li għandhom ikunu minn 
												tal-ewwel, 
												ħsiebi jmur fit-tfixkil kbir li 
												toħloq il-firda għax-xandir 
												tal-Evanġelju.  Komunità 
												Nisranija li temmen fi Kristu u 
												tixtieq bil-ħeġġa tal-Evanġelju 
												s-salvazzjoni tal-bnedmin kollha 
												bl-ebda mod ma tista’ ma tagħtix 
												widen għas-sejħa tal-Ispirtu 
												s-Santu li qed imexxi l-Insara 
												kollha lejn għaqda sħiħa 
												viżibbli.  Dan hu wieħed 
												mill-kmandamenti tal-imħabba li 
												għandna nilqgħuh bla tlaqliq.  
												L-ekumeniżmu mhuwiex kwistjoni 
												li tolqot biss il-komunitajiet 
												Insara.  Hu dwar l-imħabba li 
												Alla għandu għall-ġens kollu 
												tal-bnedmin fi Kristu, u 
												t-tfixkil għal din l-imħabba hi 
												offiża magħmula lil Alla u 
												lill-pjan tiegħu li jiġbor lil 
												kulħadd fi Kristu.  Il-Papa 
												Pawlu VI kiteb lil Patrijarka 
												Ekumeniku Athenagoras I:  
												“L-Ispirtu s-Santu u msieħeb 
												magħna fil-mixja 
												tar-rikonċiljazzjoni biex 
												l-għaqda tal-Knejjes tagħna tkun 
												sinjal dejjem aktar jiddi ta’ 
												tama u ta’ faraġ għall umanità 
												kollha”. 
												
												
												  
												
												
												
												EŻORTAZZJONI 
												
												
												
												  
												
												
												100.  Meta dan l-aħħar kellimt 
												lill-Isqfijiet, il-kleru u 
												l-fidili tal-Knisja Kattolika 
												biex nurihom it-triq li minnha 
												jridu jgħaddu għaċ-ċelebrazzjoni 
												tal-Ġublew il-Kbir tas-Sena 
												Elfejn, fost ħwejjeġ oħra 
												għidt:  L-aħjar tħejjija “ma 
												tistax ma tkunx impenn 
												imġedded biex sa fejn jista’
												jkun it-tagħlim tal-Konċilju 
												Vatikan II jidħol fil-ħajja ta’ 
												kull wieħed u tal-Knisja kollha.  
												Il-Konċilju — bħall Avvent — hu 
												l-bidu ta’ dak il-mixi li se 
												jwassalna fuq l-għatba 
												tat-Tielet Elf Sena.  Jiena u 
												nqis l-importanza li l-Konċilju 
												ta lill-ħidma biex isseħħ 
												l-għaqda tal-Insara f’dan 
												iż-żmien tagħna ta’ grazzja 
												ekumenika, deher meħtieġ li 
												jiena ntenni l-konvinzjonijiet 
												fundamentali  li l-Konċilju 
												naqqax fil-kuxjenza tal-Knisja 
												Kattolika, jiena nfakkarhom 
												fid-dawl tal-progress kollu li 
												intant sar biex isseħħ l-għaqda 
												sħiħa tal-imgħamdin kollha. 
												
												
												Żgur li l-Ispirtu s-Santu qed 
												jaħdem f’din l-opra u qed imexxi 
												l-Knisja lejn is-sħubija kollha 
												tal-pjan tal-Missier skont 
												ir-rieda ta’ Kristu, li hi 
												mfissra b’qawwa hekk ħerqana 
												fit-talb li skont ir-Raba’ 
												Evanġelju ħarġet minn fomm Dak 
												li kien sejjer lejn il-ħidma 
												tas-salvazzjoni tal-Għid.  Kif 
												ried dak inhar, hekk illum 
												Kristu jrid impenn ġdid minn 
												kulħadd għall-għaqda sħiħa u 
												viżibbli. 
												
												
												101.  Inħeġġeġ għalhekk lil Ħuti 
												fl-Episkopat biex jidħlu għal 
												dan l-impenn.  Iż-żewġ 
												Kodiċijiet tal-Liġi Kanonika 
												fost id-dmirijiet tal-Isqof 
												isemmu wkoll id-dmir li jġib 
												l-quddiem l-għaqda tal-Insara u 
												jgħin kull ħidma u kull 
												inizjattiva biex tiġi l-quddiem 
												din l-għaqda għax iħoss li 
												l-Knisja hi marbuta b’dan 
												id-dmir u għax din hi r-rieda 
												ta’ Kristu. 
												  Din hi parti mill-missjoni 
												tal-Isqof u hu dmir li joħroġ 
												direttament mill-fedeltà lejjn 
												Kristu r-Ragħaj tal-Knisja.  
												L-Insara kollha huma mistiedna 
												mill-ispirtu ta’ Alla biex 
												jagħmlu dak li jistgħu ħa 
												jissaħħu dejjem aktar ir-rabtiet 
												tal-għaqda fost l-Insara kollha 
												u tikber il-kooperazzjoni fost 
												id-dixxipli kollha ta’ Kristu:  
												“It-tħassib biex isseħħ l-għaqda 
												jimpenja l-Knisja kollha sew 
												l-Insara u sew ir-ragħajja, 
												kulħadd skont il-ħila li 
												għandu”. 
												 
												
												
												102.  Il-qawwa tal-Ispirtu ta’ 
												Alla tagħti ħajja lill-Knisja u 
												tibniha tul iż-żminijiet.  Fuq 
												it-talba trid tistrieħ il-ħerqa 
												li mhijiex ħlief xewqa kbira 
												għall-għaqda u għalhekk it-talb 
												hu wieħed mill-għemejjel 
												meħtieġa tal-imħabba li bih 
												ningħaqda ma’ Kristu u 
												mal-Missier, għani fil-ħniena.  
												It-talb irid ikun l-aqwa għemil 
												tagħna fil-mixi flimkien 
												mal-Insara l-oħra kollha, lejn 
												l-elf sena li hi hekk fil-qrib. 
												
												
												Kif se jseħħ dan?  “B’radd 
												il-ħajr”, għaliex mhux sejrin 
												għal din il-laqgħa b’idejna 
												vojta; “L-Ispirtu jgħinna 
												fin-nuqas ta’ ħila tagħna... u 
												jidħol għalina bi tnehid li ma 
												jistax jitfisser bil-kliem” (Rum 
												8:26) u jgħallimna nitolbu ’l 
												Alla dak li neħtieġu.  Kif se 
												niksbu dan?  Bit-tama 
												fl-Ispirtu li jista’ jwarrab 
												minna x-xbihat tal-imgħoddi u 
												t-tifkiriet kollha mrar 
												tal-firdiet; jista’ jagħtina 
												dawl, qawwa u qalb biex nagħmlu 
												l-passi meħtieġa ħalli l-ħidma 
												tagħna tkun aktar vera, u jekk 
												nistaqsu dan kollu jistax isir, 
												it-tweġiba hi dejjem: iva.  
												L-istess tweġiba semgħetha 
												Marija ta’ Nazaret li għal Alla 
												ma hemm xejn li ma jistax ikun.  
												Niftakar fil-kliem li bih San 
												Ċiprijanu jikkommenta l-Missierna, 
												it-talba tal-Insara kollha:  
												“Alla ma jilqax l-offerta ta’ 
												min mhux paċi ma’ ħuh:  dan 
												għaliex Alla jtaffi l-għadab 
												tiegħu biss bit-talb tal-bniedem 
												li jħobb is-sliem u l-paċi.  
												L-aqwa sagrifiċċju għal Alla hu 
												l-għaqda tagħna bħal aħwa 
												fis-sliem bejnietna, l-għaqda 
												tagħna bħala poplu ta’ Alla 
												miġbur flimkien fl-għaqda 
												tal-Missier u ta’ l-Iben u 
												tal-Ispirtu s-Santu”.
												 
												
												
												Issa li fuq ix-xefaq qed tidher 
												elf sena oħra, għaliex 
												m’għandniex nitolbu l-Mulej 
												b’ħeġġa ġdida u għarfien aħjar 
												il-grazzja, li jagħti lilna 
												lkoll il-grazzja li nitħejju 
												għal dan is-sagrifiċċju 
												tal-għaqda? 
												
												
												103. Jien, Ġwann Pawlu, il-qaddej 
												umli tal-qaddejja ta’ 
												Alla, nagħmel tiegħi kliem 
												l-Appostlu San Pawl li 
												bil-martirju tiegħu flimkien ma’ 
												dak ta’ San Pietru ta lil din 
												is-Sede ta’ Ruma id-dija 
												tax-xhieda tiegħu, biex lilkom 
												il-fidili tal-Knisja Kattolika, 
												u lilkom wkoll ħuti tal-Knejjes 
												u l-Komunitajiet Ekkleżjali 
												l-oħra kollha, ngħidilkom:  
												Ħabirku għall-perfezzjoni, 
												isimgħu milli wieħed jgħidilkom, 
												kunu tama waħda, żommu s-sliem, 
												u Alla tal-imħabba u s-sliem 
												ikun magħkom... 
												Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù 
												Kristu, l-imħabba ta’ Alla u 
												l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu
												tkun magħkom ilkoll” 
												(2Kor 13:11-13). 
												
												
												Minn Ruma, minn San Pietru, 
												fil-15 ta’ Mejju, fis-Solennità 
												tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema, 
												fis-sena 1995, is-17-il sena 
												tal-Pontifikat. 
												
												
												  
												
												
												
												Joannes Paulus pp. II 
												   
												
												
												  
												 |