Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU
FIL-POLONJA
(2-10ta’ ĠUNJU 1979)
QUDDIES U ATT TA’ KONSAGRAZZJONI
LILL-MADONNA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
Czestochowa - Jasna Gora, 4 ta’
Ġunju 1979
1.“Verġni Mqaddsa li tiddefefendi liċ-ċara Czestochowa...”. Jiġini
f’moħħi dan il-kliem tal-poeta
Mackiewicz, li fil-bidu tal-opra
tiegħu “Pan Tadeusz”,
f’invokazzjoni lill-Verġni
esprima dak li kien iħabbat u
jħabbat fil-qalb tal-Pollakki
kollha, waqt li nqeda
bil-lingwaġġ tal-fidi u b’dak
tat-tradizzjoni nazzjonali.
Tradizzjoni li tmur lura għal
madwar sitt mitt sena ilu, fi
żmien il-beata Reġina Edwige,
għall-jiem bikrin tad-dinastija
Jagellonika. Ix-xbiha ta’ Jasna
Gora tesprimi tradizzjoni,
lingwaġġ ta’ fidi, ferm iktar
antik tal-istorja tagħna, u
jirrifletti għaż-żmien stess
il-kontenut kollu
tal-“Bogurodzica”, li l-bieraħ
immeditajna fi Gniezno, waqt li
ftakarna l-missjoni ta’ San
Wojciech (Sant’Adalberto) u waqt
li morna lura għall-ewwel
waqtiet tal-aħbar tal-Vanġelu
fl-art Pollakka.
Dik li darba tkellmet bil-kant, tkellmet imbagħad bix-Xbiha tagħha
waqt li wriet permezz tagħha l-preżenza
materna tagħha fil-ħajja
tal-Knisja u ta’ Art Twelidna.
Il-Verġni ta’ Jasna Gora
irrivelat l-ansjetà materna
tagħha għal kull ruħ, għal kull
familja, għal kull bniedem li
jgħix f’din l-art, li jaħdem,
jissielet u jaqà fuq il-kamp
tal-battalja, li jiġi kkundannat
għall-isterminju, li jikkumbatti
miegħu nnifsu, li jirbaħ jew
jitlef: għal kull bniedem li
għandu jħalli art twelidu biex
jemigra, għal kull bniedem…
Il-Polakki draw jorbtu ma’ dan il-post u ma’ dan is-Santwarju l-ġrajjiet
numerużi ta’ ħajjithom:
il-waqtiet differenti ferrieħa
jew imnikkta, b’mod speċjali l-waqtiet
sollenni, deċiżivi, il-waqtiet
ta’ responsabiltà bħall-għażla
tal-indirizz propju ta’
ħajjithom, l-għażla
tal-vokazzjoni, it-twelid ta’
wliedhom, l-eżamijiet
tal-maturità… u tant waqtiet
oħrajn. Draw jiġu bil-problemi
tagħhom f’Jasna Gora biex
jitkelmu mal-Omm ċelesti, Dik li
hawn għandha mhux biss l-Immaġni
tagħha, Xbihetha, - waħda mill-iktar
magħrufin u meqjuma fid-dinja –
imma li hija hawn preżenti b’mod
speċjali. Hija preżenti
fil-misteru ta’ Kristu u
tal-Knisja, bħal ma jgħallem
il-Konċilju. Hija preżenti għal
kulħadd u għal kull wieħed u
waħda li jippellegrinaw lejha,
ukoll biss bir-ruħ u bil-qalb,
meta ma jkunux dan jagħmluh
fiżikament. Il-Pollakki huma
mdorrijin b’dan. Draw ukoll
popli relatati, nazzjonijiet
ġirien. Bnedmin mill-Ewropa u
minn ‘il hemm minnha qegħdin
dejjem iktar jiġu hawn.
Il-Kardinal Primat, matul in-novena l-kbira, esprima ruħu dwar
is-sinifikat tas-Santwarju ta’
Czestochowa fil-ħajja tal-Knisja
b’dan il-kliem: “X’seħħ ġo Jasna
Gora? Sa dan il-waqt aħna ma
nistgħux nagħtu tweġiba
adegwata. Seħħet xi ħaġa iktar
minn dak li dak li jkun jistà
jimmaġina… Jasna Gora rrivelat
ruħha bħala rabta nterna
fil-ħajja Pollakka, qawwa li
tmiss b’mod profond l-qalb u
żżomm in-Nazzjon kollu
fl-atteġġjament umli, imma
qawwi, ta’ fedeltà lejn Alla,
lejn il-Knisja u lejn
il-Ġerarkija tagħha. Għalina
lkoll kienet sorpriża kbira
naraw il-qawwa tar-Reġina
tal-Polonja turi ruħha b’mod
hekk manifiku”.
Infatti, jiena ħadt miegħi mill-Polonja, fuq il-Katedra ta’ San
Pietru f’Ruma, din id-“drawwa
qaddisa” tal-qalb, imħejjija
mill-fidi ta’ tant
ġenerazzjonijiet, murija
mill-esperjenza nisranija ta’
tant sekoli u profondament
ingranata f’ruħi.
2. Bosta drabi ġie hawn Piju XI, naturalment mhux bħala Papa, imma
bħala Achille Ratti, l-ewwel
Nunzju fil-Polonja, wara l-kisba
mill-ġdid tal-indipendenza.
Meta, wara l-mewt ta’ Piju XII,
kien elett għall-Katedra ta’
Pietru il-Papa Ġwanni XXIII,
l-ewwel kliem tiegħu bħala
l-Papa l-ġdid kien dar fuq
il-Primat tal-Polonja, wara
l-Konklavi, kienu tkellmu dwar
Jasna Gora. Huwa ftakar
iż-żjarat tiegħu hawn, matul
is-snin tad-Delegazzjoni
apostolika tiegħu fil-Bulgarija,
u talab b’mod speċjali talb bla
jaqtà lill-Omm Alla, skont
l-intenzjoni inerenti
għall-missjoni ġdida tiegħu.
It-talba tiegħu kienet imwettqa
kull jum f’Jasna Gora u mhux
biss waqt il-Pontifikat tiegħu,
imma wkoll waqt dak
tas-Suċċessuri tiegħu.
Ilkoll nafu kemm xtaq jiġi pellegrinaġġ hawn il-Papa Pawlu VI, hekk
marbut mal-Polonja sa miż-żmien
tal-ewwel inkarigu diplomatiku
tiegħu fin-Nunzjatura ta’
Varsavja. Il-Papa li tant tħabat
biex jinnormalizza l-ħajja
tal-Knisja fil-Polonja b’mod
partikolari għal dak li
jirrigwarda l-istruttura attwali
tal-Artijiet tal-Punent u
tan-Nord. Il-Papa tal-millenju
tagħna, huwa ried li jkun hawn
bħala pellegrin, maġemb uliedu
tan-Nazzjon Pollakk.
Wara li l-Mulej sejjaħ għandu lill-Papa Pawlu VI nħar is-sollennità
tat-Trasfigurazzjoni tas-sena
l-oħra, il-Kardinali għażlu
lis-Suċċessur fis-26 ra’ Awissu,
jum li fih il-Polonja, u
speċjalment Jasna Gora,
tiċċelebra s-sollennità
tal-Madonna ta’ Czestochowa.
L-aħbar tal-elezzjoni tal-Papa
l-ġdid Ġwanni Pawlu I kienet
imxandra lill-fidili mill-Isqof
ta’ Czestochowa, waqt l-istess
ċelebrazzjoni ta’ filgħaxija.
X’nistà ngħid dwari, li wara pontifikat ta’ 33 jum biss ta’ Ġwanni
Pawlu I, messet, b’digriet li ma
jitkejjilx tal-Providenza,
ix-xorti li naċċetta l-eredità u
s-suċċessjoni apostolika
tal-Katedra ta’ San Pietru,
fis-16 ta’ Ottubru 1978? X’nistà
ngħid jien, l-ewwel Papa mhux
Taljan wara 455 sena? X’nistà
ngħid jien Ġwanni Pawlu II,
l-ewwel Papa Pollakk fl-istorja
tal-Knisja? Se ngħidilkom: f’dak
is-16 ta’ Ottubru, li fih
il-kalendarju liturġiku
tal-Knisja fil-Polonja jfakkar
lil Santa Edwige, kont mort lura
bil-ħsieb għas-26 ta’ Awissu,
għall-Konklavi preċedenti u għal
dik l-elezzjoni li kienet seħħet
fis-sollennità tal-Madonna ta’
Jasna Gora. Ma kelli linqas
bżonn li ngħid, kif diġa
l-Predeċessuri tiegħi, li kont
striħajt fuq it-talb f’riġlejn
ix-xbiha ta’ Jasna Gora.
Is-sejħa ta’ iben tan-nazzjon
Pollakka għall-Katedra ta’
Pietru fiha rabta evidenti u
qawwija ma’ dan il-post qaddis,
ma’ dan is-santwarju ta’ tama
kbira: “Totus tuus”, Kont
sefsift, fit-talb, bosta drabi,
quddiem din ix-Xbiha.
3. U hawn jien illum mill-ġdid magħkom ilkoll, għeżież Huti:
magħkom maħbubin Konnazzjonali,
miegħek Kardinal Primat
tal-Polonja, mal-Episkopat
kollu, li jien kont parti minnu
għal iktar minn għoxrin sena
bħala Isqof, arċisqof
metropolita ta’ Krakovja, bħala
kardinal. Tant drabi ġejna hawn,
f’dan il-post qaddis, fi smigħ
pastorali attent biex nisimgħu
tħabbat il-qalb tal-Knisja u dik
ta’ Art Twelidna fil-qalb
tal-Omm. Jasna Gora, infatti,
mhijiex biss destinazzjoni ta’
pellegrinaġġ għall-Pollakki ta’
art twelidna u tad-dinja kollha,
imma hija s-santwarju
tan-Nazzjon. Hemm bżonn nisilfu
widintna lil dan il-post qaddis
biex nisimgħu kif qiegħda
tħabbat il-qalb tan-Nazzjon fil
qalb tal-Omm. Din il-qalb,
infatti, tħabbat kif nafu,
bl-appuntamenti kollha
tal-istorja, bil-ġrajjiet kollha
tal-ħajja nazzjonali: kemm
drabi, infatti, din dwiet
bil-krib tat-tbatijiet storiċi
tal-Polonja, imma wkoll
bl-għajjat ta’ ferħ u ta’ rebħa!
Wieħed jistà jikteb l-istorja
tal-Polonja b’modi differenti:
b’mod speċjali dik tal-aħħar
sekli, wieħed jistà
jinterpretaha b’muftieħ
differenti Bdanakollu jekk
irridu nkunu nafu kif
tinterpreta din l-istorja l-qalb
tal-Pollakki, hemm bżonn niġu
hawn, hemm bżonn nestendu
widintna għal dan is-Santwarju,
hemm bżonn inħossu l-eku
tal-ħajja tan-nazzjon kollu
fil-qalb tal-Omm u Reġina
tiegħu! U jekk din il-qalb
tħabbat b’ton ta’ nkwiet, jekk
jidwu fiha l-ansjetà u l-għajta
għall-konversjoni u
għar-rafforziment tal-koxjenza,
hemm bżonn li nilqgħu din
l-istedina. Din titwieled
mill-imħabba materna, li kif taf
hi tifforma l-proċessi storiċi
fuq l-art Pollakka.
L-aħħar għaxriet ta’ snin ikkonfermaw u għamlu iktar qawwija tali
għaqda bejn in-Nazzjon Pollakka
u r-Reġina tiegħu. Quddiem
il-Verġni ta’ Czestochowa kienet
ippronunzjata l-konsagrazzjoni
tal-Polonja lill-Qalb Immakulata
ta’Marija, it-8 ta’ Settembru
1946. Għaxar snin wara, ġew
imġedda ġo Jasna Gora l-wegħdiet
tar-Re Jan Kazimierz, fit-tliet
mitt anniversarju minn meta hu,
wara perijodu ta’ “dilluvju”
(l-invażjoni tal-Iżvediżi
fis-seklu XVII) ipproklama
lill-Omm Alla Reġina tar-renju
Pollakk. F’dak l-anniversarju
bdiet in-novena l-kbira ta’ disà
snin, bi tħejjija għall-millenju
tal-Magħmudija tal-Polonja. U
fl-aħħarnett fl-istess sena
tal-millenju, fit-3 ta’ Mejju
1966, hawn f’dan il-post, kien
ippronunzjat mill-Primat
tal-Polonja l-att tas-servitù
totali lill-Omm Alla,
għal-libertà tal-Knisja
fil-Polonja u fid-dinja kollha.
Dan l-att storiku kien
ippronunzjat hawn, quddiem Pawlu
VI, assenti fil-ġisem, imma
preżenti fl-ispirtu, bħala
xhieda ta’ dik il-fidi qawwija u
ħajja, li jistennew u jesiġu
żminijietna. L-att jitkellem
dwar is-“servitù” u jaħbi fih
paradoss simili għall-kliem
tal-Vanġelu li skontu hemm bżonn
li nitilfu ħajjitna biex nerġgħu
nsibuha (cf. Mt 10,39).
L-imħabba nfatti tikkostitwixxi
t-twettiq tal-libertà, imma
fl-istess ħin, “l-appartenenza”,
jiġifieri l-“fatt li ma nkunux
liberi”, jagħmel parti
mill-assenza tagħha. Però dan
il-“ma nkunux liberi” fl-imħabba
ma jiġix interpretat bħala
skjavitù, imma bħala
affermazzjoni ta’ libertà u
bħala t-twettiq tagħha. L-att
ta’ konsagrazzjoni fl-iskjavitù
jindika mela dipendenza
singolari għal fiduċja bla
limiti. F’dan is-sens
l-iskjavitù (in-non-libertà),
tesprimi l-milja tal-libertà,
bl-istess mod li l-Vanġelu
jitkellem dwar il-bżonn tat-telf
tal-ħajja biex dak li jkun jerġà
jsibha fil-milja tagħha.
Il-kliem ta’ tali att, ippronunzjat bl-ilsien tal-esperjenzi
storiċi tal-Polonja,
tat-tbatijiet tagħha u wkoll
tar-rebħiet tagħha, għandhom
interess propju f’dan il-waqt
tal-ħajja tal-Knisja u
tad-dinja, wara l-għeluq
tal-Konċilju Vatikan II li – kif
inhu b’mod ġust insostnu – fetaħ
era ġdida. Dan beda epoka
tal-għarfien approfondit
tal-bniedem, tal-“ferħ u
t-tamiet tiegħu kif ukoll
tad-dwejjaq u t-taqtigħ il-qalb
tiegħu”, kif jiddikjara l-ewwel
kliem tal-Kostituzzjoni
pastorali
Gaudium et Spes. Il-Knisja
konxja mid-dinjità kbira tagħha
u mill-vokazzjoni manifika
tagħha fi Kristu, tixtieq tmur
tiltaqà mal-bniedem. Il-Knisja
tixtieq twieġeb
għall-interrogattivi eterni u
fl-istess ħin dejjem attwali
tal-qlub u tal-istorja umana, u
għalhekk twettaq tul il-Konċilju
opra ta’ għarfien approfondit
tagħha nfisha, tan-natura
propja, tal-missjoni propja,
tad-dmirijiet propji. Fit- 3 ta’
Mejju 1966 l-Episkopat Pollakk
iżid ma’ din l-opra fundamentali
tal-Konċilju l-att propju ta’
Jasna Gora: il-konsagrazzjoni
lill-Omm Alla għal-libertà
tal-Knisja fid-dinja u
fil-Polonja. Din hija karba li
titlaq mill-qalb u mir-rieda:
karba tal-esseri nisrani kollu u
tal-komunità għad-dritt sħiħ li
jħabbar il-messaġġ feddej: karba
li trid issir effikaċi b’mod
universali billi tgħaddas
għeruqha fl-epoka preżenti u
f’dik futura. Kollox permezz ta’
Marija! Din hija
l-interpretazzjoni awtentika
tal-preżenza ta’ Omm Alla
fil-Misteru ta’ Kristu u
tal-Knisja, kif jipproklama
l-kapitolu VIII
tal-Kostituzzjoni
Lumen Gentium.
Tali nterpretazzjoni
tikkorrispondi mat-tradizzjoni
tal-qaddisin, bħal Bernard ta’
Kjaravalle, Grignion de
Montfort, Massimiljanu Kolbe.
4. Il-Papa Pawlu VI aċċetta dan l-att ta’ konsagrazzjoni bħala
frott taċ-ċelebrazzjoni
tal-millenju Pollakk ta’ Jasna
Gora, kif tixħed il-bolla
tiegħu, li tinsab ħdejn ix-xbiha
tal-Madonna s-Sewda ta’
Czestochowa. Illum is-Suċċessur
indehen tiegħu, waqt li jinsab
f’Jasna Gora, jixtieq iġeddu
fil-jum ta’ wara l-Pentekoste,
propju waqt li l-Polonja kollha
tiċċelebra l-festa ta’ Omm
il-Knisja.
Għall-ewwel darba il-Papa qiegħed jiffesteġġja din is-sollennità
waqt li jesprimi flimkien
magħkom, Meqjumin u Għeżież
Ħuti, ir-rikonoxxenza lill-kbir
Predeċessur tiegħu li, sa
miż-żminijiet tal-Konċilju, beda
jsejjaħ lil Marija bit-titlu ta;
Omm il-Knisja.
Dan it-titlu jippermettilna nippenetraw fil-misteru kollu ta’
Marija mill-waqt tal-Immakulata
Konċezzjoni, permezz
tal-Annunzjazzjoni,
il-Viżitazzjoni u t-Twelid ta’
Ġesù f’Betlem, sa fuq
il-Kalvarju. Dan jippermetti
lilna lkoll li nsibu ruħna
mill-ġdid – bħal ma jfakkar
il-qari tallum – fiċ-Ċenaklu,
fejn l-Appostli flimkien ma’
Marija, Omm Ġesù, jipperseveraw
fit-talb, waqt li jistennew,
wara t-tlugħ tal-Mulej fis-sema,
it-twettiq tal-wegħda, jiġifieri
l-miġja tal-Ispirtu Santu,
sabiex tkun tistà titwieled
il-Knisja! Fit-twelid tal-Knisja
tieħu sehem b’mod speċjali Dik
li lilha nafu t-twelid ta’
Kristu. Il-Knisja, mwielda darba
waħda fiċ-Ċenaklu
tal-Pentekoste, tkompli
titwieled f’kull ċenaklu ta’
talb. Titwieled biex issir ommna
spiritwali b’xebħ tal-Omm
tal-Verb Etern. Titwieled biex
tirrivela l-karatteristiċi u
l-qawwa ta’ dik il-maternità –
maternità ta’ Omm Alla – li
grazzi għaliha nistgħu “nissejħu
wlied Alla u hekk aħna realment”
(1Ġw 3,1). Difatti, il-
paternità santissima ta’ Alla,
fl-ekonomija feddejja tagħha,
inqdiet bil-maternità verġinali
tal-qaddejja umli tagħha, biex
twettaq f’ulied il-bniedem
l-opra tal-awtur divin.
Għeżież Konnazionali, meqjumin u maħbubun Ħuti fl-Episkopat,
Rgħajja tal-Knisja fil-Polonja,
Illustrissmi Mistednin u Intom
fidili lkoll, ippermettu li,
bħala Suċċessur ta’ San Pietru,
illum hawn preżenti magħkom,
nafda l-Knisja kollha lil Omm
Kristu, bl-istess fidi ħajja,
bl-istess tama erojka, li bihom
għamilna fil-jum memorabbli
tat-3 ta’ Mejju tal-millenju
Pollakk.
Ippermettu li jien inġib hawn, bħal ma għamilt żmien ilu
fil-Bażilika Rumana ta’ Santa
Maria Maggiore, u mbagħad
fil-Messiku fis-Santwarju ta’
Guadalupe, il-misteri tal-qlub,
id-duluri u t-tbatijiet u
fl-aħħarnett it-tamiet u
l-istennija ta’ dan l-aħħar
għeluq tas-seklu XX tal-era
Kristjana.
Ippermettu li nafda dan kollu lil Marija.
Ippermettu li nafdahulha b’mod
ġdid u sollenni.
Jiena bniedem ta’ fiduċja kbira.
Tgħallimt inkun hekk hawn.
ATT TA’ KONSAGRAZZJONI LILL-MADONNA
5. “Kbira Omm Alla magħmul Bniedem, Verġni Santissima, Sidtna ta’
Jasna Gora...”.
B’dan il-kliem l-Isqfijiet Pollakki daru lejk tant drabi f’Jasna
Gora, waqt li ġabulek f’qalbhom
l-esperjenzi u l-pieni, il-ferħ
u n-niket, u fuq kollox il-fidi,
it-tama u l-imħabba
tal-konnazzjonali tagħhom.
Huwa leċitu għalija li llum nibda bl-istess kliem l-att il-ġdid ta’
konsagrazzjoni lil Sidtna ta’
Jasna Gora, li jitwieled
mill-istess fidi, tama u mħabba,
mit-tradizzjoni tal-poplu
tagħna, u li fih ħadt sehem tant
snin, u kontemporanjament
jitwieled mid-dmirijiet ġodda li
grazzi lilek, o Marija, ġew
afdati lili, bniedem indenn u
fl-istess ħin ibnek adottiv.
Tant kien jgħidli l-kliem li Ibnek Uniġenitu, Ġesù Kristu, Feddej
tal-bniedem, indirizza
mill-għoli tas-Salib waqt li
indika lil Ġwanni, appostlu u
evanġelista: “Mara, hawn hu
ibnek” (Ġw 19,
26). F’dan il-kliem insib dejjem
insikat il-post għal kull
bniedem u għalija.
Illum, bil-pjanijiet bla qies tal-Providenza Divina, preżenti hawn
f’Jasna Gora, f’ArtTwelidi
terrena, il-Polonja, nixtieq
nikkonferma qabel xejn l-atti
ta’ konsagrazzjoni u ta’
fiduċja, li fil-waqtiet
differenti – ħafna drabi u
f’forom differenti – kienu
ppronunzjati mill-Kardinal
Primat u mill-Episkopat Pollakk.
B’mod partikolari nixtieq
nikkonferma u nġedded l-att ta’
konsagrazzjoni ppronunzjat
f’Jasna Gora fit-3 ta’ Mejju
1966, fl-okkażjoni tal-millenju
tal-Polonja; b’dan l-att
l-Isqfijiet Pollakki, waqt li
rregalaw ruħhom lilek, Omm Alla,
“fl-iskjavitù ta’ mħabba materna
tiegħek” riedu jaqdu l-kawża
l-kbira tal-libertà tal-Knisja
mhux biss f’Art Twelidhom, imma
fid-dinja kollha. Xi snin wara,
fis-17 ta’ Ġunju 1976, huma
kkonsagraw lilek l-umanità
kollha, in-nazzjonijiet u
l-popli kollha tad-dinja
kontemporanja, lil ħuthom ġirien
fil-fidi, fil-lingwa u x-xorti
komuni tal-istorja, waqt li
estendew din il-konsagrazzjoni
sal-iktar limiti bogħod
tal-imħabba, kif tesiġih Qalbek:
Qalb ta’ Omm li tħaddan lil
kulħadd, wieħed u kollha,
kullimkien u dejjem.
Nixtieq illum, waqt li nasal Jasna Gora bħala l-ewwel
Papa-pellegrin, inġedded dan
il-patrimonju ta’ fiduċja, ta’
konsagrazzjoni u ta’ tama, li
hawn b’tant impetu kien
akkumulat minn Ħuti fl-Episkopat
u mill-Konnazzjonali tiegħi.
U għalhekk nafdalek, O Omm il-Knisja, il-problemi kollha ta’ din
il-Knisja: il-missjoni kollha
tagħha, is-servizz kollu tagħha,
waqt li wasal biex jagħlaq
it-tieni millenju tal-istorja
tal-kristjaneżmu fuq l-art.
Għarusa tal-Ispirtu Santu u Tronn tal-Għerf! Lill-interċessjoni
tiegħek nafu l-viżjoni
tal-għaġeb u l-programm ta’
tiġdid tal-Knisja fl-epoka
tagħna, li sabet l-espressjoni
tagħha fit-tagħlim tal-Konċilju
Vatikan II. Agħmel li din
il-viżjoni u dan il-programm
aħna nagħmluh oġġett tal-aġir
tagħna, tas-servizz tagħna,
tat-tagħlim tagħna,
tal-pastorali tagħna,
tal-apostolat tagħna – fl-istess
verità, sempliċità u qawwa, li
bihom għarrafna l-Ispirtu Santu
fis-servizz umli tagħna - .
Agħmel li l-Knisja kollha
tirrestawra, billi tixrob minn
dan is-sors ġdid ta’ għarfien
tal-propja natura u missjoni
tagħha, mhux minn “ilmijiet”
oħra barranin u ivvalenati (cf. Ġer 8, 14).
Għinna, f’dan l-isforz kbir li qegħdin inwettqu biex niltaqgħu
b’mod dejjem iktar matur ma’
ħutna fil-fidi, li magħhom
jgħaqqduna tant ħwejjeġ,
għalkemm għad hemm xi ħaġa li
tifridna. Agħmel li, permezz
tal-meżżi kollha tal-għarfien,
tar-rispett reċiproku,
tal-imħabba, tal-kollaborazzjoni
komuni fl-oqsma differenti,
inkunu nistgħu niskopru
gradwalment il-pjan divin ta’
dik l-għaqda li fiha jeħtieġ li
nidħlu aħna u nintroduċu lil
kulħadd, sabiex l-unika mergħa
ta’ Kristu tingħaraf u tgħix l-għaqda
tagħha fuq l-art. O Omm
tal-għaqda, urina dejjem it-toroq
li jwassluna fiha!
Ippermettilna, fil-ġejjieni, li niltaqgħu mal-bnedmin kollha u
mal-popli kollha, li fuq
it-toroq differenti
tar-reliġjonijiet ifittxu lil
Alla u jridu jaqduh. Għin lilna
lkoll biex inħabbru lil Kristu u
biex nirrivelaw “il-qawwa u
l-għerf divin” (1
Kor 1, 24) moħbija
fis-salib. Int, li kont l-ewwel
li rrivelajtu f’Betlem mhux biss
lir-rgħajja sempliċi u fidili,
imma wkoll lill-għorrief
mill-pajjiżi mbieghda, Omm
tal-Parir it-Tajjeb! Indikalna
dejjem kif għandna naqdu
lill-bniedem, l-umanità f’kull
nazzjon, kif inwassluha fit-triq
tas-salvazzjoni. Kif nipptoreġu
l-ġustizzja u l-paċi fid-dinja
kontinwament mhedda minn diversi
partijiet. Kemm nixtieq b’mod
ħaj, fl-okkażjoni ta’ din
il-laqgħa tallum, nafdalek dawn
il-problemi diffiċli kollha
tas-soċjetà, tas-sistemi u
tal-istati, problemi li ma
jistgħux jiġu solvuti bl-odju,
il-gwerra u l-awtodistruzzjoni,
imma biss bil-paċi,
bil-ġustizzja, bir-rispett
tad-drittijiet tal-bnedmin u
tan-nazzjonijiet.
O Omm il-Knisja! Agħmel li l-Knisja tgawdi l-libertà u l-paċi
fit-twettiq tal-missjoni
feddejja tagħha, u li għal dan
il-għan issir matura b’maturità
ġdida ta’ fidi u ta’ għaqda
nterna! Għinna nirbħu
l-oppożizzjonijiet u
d-diffikultajiet! Għinna biex
niskopru s-sempliċità kollha u
d-dinjità tal-vokazzjoni
nisranija! Agħmel li ma jonqsux
“il-ħaddiema fl-għalqa
tad-dwieli tal-Mulej”. Qaddes
il-familji! Għasses fuq ruħ
iż-żgħażagħ u fuq qalb it-tfal!
Għin biex jintgħeleb it-theddid
morali kbir li jolqot l-ambjenti
fundamentali tal-ħajja u
tal-imħabba. Ikseb għalina
l-grazzja li niġġeddu
kontinwament, permezzi
tas-sbuħija kollha tax-xhieda
mogħtija lis-Salib u
lill-Qawmien mill-Imwiet ta’
Ibnek.
Kermm problemi xtaqt, o Omm, nippreżentalek f’din il-laqgħa, waqt
li nelenkahom waħda waħda.
Nafdahom kollha lilek, għaliex
inti tafhom aħjar minna u tieħu
ħsiebhom kollha.
Dan nagħmlu fil-post tal-konsagrazzjoni l-kbira, li minnha
titħaddan mhux biss il-Polonja,
imma l-Knisja kollha
fid-dimensjonijiet tal-pajjiżi u
tal-kontinenti: il-Knisja kollha
f’Qalbek materna.
Il-Knisja kollha, li tagħha jien l-ewwel qaddej, noffrilek u
nafdalek hawn, b’fiduċja mmensa
o Omm. Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Emanuel Zarb
|