Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)

QUDDIESA GHALL-GHELUQTAS-SINODU ARĊIDIJOĊESAN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Katidral ta’ Wavel, Krakovja
8 ta’ Ġunju 1979

 

Maħbub Metropolita ta’ Krakovja,
Venerabbli Isqfijiet,
Għeżież Huti Irġiel u Nisa!

1. Illum qiegħda titwettaq x-xewqa mħeġġa ta’ qalbi. Il-Mulej Ġesù, li sejjaħli minn din is-sedja ta’ San Stanislaw, lejliet id-disà ċentinarju tiegħu, jippermettili li nieħu sehem f’dan l-għekuq tas-Sinodu tal-arċidijoċesi ta’ Krakovja, Sinodu li dejjem kien marbut, f’moħħi, għal dan il-ġubilew kbir tal-Knisja tagħna. Intom ilkoll tafuh sewwa ħafna, għaliex ħafna drabi ttrattajt din it-tema, u allura ma kellix bżonn li ntennih illum. Jistà jkun li ma nkunx kapaċi li ngħid dak kollu li, fir-rigward ta’ dan is-Sinodu, għadda f’moħħi u f’qalbi, liema tamiet u proġetti rbatt miegħu f’dan il-perjodu deċiżiv tal-istorja tal-Knisja u ta’ Art Twelidna. 

Is-Sinodu kien marbut, għalija u għalikom ilkoll, mal-anniversarju tad-disà ċentinarju tal-ministeru ta’ San Stanislaw, li għal sebà snin kien Isqof ta’ Krakovja. Il-programm tax-xogħol kien hekk jipprevedi perijodu li kien jinfirex mit-8 ta’ Mejju 1972 sat-8 ta’ Mejju 1979. Xtaqna, tul dan iż-żmien kollu, li nonoraw l-Isqof u Ragħaj (ta’ disà sekli ilu) tal-Knisja ta’ Krakovja, waqt li fittixna li nesprimu – skont iż-żminijiet tagħna u l-bżonnijiet tagħna – it-tħassib tagħna għall-opra feddejja ta’ Kristu fl-erwieħ tal-kontemporanji. Bħal ma San Stanislaw ta’ Szczepanów kien jagħmlu disà sekli ilu, hekk ukoll aħna rridu nagħmluh wara disà sekli. Jien persważ li dan il-mod ta onorifiċenza tat-tifkira tal-kbir Patrun tal-Polonja ikun iktar addattat. Dan jikkorrispondi tant mal-missjoni storika ta’ San Stanislaw, kif ukoll ma’ dawk l-impenji kbar, quddiem liema jinsabu llum il-Knisja u l-kristjaneżmu kontemporanju wara l-Konċilju Vatikan II.

L-inizjatur tal-Konċilju, Is-Serv ta’ Alla Ġwanni XXIII, speċifika dan id-dmir bil-kelma “aġġornament”. L-iskop tax-xogħol ta’ sebà snin tas-Sinodu ta’ Krakovja – bi tweġiba għall-għanijiet tal-Vatikan II – kellu jkun l-aġġornament tal-Knisja ta’ Krakovja, it-tiġdid tal-koxjenza tal-missjoni tagħha feddejja, kif ukoll il-programm preċiż għat-twettiq tiegħu.

2. It-triq li wasslet għal dan il-għan kienet imfassla mit-tradizzjoni tas-Sinodi partikolari tal-Knisja; biżżejjed niftakru ż-żewġ Sinodi preċedenti għaż-żminijiet tal-ministeru tal-Kardinal Adam Stefan Sapieha. Il-preskrizzjoni biex jitmexxew ix-xogħlijiet sinodali kienu mfassla mill-Kodiċi tad-dritt kanoniku. Bdanakollu qisna li d-dutrina tal-Konċilju Vatikan II, kellha dan tagħmlu qabel kollox bl-istess konċezzjoni u bl-istess sistema ta’ xogħol. Dan jispjega il-pjan kollu tas-Sinodu pastorali u l-attwazzjoni konsegwenti tiegħu. Nistgħu ngħidu li, għall-iżvilupp tar-riżoluzzjonijiet u tad-dokumenti, imxejna triq iktar twila imma wkoll iktar kompluta. Din it-triq għaddiet tul l-attivitajiet ta’ mijiet ta’ gruppi ta’ studju sinodali, li fihom setà jesprimi ruħu numru wiesà ta’ fidili tal-Knisja ta’ Krakovja. Dawn il-gruppi, kif inhu magħruf, kienu ffurmati l-biċċa l-kbira minn kattoliċi lajċi, li hemm sabu, minn naħa, il-possibiltà li jippenetraw fid-dutrina tal-Konċilju, min-naħa l-oħra, li jesprimu, f’dan ir-rigward, l-esperjenzi propji, il-proposti propji, li kienu jimmanifestaw l-imħabba tagħhom lejn il-Knisja, is-sens ta’ responsabiltà tagħhom għat-totalità tal-ħajja tagħha fl-arċidijoċesi ta’ Krakovja. 

Matul l-istadju ta’ tħejjija tad-dokumenti finali tas-Sinodu, il-gruppi ta’ studju saru postijiet tal-konsultazzjonijiet wiesgħà; lejhom infatti kienet iddur il-Kummissjoni Ġenerali, li kienet tikkordina l-attività tal-kummissjonijiet kollha tal-esperti, li sa mill-bidu tas-Sinodu kienu ġew imsejħa. B’dan il-mod immaturaw dawk il-kontenuti li s-Sinodu, waqt li ntrabat mad-dutrina tal-Konċilju, ried jitrasferixxi fil-ħajja tal-Knisja ta’ Krakovja. Xtaq jifforma, skont huma, il-ġejjieni tal-Knisja. 

3.I llum, dan ix-xogħol kollu, din il-mixja ta’ sebà snin, diġa qiegħda warajna. Qatt ma ħsibt li fl-għeluq tax-xogħlijiet ras-Sinodu ta’ Krakovja kont se nieħu sehem bħala mistieden li ġie minn Ruma, Jekk iżda tali hija r-rieda ta’ Kristu, ippermettuli, f’dan il-waqt, li nassumi mill-ġdid għal darb oħra l-irwol ta’ metropolita ta’ Krakovja, li permezz tas-Sinodu kien xtaq li nħallas id-dejn il-kbir li kont ikkuntrattajt lejn il-Konċilju, lejn il-Knisja kollha, lejn l-Ispirtu Santu. Ippermettuli wkoll f’dan l-irwol – bħal ma għidt – li niżżi ħajr lil dawk kollha li bnew dan is-Sinodu, sena wara sena, xahar wara xahar, bix-xogħol, bil-parir tagħhom, bil-kontribut krejattiv tagħhom, biż-żelu tagħhom. Ir-ringrazzjament tiegħi idur, b’xi mod, lill-komunità kollha tal-Poplu ta’ Alla tal-arċidjoċesi ta’ Krakovja, lill-ekkleżjastiċi u lil-lajċi: lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u lir-reliġjużi nisa. B’mod speċjali lil dawk kollha preżenti: Lill-Isqfijiet bil-mexxej tagħhom il-meqjum suċċessur tiegħi il-Metropolita ta’ Krakovja: b’mod partikolari lill-Isqof Stanislaw Smolenski; li mexxa, bħala president tal-Kummissjoni ġenerali, ix-xogħlijiet tas-Sinodu. Lill-Membri kollha ta’ din il-Kummissjoni, u għal darb’oħra lill-Kummissjoni preparatorja li taħt id-direzzjoni ta’ Monsinjur Professur E. Florkowski ħejjiet, fl-1971 u fl-1972, l-istatut, ir-regolament u l-programm tas-Sinodu. Lill-Kummissjoni ta’ esperti, lis-Segretarjat instankabbli, lill-gruppi editorjali, u fl-aħħarnett lill-Gruppi ta’ studju.

Messni forsi, f’tali ċirkustanza, nitkellem b’mod differenti, imma mhuwiex possibbli għalija. Kont ferm marbut personalment ma’ dan ix-xogħol. 

Nixtieq mela f’isimkom ilkoll inqiegħed din l-opra mwettqa quddiem is-sarkofagu ta’ San Stanislaw, f’nofs il-katidral ta’ Wawel, din kienet infatti magħmula in vista tal-ġublew tiegħu. 

U flimkien magħkom ilkoll nitlob lit-Trinità Qaddisa li tali opra ġġib frott għal mitt darba. 

Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb