Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU Fil-POLONJA
(2-10 ta’ ĠUNJU 1979)

QUDDIESA GĦALL-PELLEGRINI TAS-SLESJA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Czestochowa, 5 ta’ Gunju 1979

 

1. Nixtieq minn Jasna Gora noffri vot speċjali lis-santwarju ta’ Santa Edwige fi Trzebnica fl-inħawi ta’ Wrocław. U dan nagħmlu għal raġuni partikolari. Il-Providenza Divina, fil-pjanijiet li ma jitkejlux tagħha, għażlet il-jum tas-16 ta’ Ottubru tal-1978 bħala jum ta’ bidla f’ħajti. Fis-16 ta’ Ottubru il-Knisja fil-Polonja tiffesteġġja lil Santa Edwige u għalhekk inħossni fi dmir partikolari li noffri llum lill-Knisja fil-Polonja dan il-vot lill-Qaddisa li, barra milli hi l-patruna tar-rikonċiljazzjoni għan-nazzjonijiet ġirien, hija wkoll il-patruna tal-jum tal-elezzjoni tal-ewwel Pollakk għall-katedra ta’ Pietru. Se nqiegħed b’mod dirett dan il-vot f’idejn il-pellegrini kollha, li llum f’numru hekk elevat ġew f’Jasna Gora mill-Bassa Slesia kollha. Nitlobkom li tieħdu, wara r-ritorn tagħkom lejn l-artijiet tagħkom, dan il-vot tal-Papa lis-santwarju ta’ Trzebnica, li saret l-art ta’ twelidu l-ġdida tal-elezzjoni.  Dan iwettaq b’dan il-mod l-istorja twila tal-ġrajjiet umani u tal-opri tal-Providenza Divina, marbutin ma dak il-post u mal-art kollha tagħkom.

2. Santa Edvige, mart Enriku tad-dinastija tal-Piast, imsejjaħ id-Daqni, kien ġej mill-familja Bavariża tal-Andeks. Din daħlet fl-istorja  ta’ Art Twelidna u, b’mod indirett, f’dik tal-Ewropa kollha fis-seklu XIII bħala l-“mara perfetta” (Pr 31,10) li dwarha titkellem l-Iskrittura Mqaddsa.  Fil-memorja tagħna hija b’mod partikolari minquxa l-ġrajja, li tagħha kien protagonist binha, il-Prinċep Enriku id-Devot. Kien hu li offra reżistenza valida lill-invażjoni tat-Tartari, invażjoni li fl-1241 għaddiet tul il-Polonja u li kienet ġiet mil-Lvant, mill-Asja, u waqfet biss fis-Slesia fl-inħawi ta’ Legnica. Enriku d-Devot safa maqtul, huwa veru, fuq il-kamp tal-battalja, imma t-Tartari kellhom jirtiraw, u qatt iktar ma waslu daqshekk qrib tal-Punent, bl-attakki tagħhom. Wara l-erojku iben kien hemm ommu, li kienet timlieh bil-kuraġġ u kienet irrakkomandat lill-Kristu Msallab il-battalja ta’ Legnica. Qalbha ħallset bil-mewt ta’ binha għall-paċi u s-sikurezza tal-artijiet sudditi tagħha, kif ukoll ta’ dawk ġirien u tal-Ewropa kollha tal-Punent.

Matul dawn il-ġrajjiet Edwige kienet diġa armla, u billi kienet armla ikkonsagrat il-bqija ta’ ħajjitha b’mod esklussiv lil Alla, billi daħlet fl-abbazija ta’ Trzebnica minnha mwaqqfa. Hawn temmet ukoll ħajjitha qaddisa fl-1243. Il-kanonizzazzjoni seħħet fl-1267. Din id-data hija ferm qrib għal dik tal-kanonizzazzjoni ta’ San Stanislaw, li seħħet fl-1253, il-qaddis li l-Knisja fil-Polonja ilha tqim għal sekli bħala l-Patrun ewlieni. 

F’din is-sena, għad-disà ċentinarju tal-martirju tiegħu fi Krakovja fi Skalka, nixtieq - bħala l-ewwel Papa wild in-nazzjon Pollakk, diġa suċċessur ta’ San Stanislaw fuq il-katedra ta’ Krakovja, u issa elett għall-katedra ta’ San Pietru f’jum Santa Edwige – nibgħat lis-santwarju ta’ Trzebnica dan il-vot li jimmarka stadju ieħor fl-istorja partikolari, li fiha lkoll qegħdin nieħdu sehem. 

3. Ma’ dan il-vot ngħaqqad awguri speċjali lil dawk kollha li qegħdin jieħdu sehem f’din l-Ewkaristija Mqaddsa, li llum qiegħed niċċelebra f’Jasna Gora. Il-qaddisin li llum hawn qegħdin infakkru quddiem Is-Sinjura Tagħna ta’ Jasna Gora, joffrulna, matul is-sekli, xhieda ta’ għaqda bejn il-konnazzjonali u ta’ rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonijiet. Nixtieq nawgura propju din l-għaqda u din ir-rikonċiljazzjoni. U għal dan nitlob b’ħeġġa kbira. 

L-għaqda tgħaddas għeruqha fil-ħajja tan-nazzjon, bħal ma għaddsithom fil-perijodu storiku diffiċli għall-Polonja permezz ta’ San Stanislaw, propju meta l-ħajja umana f’diversi livelli twieġeb għall-esiġenzi tal-ġustizzja u tal-imħabba. Il-familja tikkostitwixxi l-ewwel fost dawn il-livelli. U jien, għeżież Konnazzjonali, nixtieq illum nitlob magħkom għal għaqda tal-familji Pollakki kollha. Din l-għaqda għandha l-oriġni tagħha fis-sagrament taż-żwieġ, f’dawk il-wegħdi sollenni li bihom ir-raġel u l-mara jingħaqdu flimkien għal ħajjithom kollha, waqt li jtennu s-sagramentali “ma nabbandunak qatt sal-mewt”. Din l-għaqda toħroġ mill-imħabba u mill-fiduċja mutwa, u huma frott u premju l-imħabba u l-fiduċja tal-ulied lejn il-ġenituri. Gwaj, jekk din tonqos jew tiddisintegra bejn il-miżżewġin jew bejn il-ġenituri u l-ilied! Konxji mid-deni li ġġib magħha d-disintegrazzjoni tal-familja, illum nitolbu, sabiex ma jseħħx dak li jistà jeqred l-għaqda, sabiex il-familja tibqà vera sede tal-ġustizzja u tal-imħabba”.

Ta’ ġustizzja u mħabba simili għandu bżonn in-nazzjon, jekk itid ikun magħqud internament, jekk irid jikkostitwixxi għaqda ndissolubli. U għalkemm huwa mpossibbli tqabbel in-Nazzjon – din is-soċjetà magħmula minn miljuni ta’ persuni – mal-familja – l-iżgħar komuinità, kif dak li jkun jaf, tas-soċjetà umana – madankollu l-għaqda tiddependi mill-ġustizzja, li tissodisfa l-bżonnijiet u tiggarantixxi d-drittijiet u d-dmirijiet ta’ kull membru tan-Nazzjon. Hekk ma tħallix jitnisslu diskordanzi u kuntrasti minħabba d-differenzi li jġibu magħhom l-privileġġi evidenti għal uħud u d-diskriminazzjoni għall-oħrajn. Mill-istorja ta’ Art Twelidna nafu kemm huwa diffiċli dan id-dmir; xejn inqas ma nistgħux naħarbu mill-isforz kbir li jittenta jibni l-għaqda ġusta, bejn ulied l-istess Art. Dan għandu jkun akkumpanjat mill-imħabba lejn din l-Art, imħabba għall-kultura tagħha, imħabba lejn l-istorja tagħha, imħabba lejn il-valuri speċifiċi li jiddeċiedu postha fil-familja kbira tan-nazzjonijiet; imħabba, fl-aħħarnett, għall-konnazzjonali, bnedmin li jitkellmu l-istess lingwa u huma responsabbli għall-kawża komuni li tissejjaħ “Art Twelidna”.

Waqt li llum nitlob flimkien magħkom għall-għaqda nterna tan-Nazzjon, li tiegħu – b’mod speċjali fit-tlettax u l-erbatax-il seklu – sar Patrun tiegħ San Stanislaw, nixtieq nirrakkomanda lill-Omm Alla f’Jasna Gora r-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonijiet, li tagħhom naraw medjatriċi fil-figura ta’ Santa Edwige. Bħala l-kondizzjoni tal-għaqda nterna fl-isfera ta’ kull soċjetà jew komunità, kemm nazzjonali kif ukoll familjari, hija r-rispett tad-drittijiet ta’ kull membru, hekk ukoll il-kondizzjoni tar-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonijiet hija l-għarfien u r-rispett tad-dritt ta’ kull nazzjon.  Dan huwa b’mod speċjali tad-dritt tal-eżistenza u tal-awtodeċiżjoni, dritt għall-kultura propja u għall-iżvilupp multiformi. Nafu sewwa dwar l-istorja ta’ art twelidna, kemm qamet l-infrazzjoni, il-vjolazzjoni u n-negazzjoni ta’ dawk id-drittijiet inaljenabbli. U allura b’impetu ikbar ejjew nitolbu għal rikonċiljazzjoni dejjiema bejn in-nazzjonijiet tal-Ewropa u tad-dinja. Jalla din tkun il-frott tal-għarfien u tar-rispett rejali tad-drittijiet ta’ kull Nazzjon. 

4. Il-Knisja tixtieq tqiegħed lilha nfisha għas-servizz tal-għaqda bejn il-bnedmin, tixtieq tqiegħed lilha nfisha għas-servizz tar-rikonċiljazzjoni bejn in-nazzjonijiet. Dan jappartieni għall-missjoni tagħha feddejja. Ejjew kontinwament niftħu ħsibijietna u qlubna lejn dik il-paċi, li dwarha Sidna Ġesù tant drabi kellem lill-Appostli, kemm qabel il-Passjoni kif ukoll wara l-Qawmien mill-Imwiet: “Inħallilkom il-paċi, nagħtikom il-paċi tiegħi” (Gv 14,27). 

Jalla dan il-Papa li illum qiegħed jitkellem hawn mill-quċċata ta. Jasna Gora, iservi b’mod effikaċi l-kawża tal-għaqda u tar-rikonċiljazzjoni fid-dinja kontemporanja. Qatt tonqsu li tissapportjawh f’dan, bit-talb tagħkom fl-art kollha Pollakka 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb