Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

VJAĠĠ APOSTOLIKU FL-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA

QUDDIESA FIL-«YANKEE STADIUM» TA’ NEW YORK

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

It-Tlieta, 2 ta’ Ottubru 1979

 

1. “Il-paċi magħkom!”.

Dawn kienu l-ewwel kelmiet li Ġesù qal lill-Appostli wara l-Qawmien mill-Imwiet. B’dawn il-kelmiet Kristu Rxoxt reġà ġab il-paċi fi qlubhom, meta huma kien għadhom fi stat ta’ emozzjoni qawwija wara l-ewwel esperjenza terribbli tal-Ġimgħa l-Kbira. Illejla, f’Isem Sidna Ġesù Kristu, bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu, fil-qalb ta’ dinja li hija kkonċernata minħabba l-istess eżistenza tagħha, jien ntenni lilkom dawn il-kelmiet, għaliex huma kelmiet ta’ ħajja: “Il-paċi magħkom”!

Ġesù ma taniex biss il-paċi. Tana l-paċi tiegħu akkumpanjata mill-ġustizzja tiegħu. Huwa jsir il-paċi tagħna u l-ġustizzja tagħna.

Dan xi jfisser? Ifisser li Ġesù Kristu – l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, il-bniedem perfett – iwettaq, jirristabilixxi u juri fih innifsu d-dinjità insuperabbli li Alla jixtieq jagħti lill-bniedem sa mill-bidu. Huwa jwettaq fih innifsu dak li l-bniedem huwa msejjaħ biex ikun: dak li huwa pjenament rikonċiljat mal-Missier, kompletament wieħed fih innifsu, kompletament irregalat lill-oħrajn. Ġesù Kristu huwa l-paċi ħajja u l-ġustizzja ħajja.

Ġesù Kristu jqiegħdna f’pożizzjoni li naqsmu dak li huwa hu. Permezz tal-Inkarnazzjoni tiegħu, l-Iben ta’ Alla jingħaqad b’ċertu mod ma’ kull esseri uman. Fl-eżistenza nterna tagħna huwa rrikonċiljana ma’ Alla. Irrikonċiljana mal-oħrajn, irrikonċiljana ma’ ħutna irġiel u nisa: huwa hu l-paċi tagħna  .

2. Liema għana li wieħed ma jistax jifhem inġorru fina, u fil-komunitajiet insara tagħna! Aħna nġorru l-ġustizzja u l-paċi ta’ Alla! Aħna m’aħniex prinċipalment l-bennejja operanti tal-ġustizzja u tal-paċi li huma sempliċement umani, dejjem jitħassru u dejjem fraġli. Aħna l-ewwelnett il-benefiċjarji umli tal-vera ħajja ta’ Alla, li huwa ġustizzja u paċi fir-rabta tal-karità.

Waqt il-Quddiesa, meta s-saċerdot isellmilna bil-kliem “il-paċi tal-Mulej tkun dejjem magħkom”, irridu naħsbu prinċipalment f’din il-paċi li hija don ta’ Alla, Ġesù Kristu il-paċi tagħna. U meta, qabel it-tqarbin is-saċerdot jistedinna biex nagħtu sinjal ta’ paċi lil xulxin, irridu naħsbu prinċipalment għall-fatt li aħna mistednin biex nibdlu l-paċi ta’ Kristu, li jgħammar fina, li jistedinna biex nieħdu sehem f’Ġismu u f’Demmu, għall-ferħ tagħna u għas-servizz tal-umanità.

La darba l-ġustizzja u l-paċi ta’ Alla jesiġu li nġorru l-frott tal-opra umana tal-ġustizzja u l-paċi, fl-oqsma kollha tal-ħajja tallum. Meta aħna l-insara nqiegħdu lil Ġesù Kristu fiċ-ċentru tas-sentimenti ta’ ħsibijietna, ma ningħalqux min-nies u mill-bżonnijiet tan-nies. Bil-maqlub aħna nkunu nvoluti fil-moviment tal-imħabba ta’ Alla li jiġi jiltaqà magħna; inkunu nvoluti fil-moviment tal-Iben, li ġie fostna, li sar wieħed minna; inkunu nvoluti fil-moviment tal-Ispirtu Santu, li jżur il-foqra, jikkalma l-qlub inkwieti, iserraħ l-qlub feruti, isaħħan il-qlub kiesħa u jagħtina l-milja tad-doni tiegħu.  Ir-raġuni li għaliha l-bniedem huwa t-triq ewlenija u fundamentali tal-Knisja hija fil-fatt li l-Knisja timxi fuq il-passi ta’ Kristu: huwa Ġesù li wriena il-mixja. Din il-mixja tgħaddi b’mod inekwivokabli mill-misteru tal-Inkarnazzjoni u tar-Redenzjoni; twassal minn Kristu għall-bniedem. Il-Knisja tħares lejn id-dinja propju permezz ta’ għajnejn Kristu: Ġesù huwa l-bidu tal-attenzjoni tagħha għall-bniedem (Ġwanni Pawlu II, Redemptor Hominis, 13-18).

3. Dan huwa dmir immens, Dan huwa affaxxinanti. Għadni kemm irrivelajt diversi aspetti quddiem l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, u se nmiss oħrajn fil-kors tal-vjaġġ tiegħi apostoliku fil-Pajjiż tagħkom.

Illum ippermettuli li ninsisti dwar l-ispirtu u dwar in-natura tal-kontribut tal-Knisja għall-kawża tal-ġustizzja u tal-paċi, u nfakkar xi prijoritajiet urġenti li dwarhom is-servizz tagħkom għall-umanità għandu jikkonċentra.

Il-ħsieb soċjali u l-prattika soċjali ispirati mill-Vanġelu għandhom dejjem ikunu kkaraterizzati minn sensibiltà partikolari fil-konfront ta’ dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet iktar iebsa, lejn l-iktar fqar, il-batuti minħabba problem fiżiċi, psikiċi u morali li jweġġgħu l-umanità, inklużi dawk bil-ġuħ, l-emarġinati, dawk bla xogħol u l-iddisprati. Hemm tant nies imsejkna ta’ dan it-tip fid-dinja. Hemm tant minnhom fostkom. F’ħafna okkażjonijiet, in-Nazzjon tagħkom immerita reputazzjoni tassew ġustifikata għall-ġenerożità kemm pubblika kif ukoll privata. Kunu fidili għal din it-tradizzjoni, billi tkunu denji tal-possibiltajiet kbar tagħkom u tar-responsabiltajiet preżenti. Is-sistema ta’ opri karitattivi ta’ kull tip li l-Knisja rnexxiela toħloq hawn hija strument prezzjuż biex timmobilizza b’mod effikaċi impriżi ġenerużi iddestinati biex jagħtu serħan lil sitwazzjonijiet ta’ skonfort li qegħdin jimmultiplikaw kemm hawn , kif ukoll kullimkien fid-dinja. Agħmlu sforz biex tassikuraw ruħkom li din il-forma ta’ għajnuna żżomm il-karattru insostitwibbli tagħha ta’ laqgħa fraterna u personali ma’ dawk li jinsabu fi stat ta’ bżonn; jekk inhu meħtieġ, stabilixxu mill-ġdid dan il-karattru bi sfida għall-fatturi kollha li joperaw f’sens kuntrarju. Jalla din il-forma ta’ għajnuna rispettuża tal-libertà u tad-dinjità ta’ dawk li jiġu mgħejjuna, tkun mezz biex tifforma l-kuxjenza tad-donaturi.

4. Imma dan mhux biżżejjed. Fl-istruttura tal-istituzzjonijiet nazzjonali tagħkom, u f’kollaborazzjoni man-nies ta’ pajjiżkom kollha, hemm li toħolqu argumenti strutturali li jitimgħu u jikkawżaw il-forom differenti ta’ faqar fid-dinja u f’Pajjiżkom, hekk li tkunu tistgħu tipprovdu r-rimedji opportuni. La tippermettux li tkunu mhedda u skuraġġiti minn spjegazzjonijiet superfiċjali, li huma iktar idejoloġiċi milli xjentifiċi, spjegazzjonijiet li jfittxu li jiċċaraw ħażin kumpless b’kawża waħda biss. Imma tirtirawx quddiem ir-riformi b’mod speċjali dawk profondi ta’ atteġjamenti u strutturi li jistgħu jirrivelaw ruħhom meħtieġa biex jerġgħu joħolqu mill-ġdid il-kondizzjonijiet li jinħtieġu l-iżvantaġġjati għal ċans effettiv fil-ġlieda iebsa tagħhom tal-ħajja. Il-foqra tal-Istati Uniti u tad-dinja kollha huma ħutkom maskili u femminili fi Kristu. Qatt m’għandkom tikkuntentaw ruħkom li tħallu lilhom il-loqom tal-festa, Hemm bżonn taslu għall-konklużjoni tas-sustanza tagħkom, u mhux tal-abbundanza tagħkom, biex tgħinuhom. U għandkom tittrattawhom bħala mistiedna għall-mejda tagħkom.

5. Kattoliċi tal-Istati Uniti, waqt li taraw li tipprogredixxu l-istituzzjonijiet leġittimi tagħkom, intom tieħdu sehem fl-istess ħin fl-iżvilupp tan-Nazzjon fl-isfera tal-istituzzjonijiet u tal-organizzazzjonijiet li jitqanqlu mill-istorja komuni nazzjonali u mill-attivitajiet komuni tagħkom. Dan huwa dak li soltu tagħmlu, id f’id, mal-koċittadini tagħkom ta’ kull fidi u stqarrija reliġjuża. L-għaqda fostkom f’dan kollu hija essenzjali, taħt il-gwida tal-Isqfijiet tagħkom, biex tapprofondixxu, ixxandru u tippromwovu tassew il-verità dwar il- bniedem, dwar id-dinjità tiegħu u d-drittijiet aljenabbli tiegħu, il-verità kif il-Knisja tirċeviha fir-Rivelazzjoni u bla ma taqtà tiżviluppaha fid-dutrina soċjali fid-dawl tal-Vanġelu. Dawn il-konvinzjonijiet madankollu mhumiex mudell prifabrikat għas-soċjetà (cf. Pawlu VI, Octogesima Adveniens, 42). Dan huwa dmir prinċipalment tal-lajċi li jqegħduh fil-prattika fi proġetti konkreti, li jiddefinixxu l-prijoitajiet u li jiżviluppaw il-mudelli li jkunu konvenjenti biex jippromwovu il-veru ġid tal-bniedem. Il-Kostituzzjoni Pastorali tal-Konċilju Vatikan II Gaudium et Spes tgħidilna li “mis-saċerdoti, il-lajċi jistennew dawl u qawwa spiritwali. Ma jaħsbux iżda li r-rgħajja tagħhom huma dejjem esperti sa tali punt, li għal kull problema ġdida, ukoll dawk gravi, huma jistgħu jkollhom lesta soluzzjoni konkreta jew li propju għal dan issejħilhom il-missjoni tagħhom: huma jassumu minflok, pjuttost, ir-responsabiltà propja, fid-dawl tal-għerf nisrani u billi joffru attenzjoni fidila għad-duttrina tal-Maġisteru” (Gaudium et Spes, 43).

6. Biex inwasslu din l-impriża għal konklużjoni feliċi, hija meħtieġa enerġija spiritwali u morali friska misluta mis-sors divin ineżawribbli. Din l-enerġija ma tiżviluppax ruħha b’mod faċli. L-istil ta’ ħajja ta’ bosta membri tas-soċjetà għanja tagħna huwa permissiv u komdu, u huwa tali wkoll l-istil ta’ ħajja ta’ numru dejjem ikbar ta’ persuni fil-Pajjiżi l-iktar foqra. Kif qalet is-sena li għaddiet l-Assemblea Plenarja tal-Kommissjoni Pontifiċja “Iustitia et Pax”: “L-insara jridu jkunu minn ta’ quddiem li jiffavorixxu modi ta’ ħajja li jinterrompu finalment l-ferneżija tal-konsumeriżmu, miżerabbli u egoist” (Ġwanni Pawlu II, Allocutio ad eos, qui Plenario Coetui interfuerunt Pontificiae Commissionis “Iustitia et Pax”, coram admissos, 11 ta’ Novembr 1978: AAS 71 [1979] 28). Dan mhux rallentament tal-progress, ladarba mhuwiex progress uman tassew meta kollox jikkontribwixxi biex jiffavorixxi l-istint tal-interess egoistiku, dak tas-sess u dak tal-poter. Hemm bżonn li nsibu mod ta’ ħajja sempliċi. La darba mhux ġust li l-livell tal-ħajja fil-Pajjiżi għonja jfittex li jżomm ruħu inalterat billi jżomm l-parti l-kbira tar-riservi tal-enerġija u tal-materja prima li huma ddestinati biex jaqdu lill-umanità kollha. La darba r-rapidità fil-ħolqien ta’ solidarjetà ikbar u iktar ġusta fost il-popli hija l-ewwel kondizzjoni tal-paċi. Il-kattolci tal-Istati Uniti, u intom ilkoll ċittadini tal-Istati Uniti, għandkom tali tradizzjoni ta’ ġenerożità spiritwali, ta’ operożità, ta’ sempliċità u ta’ sagrifiċċju li ma tistgħux tevitaw li tagħtu attenzjoni għal dan l-appell tallum għal entużjażmu mġedded u għal determinazzjoni ġdida. Huwa fis-sempliċità ferrieħa ta’ ħajja ispirata mill-Vanġelu u mill-ispirtu evanġeliku ta’ kondiviżjoni fraterna li intom issibu l-aħjar rimedju kontra l-kritika qarsa, id-dubju paralizzanti u t-tentazzjoni li naraw fil-flus l-istrument ewlieni u l-kejl veru tal-progress uman.

7. F’diversi okkażjonijiet jiena fakkart l-parabbola evanġelika tal-għani u ta’ Lażżru. “Kien hemm bniedem għani li kien jilbes il-porpra u l-ħarir fin u kuljum kien jagħmel ikla mill-aħjar. Tallab jismu Lażżru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba b’dak li kien jaqà mill-mejda tal-għani” (Lq16,19ss.). Kemm l-għani, kif ukoll it-tallab mietu u ttieħdu quddiem Abraham, u ingħata l-ħaqq a bażi tal-kondotta tagħhom. L-Iskritturi jgħidu li Lażżru sab konsolazzjoni, waqt li l-ieħor sab it-tbatija. Il-għani kien ikkundannat għaliex kien għani, għaliex fid-dinja kellu propjetà abbundanti, għaliex “kien jilbes il-porpra u l-ħarir fin u ta’ kuljum kien jagħmel ikla kbira”” Le, ikolli ngħid li din ma kinitx ir-raġuni. Il-għani kien ikkundannat għaliex qatt ma ta attenzjoni lir-raġel l-ieħor. Għaliex ittraskura li jinforma ruħu dwar Lażżru, il-persuna li kienet tinxteħet ħdejn biebu mxennqa li taqtà l-ġuħ b’dak li kien jaqà minn fuq il-mejda tiegħu. Kristu ma jikkundanna qatt il-pussess sempliċi tal-ġid materjali. Huwa minflok jippronunzja kliem tassew iebes kontra dawk li jużaw il-ġid materjali b’mod egoist mingħajr ma jagħtu każ tal-bżonnijiet tal-oħrajn. Id-Diskors tal-Muntanja jibda bil-kliem: “Imberkin il-foqra tal-ispirtu… U fit-tmiem tal-bilanċ tal-aħħar ġudizzju, kif naqraw fil-Vanġelu ta’ San Mattew, Ġesù jgħid il-kliem li nafu sewwa: “Kelli l-ġuħ u ma tajtunix niekol, kelli l-għatx u ma tajtunix nixrob, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, marid u l-ħabs u ma ġejtux iżżuruni” (Mt 25,42-43).

Il-parabbola tar-raġel għani u ta’ Lażżru għandha tkun dejjem preżenti fil-memorja tagħna; hija għandha tifforma l-kuxjenza tagħna. Kristu jitlobna biex inkunu miftuħa għal ħutna rġiel u nisa li huma fil-bżonn: lill-għonja, lill-benestanti, lil dawk li huma ekonomikament ivvantaġġjati jitlob li jkunu miftuħa għall-foqra, għas-sottożviluppati u għall-isvantaġġjati. Kristu jitlob ftuħ li huwa iktar minn attenzjoni benevola, iktar minn atti simboliċi jew ta’ attiviżmu distakkat li jħallu lill-fqir nieqes minn kollox bħal qabel, jekk mhux ukoll agħar.

L-umanità kollha trid taħseb fuq il-parabbola tal-għani u tat-tallab. L-umanità trid tittraduċiha f’termini kontemporanji, f’termini ta’ ekonomija u ta’ politika, f’termini tad-drittijiet umani kollha, f’termini ta’ relazzjoni bejn l-“Ewwel”, it-“Tieni” u t-“Tielet Dinja”. Ma nistgħux nitgħażżnu waqt li eluf ta’ esseri umani qegħdin imutu bil-ġuħ. Ma nistgħux nibqgħu ndifferenti waqt li d-drittijiet tal-ispirtu uman jiġu kkalpestati, waqt li ssir vjolenza lill-kuxjenza umana f’materja ta’ verità, ta’ reliġjon, ta’ krejattività kulturali.

Ma nistgħux inkomplu nitgħażżnu, waqt li nifirħu bir-rikkezzi tagħna u tal-libertà tagħna, jekk f’xi partijiet, il-Lażżru tas- seklu  jinsab mixħut wara biebna. Fid-dawl tal-parabbola ta’ Kristu, l-għana u l-libertà joħolqu obbligazzjoni speċjali. U hekk f’isem is-solidarjetà li tgħaqqadna lkoll flimkien f’umanità komuni. Nipproklama mill-ġdid id-dinjità ta’ kull persuna umana: ir-raġel għani u Lażżru huma t-tnejn esseri umani, it-tnejn maħluqin xbiha u xebħ ta’ Alla, it-tnejn ugwalment mifdijin minn Kristu, bi prezz għoli, il-prezz tad-“demm prezzjuż ta’ Kristu” (1Pt 1,19).

8. Ħuti rġiel u nisa fi Kristu, b’konvinzjoni u mħabba profondi nirrepetilkom il-kliem indirizzati lid-dinja meta aċċettajt il-ministeru apostoliku tiegħi għas-servizz tal-irġiel kollha u tan-nisa kollha: “La tibżgħux! Iftħu, anzi, Iftħu beraħ il-bibien lil Kristu! Għall-awtorità feddejja tiegħu iftħu l-fruntieri tal-Istati, is-sistemi ekonomiċi kif ukoll dawk politiċi, l-oqsma vasti ta’ kultura, ta’ ċiviltà, ta’ żvilupp. La tibżgħux! Kristu jaf “x’hemm ġol-bniedem” Huwa biss jafu dan!” (Ġwanni Pawlu II, Homilia habita ob initium ministerii Summi Catholicae Ecclesiae Pastoris, 22ta’ Ottubru 1978: AAS 70 [1978] 947).

Bħal ma għidtilkom fil-bidu, Kristu huwa l-ġustizzja tagħna u l-paċi tagħna, u l-opri kollha tagħna ta’ ġustizzja u ta’ paċi jieħdu minn dan is-sors l-enerġija insostitwibbli u d-dawl għad-dmir kbir li qed jistenniena. Waqt li niddedikaw ruħna b’mod riżolut għas-servizz tal-bżonnijiet kollha tal-individwi u tal-popli - ladarba huwa Kristu li jimbuttana biex nagħmluh – bdanakollu niftakru li l-missjoni tal-Knisja mhix limitata għal din ix-xhieda ta’ fertilità soċjali tal-Vanġelu. Tul din it-triq li twassal lill-Knisja għand il-bniedem, il-Knisja ma toffrix, fil-qasam tal-ġustizzja u tal-paċi, il-frott terren biss tal-Vanġelu; hija twassal lill-bniedem – lil kull persuna umana – il-veru sors tagħha: Ġesù Kristu nnifsu, il-ġustizzja tagħna u l-paċi tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb