Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
|
VJAĠĠ APOSTOLIKU FL-IRLANDA
QUDDIESA MQADDSA
QRIB IS-
SANTWARJU TA’ KNOCK
OMELIJA TAL-QDUSIJA
TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
Knock, 30 ta’
Settembru 1979
Għeżież Ħuti fi
Kristu, ulierd fidili u wlied ta’ Marija.
1. Hawn qiegħed nilħaq
l-iskop tal-vjaġġ tiegħi fl-Irlanda: Is-Santwarju ta’ Sidtna ta’ Knock. Mill-waqt
li fih sirt naf biċ-ċentinarju ta’ dan is-Santwarju, li qed jiġi ċċelebrat din
is-sena, ħassejt xewqa qawwija li niġi hawn, ix-xewqa li għal darb’oħra nwettaq
pellegrinaġġ ieħor fis-Santwarju ta’ Omm Kristu, Omm il-Knisja, is-Sultana
tal-Paċi. Din ix-xewqa tiegħi ma tissorprendikomx. Nibda minn żgħożiti u
f’Pajjiżi, kienet drawwa tiegħi li nagħmel pellegrinaġġi għas-santwarji tal-Madonna.
Dawn ukoll għamilthom ukoll meta kont Isqof u Kardinal.
Naf tajjeb ħafna li
kull poplu, kull Pajjiż, u wkoll kull dijoċesi, għandhom il-postijiet qaddisa
tagħhom li fihom il-qalb tal-poplu kollu ta’ Alla tħabbat, wieħed jistà jgħid,
b’mod iktar ħaj: postijiet ta’ laqgħa speċjali bejn Alla u l-esseri umani:
postijiet li fihom jgħammar Kristu b’mod speċjali f’nofsna. Jekk dawn
il-postijiet huma sikwit tant ikkonsagrati lil Ommu, dan jirrivelalna b’forma
iktar sħiħa n-natura tal-Knisja tiegħu. Sa mill-Konċilju Vatikan II, li temm
il-Kostituzzjoni tiegħu dwar il-Knisja bil-kapitolu dwar “Il-Beata Verġni Marija,
Omm Alla, fil-Misteru ta’ Kristu u tal-Knisja”, dan il-fatt huwa llum għalina
iktar evidenti minn qatt qabel: iva, għalina lkoll, għall-insara kollha. Ma
xxandrux ma’ ħutna kollha, ukoll dawk li magħhom għadna m’aħniex magħqudin għal
kollox, li aħna poplu pellegrin? Bħalma darba waħda dan il-poplu ppellegrina
taħt il-gwida ta’ Mosè hekk aħna, il-poplu ta’ Alla tal-patt il-ġdid, qegħdin
nimxu bħala pellegrini taħt il-gwida ta’ Kristu.
Jiena hawn bħala
pellegrin, sinjal tal-Knisja pellegrinanti matul id-dinja u parteċipanti,
permezz tal-preżenza tiegħi bħala Suċċessur ta’ Pietru, b’mod għal kollox
speċjali għaċ-ċelebrazzjoni ċentenarja ta’ dan is-Santwarju. Il-liturġija
tal-kelma tal-Quddiesa tallum tofrili l-mod biex nagħti t-tislima tiegħi ta’
pellegrin lil Marija, waqt li nersaq quddiemha fis-Santwarju Marjan tal-Irlanda
fi Cnoc Mhuire, l-għolja ta’ Marija.
2. “Imbierka inti fost
in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek” (Lq 1,42). Dan huwa l-kliem li bih
Eliżabetta, mimlija bl-Ispirtu Santu, sellmet lil Marija, il-qariba tagħha ta’
Nażżaret.
“Imbierka inti fost
in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek”! Din hija wkoll it-tislima tiegħi lil
Muire Máthair Dé, Marija Omm Alla, Sultana tal-Irlanda, f’dan is-Santwarju ta’
Knock. B’dan il-kliem irrid nesprimi l-ferħ immens u l-gratitudni li llum timla
qalbi f’dan il-post. Ma stajtx nixtieq li nagħmel mod ieħor. Il-waqtiet l-iktar
għoljin tal-vjaġġi pastorali riċenti tiegħi kienu ż-żjajjar lis-Santwarji ta’
Marija: lill-Madonna ta’ Guadalupe fil-Messiku, lill-Madonna s-Sewda ta’ Jasna
Gora f’art Twelidi u tliet ġimgħat ilu, lill-Madonna ta’ Loreto fl-Italja. Illum
niġi hawn għaliex irrid li intom ilkoll tkunu tafu li d-devozzjoni tiegħi lejn
Marija torbotni mal-poplu tal-Irlanda b’mod speċjalissmu.
3. Din tagħkom hija
tradizzjoni spiritwali antika ta’ devozzjoni lejn il-Madonna. Marija tista tgħid
verament dwar l-Irlanda dak li għadna kemm smajna fl-ewwel qari: “Tfajt għeruqi
f’nofs poplu glorjuż” (Sir 24,12). Il-qima lil Marija hija hekk minsuġa b’mod
profond fil-fidi tagħkom li l-oriġni tagħha jintilef fl-ewwel sekli
tal-evanġelizzazzjoni ta’ Pajjiżkom. Qaluli li fid-djalett Irlandiż, l-ismijiet
ta’ Alla, ta’ Ġesù u ta’ Marija huma marbutin ma’ xulxin, u li rarament fit-talb
jew fil-barka jissemma l-isem ta’ Alla mingħajr ma jissemma wkoll l-isem ta’
Marija. Naf ukoll li għandkom poeżija Irlandiża tat-VIII seklu li ssejjaħ lil
Marija “Xemx tar-razza tagħna”, u li litanija tal-istess żmien tonoraha bħala
“Omm il-Knisja ċelesti u dinjija”. Imma aħjar minn kwalunkwè espressjoni
letterarja hija d-devozzjoni lejn Marija kostanti u radikata li tiġġustifika
s-suċċess tal-evanġelizzazzjoni ta’ San Patrizju, li ġabilkom il-fidi kattolika
fil-milja kollha tagħha.
Huwa allura
konvenjenti, u dan jimlieni bil-ferħ meta ninnota, li l-poplu Irlandiż iżomm din
id-devozzjoni tradizzjonali lejn Omm Alla fil-familji u fil-parroċċi tiegħu, u
b’mod speċjali f’dan is-Santwarju ta’ Cnoc Mhuire. Għal seklu sħiħ qaddistu dan
il-post ta’ pellegrinaġġ bit-talb tagħkom, bis-sagrifiċċji tagħkom,
bil-penitenza tagħkom. Dawk kollha li ġew hawn irċivew l-barka permezz
tal-interċessjoni ta’ Marija. Minn dak il-jum ta’ grazzja, il-21 ta’ Awissu
tal-1879, sallum il-morda u l-batuti, l-handikappati fil-ġisem u fil-moħħ,
l-imħawdin fil-fidi tagħhom jew fil-kuxjenza tagħhom, ilkoll sfaw imfejqa,
imsabbra u imwettqa fil-fidi tagħhom għaliex kellhom fiduċja li Omm Alla kienet
se twassalhom għand binha Ġesù. Kull darba li pellegrin jiġi f’dan il-post li
darba kien raħal oskur mimli ilma qiegħed fil-Kontea ta’ Mayo, kull darba li
raġel jew mara jew tfajjel jiltaqgħu fil-knisja antika tad-dehra jew
fis-Santwarju l-ġdid ta’ Marija Sultana tal-Irlanda, ikun biex iġeddu l-fidi
tagħhom fil-fidwa li tiġi permezz ta’ Ġesù, li bidilna lkoll f’ulied Alla u
werrieta tas-saltna tas-smewwiet.
Billi jkollkom fiduċja
f’Marija, intom tirċievu lil Kristu. F’Marija “il-Verb sar bniedem”; fiha, Bin
Alla sar bniedem, hekk li aħna lkoll nistgħu nagħrfu kemm hi kbira d-dinjità
umana tagħna. Waqt li ninsabu f’dan l-imkien ikkonsagrat, inħarsu fil-għoli lejn
Omm Alla u ngħidu: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek”.
Iż-żmien preżenti huwa
waqt important fl-istorja tal-Knisja universali u b’mod speċjali, tal-Knisja
tal-Irlanda. Tant sinifikati ġodda u validi instabu f’dak li jesprimi ruħu
fl-esseri nsara. Tant problem ġodda jridu jkunu ffaċċjati mill-fidili, kemm
minħabba ir-ritmu miżjud tal-bidla fis-soċjetà, kif ukoll minħabba l-esiġenzi
ġodda mitluba għall-poplu ta’ Alla, esiġenzi ta’ għixien mill-aqwa tal-missjoni
tal-evanġelizzazzjoni. Il-Konċilju Vatikan II u s-Sinodu tal-Isqfijiet ġabu
vitalità pastorali ġdida fil-Knisja kollha. Il-Predeċessur meqjum tiegħi Pawlu
VI ħareġ direttivi għaqlin għat-tiġdid u offra lill-poplu ta’ Alla ispirazzjoni
u entużjażmu għal dan id-dmir. F’kull ħaġa li huwa qal u għamel, Pawlu VI
għallem lill-Knisja tkun miftuħa għal kull bżonn tal-umanità u fl-istess ħin li
tkun fidila mingħajr dgħufija għall-messaġġ inalterabbli ta’ Kristu.
Leali għat-tagħlim
tal-Kulleġġ tal-Isqfijiet flimkien mal-Papa, il-Knisja tal-Irlanda aċċettat bi
gratitudni l-għana tal-Konċilju u tas-Sinodi. Il-poplu kattoliku Irlandiż qabel
fedelment, xi drabi minkejja l-pressjonijiet kuntrarji, mal-espressjonijiet
tal-fidi għanja, mal-prattiċi sagramentali mħeġġa u mad-dedikazzjoni
għall-karità, li dejjem kienu marka speċjali tal-Knisja tagħkom. Imma d-dmir
tat-tiġdid fi Kristu ma jintemm qatt, Kull ġenerazzjoni, bil-mentalità u
l-karatteristiċi tagħha, hija bħal kontinent ġdid li jinħtieġ jintrebaħ għal
Kristu. Il-Knisja trid b’mod kostanti tfittex toroq ġodda li jirrenduha kapaċi
li tifhem b’mod iktar profond u ġġib ‘il quddiem b’vigorożità mġedda l-missjoni
riċevuta mill-Fundatur tagħha. F’dan id-dmir ardwu, bħal bosta drabi oħra fi
żminijiet oħra meta l-Knisja sabet ruħha quddiem sfida ġdida, aħna nduru lejn
Marija, Omm Alla u s-Sedja tal-Għerf, waqt li jkollna fiduċja li hija tindikalna
t-triq lejn Binha. Omelija Irlandiża antika għall-festa tal-Epifanija
(mill-“Leabhar Breac”) tgħid li bħal ma l-Maġi sabu lil Ġesù fuq irkupptejn
Ommu, hekk aħna llum insibu lil Kristu fuq irkupptejn il-Knisja.
4. Marija kienet
verament magħquda ma’ Ġesù. Il-Vanġeli ma zammewlniex ħafna minn kliemha, imma
dawk li żammewlna jeħduna mill-ġdid għand Binha u għal kliemu. F’Kana
tal-Galilea, waqt li ddur minn fuq Binha lejn il-qaddejja tgħid: “Agħmlu dak li
jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). L-istess messaġġ hija tgħid lilna llum.
5. “Agħmlu dak li
jgħidilkom”. Dak li Ġesù jgħidilna – b’ħajtu u b’kelmtu – dan inżamm għalina
fil-Vanġeli, u fl-ittri tal-Appostli u ta’ San Pawl, u li ġew trażmessi lilna
mill-Knisja. Hemm bżonn li nirrendu ruħna familjari ma’ dan il-kliem. U dan
nagħmluh billi nisimgħu l-qari tal-Iskrittura Mqaddsa fil-liturġija tal-kelma li
tintroduċina għas-Sagrifiċċju ewkaristiku; billi naqraw l-Iskritturi weħedna;
fil-familja, jew flimkien mal-ħbieb, billi nirriflettu dwar dak li l-Mulej
jgħidilna meta nirreċitaw ir-Rużarju u ngħaqqdu d-devozzjoni tagħna lejn Omm
Alla bit-talb meditat tal-misteri tal-ħajja ta’ Binha. Kull darba li jkollna
problemi, li nħossuna mtaqqlin, li jkollna nagħmlu għażliet imposti fuqna
tal-fidi, il-kelma tal-Mulej issabbarna u tiggwidana.
Kristu qatt ma
abbanduna lis-segwaċi tiegħu mingħajr gwida fid-dmir tal-fehim u l-għixien
tal-Vanġelu. Qabel ma reġà lura għand il-Missier, wiegħed li se jibgħat
l-Ispirtu Santu lill-Knisja: “Imma l-Konsulatur, l-Ispirtu Santu li l-Missier
jibgħat f’ismi, huwa jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jiena
għidtilkom” (Ġw 14,26).
Dan l-istess Spirtu
jiggwida lis-suċċessuri tal-Appostli, l-Isqfijiet tagħkom, magħqudin mal-Isqof
ta’ Ruma, li lilhom ġie afdat id-dmir li jippriservaw il-fidi u li “jippridkaw
il-Vanġeli lill-ħolqien kollu” (Mk 16,15). Isimgħu leħinhom, għaliex huma
jġibulkom il-Kelma tal-Mulej.
6. “Agħmlu dak kollu
li jgħidilkom”. Tant ilħna differenti jattakkaw lin-nisrani fid-dinja tallum
hekk meraviljuża u hekk esiġenti. Tant ilħna foloz jinsabu f’taqbida mal-kelma
tal-Mulej, Dawn huma l-ilħna li jissuġġerulkom li l-verità hija inqas important
mill-profitt personali; li l-kumdità, is-saħħa u l-pjaċir huma l-veri għanijiet
tal-ħajja; li r-rifjut ta’ ħajja ġdida huwa aħjar mill-ġenerożità tal-ispirtu u
tar-responsabiltà tal-ilqugħ; li l-ġustizzja għandha tkun miksuba imma mingħajr
impenn personali tan-nisrani; li l-vjolenza tistà tkun mezz biex jinkiseb tmiem
tajjeb; li l-għaqda tistà tkun mibnija migħajr l-abbandun tal-mibegħda.
U issa nerġgħu lura
minn Kana tal-Galilea għas-Santwarju ta’ Knock. Ma nħossux li Omm Kristu waqt li
tindikahulna hawn lilna wkoll u waqt li tindirizzalna l-istess kliem li użat
f’Kana: tgħidilna: “Agħmlu dak kollu li jgħidilkom”? Hija qiegħda tgħidu lilna
lkoll. Leħinha huwa mismugħ b’mod iktar espress minn ħuti fl-Episkopat,
ir-rgħajja tal-Knisja fl-Irlanda, li, waqt li stednuni hawn talbuni li nwieġeb
għal stedina li kienet ġejja minn Omm il-Knisja. U hekk, meqjumin Ħuti, qiegħed
inwieġeb, waqt li bil-ħsieb nidħol fil-fond fl-imgħoddi ta’ Pajjiżkom u waqt li
nħoss ukoll il-qawwa tal-preżent elokwenti tiegħu, hekk mimli ferħ, madankollu,
fl-istess ħin, hekk inkwetanti u kultant hekk doloruż. Qiegħed inwieġeb, bħal ma
għamilt fi Guadalupe fil-Messiku u f’Jasna Gora fil-Polonja. F’ismi u favur
tagħkom u f’isem il-poplu kollu nisrani tal-Irlanda, nippronunzja, fl-aħħar ta’
din l-omelija, il-kliem li ġej ta’ fiduċja u ta’ konsagrazzjoni:
“Omm, f’dan is-Santwarju
inti tilqà il-poplu ta’ Alla tal-Irlanda kollha u b’mod kostanti indikajtlu lil
Kristu fl-Ewkaristija u fil-Knisja. F’dan il-waqt sollenni aħna nisimgħu kliemek
b’attenzjoni speċjali: “Agħmlu dak kollu li Ibni jgħidilkom”. U aħna nixtiequ
nwieġbu għal kliemek b’qalbna kollha. Nixtiequ nagħmlu dak kollu li Ibnek
jgħidilna, dak li jikkmandana, għaliex huwa għandu l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Aħna nixtiequ nwettqu u ntemmu dak kollu li jiġi minnu, dak kollu li hemm miġbur
fil-Bxara t-Tajba, l-istess bħalma għamlu l-antenati tagħna għal tant sekli.
Il-fedeltà tagħhom lejn Kristu u l-Knisja tiegħu u l-attakkament erojku lejn
is-Sedja Apostolika, għandhom b’ċertu mod ittimbrat fina lkoll sinjal indelibbli
preżenti fina lkoll. Din il-fedeltà, tul is-sekli, immaturat frott ta’ eroiżmu
nisrani u ta’ tradizzjonijiet virtużi ta’ ħajja f’armonija mal-liġi ta’ Alla
b’mod speċjali f’armonija mal-eqdes kmandament tal-Vanġelu, dak tal-imħabba.
Irċivejna dan il-wirt splendidu minn idejhom fil-bidu ta’ epoka ġdida, imħabba
li resqin lejn it-twettiq tat-tieni millenju minn meta l-Iben ta’ Alla kien
iġġenerat minnek, “alma Mater” tagħna, u aħna feħsiebna ngħaddu dan il-wirt
lill-futur bl-istess fedeltà li biha missirijietna antiki tawh xhieda.
Illum, għalhekk, fl-okkażjoni
tal-ewwel żjara ta’ Papa fl-Irlanda, aħna nafdaw u nikkonsagraw lilek, Omm
Kristu u Omm il-Knisja, qlubna, il-kuxjenzi tagħna, xogħolna, sabiex ikunu
jistgħu jgħinuna inżommu l-fidi li nistqarru. Nafdaw u nikkonsagraw lilek lil
dawk kollha li jiffurmaw il-komunità tal-poplu Irlandiż u l-komunità tal-Poplu
ta’ Alla li jgħix f’dan il-Pajjiż Aħna nafdaw u nikkonsagraw lilek l-Isqfijiet
tal-Irlanda, il-kleru, ir-reliġjużi rġiel u dawk nisa, l-irhieb u s-sorijiet
kontemplattivi, is-seminaristi, in-novizzi. Nafdaw u nikkonsagraw lilek l-għalliema,
il-katekisti, l-istudenti, il-kittieba, il-poeti, l-awturi, l-artisti,
il-ħaddiema u l-kapijiet tagħhom, l-impjegati u d-diriġenti, il-professjonisti,
dawk li huma mpenjati fil-politika u fil-ħajja pubblika, dawk li jiffurmaw l-opinjoni
pubblika. Nafdaw u nikkonsagraw lilek, il-miżżewġin u lil dawk li qegħdin iħejju
ruħhom għaż-żwieġ, dawk li huma msejħin biex jaqdu lilek u lill-proxxmu
fiċ-ċelibat, il-morda, l-anzjani, il-morda tal-moħħ, l-handikappati u dawk
kollha li jassistuhom u jieħdu ħsiebhom. Nafdaw u nikkonsagraw lilek il-ħabsin u
dawk kollha li jħossuhom imwarrbin. L-eżiljati, dawk li jħossu it-tbigħid mid-dar,
u dawk li jħossuhom weħedhom.
Nafdaw għall-ħarsien
matern tiegħek l-art tal-Irlanda, fejn kont u fejn għadek tant maħbuba. Għin lil
din l-art biex tibqà, sinċerament, dejjem miegħek u ma’ Ibnek. Il-prosperità ma
twassal qatt lill-irġiel u lin-nisa tal-Irlanda biex jinsew lil Alla jew biex
jabbandunaw il-fidi tagħhom. Żommhom fil-prosperità fidili għall-fidi li qatt ma
kienu se jaslu li jiċħduha fil-faqar u fil-persekuzzjoni. Żommhom bogħod
mir-regħba, mill-għira, mit-tiftix tal-interess egoistiku jew partikolaristiku.
Għinhom jaħdmu flimkien b’sens ta’ ideal nisrani u għal skop komuni nisrani,
biex jibnu jiġifieri soċjetà ġusta, paċifika u msejsa fuq l-imħabba, li fiha l-foqra
ma jkunu qatt ittraskurati u d-drittijiet ta’ kulħadd, speċjalment tad-dgħajfin,
ikunu rrispettati. Sultana tal-Irlanda, Marija, Omm il-Knisja ċelesti u tad-dinja,
Máthair Dé, żomm l-Irlanda fidila għat-tradizzjonijiet spiritwali tagħha u
għall-wirt nisrani tagħha. Għinha twieġeb għall-missjoni storika tagħha li
twassal id-dawl ta’ Kristu lin-Nazzjonijiet u hekk, waqt li taħdem għall-glorja
ta’ Alla, tkun l-unur tal-Irlanda..
O Omm. Nistgħu nibqgħu
siekta dwar dak li nsibu l-iktar li jinkwetana, li jħallina bosta drabi
skuraġġjati? B’mod partikolari nafdawlek din il-ferita kbira li issa taffettwa
lill-poplu tagħna, fit-tama li jdejk ikollhom il-ħila jikkurawha u jfejquha.
Ilkoll interessati f’dawk l-erwieħ żgħażagħ li kienu mdaħħlin f’dawk l-atti
mdemma ta’ vendetta u ta’ mibegħda. Omm, la tabbandunax lil dawn il-qlub
żgħażagħ. Omm, kun magħhom fis-sigħat l-iktar mudlama, meta ma nkunux nistgħu la
nwissuhom u linqas nassistuhom. Omm, ipproteġina lkoll u b’mod speċjali
liż-żgħażagħ Irlandiżi milli jkunu mkaxkra mill-ostilità u l-mibegħda. Għallimna
niddistingwu b’mod ċar dak li jiġi mill-imħabba għall-Pajjiżna minn dak li
jwassal il-marka tal-qerda u l-marka ta’ Kajjin. Agħmel li nifhmu li l-mezzi
krudili ma jistgħu qatt iwasslu għal tmiem tajjeb, li kull ħajja umana hija
sagra, li l-assassinju huwa assassanju, ftit jimporta xi jkun il-mottiv jew
l-iskop. Salva lill-oħrajn, dawk li jassistu għal ġrajjiet terribbli, minn
periklu ieħor: dak li jgħixu ħajja nieqsa mill-ideali nsara jew f’konflitt
mal-prinċipji tal-moralità.
Jalla widnejna
jisimgħu biċ-ċarezza kollha leħnek matern: “Agħmlu dak li Ibni jgħidilkom”,
Għinna nipperseveraw ma’ Kristu; għinna, o Omm il-Knisja, wkoll biex nibnu
l-Ġisem tiegħu Mistiku, waqt li ngħixu dik il-ħajja li huwa biss jaf jagħtina
mill-milja tiegħu, u li hija fl-istess ħin divina u umana”.
Miġjub
mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb
|