Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II
...
PELLEGRINAĠĠ
APOSTOLIKU FIT-TURKIJA
QUDDIESA FIL-KATIDRAL
TAL-ISPIRTU SANTU F’ISTANBUL
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis, 29 ta’ Novembru
1979
Għeżież ħuti fil-Mulej.
“Il-paċi lil ħuti u l-karità u
l-fidi min-naħa ta’ Alla l-Missier u tal-Mulej Ġesù Kristu” (cf. Ef 6,23).
Dan l-awgurju tal-Appostlu Pawlu lill-insara ta’ Efesu huwa l-istess li
nindirizzalkom.
Nindirizza minnufih lill-Patriarka
ekumeniku, il-Qdusija Tiegħu Dimitrios I, u lill-Patriarka Armen, il-Bejatitudni
Tiegħu Shnorhk Kalustian, meqjuma ħuti, li riedu jingħaqdu f’din
iċ-ċelebrazzjoni u hekk jonoraw lilna u lill-komunità lokali kollha.
Nesprimilhom il-gratitudni profonda tiegħi.
1. Insellmilkom b’mod kordjali,
ħuti u wlied il-Knisja Kattolika, isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi irġiel u nisa,
fidili lajċi. Li tappartienu lid-diversi komunitajiet u lid-diversi riti
kattoliċi tall-belt. Insellem ukoll, permezz tagħkom, lill-kattoliċi kollha ta’
dan il-Pajjiż kbir. Niżżikom ħajr għal-laqgħa tagħkom ta’ ħbiberija u filjali,
kif ukoll għall-ferħ li qegħdin tatuni. Irrid ugwalment nindirizza
ir-ringrazzjamenti ħajjin tiegħi lil dawk kollha li għamlu possibbli dan
il-vjaġġ u, b’mod partikolari, lill-Awtoritajiet ta’ dan il-Pajjiż, li laqgħuni
b’tant kortesija. Il-laqgħa tiegħi magħkom, ħuti fil-Mulej, timlieni b’ferħ
immens. Napprezza l-preżenza attiva tagħkom f’din il-belt storika, splendida,
għanja b’tant xhieda nisranija ammirevoli. U kif tistà tinsa li l-punti
essenzjali tal-fidi tagħna sabu l-formulazzjoni dommatika fil-Konċilji ekumeniċi
miżmuma f’din il-belt jew fil-bliet viċini, li isimhom iġibu l-isem: Niċea,
Kostantinopli, Efesu, Kalċedonja? Kif tistà ma tfakkarx b’emozzjoni s-Santi
Padri tal-Knejjes tal-Orjent, Rgħajja u Dutturi, mwielda f’dan ir-reġġjun jew li
eżerċitaw apostolat inkomparabbli, waqt li ħallewlna kitbiet imdawla li llum
huma ikel u referenza għall-Knisja kollha, fil-Punent kif ukoll fil-Lvant?
Naħseb b’mod speċjali f’San Ġwann Krisostmu, Isqof ta’ Kostantinopli, li
l-kuraġġ tiegħu, iċ-ċarezza, il-profondità, l-elokwenza għamluh il-mudell
tar-ragħaj u tal-predikatur. Naħseb dwar din il-ħajja kollha kontemplattiva li
ffjorixxiet hawnhekk matul is-sekli, għall-iskola tal-għalliema spiritwali,
naħseb fil-fedeltà fil-fidi permezz ta’ tant provi. Għeżież ħuti rġiel u nisa,
illum tirtu b’xi mod dan it-teżor u dawn l-eżempji li għandhom jiffjorixxu
f’ruħkom. Jien kuntent narakom tipprofessaw din il-fidi b’konvinzjoni,
b’perseveranza, bi spirtu ta’ sagrifiċċju. Fid-diversi oqsma u b’diversi modi,
intom tirrendu servizz apprezzat lill-Knisja u lil dan il-Pajjiż. Kemm jekk
toperaw b’mod dirett fil-qasam ekkleżjali kif ukoll jekk intom impenjati
f’attivitajiet kulturali iktar ġenerali, jew fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ, jew
fl-opri ta’ karità, tridu tesprimu l-fidi tagħkom waqt li dejjem taqdu
lill-bniedem, maħluq xbiha u xebħ ta’ Alla (cf. Ġen 1,26-27), u waqt li
tikkontribwixxu biex tibnu l-Knisja ta’ Alla, mibnija fuq is-sies tal-Appostli u
fuq il-ġebla tax-xewka li huwa Kristu (cf. Ef 2,20).
2. Ħuti, xtaqt niċċelebra magħkom
din il-liturġija, b’mod speċjali f’din iċ-ċirkustanza ferrieħa tal-festa
tal-Appostlu Sant’Andrea. Andrea kien imsejjaħ l-ewwel wieħed biex isegwi lil
Ġesù. “Ejja u ara” kien qallu l-Mulej (Ġw 1,39). U Andrea telaq warajh,
segwieh u għammar “għandu dakinhar”. U mhux biss “dakinhar”; segwieh tul ħajtu
kollha; rah iwettaq il-mirakli, ifejjaq il-morda, jaħfer id-dnubiet, jagħti
d-dawl lill-għomja, iqajjem il-mejtin; sar jaf bil-passjoni doloruża tiegħu u
b’mewtu, u rah irxuxtat. U kompla jemmen fih, sax-xhieda finali tal-martirju.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’
qaddis tfakkarna fil-vokazzjoni partikolari tagħna għall-qdusija. San Pietru, ħu
Andrea, ifakkarna b’mod stimolanti fl-ittra tiegħu miktuba appuntu lill-insara
tal-Asja Minuri: “Bi xbiha tal-Qaddis li sejħilkom, siru qaddisin intom ukoll
fil-kondotta kollha tagħkom” (1Pt 1,15).
Il-vokazzjoni nisranija hija
sublimi u esiġenti, u tkun irrejalizzabbli għalina kemm-il darba l-Ispirtu ta’
Alla ma jtiniex id-dawl biex nifhmu u l-qawwa meħtieġa biex naġixxu. Imma Kristu
assigurana wkoll dwar l-għajnuna tiegħu: “Hawn, jiena magħkom il-jiem kollha, sa
tmiem id-dinja” (Mt 28,20).
Iva, il-vokazzjoni nisranija hija
vokazzjoni għall-perfezzjoni, biex nibnu l-ġisem ta’ Kristu “sakemm naslu lkoll
għall-għaqda tal-fidi u tal-għarfien ta’ Bin Alla, għall-istat ta’ bniedem
perfett, fil-qies li jixraq lill-maturità sħiħa ta’ Kristu” (Ef 4,13).
Sħaħ fil-fidi, nistgħu nikbru bil-modi kollha “waqt li ngħixu skont il-verità
fil-karità” (Ef 4,15).
3. Nifirxu issa l-meditazzjoni
tagħna għall-misteru tal-Knisja. Sant’Andrea, l-ewwel imsejjaħ, Patrun
tal-Knisja ta’ Kostantinopli, u ħu San Pietru, il-mexxej tal-Appostli, fundatur
flimkien ma’ San Pawl tal-Knisja ta’ Ruma u l-ewwel Isqof tagħha. Minn banda,
dan il-fatt ifakkarna d-dramm tal-kristjaneżmu. Il-firda bejn il-Lvant u
l-Punent, imma jfakkarna wkoll r-realtà profonda tal-komujoni eżistenti,
minkejja kull differenza, bejn iż-żewġ Knejjes.
Kemm imissna niżżu ħajr lill-Mulej
li wassal biex iqumu, ma’ tul l-aħħar għaxriet ta’ snin, pijunieri mdawla u
bennejja nstankabbli tal-għaqda, bħall-Patrijarka Athenagoras, ta’ tifkira
meqjuma, u l-predeċessuri kbar tiegħi. Papa Ġwanni XXIII – li tiegħu din
il-belt u din il-Knisja jippriservaw b’unur it-tifkira – u Papa Pawlu VI li ġie
hawn biex jiltaqà magħkom qabli! L-azzjoni tagħhom kienet fertili għall-ħajja
tal-Knisja u għar-riċerka tal-għaqda sħiħa bejn il-Knejjes tagħna, li jistrieħu
fuq l-unika ġebla tax-xewka li hi Kristu u huma mibnija fuq is-sies
tal-Appostli, Il-kuntatti dejjem iktar intensi ta’ dawn l-aħħar snin wasslu biex
nerġgħu niskopru l-fraternità bejn iż-żewġ Knejjes tagħna u r-realtà ta’
komunjoni waħda, ukoll jekk mhix perfetta, bejniethom. L-Ispirtu ta’ Alla wriena
wkoll b’mod dejjem iktar ċar l-esiġenza li jimponielna li nwettqu l-għaqda sħiħa
biex nirrendu xhieda iktar effikaċi għal żmienna.
Iż-żjara tiegħi lill-Patrijarka
ekumeniku u l-pellegrinbaġġ tiegħi f’Efesu, fejn Marija kienet ipproklamata
“Theotokos”, Omm Alla, għandha bħala skop li taqdi – safejn nistà u safejn
jippermetti dan il-Mulej – din il-kawża qaddisa. Niżżi ħajr lill-Providenza li
mexxiet il-passi tiegħi sa dan il-post.
Ninsabu lejlet il-ftuħ tad-djalogu
tejoloġiku bejn il-Knisja kattolika u l-Knisja Ortodossa fit-totalità tiegħu.
Din hija fażi oħra mportanti tal-proċess lejn l-għaqda. Dan id-djalogu se jkun
imsejjaħ, nibdew minn dak li għandna komuni, biex jidentifika, jaffronta u
jsolvi d-diffikultajiet kollha li għadhom iżommu lura l-għaqda sħiħa. Għada se
nkun preżenti għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta’ Sant’Andrea fil-knisja
tal-Patrijarkat ekumeniku. Ma nistgħux nikkonċelebraw. Hawn hu s-sinjal doloruż
tal-ħsara kkawżata mill-firda fil-Knisja unika ta’ Kristu. Imma, grazzi lil
Alla, niċċelebraw issa flimkien, minn xi snin, il-festa tal-patruni tal-Knejjes
tagħna, bħala rahan u rieda effettiva tal-konċelebrazzjoni sħiħa: f’Ruma
niċċelebraw l-festa tal-Qaddisin Pietru u Pawlu fil-preżenza ta’ delegazzjoni
ortodossa, u fil-Patriarkat ekumeniku tkun iċċelebrata l-festa ta’ Sant’Andrea
ma’ preżenza kattolika.
Il-komunjoni fit-talb se tmexxina
lejn il-komunjoni sħiħa fl-Ewkaristija. Nissogra nittama li dan il-jun huwa
fil-qrib. Personalment, dan nawgurah viċin tassew. Forsi mhux diġa għandna
komuni l-istess fidi ewkaristika u d-diversi sagramenti, bis-saħħa
tas-suċċessjoni apostolika? Ejjew nawguraw li l-komunjoni totali tagħna fil-fidi,
b’mod speċjali fil-qasam ekkleżjoloġiku, tippermetti mill-iktar fis din
il-“communicatio in sacris” sħiħa. Diġa il-Predeċessur meqjum tiegħi, il-Papa
Pawlu VI, kien xtaq jara dan il-jum. Bħall-Patrijarka Athenagoras I: u hekk kien
esprima ruħu meta tkellem dwar dan tal-aħħar dlonk wara mewtu: “Huwa kien dejjem
jiġbor fil-qosor is-sentimenti tiegħu f’tama waħda u suprema: dik li jkun jistà
“jixrob fl-istess kalċi” magħna, jiġifieri li jkun jistà jiċċelebra flimkien is-sagrifiċċju
ewkaristiku, sinteżi u kuruna tal-identifikazzjoni ekkleżjali komuni ma’ Kristu.
Aħna wkoll tant xtaqnieh dan! Issa din ix-xewqa mhix mitmuma trid tibqà l-wirt
tiegħu u l-impenn tagħna” (Pawlu VI, Angelus, 19 ta’ Lulju 1972). Waqt li
min-naħa tiegħi nerġà naqbad tali wirt, naqsam b’mod imħeġġeġ din ix-xewqa, li
ż-żmien u l-progressi fl-għaqda ma jagħmlu xejn għajr iħeġġu mill-ġdid.
4. Naf li intom ukoll, kattoliċi
ta’ din il-belt u tat-Turkija kollha, intom konxji tal-importanza li għandha r-riċerka
tal-għaqda sħiħa fost l-insara. Naf li titolbu u taħdmu f’dan is-sens u li
għandkom kuntatti fraterni mal-Knisja ortodossa u mal-knejjes insara l-oħra ta’
beltkom u ta’ Pajjiżkom. Jiena tassew rikonoxxenti lejkom. Naf ukoll li tfittxu
rapport ta’ ħbiberija mal-oħrajn li jemmnu li jsejħu u jqimu l-isem tal-Alla
uniku, u li intom ċittadini attivi u lejali ta’ dan il-Pajjiż fejn intom
minoranza. Għal dan ninkuraġġikom b’qalbi kollha.
Jalla Alla jberikkom! Jalla
jbierek il-komunitajiet tagħkom, il-familji tagħkom, il-persuni tagħkom, b’mod
speċjali dawk li qegħdin ibatu u li għalihom għandi intenzjoni partikolari. U
jalla jtikom dak kollu li jkollkom bżonn biex tirrendulu, fil-ħajja, xhieda
dejjem iktar fidila.
5. U issa, għeżież ħuti,
nistedinkom biex titolbu b’ħeġġa, matul dan is-sagrifiċċju ewkaristiku,
għall-komunjoni sħiħa tal-Knejjes tagħna. Il-progress tal-għaqda jissejjes fuq
l-isforzi tagħna, fuq ir-riċerki tejoloġiċi tagħna, fuq it-tentattivi ripetuti
tagħna, u b’mod speċjali fuq il-karità mutwa tagħna: imma fl-istess ħin hija
grazzja tal-Mulej.
Ejjew nitolbuh b’ħerqa kbira li
jwitti l-ostakli li ttardjaw sallum il-mixja lejn l-għaqda sħiħa. Ejjew nitolbuh
bil-ħerqa biex jagħti, lil dawk kollha li jikkollaboraw għar-rijavviċinament, l-Ispirtu
Santu tiegħu li jiggwidahom lejn il-verità sħiħa, ikabbar lilhom il-karità,
jirrendihom bla sabar li jilħqu l-għaqda. Itolbuh sabiex aħna, rgħajja
tal-Knejjes-aħwa, inkunu l-aħjar strumenti tal-pjan tiegħu, aħna li l-Providenza
għażlitna, f’din is-siegħa tal-istorja, biex inmexxu dawn il-Knejjes, jiġifieri
biex naqdu kif irid il-Mulej, u hekk naqdu l-unika Knisja li hija Ġismu. Tul
il-kors tat-tieni millenju, il-Knejjes tagħna donnhom bħal sabu posthom
fil-firda tagħhom. Hawn li t-tielet millenju tal-Kristjaneżmu jinsab fuq l-għatba.
Jalla s-sebħ ta’ dan il-millenju ġdid jisbaħ fuq Knisja li reġgħet sabet l-għaqda
sħiħa, biex tixhed aħjar, f’nofs it-tensjonijiet ħorox tad-dinja, l-imħabba
traxxendenti ta’ Alla, murija fl-Iben Ġesù Kristu.
Alla biss jaf iż-żminijiet u
l-waqtiet. Min-naħa tagħna, nishru u nitolbu, bit-tama, mal-Verġni Marija, l-Omm
ta’ Alla, li qatt ma taqtà tishar fuq il-Knisja ta’ Binha, bħal ma sahret fuq
l-Appostli. Amen.
Miġjub mit-Taljan
għall-Malti minn Emanuel Zarb
|