Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

QUDDIESA GĦALL-KONGREGAZZJONI
TAL-LEĠĠJUNARJI TA’ KRISTU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II 

Il-Ħamis, 28 ta’Ġunju 1979

 

Maħbubin uliedi Leġgjonarji ta’ Kristu.

Fil-jum li fih il-liturġija tfakkar il-festa ta’ figura ekkleżjali kbira, Sant-Irinew, ningħaqdu quddiem din il-grotta ta’ Lourdes, qrib l-altar tal-Mulej, biex noffrulu mal-Ewkaristija it-tribut tal-azzjoni tal-grazzja tagħna, tat-tifħir supplikanti tagħna u tal-fidi mġedda.

Waqt li naf minn fejn ġejjin bosta minnkom, il-Papa ma jistax jonqos li jiftakar u jgħix tant waqtiet indimentikabbli mgħoddija f’art twelidkom oriġinarja, il-Messiku; l-entużjażmu tagħkom iġeddidli d-diwi ta’ dawk il-moltitudnijiet viċini mimlijin imħabba u akklamanti.

Waqt li nikkontempla quddiemi il-membri tant numerużi tal-familja reliġjuża tagħkom, akkumpanjati mill-fundatur tagħkom, jiġu quddiem għajnejja l-kliem tal-Ġenesi, li għadna kemm qrajna fl-ewwel qari ta’ din il-quddiesa. Dan jitkellem dwar l-assistenza divina li timmultiplika d-dixxendenza bil-favur tal-barka tagħha. Kienet ukoll il-barka tal-Mulej, dik li ġegħlet titrabba b’mod fertili dik il-fundazzjoni tas-sena mhux imbegħda tal-1941, u li, waqt li rċeviet id-digriet tal-eloġju erbatax-il sena biss ilu, tgħodd illum iktar minn 130 saċerdot u kważi 700 membru, imqassmin f’diversi djar u nazzjonijiet, diġa joperaw, jew qegħdin iħejju ruħhom, biex ixerrdu r-renju ta’ Kristu fis-soċjetà, permezz ta’ forom diversi ta’ apostolat speċifiku.

Intom, għeżież uliedi, familja reliġjuża żagħżugħa, li qiegħda tfittex dinamiżmu krexxenti, biex toffri lill-Knisja kontribut ġdid ta’ enerġiji ħajjin, fil-waqt attwali. Preċiżament għaliex naf dawn l-ideali tagħkom, leħni jrid jistedinkom, bl-aċċenti evanġeliċi li għadna kemm smajna, biex nimitaw lill-bniedem prudenti li bena daru fuq il-blat.

Għalikom li għandkom, bħala karattru speċifiku, l-ispiritwalità kristoċentrika, li tibnu fuq il-blat il-bini tagħkom individwali u komunitarju irrid ngħidilkom biex tikbru dejjem fl-għarfien sublimi ta' Kristu, waqt li tosservawh biex tagħġnu f'ħajjitkom il-messaġġ tiegħu, b’għeruqkom sewwa infilsati fil-fidi u fil-karità, biex tkunu kapaċi tieħdu ħsieb f’kull waqt l-interessi ta’ Kristu, B’dan il-mod tkunu tistgħu takkwistaw dik is-solidità interna li tisfida x-xita, ix-xmajjar u l-irjieħ (cf. Mt 7,25), biex tibnu s-saltna ta’ Alla fis-soċjetà attwali, fiż-żgħożija – li magħha spiss taħdmu – li tant għandha bżonn ċertezzi migħuxa, ta’ ċertezzi li jiġu minn fidi inalterabbli u mill-fiduċja fi Kristu. Il-Kristu ta’ Alla, li miet u rxoxta, magħmul bidu ta’ ħajja ġdida għalina, dejjem preżenti maġembna bħala garanzija ta’ rebħa quddiem l-avversitajiet.

Parti mportanti ta’ din is-solidità fil-ħajja tagħkom se tkun ukoll il-fedeltà sħiħa lejn il-Knisja u lejn il-Konċilju Vatikan II, mingħajr ebda żvijar ta’ kwalunkwè tip, imma koerenza perfetta ma’ dak li l-Mulej jitlobkom u l-Maġisteru jipproponi fil-waqt attwali.

F’din il-mixja, se tkun għalikom ta’ għajnuna kbira l-fedeltà mqawwija fil-konfronti ta’ dawn l-imħabbiet il-kbar li għandhom ikunu distintiv, fi qbil mal-vokazzjoni tagħkom, ta’ kull Leġġjunarju: imħabba lejn Kristu msallab u mħabba lejn il-Verġni. Jekk se tkunu fidili lejn dan il-programm meraviljuż, m’għandkomx għalfejn tibżgħu: il-bini spiritwali tagħkom jistrieħ fuq sisien sodi.

Sabiex iżżommu ruħkom fidili lejn dawn l-ideali, nixtieq infakkarkom biex spiss tirrikorru għat-talb. Dan hu l-uniku mod ta’ tiġdid tagħkom infuskom intern, biex tiksbu dawl ġdid li jiddirieġi l-passi tagħkom, li jserraħ d-dgħufija personali fuq il-qawwa u s-solidità tal-poter divin. F’kelma waħda biex iżomm żgħożija perenni ta’ l-ispirtu, fid-disponibiltà lejn Alla u l-oħrajn.

Hekk biss tistgħu tgħixu fil-milja tagħha l-allegrija sbokkanti tal-vokazzjoni tagħkom ta’ magħżulin għas-servizz tal-Kristui u tal-Knisja. Allegrija li hija xhieda tal-preżenza tal-Mulej, u li titħeġġeġ fid-don ġeneruż lil ħuk. Din hija x-xewqa li nħallilkom, waqt li ngħidha bil-kliem tal-liturġija tallum: “Mulej, ftakar fija meta turi tjubitek għall-poplu tiegħek; ejja għandi meta tagħti l-fidwa, għaliex jien naf il-ferħ tal-magħżulin tiegħek, ifraħ bil-ferħ tal-poplu tiegħek u tir bil-ferħ bil-wirt tiegħek”.

Kelma waħda biex nikkonkludi. Naf li fostkom hawn iż-żgħażagħ li matul il-waqfa tiegħi fil-Messiku offrew il-kollaborazzjoni ġeneruża u entużjastika tagħhom fid-Delegazzjoni apostolika.

Tasal lilhom ix-xhieda tal-apprezzament profond tiegħi u tal-gratitudni tiegħi. Dawn huma l-istess sentimenti li nestendi wkoll. Lill-preżenza ta’ ħuthom bniet tal-Kongregazzjoni residenti f’Ruma, lir-Reliġjużi Klarissi tas-Santissmu Sagrament li tant kienu ġenerużi fil-Belt tal-Messiku waqt iż-żjara tuegħi fl-istess Rappreżentanza Pontifiċja.

U issa, inressqu fuq l-altar tal-Mulej dawn l-intenzjonijiet kollha tagħna.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb