Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

SOLLENNITÀ TA’ SIDNA ĠESÙ KRISTU SULTAN TAL-UNIVERS

ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA
MAL-LAJĊI TA’ RUMA IMPENJATI FL-APOSTOLAT

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 25 ta’ Novembru 1979

 

1. Illum il-Bażilika ta’ San Pietru tidwi bil-liturġija ta’ sollennità mhux tas-soltu. Fil-kalendarju liturġiku post-konċiljari is-sollennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Univers ġiet marbuta mal-aħħar Ħadd tas-sena ekkleżjastika. U huwa sewwa hekk. Infatti l-verità tal-fidi li rridu nuru, il-misteru li rridu ngħixu jiġbru, f’ċertu sens, kull dimensjoni tal-istorja, kull stadju taż-żmien uman u jiftħu, flimkien, il-prospettiva ta’ “sema ġdid u ta’ art ġdida” (Ap 21,1), il-prospettiva ta’ saltna, li “mhijiex ta din id-dinja” (Ġw 18,36). Huwa possibbli li dan jiftiehem b’mod żbaljat is-sinifikat tal-kliem dwar is-“Saltna”, ippronunzjat minn Kristu quddiem Pilatu, dwar saltna jiġifieri li mhijiex ta’ din id-dinja, Bdanakollu l-kuntest singulari tal-ġrajja, li fil-qasam tagħha ġie ppronunzjat, ma jippermettix li ma nifhmuhx hekk. Ikollna nammettu li s-saltna ta’ Kristu, li grazzi għaliha jinfetħu quddiem il-bniedem il-prospettivi extraterrestri, il-prospettivi tal-eternità (Ġw 18,37), tifforma ruħha fid-dinja u fit-temporalità. Hija, mela, tifforma ruħha fil-bniedem stess permezz “tax-xhieda għall-verità” li Kristu rrenda f’dak il-waqt drammatiku tal-Missjoni tiegħu messjanika: quddiem Pilatu, quddiem il-mewt fuq is-salib, mitluba lill-imħallef mill-akkużaturi tiegħu, Hekk mela l-attenzjoni tagħna għandha tinġibed mhux biss mill-waqt liturġiku tas-sollennità tallum, imma wkoll mis-sintesi sorprendenti ta’ verità, li din is-sollennità tesprimi u tipproklama. Għalhekk jiena ppermettejt lili nnifsi, flimkien mal-Kardinal Vigarju ta’ Ruma, li nistieden illum lil dawk li jappartienu lis-setturi varji tal-apostolat tal-lajċi tal-parroċċi kollha tal-Belt tagħna, dawk kollha jiġifieri li flimkien mal-Isqof ta’ Ruma u mar-rgħajja tal-erwieħ ta’ kull parroċċa jaċċettaw li jagħmlu tagħhom ix-xhieda ta’ Kristu Sultan u jfittxu li jagħmlu post għas-saltna tiegħu f’qalbhom u li jiddefenduh fost il-bnedmin.

2. Ġesù Kristu huwa “ix-xhud fidil” (cf. Ap 1,5), kif jgħid l-Awtur tal-Apokalissi. Huwa “x-xhud fidil” tas-sinjorija ta’ Alla fil-ħolqien u b’mod speċjali fl-istorja tal-bniedem. Infatti Alla fforma l-bniedem mill-bidu bħala ħallieq u fl-istess ħin bħala Missier. Huwa, mela, bħala Ħallieq u bħala Missier, huwa dejjem preżenti fl-istorja tiegħu. Huwa sar mhux biss il-bidu u t-tmiem tal-ħolqien kollu, imma sar ukoll il-Mulej tal-istorja u l-Alla tal-patt: “Jiena l-Alfa u l-Omega, jgħid il-Mulej Alla, Dak li hu, li kien u li se jiġi, l-Omnipotenti”” (Ap 1,8).

Ġesù Kristu – “xhud fidil” – ġie fid-dinja propju biex jagħti xhieda għal dan. Il-miġja tiegħu fiż-żmien! Kemm b’mod konkret u b’mod suġġestiv ħabbarha l-profeta Danjiel fil-viżjoni messjanika tiegħu, meta tkellem dwar il-miġja ta’ “iben il-bniedem” (Dn 7,13) u meta ddefinixxa d-dimensjoni spiritwali tas-saltna tiegħu b’dawn it-termini: “Tah qawwa, glorja u saltna; il-popli, in-nazzjonijiet u l-lingwi kollha jaqduh; il-qawwa tiegħu hija qawwa eterna, li qatt ma tgħaddi, u s-saltna tiegħu tkun tali li qatt ma tkun meqruda” (Dn 7,14). B’dan il-mod il-profeta Danjiel, wisq probabli fit-tieni seklu, ra s-saltna ta’ Kristu qabel ma hu ġie fid-dinja.

3. Dak li seħħ quddiem Pilatu il-Gimgħa qabel l-Għid jippermettilna li neħilsu l-immaġni profetika ta’ Danjiel minn kull assoċjazzjoni mhux korretta. Hekk hu infatti li l-istess “Bin il-Bniedem” iwieġeb għad-domanda magħmula lilu mill-gvernatur Ruman. Din it-tweġiba ddoqq hekk: “Is-saltna tiegħi mhix ta’ din id-dinja; li kieku s-saltna tiegħi kienet ta’ din id-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jissieltu sabiex ma nkunx mogħti f’idejn il-Lhud; imma s-saltna tiegħi mhix ta’ hawn isfel”(Gv 18,36).

Pilatu, rappreżentant tal-poter eżerċitat f’isem tal-potenti Ruma fuq it-territorju tal-Palestina, il-bniedem li jaħseb skont kategoriji temporali u politiċi, ma jifhimx tali tweġiba. Allura jistaqsi għat-tieni darba: “Mela allura inti sultan?”  (Ġw 18,37).

Ukoll Kristu jwieġeb għat-tieni darba. Kif fl-ewwel darba spjega f’liema sens huwa mhuwiex sultan, hekk issa, biex iwieġeb pjenament għad-domanda ta’ Pilatu u fl-istess ħin għad-domanda tal-istorja kollha tal-umanità, tas-slaten u tal-politiċi kollha, iwieġeb hekk: Jiena sultan. Għal dan twelidt u għal dan ġejt fid-dinja: biex nagħti xhieda lill-verità, Kull min iħobb il-verità, jismà leħni” (cf. Gv 18,37).

Din it-tweġiba, f’rabta ma’ tal-ewwel, tesprimi l-verità kollha ta’ saltnatu; il-verità kollha dwar Kristu-Sultan.

4. F’din il-verità huwa miġbur ukoll dak il-kliem ulterjuri tal-Apokalissi, li bih id-Dixxiplu maħbub ikompli, sa ċertu punt, fid-dawl tal-kollokwiju li kien sar nhar il-Ġimgħa l-Kbira fir-residenza Ġerosolmitana ta’ Pilatu, dak li, darba waħda, kien kiteb il-profeta Danjiel. San Ġwann jikteb: “Arawh, ġej fis-sħab (hekk kien diġa esprima ruħu) u l-għajnejn kollha jarawh; ukoll dawk li kienu nifduh…  Iva.  Amen!” (Ap 1,7).

Appuntu: Amen. Din il-kelma unika tissiġilla, biex ngħidu hekk, il-verità dwar Kristu-Sultan. Huwa mhuwiex biss “ix-xhud fidil”, imma wkoll “il-primoġenitu tal-mejtin” (Ap 1,5). U jekk inhu l-prinċep tal-art u ta’ dawk li ggvernawha (“il-prinċep tas-slaten tal-art” [Ap 1,5]) huwa minħabba f’hekk, speċjalment minħabba f’hekk, u b’mod definittiv minħabba f’hekk,għaliex “iħobbna u ħelisna minn dnubietna b’demmu, li għamel minna saltna ta’ saċerdoti għal Alla tiegħu u Missieru” (Ap 1,5-6).

5. Hawn hi d-definizzjoni sħiħa ta’ dik is-saltna. Hawn hi l-verità kollha dwar Kristu-Sultan. Iltqajna hawn illum f’din il-Bażilika biex naċċettw din il-verità mill-ġdid għal darb’oħra, bl-għajnejn tal-fidi miftuħin beraħ u bil-qalb lesta tagħti t-tweġiba, Ladarba din hi verità li tesiġi b’mod speċjali tweġiba. Mhux biss il-fehim. Mhux biss l-aċċettazzjoni min-naħa tal-intellett. Imma tweġiba li toħroġ mill-ħajja kollha.

Dik it-tweġiba kienet ippronunzjata b’mod splendidu, mill-Episkopat tal-Knisja kontemporanja fil-Konċilju Vatikan II.  Tiġi saħansitra, f’dan il-waqt, ix-xewqa li nestendi idi għal dawk it-testi tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium li jgħammxu bil-profondità sempliċi tal-verità, għat-testi mfawra bil-milja tal-“praxis” Nisranija miġbura fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes, u għal tant dokumenti oħra li jnisslu minn dawk fundamentali l-konklużjonijiet konkreti fid-diversi oqsma tal-ħajja ekkleżjali. Naħseb b’mod speċjali għad-digriet Apostolicam Actuositatem dwar l-apostolat tal-lajċi. Jekk xi ħaġa nitlob lill-lajkat ta’ Ruma u tad-dinja, hija li jżommu dejjem quddiem għajnejhom dawn id-dokumenti splendidi tat-tagħlim tal-Knisja kontemporanja. Dawn jiddefenixxu is-sens l-iktar profond li dak li jkun ikun nisrani. Dawn id-dokumenti jimmeritaw ferm iktar milli jkunu sempliċement studjati u mmeditati; jekk ma nfittxux fihom l-appoġġ, ikun kważi mpossibbli nifhmu u nirrejalizzaw il-vokazzjoni tagħna u, speċjalment, il-vokazzjoni tal-lajċi, il-kontribut partikolari tagħhom fil-kostruzzjoni ta’ din is-saltna, li, minkejja li mhix “ta’ din id-dinja”  (Ġw 18,36), madankollu teżisti hawn isfel, għaliex hija fina. U, b’mod partikolari, fikom, il-lajċi!

6. Kristu telà fuq is-salib bħala Sultan singolari: bħala x-xhud etern tal-verità. “Għal dan jien twelidt u għal dan ġejt fid-dinja: biex nagħti xhieda lill-verità” (Ġw 18,37). Din ix-xhieda hija l-kejl tal-opri tagħna. Il-kejl tal-ħajja. Il-verità li għaliha Kristu ta ħajtu – li kkonferma bil-qawmien mill-imwiet – hija s-sors fundamentali tad-dinjità tal-bniedem. Is-saltna ta’ Kristu tidher, kif jgħallem il-Konċilju, fir-“regalità” tal-bniedem. Hemm bżonn li nkunu nafu. F’dan id-dawl, nipparteċipaw f’kull sfera tal-ħajja kontemporanja u niffurmawha. Infatti ma jonqsux, fi żminijietna, il-proposti ndirizzati lill-bniedem, ma jonqsux il-programmi li jsejħu għall-ġid tiegħu. Inkunu nafu naqrawhom fid-dimensjoni tal-verità sħiħa dwar il-bniedem, tal-verità kkonfermata bil-kliem u bis-salib ta’ Kristu!

Inkunu nafu niddixxernawhom sewwa! Dak li jiddikjaraw jesprimi ruħu bil-kejl tal-vera dinjità tal-bniedem? Il-libertà li tipproklama taqdi r-regalità li jkun maħluq xbiha ta’ Alla, jew inkella għall-kuntrarju tħejji t-telf jew l-oppressjoni tagħha? Per eżempju: jaqdu l-vera libertà tal-bniedem jew jesprimu d-dinjità tiegħu l-infedeltà konjugali, ukoll jekk approvata mid-divorzju, jew in-nuqqas ta’ responsabiltà għall-ħajja kkonċepita, ukoll jekk it-teknika moderna tgħallem kif tiżbarazza ruħek minnha? Bla dubju l-permessiviżmu morali ma jibbażax ruħu fuq id-dinjità tal-bniedem u linqas jeduka l-bniedem għaliha.

Kif nistà, hawn, ma nsemmix, id-dijanjosi li tal-kuntest soċjo-reliġjuż tal-belt tagħna għamel is-Sinjur Kardinal Vigarju għal-laqgħa tagħkom tal-10 ta’ Novembru li għadda? Huwa indika t-“tbatijiet” ewlenin li jdejqu l-belt ta’ Ruma: l-insikurezza soċjali tal-familji għad-dar, ix-xogħol, l-edukazzjoni tal-ulied; l-iskunċertar spiritwali u soċjali tal-immigrati miż-żoni rurali; l-inkomunikabiltà bejn il-familji, li jgħixu fil-kondominji l-kbar bla ma jafu lil xulxin u mingħajr il-kuraġġ li juru solidarjetà; id-delinkwenza organizzata, b’mod partikolari għas-servizz tad-droga; il-vjolenza miġnuna u immotivata u t-terroriżmu politiku, li miegħu jiżdiedu il-manifestazzjonijiet multipli ta’ immoralità u ta’ irreliġjożità  fil-ħajja personali u soċjali.

Ta’ dawn il-problemi ġew individwati l-kawżi, fost l-oħrajn, fin-nuqqas ta’ nteress tal-problemi tal-edukazzjoni u tal-iskejjel mitluqa dejjem iktar f’idejn qawwiet minoritarji, imma disturbati bil-kbir; u fit-tifrik tal-familja, suġġetta għall-azzjoni korrotta minn fatturi ambjentali multipli u ta’ drawwa. L-għerq l-iktar profond tagħha jitqiegħed, iżda, kif qal is-Sinjur Kardinal, “fid-devalwazzjoni kostanti tal-persuna umana, tad-dinjità tagħha, tad-drittijiet u d-dmirijiet tagħha” u tas-sens reliġjuż u morali tal-ħajja. Il-Kardinali Vigarju ħeġġeġ ukoll minnkom ilkoll assunzjoni kuraġġuża ta’ responsabiltà, waqt li qiegħed quddiemkom diversi “prospettivi konkreti ta’ mpenn”, u eżattament: il-kostruzzjoni ta’ komunità nisranija vera kapaċi li tħabbar il-Vanġelu b’mod kredibbli; l-impenn kulturali ta’ riċerka u ta’ dixxerniment kritiku, b’fedeltà kostanti mal-Maġisteru, fir-rigward ta’ djalogu korrett bejn il-Knisja u d-dinja. L-impenn ta’ kontribut għaż-żieda tas-sens tar-responsabultà soċjali, waqt li jistimola fil-kleru u fil-fidili s-solidarjetà għall-ġid komuni kemm fil-Komunità ekkleżjali kif ukoll f’dik ċivili; l-impenn, fl-aħħarnett, fil-pastorali vokazzjonali, illum partikolarment urġenti, u f’dik tal-komunikazzjoni soċjali.

Hawn, ħuti għeżież, jinsabu quddiemkom diversi linji preċiżi ta’ azzjoni pastorali, li fuqhom kull wieħed u waħda huma mistiedna biex ikejlu lilhom infushom, f’aċċettazzjoni konsistenti u kuraġġuża għall-esiġenzi mposti mill-Magħmudija u mill-Griżma tal-Isqof u kkoffermati mis-sehem fl-Ewkaristija. Nitlob lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda li ma naħarbux mir-responsabiltajiet propji. Dan nitolbu fis-Sollennità liturġika ta’ Kristu Sultan.

Kristu, f’ċertu sens, jinsab dejjem quddiem it-tribunal tal-kuxjenzi umani, bħal ma darba sab ruħu quddiem it-tribunal ta’ Pilatu. Huwa jirrivelalna dejjem il-verità tas-saltna tiegħu. U dejjem jiltaqà, minn tant partijiet, mar-replika “Xinhi l-verità” (Ġw 18,38).

Għal dan huwa jkun mill-ġdid ferm qrib tagħna. Tkun is-saltna tiegħu dejjem iktar fina. Inpattulu bl-imħabba li għaliha sejħilna, u fih inħobbu dejjem iktar id-dinjità ta’ kull bniedem!

Allura inkunu tassew parteċipi tal-missjoni tiegħu. Insiru appostli tas-saltna tiegħu.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb