Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

ĠURNATA MISSJUNARJA MONDJALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II

Is-Sibt, 20 ta’ Ottubru 1979 

 

Għeżież Ħuti fil-Mulej!!
Għeżież Żgħażagħ!

B’ferħ kbir u profond nippresiedi l-Liturġija Ewkaristika, f’dan il-vġili tal-“Ġurnata Missjunarja Mondjali”, biex niltaqà magħkom ilkoll, fidili tad-dijoċesijiet ta’ Ruma; inħossni hekk b’mod iktar intimu marbut mhux biss mad-dijoċesijiet kollha tad-dinja f’din l-okkażjoni hekk important u sinifikattiva, imma fuq kollox mal-missjunarji rġiel u nisa mferrxin fid-diversi partijiet tad-dinja bil-ferħ u bit-tbatija jxandru lill-bnedmin il-Vanġelu tas-salvazzjoni.

Iva, għeżież, din hija okkażjoni mportanti ħafna għall-ħajja spiritwali tagħkom u għad-dijoċesi tagħna: hawn fiċ-ċentru tal-kristjanità, f’din il-Bażilika Vatikana nħossu d-diwi tal-Knisja universali, inħossu l-bżonnijiet tal-popli kollha, nieħdu sehem fl-ansjetajiet ta’ dawk kollha li b’fervur indefatikabbli jimxu f’isem Kristu, jixhdu, jxandru, jikkonvertu, jgħammdu, jistabilixxu komunitajiet insara ġodda.

Nimmeditaw fil-qosor, u flimkien infittxu, waqt li nsegwu l-qari tal-Liturġija, il-motivazzjoni, il-kondizzjoni u l-istrateġija tal-attività missjunarja tal-Knisja.

1. X’inhi l-ewwel motivazzjoni u l-aħħar ta’ din l-opra? Hawn hi l-ewwel mistoqsija. U t-tweġiba hija sempliċi u perentorja: il-Knisja hija missjunarja b’rieda espressa ta’ Alla.

Ġesù kellem bosta drabi lill-Appostli dwar ix-xogħol tagħhom, dwar il-missjoni tagħhom, dwar il-mottiv tal-għażla tagħhom: “Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqà” (Ġw 15,16).

Qabel ma jitlà s-sema Ġesù jagħti lill-Appostli, u permezz tagħhom lill-Knisja kollha, b’mod uffiċċjali u determinanti l-missjoni tal-evanġelizzazzjoni: “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw il-Vanġelu lil kull krejatura” (Mk 16,15). U l-Evanġelista jikteb: “Allura huma telqu u ppridkaw kullimkien” (Mk 16,20).

Minn dak il-waqt l-Appostli u d-dixxipli ta’ Kristu bdew iduru t-toroq tad-dinja, jegħlbu diffikultajiet u għejja, jiltaqgħu ma’ nies u tribujiet, popli u nazzjonijiet, u jbatu sa ma jagħtu ħajjithom, biex ixandru l-Vanġelu, għaliex hija r-rieda ta’ Alla, u fir-rigward ta’ Alla mhemmx għajr id-deċiżjoni tal-ubbidjenza u tal-imħabba.

San Pawl kien kiteb lid-dixxiplu tiegħu Timotju: “Alla jrid li l-bnedmin kolha jaslu għall-għarfien tal-verità u jkunu salvati” (1Tm 2,4).

U l-verità li ssalva hija biss Ġesù Kristu, ir-Redentur, il-Medjatur bejn Alla u l-bnedmin, ir-Rivelatur uniku u definittiv tad-destin soprannaturali tal-bniedem. Ġesù ta lill-Knisja l-missjoni li xxandar il-Vanġelu; f’din il-missjoni jieħu sehem kull nisrani. Kull nisrani huwa min-natura tiegħu missjunarju. Pawlu VI, ta’ meqjuma memorja, fl-Eżortazzjoni Apostolika   Evangelii Nuntiandi, kiteb: “Il-preżentazzjoni tal-messaġġ evanġeliku mhuwiex għall-Knisja kontribut fakoltattiv: huwa dmir afdat lilha b’mandat tal-Mulej Ġesù, sabiex il-bnedmin jistgħu jemmnu u jkunu salvati. Iva dan il-messaġġ huwa meħtieġ. Huwa uniku, Huwa nsostitwibbli. La jistħoqq indifferenza, linqas sinkretiżmi, linqas kompromessi. Hemm fin-nofs is-salvazzjoni tal-bnedmin. Dan jirrapreżenta s-sbuħija tar-Rivelazzjoni. Jinvolvi għaqal li mhux ta’ din id-dinja. Huwa kapaċi li jqanqal, għalih innifsu, il-fidi, fidi li tistrieħ fuq il-qawwa ta’ Alla. Huwa hu l-verità. Jistħoqqlu li l-appostlu jikkonsagralkom il-ħin kollu tiegħu, l-enerġiji kollha tiegħu u jissagrifika, jekk ikun meħtieġ, ħajtu” (Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 5). “L-Evanġelizzazzjoni hija l-grazzja u l-voksazzjoni tal-Knisja, l-identità l-iktar profonda tagħha. Hija teżisti biex tevanġelizza” (Ivi, 14).

Kultant xi wħud jiddikjaraw li ma tistax timponi l-Vanġelu, ma tistax tagħmel vjolenza għal-libertà reliġjuża, li anzi huwa inutli u illużorju xxandar il-Vanġelu lil dawk li diġa jappartienu lil Kristu b’mod anonimu minħabba l-onestà ta’ qalbhom. Diġa Pawlu VI b’mod hekk ċar kien wieġeb: “Ikun bla ebda dubju żball li timponi xi ħaġa fuq il-kuxjenza ta’ ħutna. Imma li tipproponi lil din il-kuxjenza l-verità evanġelika u s-salvazzjoni f’Ġesù Kristu b’ċarezza sħiħa u bl-ikbar rispett, għal din il-libertà tal-għażliet liberi li din tagħmel, bl-ebda mod ma jkun attentat fuq il-libertà reliġjuża, ikun qima għal din il-libertà, li lilha hija offruta l-għażla ta’ triq li l-istess dawk li ma jemmnux jistmaw nobbli u eċċitanti… Dan il-mod rispettuż li bih tipproponi lil Kristu u s-Saltna tiegħu, iktar minn dritt, huwa dmir, huwa dmir tal-evanġelizzatur. U huwa ugwalment dritt tal-bnedmin ħutu li jirċievu mingħandu l-aħbar tal-Bxara t-Tajba tas-salvazzjonoi” (Ivi, 80).

Dan huwa kliem tassew serju, imma fuq kollox illuminanti u inkuraġġanti, li jippreċiża mill-ġdid għal darb’oħra xinhi r-rieda pożittiva ta’ Alla u r-responsabiltà tagħna ta’ nsara.

2. Imma ejjew nagħmlu t-tieni mistoqsija: liema hija l-kondizzjoni essenzjali għall-opra missjunarja? Din hija l-għaqda fid-duttrina.

Hekk talab Ġesù qabel ma ħalla din id-dinja: “Ma nitlobx biss għal dawn, imma wkoll għal dawk li għall-kelma tagħhom se jemmnu fija; sabiex ilkoll ikunu ħaġa waħda. Kif int, Missier, inti fija u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll fina ħaġa waħda, sabiex id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17,20-21).

U San Pawl kien kiteb bil-ħerqa lid-dixxiplu Timotju: “Wieħed huwa Alla u wieħed il-medjatur bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu b’fidwa għal kulħadd” (1Tm 2,5-6). Infatti, jekk tonqos l-għaqda fil-fidi, min u liema ħaġa se titħabbar? Kif jistà wieħed ikun kredibbli, wisq iktar meta d-duttrina hija hekk misterjuża u l-morali hekk esiġenti? Id-differenzi u l-kuntrasti duttrinali joħolqu biss konfużjoni u fl-aħħar minn l-aħħar delużjoni

F’materja hekk essenzjali u delikata bħal mhu l-kontenut tal-Vanġelu, ma nistgħux inkunu mpertinenti, jew superfiċjali, jew possibilisti, billi nivvintaw tejoriji u billi nesponu ipoteżijiet. L-evanġelizzazzjoni għandu jkollha bħala karatteristika l-għaqda fil-fidi u fid-dixxiplina, u għalhekk l-imħabba tal-verità   .

Ejjew nimmeditaw l-kliem ekwilibrat u profond ta’ Pawlu VI: “Minn kull evanġelizzatur wieħed jistenna li jkollu l-kult tal-verità, ferm iktar li l-verità minnu approfondita u kkomunikata tkun il-verità rivelata u allura iktar minn kull parti oħra tal-verità primordjali, li hija Alla nnifsu. Il-predikatur tal-Vanġelu jkun mela dak li, ukoll akkost taċ-ċaħda personali u tat-tbatija, dejjem ifittex il-verità li għandu jittrażmetti lill-oħrajn. Huwa la jittradixxi u linqas qatt ma jaħbi l-verità għall-gost tal-bnedmin, biex jgħaġġeb jew jimpressjona, linqas għall-oriġinalità jew ix-xewqa biex jidher. Huwa ma jirrifjutax il-verità, ma jdellilx il-verità rivelata minħabba għass li jfittixha, għall-kumdità jew għall-biżà. Ma jittraskurax li jistudjaha; iserviha b’mod ġeneruż mingħajr ma jassarha” (Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 78).

Niżżu ħajr lil Pawlu VI għal dawn l-indikazzjonijiet hekk ċari, u fl-istess ħin ejjew nitolbu b’mod intensiv li ilkoll nistudjaw, nagħrfu, inxandru l-verità u l-verità biss, ġentili għall-Maġisteru awtentiku tal-Knisja, għaliex iċ-ċertezza u ċ-ċarezza huma l-kwalitajiet indispensabbli tal-evanġelizzazzjoni.

3. U fl-aħħarnett, hawn hi l-aħħar mistoqsija: liema hi l-istrateġija tal-opra missjunarja? Ukoll għal din il-mistoqsija it-tweġiba hija sempliċi: l-imħabba!

L-istrateġija unika u indispensabbli għall-opra missjunarja hija biss l-imħabba intima, personali, konvinta, tħeġġeġ għal Ġesù Kristu!

Niftakru l-esklamazzjoni ferrieħa ta’ Santa Tereża ta’ Lisieux: “Il-vokazzjoni tiegħi hija l-imħabba!... Fil-qalb tal-Knisja, Ommi, jien se nkun l-imħabba… hekk inkun kollox” (S. Teresa ta’ Lisieux, Man. B).

Hekk għandu jkun għalina lkoll!

L-imħabba hija bla biżà u qalbiena: Ġesù għadu mhux magħruf għal tliet kwarti tal-umanità! Il-Knisja għalhekk tinħtieġ ħafna missjunari, irġiel u nisa ħerqana biex ixandru l-Vanġelu! Intom ġuvintur u xebbiet: oqogħdu attenti għall-vuċi ta’ Alla li ssejjaħ! Ideali stupendi ta’ karità, ta’ ġenerożità, ta’ dedikazzjoni jinsabu quddiemkom u jistednukom! Il-ħajja hija sabiħa u kbira biss għaliex hija rregalata! Kunu qalbiena! Il-ferħ suprem jinsab fl-imħabba mingħajr pretensjonijiet, f’donazzjoni pura ta’ karità ma’ ħutna!

L-imħabba hija ġentili u kunfidenti fl-azzjoni tal-“grazzja”. Huwa l-Ispirtu Santu li jippenetra fl-erwieħ u jittrasforma l-popli. Immensi huma dejjem id-diffikultajiet, u b’mod partikolari llum il-fidili stess, involuti fl-istorja attwali, huma ttentati mill-ateiżmu, mis-sekulariżmu, mill-awtonomija morali. Hija għalhekk meħtieġa kunfidenza assoluta fl-opra tal-Ispirtu Santu (cf. Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 75). U għalhekk in-nisrani fl-opra missjunarja tiegħu huwa paċenzjuż u kuntent, ukoll jekk ikollu jiżrà fid-dmugħ, waqt li jaċċetta s-salib u jżomm l-ispirtu tal-Bejatitudni.

Fl-aħħarnett, l-imħabba hija nġenjuża u kostanti, waqt li teżerċita ruħha fid-diversi tipi ta’ apostolat missjunarju; apostolat tal-eżempju, tat-talb, tat-tbatija, tal-karità, waqt li tinqeda bl-inizjattivi u l-mezzi kollha proposti mill-Opri Missjunarji Pontifiċji, hekk ta’ min ifaħħarhom u hekk attivi f’Ruma u fid-dijoċeżijiet kollha.

4. Ma nistax bdanakollu ninsa xi sitwazzjonijiet ta’ fatt, li jirrendu iktar urġenti llum id-dmir missjunarju fil-Knisja kollha, u tagħna lkoll li niffurmawha. Qegħdin iseħħu diversi forom ta’ anti-evanġelizzazzjoni li jfittxu li jopponu b’mod radikali il-messaġġ ta’ Kristu: it-twarrib ta’ kull traxxendenza u ta’ kull responsabiltà ta’ wara l-mewt; l-awtonomija etika mifruda minn kull liġi morali naturali u rivelata; l-edoniżmu meqjus l-unika sistema sodisfaċenti tal-ħajja; u f’tant u tant insara,  dgħufija taż-żelu spiritwali, ċediment għall-mentalità mondana, aċċettazzjoni progressiva  tal-opinjonijiet żbaljati tal-laċiżmu u tal-immanentiżmu soċjali u politiku.

Ejjew inżommu preżenti l-għajta ta’ San Pawl: “Caritas Christi urget nos!” (2Kor 5,14). L-esklamazzjoni mħeġġa tal-Appostlu takkwista elokwenza speċjali u tiddetermina solleċitudni speċjali fiż-żminijiet tagħna. U l-imperattiv missjunarju li għandu jqanqal lill-insara kollha, id-dijoċesijiet, il-parroċċi, il-komunitajiet differenti: l-imħabba ta’ Kristu timbuttana biex nixhdu, biex inxandru, biex nipproklamaw il-Bxara t-Tajba, lil kulħadd u minkejja kollox!

Propju f’dawn iż-żminijiet għandkom tkunu xhieda u missjunarji tal-verità: La tibżgħux! L-imħabba ta’ Kristu għandha timbuttakom biex tkunu qawwija u deċiżi, għaliex “jekk Alla huwa magħna, min se jkun kontra tagħna?” (Rm 8,31). Infatti ħadd “ma jistà jifridna mill-imħabba ta’ Kristu” (Rm 8,35).

Imma rridu ndawru l-attenzjoni tagħna wkoll lejn dawk it-territorji u lejn dawk in-nazzjonijiet, fejn sfortunatament il-Vanġelu ma jistax ikun ppridkat, fejn l-attività missjunarja tal-Knisja hija pprojbita. Il-Knisja trid tħabbar biss il-ferħ tal-paternità divina, il-konsolazzjoni tal-fidwa mwettqa minn Kristu, il-fraternità tal-bnedmin kollha! Il-missjunarji jridu biss iħabbru l-paċi vera u ġusta, dik tal-imħabba ta’ Kristu u fi Kristu, ħuna u salvatur. Popli sħah qegħdin jistennew l-ilma ħaj tal-verità u tal-grazzja, u għandhom il-għatx! Nitolbu sabiex il-Kelma ta’ Alla tistà tiġri b’mod liberu u veloċi (Sal 147,15) lejn il-popli kollha tad-dinja.

5. Minħabba dan il-Knisja missjunarja għandha bżonn, l-ewwel nett, ta’ erwieħ nissjunarji fit-talb: ejjew inkunu qrib l-evanġelizzaturi bit-talb tagħna! B’mod speċjali għall-Missjonijiet għandna dejjem nitolbu, bla ma ngħejjew. Ejjew nitolbu qabel kollox permezz tal-Quddiesa Mqaddsa, waqt li ningħaqdu mas-saċerdozju ta’ Kristu għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha: l-Ewkaristija żżomm soda u żeluża l-fidi tal-insara!

Imma ejjew nitolbu wkoll b’perseveranza u b’fiduċja lil Marija Santissma, is-Sultana tal-Missjonijiet, sabiex tagħmel dejjem iżjed tinħass fil-fidili l-ansjetà tal-evanġelizzazzjoni u r-responsabiltà tax-xandir tal-Vanġelu. Ejjew nitolbuha b’mod speċjali bir-reċta tar Rużarju Mqaddes, biex hekk tilħaq u tgħin lil dawk li jaħdmu fost diffikultajiet u inkonvenjenzi biex jgħarrfu u jħobbu lil Ġesù!

Marija li kienet preżenti f’jum Għid il-Ħamsin (Pentekoste) għall-bidu tal-Knisja flimkien mal-Appostli, id-dixxipli u n-nisa twajba, tibqà dejjem preżenti fil-Knisja, hi, l-ewwel missjunarja, Omm u sapport ta’ dawk kollha li jxandru l-Vanġelu!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb