Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

 

‘ĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA
FIL-BAZILIKA TA’ SAN PAOLO FUORI LE MURA

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Il-Ħadd, 17 ta’ Diċembru 1978

 

1. Wara t-teħid tal-pussess tal-Bażilika ta’ San Ġwann fil-Lateran, li huwa l-katedra tal-Isqof ta’ Ruma, wara ż-żjara mqanqla fil-Bażilika ta’ Santa Marija Maġġore fl-Esquilino, fejn stajt, fil-bidu tal-pontifikat tiegħi, nesprimi l-fiduċja u l-abbandun totali tiegħi f’idejn Marija, Omm il-Knisja, illum ingħatali li niġi hawn.

Il-Bażilika ta’ San Pawl barra l-Ħitan tal-Belt – wieħed mill-erbà tempji mportanti tal-Belt Eterna – tqanqal ħsibijiet u sentimenti partikolari fil-qalb ta’ dak li, bħala Isqof ta’ Ruma, sar is-Suċċessur ta’ San Pietru. Il-vokazzjoni ta’ Pietru – unika bir- rieda tal-istess Kristu – hija marbuta b’rabta singolari mal-persuna ta’ Pawlu ta’ Tarsu. It-tnejn, Pietru u Pawlu, sabu ruħhom Ruma fi tmiem il-pellegrinaġġ terren tagħhom; it-tnejn ġew hawn għall-istess għan: li jagħtu xhieda lil Kristu. It-tnejn għall-istess kawża ġarrbu l-mewt u, bħal ma tirrakkonta t-tradizzjoni, dan seħħ fl-istess jum. It-tnejn li huma jikkostitwixxu s-sisien ta’ din il-Knisja li ssejħilhom, waqt li flimkien tfakkarhom bħala Patruni tagħha. U għalkemm Ruma hija l-katedra ta’ Pietru, ilkoll nafu kemm b’mod profond fil-bidu ta’ din il-katedra, fis-sisien tagħha, hemm miktub Pawlu: il-konverżjoni tiegħu, il-persuna tiegħu, il-missjoni tiegħu.

Il-fatt li San Pietru sab ruħu Ruma, li ġie hawn minn Ġerusalem permezz ta’ Antijokja, li hawn wettaq il-mandat tiegħu pastorali, li hawn temm ħajtu, kien espressjoni ta’ dik l-universalità tal-Vanġelu, tal-kristjanità tal-Knisja, li tagħha San-Pawl kien sa mill-bidu nett, ħabbar deċiż u qalbieni. Fil-waqt tal-konverżjoni tiegħu minn persekutur, aħna nisimghu jidwi l-kliem: “huwa hu għalija strument magħżul biex iwassal ismi quddiem il-popli, quddiem is-slaten u l-ulied ta’ Iżrael” (At 9,15).

Ruma ma kinitx l-uniku skop tal-ħajja apostolika u tal-pellegrinaġġ ta’ Pawlu ta’ Tarsu.  Pjuttost nistgħu ngħidu li l-oġġettiv tiegħu kien l-universum tal-imperu Ruman ta’ dak iż-żmien (bħal ma jixhdu il-vjaġġi u l-ittri tiegħu), Ta’ dawn il-vjaġġi Ruma kienet l-aħħar stadju. Pawlu wasal hawn diġa bħala priġunier, mitfugħ il-ħabs minħabba l-kawża li għaliha kien iddedika lilu nnifsu totalment: il-kawża tal-universaliżmu, dik il-kawża li kienet tolqot il-bażi stess ta’ ċerta viżjoni rabbinika tal-Poplu Magħżul u tal-Messija tiegħu. Issuġġettat għal ħaqq propju minħabba din l-attività tiegħu, Pawlu kien appella bħala ċittadin Ruman għal Ċesare. “Int appellajt għal Ċesare, għand Ċesare tmur” (At 25,12). U hekk Pawlu sab ruħu Ruma bħala priġunier jistenna s-sentenza ta’ Ċesare. Sab ruħu hawn, meta il-prinċipju tal-universalità tal-Knisja, tal-Poplu ta’ Alla tal-patt il-ġdid kien diġa stabilixxa ruħu biżżejjed, u anzi kien ikkonsolida ruħu b’mod irriversibbli fil-ħajja tal-Knisja stess. U allura Pawlu li fil-bidu tal-missjoni tiegħu, wara l-konverżjoni, kien qies bħala dmir partikolari tiegħu “videre Petrum” (jara lil Pietru) setà jasal hawn Ruma biex mill-ġdid jiltaqà ma’ Pietru: hawn, f’din il-belt, li fiha l-iniversalità tal-Knisja sabet fil-katedra ta’ Pietru l-fortizza tagħha għal sekli u millenji.

Ftit li xejn huwa dak li għidt dwar Pawlu ta’ Tarsu, Appostlu tal-ġnus u qabbis kbir. Wieħed jistà u għandu jgħid ferm iktar, imma bi bżonn ikolli nillimita ruħi għal dawn l-aċċenni.

2. U issa jidhirli li huwa xieraq li nitkellem dwar dak il-Papa li għażel l-isem tal-Appostlu tal-ġnus: dwar Pawlu VI. Iċ-ċirkustanzi taż-żmien u tal-post jimbuttawni b’mod partikolari biex nitkellem dwaru. Imma, b’mod speċjali, din hija esiġenza tal-qalb, xewqa infatti biex nitkellem dwar dak li bi dritt tajjeb inqisu mhux biss Predeċessur tiegħi, imma propju bħala Missier. U mill-ġdid inħoss li nistà u għandi nitkellem fit-tul, imma hawn ukoll, minħabba t-tiranija tal-ħin, id-diskors tiegħi jeħtieġ li jkun qasir. Nixtieq niżżi ħajr lil dawk kollha li jonoraw it-tifkira ta’ dan il-Papa kbir. Nixtieq niżżi ħajr lill-kocittadini tiegħu ta’ Brescia għall-att sollenni riċenti ddedikat lit-tifkira tiegħu u nixtieq niżżi ħajr lill-Kardinal Pignedoli talli ħa sehem. Mhux darba biss se nerġgħu lura fuq dak li wettaq u fuq dak li huwa kien.

Għaliex għażel l-isem ta’ Pawlu? (wara bosta sekli dan l-isem reġà daħal fl-annwarju tal-Isqfijiet ta’ Ruma). Bla ebda dubju għaliex iltaqà ma’ qlubija partikolari mal-Appostlu tal-ġnus. Mill-bqija il-pontifikat ta’ Pawlu VI ma jixhidx forsi kemm huwa kien konxju b’mod profond, b’xebħ ma’ San Pawl, tas-sejħa l-ġdida ta’ Kristu għall-universaliżmu tal-Knisja u tal-kristjanità skont il-qies ta’ żminijietna? Ma kienx jewwilla jifli, b’penetrazzjoni straordinarja s-sinjali taż-żminijiet ta’ din l-epoka diffiċli, bħal ma għamel Pawlu ta’ Tarsu? Ma kienx iħoss lilu nnifsu msejjaħ, bħal dan l-Appostlu, biex iwassal il-Vanġelu sa trufijiet id-dinja? Ma kienx jewwilla jżomm, bħal San Pawl, il-paċi nterna wkoll meta “l-ġifen kien miknus fit-tempesta u ma kienx ikun jiflaħ iktar jirreżisti għar-riħ” (cf.At 27,15)? Pawlu VI, Qaddej tal-Qaddejja ta’Alla, Suċċessur ta’ Pietru, li kien għażel l-isem tal-Appostlu tal-ġnus, mal-isem kien wiret il-kariżma.

3. Bil-miġja tiegħi fil-Bażilika ta’ San Pawl nixtieq ningħaqad b’rabta ġdida ta’ mħabba u ta’ għaqda ekkleżjali mal-komunità tal-Patrijiet Benedittini, li ilhom sekli sħaħ jgħassu dan il-post fit-talb u fix-xogħol.

Barra minn dan nixtieq bħala l-Isqof il-ġdid ta’ Ruma nżur il-parroċċa li tagħha l-Bażilika ta’ San Pawl hija s-sede.

Din il-Bażilika antika u venerabbli, li tul is-sekli kienet dejjem destinazzjoni ta’ pellegrinaġġi u li barra l-ħitan ta’ Ruma, f’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin – minħabba l-iżvilupp urbanistiku tal-belt – saret parroċċa, b’dan il-mod saret iċ-ċentru tal-ħajja reliġjuża tal-abitanti ta’ dan is-settur.

U hekk hawn għandna tliet aspetti li, għalkemm distinti bejniethom, jikkostitwixxu daqstant uċuh tal-istess realtà: Abbazija, Bażilika, parroċċa, tliet entitajiet li b’mod reċipriku jitimgħu, waqt li jagħtu lill-fidili frott spiritwali abbundanti.

Waqt li mbagħad nestendi t-tislima tiegħi lill-assoċajazzjonijiet differenti li jikkollaboraw fuq il-pjan pastorali mal-parroċċa, insellem lill-katekisti, insellem b’imħabba paterna lir-reliġjużi, irġiel u nisa, li jiżvolġu l-attività tagħhom fil-qasam tal-parroċċa, b’intenzjoni partikolari għal dawk li joffru l-opra tagħhom lill-Oratorju Pontifiċju San Pawl, li jippromwovi azzjoni interparrokkjali favur iż-żgħażagħ. Lill-fidili kollha t-tislima kordjalissima tiegħi, il-barka tiegħi, l-inkoraġġiment tiegħi biex iħobbuha lill-parroċċa tagħhom. Fl-aħħarnett nindirizza ħsieb speċjali lil dawk li qegħdin ibatu, kemm minħabba li milquta mill-mard, kemm li jinsabu mħabbtin minħabba n-nuqqas ta’ xogħol, waqt li nassikurahom tifkira partikolari fit-talb tiegħi.

4. “Gaudete in Domino semper: iterum dico vobis, gaudete...”: “Ifirħu dejjem fil-Mulej: nirrepetilkom, ifirħu”. Dan il-kliem tal-liturġija tallum, jiġifieri tat-tielet Ħadd tal-Avvent, huwa meħud minn San Pawl. L-istess kliem kien imtenni minn Pawlu VI fl-eżortazzjoni ppublikata minnu dwar il-ferħ nisrani (cf. Pawlu VI, Gaudete in Domino: AAS 67 [1975] 289-322).

Jien magħkom ningħaqad illum b’qalbi kollha u ngħidilkom, għeżież ħuti, irġiel u nisa: “iterum dico vobis, gaudete”: “nirrepetilkom, ifirħu”!

“Dominus... prope est”: “Il-Mulej huwa fil-qrib”!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb