Aktar mill-Papa Ġwanni Pawlu II ...

ORDINAZZJONI EPISKOPALI TA’ MONSINJUR JOSEF TOMKO

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWAMMI PAWLU II

Is-Sibt, 15 ta’ Settembru 1979

 

Għeżież Ħuti!

1. Hawn hu ħuna Ġueppi, li l-Ispirtu Santu “jistabilixxi” (cf. Ef 4,11) llum bħala Isqof tal-Knisja; jinkludih permezz tas-servizz tiegħi fiċ-ċirku ta’ dan il-Kulleġġ li, bħala wirt tal-Appostli, jirċievi mhux niss s-sinjali ħajjin tal-Poplu kollu ta’ Alla, imma wkoll poter saċerdotali, maġisterjali u pastorali speċjali fil-konfront tal-oħrajn.

Dan huwa mument sollenni u mportanti mhux biss għall-isqof li jiġi kkonsagrat, imma għall-Knisja kollha. Ħuna Ġużeppi għandu jassumi l-pożizzjoni mportanti ta’ Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, mill-organu li, skont id-deċiżjoni tal-aħħar Konċilju, saret espressjoni partikolarment fruttusa u l-istrument tal-kolleġġjalità veskovili.

2. U hekk hu, f’dan il-waqt, bejn l-ordnat ġdid u Kristu ħaj fil-Knisja jiżvolġi djalogu singulari, li t-tliet stadji tiegħu jiġu traċċjati mill-qari tal-liturġija tal-Kelma.

Fl-ewwel stadju aħna xhieda ta’ dak li jgħid Dak li jafna eternament, Dak li jaf dak li hemm f’kull bniedem (cf. Ġw 2,25): “Qabel ma ffurmajtek fil-ġuf matern, kont nafek” (Ġer 1,4); u l-bniedem minnu msejjaħ, donnu jwieġeb: “Jaħasra, Mulej Alla, hawn, jien ma nafx nitkellem” (Ġer 1,6); min-naħa tiegħu, il-Mulej ta’ qalb umana jgħid: “Mur għand dawk li jien nibgħatek u ħabbrilhom dak li nordnalek… La tibżax minnhom: Jien miegħek u nipproteġik” (Ġer 1,7-8). Dan hu l-ewwel stadju.

3. Fit-tieni stadju jitkellem biss il-Mulej u l-imsejjaħ jismà. Il-Mulej, fid-diskors tiegħu, jesprimi l-esiġenzi bil-kliem tal-Appostlu Pawlu mill-ittra ra’ Timotju: “Infakkrek biex tkebbes mill-ġdid id-don ta’ Alla li hemm fik bl-impożizzjoni ta’ jdejja… sofri int ukoll flimkien miegħi għall-vanġelu, mgħejjun mill-qawwa ta’ Alla… (Kristu) rebaħ il-mewt u għamel il-ħajja tiddi u l-immortalità permezz tal-Vanġelu... Ħu bħala mudell kliemi li smajt mingħandi, bil-fidi u l-karità li huma f’Ġesù Kristu. Għasses id-depożitu tajjeb bl-għajnuna tal-Ispirtu Santu li jgħammar fik” (2 Tm 1,6-8.10.13).

Dan il-kliem jiġi mingħand Pawlu li ndirizzah lil Timotju. Fih tinġabar espressjoni splendida tas-suċċessjoni apostolika. Il-konsagrazzjoni veskovili, li llum jirċievi minn idejn Ġwanni Pawlu, Isqof ta’ Ruma, ħuna Ġużeppi, jifforma parti minnha u huwa ħolqa ġdida.

4. U fl-aħħarnett it-tielet stadju. Fil-Vanġelu jitkellem Kristu nnifsu. Mal-esiġenzi espressi ftit li xejn iżid l-eżempju u l-mudell propju tiegħu. “Jiena r-Ragħaj it-Tajjeb. Ir-Ragħaj it-tajjeb joffri ħajtu għan-nagħaġ tiegħu… Jiena r-ragħaj it-tajjeb, nagħraf in-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħal ma l-Missier jagħraf lili u jien nagħraf lill-Missier” (Ġw 10,11.14-15).

Il-kliem ta’ Kristu jidwu b’diwi partikolari fir-ruħ ta’ kull wieħed li, flimkien mal-impożizzjoni tal-idejn, jirċievi l-uffiċċju pastorali, it-tħassib u r-responsabiltà. Propju b’din l-allegorija tiegħu, b’dan l-eżempju Kristu jobliga bl-iktar mod profond lil kull wieħed minna. Huwa jrid li aħna nkunu bħalu; ir-Ragħaj it-tajjeb.

Dawn huma t-tliet stadji tad-djalogu li, matul il-liturġija tallum, jiżvolġi ruħu bejn Kristu, ħaj fil-Knisja, u ħuna Ġużeppi, li jirċievi l-ordinazzjoni veskovili. Ikun diffiċli nżidu xi ħaġ’oħra ma’ dan il-kliem tal-Mulej. Huwa mimli għerf u b’imħabba suprema. Aħna lkoll li qegħdin nisimgħu, infittxu li nsostnu bit-talb lil ħuna, sabiex dan il-kliem isir il-programm ta’ ħajtu u l-kontenut tal-ministeru l-ġdid fil-Knisja.

Traduzzjoni mit-Taljan tal-parti tal-Omelija ppronunzjata bil-lingwa Slovakka

5. B’mod speċjali isostnuh illum bit-talb il-persuni l-iktar qrib tiegħu, b’mod speċjali l-ġenituri tiegħu, oħtu u l-kunjatu, u qraba oħra, li setgħu jiġu hawn minn art twelidhom is-Slovakkja, imbagħad il-konfratelli tiegħu fis-saċerdozju, il-pellegrini ta’ Kosice, Presov, Trnava u Bratislava, pellegrini oħra ġejjin mill-Ewropa kollha, u wkoll mill-Canada, mill-Istati Uniti u mill-Awstralja, kif ukoll dawk kollha li spiritwalment jingħaqdu magħna f’dan il-waqt importanti.

Il-ħsibijiet tiegħi, flimkien ma’ dawk tal-Isqof il-ġdid imorru, f’dan il-waqt, lejn dawk il-partijiet, li minnhom huwa ġej. Lejn il-ġnub tal-muntanji tan-nofsinhar tat-Tatra minn fejn mhuiex, Udavske, il-bejta natali tiegħu: il-Knisja minn fejn ġej u li fiha daħal permezz tal-Magħmudija u l-Griżma tal-Isqof, permezz tad-drawwiet insara tal-familja tiegħu, l-eżempju tal-ġenituri, il-ħbiberija tal-kontemporanji. Il-ħsibijiet tagħna jmorru wkoll lejn dik il-parroċċa fejn, f’nofs il-komunità nisranija, għamel l-ewwel passi u fejn, ba dubju, semà l-ewwel kliem tas-sejħa ta’ Kristu għas-saċerdozju.

Illum inħaddnu magħna b’mod partikolari, bit-tifkira u bl-imħabba, lill-pajjiż kollu u lin-nazzjon kollu għaliex illum huwa l-jum ta’ Marija Verġni Addolorata li fis-Slovakkja, propju f’dan il-jum hija meqjuma bħala l-Patruna ċelesti ewlenija. Waqt li kienet preżenti taħt is-salib, hija ngħaqdet bl-iktar mod sħiħ ma’ Binha, il-Feddej tagħna. Billi kienet preżenti taħt is-salib, hija tibqà għalina l-iktar mudell splendidu tal-qawwa materna meta, b’qawwa mhux imbeżżà tal-ispirtu, donna tirrepeti: “Hawn jien, il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni dak li għedtli” (Lq 1,38).  Billi kienet preżenti taħt is-salib, hija taċcetta bħala uliedha lil kull wieħed u waħda minna, hekk bħal ma aċċettat lil Ġwanni.

Hekk hija llum taċċetta wkoll lil dan l-iben tal-art Slovakka li fil-Kappella Sistina ġo Ruma jirċievi, minn idejn il-Papa, il-konsagrazzjoni veskovili. U qisha tgħid lill-ulied kollha maskili u femminili tal-imbegħda Slovakkja: Ibqgħu miegħi! Ibqgħu ma’ Kristu! Intom ulied l-imħabba suprema, li biha Alla nnifsu “tant ħabb lid-dinja li wasal biex jagħti l-iben uniġenitu tiegħu, biex kull min jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Gv 3,16).

Traduzzjoni Maltija tal-konklużjoni tal-Omelija ippronunzjata bil-lingwa Ċeka

Hawn ukoll konfratelli Boemi tal-Arċisqof il-ġdid, kollegi tal-istudju tiegħu fil-Kulleġġ Nepumucenu Pontifiċju, li wkoll jakkumpanjawh bit-talb tagħhom. Ukoll lill-għażiża nazzjon oħtna Ċeka tmur ukoll f’dan il-waqt it-tifkira tagħna lkoll u l-assikurazzjoni li hija dejjem qrib il-qalb tal-Papa

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb